32001L0056

Id-Direttiva 2001/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001 dwar is-sistemi li jsaħħnu tal-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE u tabroga d-Direttiva tal-Kunsill 78/548/KEE

Official Journal L 292 , 09/11/2001 P. 0021 - 0040
CS.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
ET.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
HU.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
LT.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
LV.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
MT.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
PL.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
SK.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480
SL.ES Chapter 13 Volume 26 P. 459 - 480


Id-Direttiva 2001/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta' Settembru 2001

dwar is-sistemi li jsaħħnu tal-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE u tabroga d-Direttiva tal-Kunsill 78/548/KEE

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 78/548/KEE tat-12 ta' Ġunju 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fejn jikkonċernaw sistemi li jsaħħnu għall-kompartiment tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur [4] ġiet adottata bhala waħda mid-direttivi separati dwar il-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE li ġiet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [5].

Konsegwentement, id-disposizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 70/156/KEE dwar sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tal-vetturi japplikaw għad-Direttiva 78/548/KEE.

(2) Partikolarment, skond l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 70/156/KEE kull direttiva separata ghandha tkun akkumpanjata minn dokument ta' informazzjoni li jinkorpora l-punti rilevanti ta' l-Anness I tad-Direttiva 70/156/KEE kif ukoll ċertifikat ta' approvazzjoni ibbażat fuq l-Anness VI tagħha sabiex l-approvazzjoni tat-tip tista' tkun kompjuterizzata.

(3) Fid-dawl tal-progress tekniku, il-combustion heaters, li s-soltu jaħdmu bid-diesel, bil-petrol jew bil-gass tal-pitrolju likwidifikat, huma issa mwaħħla fuq diversi tipi ta' vettura sabiex jipprovdu sħana għall-kompartiment tal-passiġġier (e.ż. tax-xarabank), il-post tat-tagħbija (e.ż. trakkijiet u karrijiet) jew il-kompartiment ta' l-irqad (e.ż. tat-trakkijiet jew karovani bil-mutur) sabiex tiġi pprovduta s-sħana effiċjentement u mingħajr l-emissjonijiet ta' ħoss u gass assoċjati mal-operat tal-magna ta' propulsjoni meta l-vettura hija pparkjata. Għal raġunijiet ta' sigurtà, huwa meħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni jiġi estiż biex jinkludi ħtiġiet għal combustion heaters, u għall-istallazzjoni tagħhom. Dawn il-ħtiġiet għandhom jikkorrespondu ma' l-ogħla standards konsisteni mat-teknoloġija kurrenti.

(4) Huwa meħtieġ li jsiru disposizzjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip għal combustion heaters bħala komponenti u għal vetturi li fihom l-istallazzjoni tal-combustion heater.

(5) Huwa meħtieġ li din id-Direttiva tiġi supplementata bi ħtiġiet addizzjonali dwar is-sigurtà għall-combustion heaters tal-gass tal-pitrolju likwidifikat (LPG) biż-żieda ta' l-Anness.

(6) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6].

(7) Għal raġunijiet ta' kjarezza huwa rakkomandat li tkun abrogata id-Direttiva 78/548/KEE u tiġi sostitwita b'din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "vettura" tfisser kwalunkwe vettura li għaliha tapplika d-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 2

L-ebda Stat Membru m'għandu jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta' tip ta' vettura jew tip ta' sistema li ssaħħan għal raġunijiet relatati mas-sistema li ssaħħan għall-kompartiment tal-passiġġier jew għall-post tat-tagħbija jekk is-sistema tissoddisfa l-ħtiġiet stabbiliti fl-Annessi.

Artikolu 3

L-ebda Stat Membru ma jista jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta' xi vettura jew il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta' xi sistema li ssaħħan għal raġunijiet relatati mas-sistema li ssaħħan għall-kompartiment tal-passiġġier jew il-post tat-tagħbija jekk is-sistema tissoddisfa l-ħtiġiet stabbiliti fl-Annessi.

Artikolu 4

1. B'effett mid-9 ta' Mejju 2003 l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet relatati mas-sistemi li ssaħħan:

- jirrifjutaw, fir-rigward ta' xi tip ta' vettura jew ta' sistema li ssaħħan, li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

- jipprojbixxu l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi, jew il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta'sistemi li ssaħħan,

jekk is-sistema li ssaħħan tkun konformi mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

2. B'effett mid-9 ta' Mejju 2004 l-Istati Membri:

- m'għandhomx aktar jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, u

- jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip nazzonali,

għal tip ta' vettura għal raġunijiet relatati mas-sistemi li ssaħħan, jew għal tip ta' combustion heater, jekk il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva ma jkunux sodisfatti.

