32001L0045



Official Journal L 195 , 19/07/2001 P. 0046 - 0049


Id-Direttiva 2001/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta' Ġunju 2001

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE li tirrigwarda l-ħtiġiet minimi tas-siġurtà u tas-saħħa għall-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (89/391/KEE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni, sottomessa wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Siġurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-Artikolu 137(2) tat-Trattat jipprovdi illi l-Kunsill jista' jadotta, permezz ta' Direttivi, il-ħtiġiet minimi sabiex jinkoraġġixxi t-titjib, b'mod speċjali fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiżgura livell aħjar ta' protezzjoni għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema.

(2) Skond l-Artikolu msemmi, dawn id-Direttivi jridu jevitaw milli jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanazjarji u legali hekk li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

(3) It-titjib fis-sigurtà fuq ix-xogħol, fl-iġjene u fis-saħħa huwa għan li ma jistax jiġi subordinat għal konsiderazzjonijiet purament ekonomiċi.

(4) Il-konformità mal-ħtiġiet minimi mfassla sabiex jiżguraw standard aħjar ta' saħħa u ta' sigurtà fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol ipprovdut għal xogħol temporanju fil-għoli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(5) Id-dispożizzjonijiet adottati skond l-Artikolu 137(2) tat-Trattat ma jipprevjenu lil ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri għall-protezzjoni tal-kondizzjonijiet tax-xogħol aktar strinġenti milli huma kompatibbli mat-Trattat.

(6) Ix-xogħol fil-għoli jista' jesponi lill-ħaddiema għal riskji partikolarment severi għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom notament għar-riskji ta' waqgħat mill-għoli u għal inċidenti serji tax-xogħol oħra, li jammontaw għal proporzjon kbir mill-inċidenti kollha, speċjalment ta' inċidenti fatali.

(7) Il-persuni li jaħdmu għal rashom u min iħaddem, fejn huma stess isegwu attività tax-xogħol u personalment jużaw it-tagħmir tax-xogħol maħsub sabiex iwettaq xogħol temporanju fil-għoli, jistgħu jaffettwaw is-saħħa u sigurtà ta' l-impjegati.

(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE ta' l-24 ta' Ġunju 1992 dwar l-implimentazzjoni ta' ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-postijiet ta' kostruzzjoni temporanja jew li jiċċaqilqu (it-tmien Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [4], timponi fuq dawn il-kategoriji ta' persuni l-obbligu illi jirrispettaw fost ħwejjeġ oħra l-Artikolu 4 u l-Anness I tad-Direttiva 89/655/KEE [5].

(9) Kull min iħaddem li jkun beħsiebu jwettaq xogħol temporanju fil-għoli jrid jagħżel it-tagħmir li jagħti protezzjoni xierqa kontra r-riskji ta' waqgħat mill-għoli.

(10) B'mod ġenerali miżuri kollettivi ta' protezzjoni sabiex jipprevjenu l-waqgħat joffru protezzjoni aħjar mill-miżuri ta' protezzjoni personali. Il-għażla u l-użu tat-tagħmir xieraq għal kull post speċifiku tax-xogħol sabiex jipprevjenu u jeliminaw ir-riskji għandhom jiġu akkumpanjati b'taħriġ speċifiku u b'investigazzjonijiet supplimentari fejn xierqa.

(11) Is-slielem, l-armar u l-ħbula huma t-tagħmir l-aktar użat komunement għax-xogħol temporanju fil-għoli, u s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ingaġġati f'dan it-tip ta' xoghol għalhekk jiddependu bil-bosta u b'mod sinifikanti fuq l-użu korrett tagħhom; il-manjiera li fiha dan it-tagħmir jista' jintuża b'mod sigur mill-ħaddiema għandha għalhekk tiġi speċifikata; huwa għalhekk meħtieġ taħriġ xieraq u speċifiku għall-ħaddiema.

(12) Din id-Direttiva hi l-aktar mezz xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-iskop.

(13) Din id-Direttiva hija kontribuzzjoni prattika sabiex tinħoloq id-dimensjoni soċjali tas-suq intern.

