32001L0024



Official Journal L 125 , 05/05/2001 P. 0015 - 0023


Id-Direttiva 2001/24/ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-4 ta' April 2001

fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni ta' l-Istitut Monetarju Ewropew [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Skond l-għanijiet tat-Trattat, l-iżvilupp armonjuż u bilanċjat ta' l-attivitajiet ekonomiċi ġewwa l-Komunità kollha għandha titħeġġeġ permezz tat-tneħħija ta' kull ostakolu għal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà biex ikunu provduti servizzi ġewwa l-Komunità.

(2) Fl-istess ħin li dawk l-ostakoli jkunu eliminati, għandu jingħata kas tas-sitwazzjoni li tista' tinqala' jekk l-istituzzjoni ta' kreditu isib diffikultajiet, l-aktar fejn dik l-istituzzjoni għandha friegħi fi Stati Membri oħra.

(3) Din id-Direttiva tifforma parti tal-qafas leġislattiv tal-Komunità mwaqqaf mid-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar l-adozzjoni u l-eżerċizzju tan-negozju ta' istituzzjonijiet ta' kreditu [5]. Isegwi minn dan li, waqt li qed jaħdmu, istituzzjoni ta' kreditu u l-friegħi tagħha jiffurmaw entità waħda soġġetta għas-superviżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat fejn ingħatat l-awtorizzazzjoni valida ġewwa l-Komunità kollha.

(4) Ikun partikolarment mhux mixtieq li titneħħa din l-għaqda bejn istituzzjoni u l-friegħi tagħha fejn jeħtieġ li jkunu adottati miżuri ta' riorganizzazzjoni jew jinbdew proċeduri ta' l-istralċ.

(5) L-adozzjoni tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 fuq skemi ta' garanzija ta' depożitu [6], li introduċiet il-prinċipju ta' sħubija obbligatorja mill-istituzzjonijiet ta' kreditu ta' skema ta' garanzija fl-Istati Membri ta' oriġini, joħroġ aktar ċar il-bżonn għar-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' l-istralċ.

(6) L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta' riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l-prattiċi fis-seħħ f'dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta' l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta' kreditu li tkun aworizzat.

(7) Huwa essenzjali li jkun garantit li l-miżuri ta' riorganizzazzjoni adottati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini u l-miżuri adottati minn persuni jew korpi appuntati minn dawk l-awtoritajiet biex jamministraw dawk il-miżuri ta' riorganizzazzjoni, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta' sospensjoni ta' ħlasijiet, sospensjoni ta' miżuri esekuttivi jew tnaqqis ta' talbiet u kull miżura oħra li tista' taffettwa jeddijiet eżistenti ta' terzi persuni, huma effettivi fl-Istati Membri kollha.

(8) Ċerti miżuri, partikolarment dawk li jaffettwaw il-funzjonament ta' l-istruttura interna ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew il-jeddijiet ta' diretturi jew azzjonisti, m'għandhom għalfejn ikunu koperti b'din id-Direttiva biex tkun effettiva fl-Istati Membri safejn, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, il-liġi applikabbli hija dik ta' l-Istat ta' oriġini.

(9) Ċerti miżuri, l-aktar dawk konnessi mas-sodisfazzjon issoktat tal-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni, huma diġa s-soġġett ta' rikonoxximent reċiproku bis-saħħa tad-Direttiva 2000/12/KE sakemm ma jaffettwawx id-drittijiet ta' terzi persuni li jeżistu qabel l-adozzjoni tagħhom.

(10) Persuni li jipparteċipaw fl-operazzjoni ta' l-istrutturi interni ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif ukoll diretturi u azzjonisti ta' dawn l-istituzzjonijiet, ikkunsidrati f'dawk il-kapaċitajiet, m'għandhomx jitqiesu bħala terzi persuni għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.

(11) Jeħtieġ li terzi persuni jkunu nnotifikati bl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni fl-Istati Membri fejn jinsabu l-friegħi meta dawn il-miżuri jistgħu jfixklu l-eżerċizzju ta' uħud mid-drittijiet tagħhom.

(12) Il-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-kredituri, fir-rigward ta' l-opportunitajiet miftuħa għalihom biex tittieħed azzjoni, jeħtieġ li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini jadottaw dawk il-miżuri meħtieġa għall-kredituri fl-Istat Membru ospitanti biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jieħdu azzjoni fil-limitu taż-żmien provdut.

(13) Għandu jkun hemm xi koordinazzjoni tar-rwol ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi fil-miżuri ta' riorganizzazzjoni u l-proċeduri ta' l-istralċ għall-friegħi ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom uffiċċji prinċipali barra l-Komunità u li jinsabu f'Istati Membri differenti.