3. B'effett mid-9 ta' Mejju 2005 l-Istati Membri:

- għandhom jikkonsidraw ċ-ċertifikati tal-konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE bħala mhux aktar validi għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 7(1) ta' dik id-Direttiva, u

- jistgħu jirrifjutaw il-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, u d-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda,

għal raġunijiet relatati mas-sistemi li ssaħħan jekk il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva ma jkunux sodisfatti.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal tipi ta' vetturi mgħammra b'sistemi li jsaħħnu bil-waste-heat, bl-użu ta' l-ilma bħala mezz ta' trasferiment.

4. B'effett mid-9 ta' Mejju 2005 il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva dwar combustion heaters bħala komponenti għandhom japplikaw għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 5

Mhux aktar tard mid-9 ta' Novembru 2002 il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtiġiet addizzjonali tas-sigurtà fir-rigward ta' sistemi li ssaħħan bil-gass tal-pitrolju likwidifikat (LPG) ta' vetturi bil-mutur u, jekk xieraq, temenda d-Direttiva skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat għall-Adattament għall-Progress Tekniku, stabbilit bl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE, hawnhekk iżjed "il quddiem imsemmi bħala" il-Kumitat.

2. Meta issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikun applikabbli, waqt li jittieħed kont tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 7

Id-Direttiva 70/156/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

1. Il-punt 36 fl-Parti 1 ta' l-Anness IV huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Suġġett | Id-Direttiva | Referenza fil-Ġurnal Uffiċjali | Applikabbilità |

M1 | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 |

36. Sistemi li ssaħħan | 2001/56/KE | L 292 tad-9.11.2001 | X | X | X | X | X | X | X | X | X | X" |

2. Fl-Anness XI:

(a) Il-punt 36 fl-Appendiċi 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Punt | Suġġett | Id-Direttiva | M1 = 2500 (1) kg | M1 > 2500 (1) kg |

36 | Sistemi li ssaħħan | 2001/56/KE | I | G + P" |

(b) Il-punt 36 fl-Appendiċi 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Punt | Suġġett | Id-Direttiva | Vetturi kkorazzati tal- kategorija M1 |

36 | Sistemi li ssaħħan | 2001/56/KE | X" |

Artikolu 8

Id-Direttiva 78/548/KEE hija abrogata b'effett mid-9 ta' Mejju 2004. Riferenzi li jsiru għad-Direttiva 78/548/KEE għandhom jitqiesu bħala riferenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel id-9 ta' Mejju 2003 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati b'din ir-referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Settembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

C. PicquÉ

[1] ĠU C 326, ta' l-24.10.1998, p. 4 u ĠU C 116 E, tas-26.4.2000, p. 2.

[2] ĠU C 101, tat-12.04.1999, p. 15.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 1999 (ĠU C 219, tat-30.7.1999, p. 58), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru (ĠU C 36, tat-2.2.2001, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2001 (għadha mhix ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2001.

[4] ĠU L 168, tas-26.06.1978, p. 40.

[5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 11, tas-16.1.1999, p. 25).

[6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

LISTA TA' L-ANNESSI

| |

| |

L-Anness I: | Disposizzjonijiet amministrativi għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE |

Appendiċi 1 | Dokument ta' informazzjoni -approvazzjoni tat-tip tal-KE ta' vettura |

Appendiċi 2 | Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip (vettura) |

Appendiċi 3 | Dokument ta' informazzjoni - approvazzjoni tat-tip tal-KE ta' komponent |

Appendiċi 4: | Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE (komponent) |

Appendiċi 5: | Marka ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE (komponent) |

L-Anness II: | Kamp ta' applikazzjoni, definizzjonijiet u ħtiġiet |

L-Anness III: | Ħtiġiet għas-sistema ta' waste heating - arja |

L-Anness IV: | Proċedura tat-test għall-kwalità ta' l-arja |

L-Anness V: | Proċedura tat-test għat-temperatura |

L-Anness VI: | Proċedura tat-test għall-emissjonijiet ta' l-exhaust |

L-Anness VII: | Ħtiġiet għall-combustion heaters u l-istallazzjoni tagħhom |

L-Anness VIII: | Ħtiġiet tas-sigurtà ta' combustion heaters bil-LPG |

--------------------------------------------------