(14) L-Istati Membri għandhom jingħataw l-opportunità li jagħmlu użu minn perjodu transitorju taż-żmien sabiex iqisu l-problemi partikolari li jkollhom jiffaċċjaw l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (l-SMEs),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

It-test anness ma' din id-Direttiva għandu jiġi miżjud ma' l-Anness II tad- Direttiva 89/655/KEE.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iħarsu din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-19 ta' Lulju 2001. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt, rigward l-implimentazzjoni tat-Taqsima 4 ta' l-Anness, li jagħmlu użu minn perjodu transitorju taż-żmien ta' mhux aktar minn sentejn mid-data msemmija fl-ewwel subparagrafu, sabiex iqisu s-sitwazzjonijiet varji li jistgħu jinħolqu mill-implimentazzjoni prattika ta' din id-Direttiva b'mod partikolari mill-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Ġunju 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Bourgeois

[1] ĠU C 247 E, tal-31.8.1999, p. 23 uĠU C 62 E, tas-27.2.2001, p. 113.

[2] ĠU C 138, tat-18.5.1999, p. 30.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2000 (ĠU C 146, tas-17.5.2001, p. 78), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 2001 (ĠU C 142, tal-15.5.2001, p. 16) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Ġunju 2001.

[4] ĠU L 245, tas-26.8.1992, p. 6.

[5] ĠU L 393, tat-30.12.1989, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"4. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tat-tagħmir għax-xogħol ipprovdut għax-xogħol temporanju fil-għoli.

4.1. Dispożizzjonijiet ġenerali

4.1.1. Jekk, skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE u l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, ma jistax jitwettaq ix-xogħol temporanju fil-għoli fis-sigurtà u skond il-kondizzjonijiet ergonomiċi xierqa minn fuq wiċċ xieraq, għandu jingħażel it-tagħmir tax-xogħol l-aktar xieraq illi jiżgura u jżomm il-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-sigurtà. Il-miżuri kollettivi ta' protezzjoni jridu jingħataw prijorità fuq il-miżuri protettivi personali. Id-dimensjonijiet tat-tagħmir tax-xogħol għandhom ikunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid itwettaq u għat-tensjonijiet previsti u jħallu mogħdija minn fuqu mingħajr periklu.

Għandu jiġi magħżul il-mezz l-aktar xieraq għall-aċċess għall-postijiet tax-xogħol temporanju fil-għoli skond il-frekwenza tal-mogħdija minn fuqu, il-għoli li jrid jingħeleb u t-tul taż-żmien ta' l-użu. L-għażla magħmula għandha tippermetti l-evakwazzjoni f'każ ta' periklu imminenti. Il-mogħdija f'direzzjoni waħda jew l-oħra bejn il-mezz ta' l-aċċess u l-pjattaformi, il-gverti jew il-passaġġi ma jridux joħolqu riskji addizzjonali ta' waqgħat.

4.1.2. Is-slielem jistgħu jiġu użati bħala stazzjonijiet tax-xogħol għal xogħol fil-għoli fiċ-ċirkostanzi biss li fihom, skond il-punt 4.1.1, ma jkunx iġġustifikat l-użu ta' tagħmir ieħor tax-xogħol aktar fis-sigurtà minħabba l-livell baxx tar-riskju u jew it-tul qasir taż-żmien ta' l-użu tagħhom jew il-karatteristiċi eżistenti fuq il-post tax-xogħol illi min iħaddem ma jistax jibdel.

4.1.3. L-aċċess bil-ħabel u l-metodi tat-teknika tat-tqegħid fil-post jistgħu jintużaw biss fiċ-ċirkostanzi fejn l-istima tar-riskju tindika illi x-xogħol jista' jitwettaq fis-sigurtà u fejn ma jkunx iġġustifikat l-użu ta' tagħmir ieħor tax-xogħol f'iktar sigurtà.

Meta titqies l-istima tar-riskju u jiddependi b'mod partikolari fuq it-tul taż-żmien tax-xogħol u d-diffikultajiet ergonomiċi, għandha ssir dispożizzjoni għal post fejn persuna tista' tpogġi b'aċċessorji xierqa.

4.1.4. Jiddependi mit-tip tat-tagħmir magħżul tax-xogħol fuq il-bażi ta' dak li ntqal qabel, iridu jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa sabiex jiġu mminimizzati r-riskji għall-ħaddiema inerenti f'dan it-tip ta' tagħmir. Jekk ikun meħtieġ, għandha ssir dispożizzjoni sabiex jiġu stallati miżuri tas-sigurtà sabiex jipprevjenu l-waqgħat. Dawn għandhom ikunu ta' konfigurazzjoni xierqa u ta' qawwa suffiċjenti li jipprevjenu jew iwaqqfu l-waqgħat mill-għoli u, fejn hu possibbli, li jipprekludu l-korriment tal-ħaddiema. Is-salvagwardji kollettivi li jipprevjenu l-waqgħat jistgħu jiġu interrotti biss fuq il-postijiet ta' l-aċċess bis-slielem jew bit-taraġ.