(14) Fin-nuqqas ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni, jew fil-każ li dawn il-miżuri jfallu, l-istituzzjonijiet ta' kreditu f'diffikultà għandhom ikunu stralċati. Għandu jkun hemm dispożizzjoni f'dawn il-każijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta' proċeduri ta' l-istralċ u ta' l-effetti fil-Komunità.

(15) Ir-rwol importanti ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini qabel il-proċeduri ta' l-istralċ ma jibdew jista' jkompli matul il-proċess ta' l-istralċ biex dawn il-proċeduri jistgħu jitwettqu kif xieraq.

(16) Trattament ugwali ta' kredituri jeħtieġ li l-istituzzjoni tal-kreditu tkun stralċjata skond il-prinċipji ta' l-unità u l-universalità, li jeħtieġu li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini ikollhom ġurisdizzjoni waħedhom u d-deċiżjoniiet tagħhom jkunu rikonoxxuti u li jkunu kapaċi li jipproduċu fl-Istati Membri kollha l-oħra, mingħajr xi formalità, l-effetti mogħtiha lilhom bil-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.

(17) L-eżenzjoni dwar l-effetti tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ fuq ċerti kuntratti u drittijiet hija limitata għal dawk l-effetti u m'għandhiex tkopri kwistjoni oħra fuq miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ bħal depożitu, verifika, ammissjoni u l-prijorità tat-talbiet dwar kuntratti u drittijiet u d-drittijiet li jiggvernaw it-tqassim mir-rikavat tar-realizzazzjoni ta' l-assi, li huma iggvernati bil-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

(18) Stralċ volontarju huwa possibbli meta istituzzjoni ta' kreditu hija solventi. L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini jistgħu, madankollu, fejn xieraq, jiddeċiedu fuq miżura ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ, ukoll wara li jkun beda stralċ volontarju.

(19) L-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni biex ikun insegwit in-negozju tal-bank huwa waħda mill-konsegwenzi li jkun ifisser ta' bilfors l-istralċ ta' istituzzjoni ta' kreditu. L-irtirar m'għandux, iżda, jipprevjeni ċerti attivitajiet ta' l-istituzzjoni milli jkomplu safejn huwa meħtieġ jew xieraq għall-għanijiet ta' l-istralċ. Dan l-issoktar ta' l-attività jista' madankollu ikun soġġett mill-Istat Membru ta' oriġini għall-kunsens ta' u s-superviżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti tiegħu.

(20) L-għoti ta' informazzjoni lill-kredituri magħrufa fuq bażi individwali huwa essenzjali daqs kemm hu essenzjali li tkun ippubblikata biex tħallihom, fejn meħtieġ, li jippreżentaw it-talbiet tagħhom jew jissottomettu osservazzjonijiet dwar it-talbiet tagħhom f'termini ta' żmien preskritt. Dan għandu jseħħ mingħajr diskriminazzjoni kontra l-kredituri ddomiċiljati fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini, ibbażat fuq il-post tagħhom ta' residenza jew in-natura tat-talbiet tagħhom. Il-kredituri għandhom jinżammu regolarment informati b'mod xieraq waqt il-proċeduri kollha ta' l-istralċ.

(21) Għall-għan waħdieni li jkunu applikati d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' l-istralċ li jinvolvu friegħi li jinsabu fil-Komunità ta' istituzzjoni ta' kreditu li l-uffiċċju prinċipali tagħha jinsab f'pajjiż terz, it-tifsiriet ta' "Stat Membru ta' oriġini", "awtoritajiet kompetenti" u a "wtoritajiet amministrativi" jew ġudizzjarji għandhom ikunu dawk ta' l-Istat Membru fejn tinsab il-fergħa.

(22) Fejn istituzzjoni ta' kreditu li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha barra l-Komunità għandha friegħi f'aktar minn Stat Membru wieħed, kull fergħa għandha tirċievi trattament individwali fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. F'dan il-każ, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-amministraturi u l-istralċjarji għandhom jippruvaw jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom.

(23) Għalkemm huwa importanti li jkun segwit il-prinċipju li l-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini tiddetermina l-effetti kollha tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni u l-proċeduri ta' l-istralċ, kemm proċedurali u sostantivi, huwa meħtieġ ukoll li wieħed iżomm f'moħħu li dawk l-effetti jistgħu jikkonfliġġu mar-regoli li huma normalment applikabbli fil-kuntest ta' l-attività ekonomika u finanzjarja ta' l-istituzzjoni ta' kreditu konċernata u l-friegħi tagħha fi Stati Membri oħra. F'xi każijiet ir-riferenza għal-liġi ta' Stat Membru ieħor tirrappreżenta kwalifika inevitabbli tal-prinċipju li għandha tapplika l-liġi ta' l-Istat Membu ta' l-oriġini.

(24) Dik il-kwalifika hija meħtieġa speċjalment biex tipproteġi l-impjegati li jkollhom kuntratt ta' impjieg ma' istituzzjoni ta' kreditu, biex tkun żgurata s-sigurezza tat-transazzjonijiet dwar ċerti tipi ta' proprjetà u biex tipproteġi l-integrità tas-swieq regolati li jaħdmu skond il-liġi ta' Stat Membru li fuqhom strumenti finanzjarji jkunu negożjati.