4.1.5. Meta l-qadi ta' xogħol partikolari jeħtieġ li jitneħħa temporanjament is-salvagward kollettiv li jipprevjeni l-waqgħat, iridu jittieħdu miżuri effettivi kompensatorji ta' sigurtà. Ix-xogħol ma jistax jitwettaq sakemm ikunu ttieħdu dawn il-miżuri. Ġaladarba jkun tlesta x-xogħol partikolari, definittivament jew temporanjament, iridu jiġu stallati mill-ġdid is-salvagwardji kollettivi li jipprevjenu l-waqgħat.

4.1.6. Ix-xogħol temporanju fil-għoli jista' jsir biss meta l-kondizzjonijiet tat-temp ma jippreġudikawx is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

4.2. Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-użu tas-slielem.

4.2.1. Is-slielem iridu jitwaqqfu hekk illi tiġi żgurata l-istabbilità tagħhom matul l-użu. Is-slielem li jinġarru jridu jserrħu fuq bażi immobbli, stabbli, b'saħħtu, ta' daqs xieraq hekk li l-iskaluni jibqgħu orizzontali. Is-slielem imdendla jridu jkunu mqabbda b'mod ta' sigurtà u, bl-eċċezzjoni tas-slielem tal-ħabel, hekk li ma jkunx jista' jinbidlilhom posthom u hekk li jipprevjenu t-tbandil.

4.2.2. Il-bażijiet tas-slielem li jinġarru jridu jkunu prevenuti milli jiżolqu waqt l-użu billi jiġu marbuta sewwa l-waqqafiet fit-truf ta' fuq jew ta' isfel, jew viċin ta' dawn, b'apparat kontra ż-żliq jew b'kull arranġament ieħor ta' l-istess effettività. Is-slielem użati għall-aċċess għandhom ikunu twal biżżejjed sabiex jisporġu biżżejjed lil hemm mill-pjattaforma ta' l-aċċess, għajr jekk ikunu ttieħdu miżuri sabiex jiżguraw qabda soda. Is-slielem li jidħlu ġo xulxin u s-slielem li jitwalu jridu jiġu użati hekk li s-sezzjonijiet differenti jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu relattivament bejniethom. Is-slielem mobbli jridu jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu qabel l-irfis fuqhom.

4.2.3. Is-slielem għandhom jiġu użati hekk li jkollhom qabda fis-sigurtà u appoġġ fis-sigurtà għall-ħaddiema f'kull ħin. B'mod partikolari, jekk tagħbija trid tinġarr bl-idejn waqt li l-ħaddiem ikun fuq sellum, din ma għandhiex tipprekludi ż-żamma fis-sigurtà tal-qabda.

4.3. Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-użu ta' l-armar

4.3.1. Meta ma tkunx disponibbli nota dwar il-kalkoli għall-armar magħżul jew meta n-nota ma tkoprix l-arranġamenti strutturali kkontemplati, għandhom jitwettqu l-kalkoli tas-saħħa u ta' l-istabbilità għajr jekk l-armar jiġi mibni skond konfigurazzjoni standard rikonoxxuta b'mod ġenerali.

4.3.2. Jiddependi mill-komplessità ta' l-armar magħżul, għandu jiġi mfassal pjan ta' l-armar, ta' l-użu u tal-ħatt tiegħu minn persuna kompetenti. Dan jista' jsir fil-għamla ta' pjan standard, issupplimentat b'oġġetti li jkollhom x'jaqsmu mad-dettalji speċifiċi ta' l-armar inkwistjoni.

4.3.3. Il-komponenti taż-żamm fuq l-armar għandhom ikunu pprevenuti milli jiżolqu, kemm jekk bit-twaħħil ma' kull wiċċ li jerfa', b'dispożizzjoni ta' mezz kontra ż-żliq jew b'kull mezz ieħor ta' effettività ugwali, u l-wiċċ li jerfa' t-toqol għandu jkun ta' kapaċità suffiċjenti. Għandu jiġi żgurat illi l-armar huwa stabbli. L-armar bir-roti jrid jiġi pprevenut b'mezzi xierqa milli jiċċaqlaq aċċidentalment matul ix-xogħol fil-għoli.

4.3.4. Id-dimensjonijiet, il-għamla u t-tifsila tal-pjattaformi ta' l-armar iridu jkunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid isir u xierqa għat-toqol li jrid jinġarr u jippermettu x-xogħol u l-mogħdija fis-siġurtà. Il-pjattaformi ta' l-armar iridu jiġu mmontati hekk li l-komponenti tagħhom ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu waqt l-użu normali. Ma jridx ikun hemm xquq perikolużi bejn il-komponenti tal-pjattaformi u s-salvagwardji kollettivi vertikali li jipprevjenu l-waqgħat.

4.3.5. Meta partijiet mill-armar ma jkunux lesti għall-użu, bħal per eżempju matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bdil, dawn iridu jiġu mmarkati b'sinjali ta' twissija ġenerali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d- Direttiva 92/58/KEE u jkunu ddelimitati b'mod xieraq b'mezzi fiżiċi li jipprevjenu l-aċċess għaż-żona tal-perikolu.

4.3.6. L-armar jista' biss jiġi mmontat, żarmat jew mibdul b'mod sinifikanti taħt is-superviżjoni ta' persuna kompetenti u mill-ħaddiema li jridu jkunu rċevew taħriġ xieraq u speċifiku fl-operazzjonijiet maħsuba, li jindirizzaw ir-riskji speċifiċi skond l-Artikolu 7, u b'mod aktar partikolari:

(a) li jifhmu l-pjanta ta' l-immontar, taż-żarmar jew tal-bidla ta' l-armar ikkonċernat;

(b) is-sigurtà matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bidla ta' l-armar ikkonċernat;

(ċ) il-miżuri li jipprevjenu r-riskju li jaqgħu persuni jew oġġetti;

(d) il-miżuri tas-sigurtà fil-każ ta' bdil fil-kondizzjonijiet tat-temp li jistgħu jaffettwaw b'mod ħażin is-sigurtà ta' l-armar interessat;

(e) it-tagħbijiet permissibbli;

(f) kull riskju ieħor li x-xogħol ta' l-immontar, iż-żarmar jew il-bdil imsemmija hawn fuq jista' jeħtieġ.

Il-persuna li tissorvelja u l-ħaddiema interessati jrid ikollhom disponibbli l-pjanta ta' l-immontar u taż-żarmar kif referita fl-4.3.2, inkluża kull istruzzjoni li jista' jkun fiha.

4.4. Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-użu ta' aċċess bil-ħabel u l-metodi tat-teknika tat-tqegħid fil-post

L-użu ta' l-aċċess bil-ħabel u l-metodi tat-teknika tat-tqegħid fil-post iridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) is-sistema jrid ikun fiha minn ta' l-anqas żewgt iħbula ankrati separatament, wieħed bħala mezz ta' l-aċċess, ta' l-inżul u ta' appoġġ (xogħol bil-ħabel) u l-ieħor bħala riserva (ħabel tas-sigurtà);

(b) il-ħaddiema jridu jiġu pprovduti u jużaw sarġ xieraq u jkunu mqabbda miegħu b'ħabel tas-sigurtà;

(ċ) il-ħabel tax-xogħol għandu jkun imgħammar b'mezzi siguri għat-tlugħ u l-inżul u jkollu sistema li tinqafel waħedha sabiex jipprevjeni lil min jużah milli jaqa' jekk jitlef il-kontroll tal-movimenti tiegħu. Il-ħabel tas-sigurtà jrid ikun imgħammar b'sistema mobbli ta' prevenzjoni mill-waqgħat li ssegwi l-movimenti tal-ħaddiem;

(d) il-għodda u l-aċċessorji l-oħra li jridu jintużaw minn ħaddiem għandhom ikunu mqabbda mas-sarġ jew mal-maqgħad tal-ħaddiem jew ma' xi mezz ieħor xieraq;

(e) ix-xogħol għandu jkun ippjanat u ssorveljat tajjeb, sabiex ħaddiem ikun jista' jiġi salvat immedjatament f'emerġenza;

(f) skond l-Artikolu 7, il-ħaddiema interessati jridu jirċievu taħriġ xieraq speċifiku għall-operazzjonijiet maħsuba, b'mod partikolari l-proċeduri tas-salvataġġ.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn, bil-ħsieb ta' l-istima tar-riskji, l-użu tat-tieni ħabel jagħmel ix-xogħol aktar perikoluż, l-użu ta' ħabel wieħed jista' jiġi permess, sakemm ikunu ttieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà skond il-liġijiet jew/u l-prattika nazzjonali."

--------------------------------------------------