(25) Transazzjonijiet magħmula fil-qafas ta' sistema ta' ħlas u pagament huma koperti bid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 fuq is-sistemi tal-finalità tal-pagament fil-ħlas u l-pagament tal-garanziji) [7].

(26) L-adozzjoni ta' din id-Direttiva ma tpoġġix fid-dubju d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/26/KE skond liema l-proċeduri ta' l-insolvenza m'għandux ikollhom xi effett fuq l-infurzar ta' l-ordnijiet.

(27) Xi miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ jinvolvu l-ħatra ta' persuna li tamministrahom. Ir-rikonoxximent tal-ħatra tiegħu u tal-poteri tiegħu fl-Istati Membri l-oħra kollha hija għalhekk fattur essenzjali fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet fl-Istat Membru ta' l-oriġini. Iżda, il-limiti li fihom jista' jeżerċita l-poteri tiegħu meta jaġixxi barra l-Istat Membru ta' oriġini għandhom ikunu speċifikati.

(28) Kredituri li daħlu f'kuntratti ma' istituzzjoni ta' kreditu qabel il-miżura ta' riorganizzazzjoni hija adottata jew jinbdew proċeduri ta' l-istralċ għandhom ikunu protetti kontra d-dispożizzjonijiet dwar in-nullità, l-annullabbilità jew nuqqas ta' infurzar provduti mil-liġi ta' l-Istat Membru, fejn il-benefiċjarju tat-transazzjoni jipproduċi xhieda li fil-liġi applikabbli lil dik it-transazzjoni ma hemm l-ebda mezz kif ikun ikkontestat l-att konċernat fil-każ partikolari.

(29) Il-kunfidenza ta' xerrejja terzi fil-kontenut tar-reġistri jew kontijiet dwar ċerti assi mdaħħla f'dawk ir-reġistri jew kontijiet u bl-estenzjoni tax-xerrejja tal-proprjetà immobbli għandhom ikunu salvagwardjati, ukoll wara l-proċeduri ta' l-istralċ ikunu nbdew jew miżura ta' organizzazzjoni adottata. L-uniku mezz biex dik il-kunfidenza tkun issalvagwardjata huwa li l-validità tax-xirja ssir soġġetta għal-liġi tal-post fejn jinsab il-beni immobbli jew ta' l-Istat li taħt l-awtorità tiegħu jinżamm ir-reġistru jew kont.

(30) L-effetti ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ fuq kawża pendenti huma determinati bil-liġi ta' l-Istat Membru fejn il-kawża hija pendenti bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus. L-effetti ta' dawk il-miżuri u proċeduri fuq azzjonijiet individwali ta' infurzar li joħorġu minn dawn il-kawżi għandhom ikunu ggvernati mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-origini, skond ir-regola ġenerali stabbilita minn din id-Direttiva.

(31) Għandha ssir dispożizzjoni għall-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji fl-Istat Membru ta' oriġini sabiex jinnotifikaw minnufih l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti bl-adozzjoni ta' kull miżura ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ, jekk hu possibbli qabel l-adozzjoni tal-miżura jew il-bidu tal-proċeduri, jew jekk le, minnufih wara.

(32) Is-segretezza professjonali kif definita fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2000/12/KE hija fattur essenzjali fil-proċeduri kollha ta' tagħrif u konsultazzjoni. Għal dik ir-raġuni għandha tkun rispettata mill-awtoritajiet amministrattivi kollha li jieħdu sehem f'dawk il-proċeduri, billi l-awtoritajiet ġudizzjarji jibqgħu, f'dan ir-rigward, soġġetti għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x'jaqsmu magħhom,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TITOLU I

GĦAN U TIFSIRIET

L-Artikolu 1

Għan

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-friegħi tagħhom mwaqqfa fl-Istati Membri tagħhom li ma jkunux dawk fejn jinsabu l-uffiċċji prinċipali, kif definiti fil-punti (1) u (3) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE, bla ħsara għall-kondizzjonijiet u eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 2(3) ta' dik id-Direttiva.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar il-friegħi ta' istituzzjoni ta' kreditu li jkollha uffiċċju prinċipali barra l-Komunità għandhom japplikaw biss fejn dik l-istituzzjoni għandha friegħi f'ta' l-anqas żewġ Stati Membri tal-Komunità.

L-Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

- "Stat Membru ta' oriġini" għandha tfisser l-Istat Membru ta' oriġini fit-tifsira ta' l-Artikolu 1, punt (6) tad-Direttiva 2000/12/KE;

- "Stat Membru ospitanti" għandu jfisser l-Istat Membru ospitanti fit-tifsira ta' l-Artikolu 1, punt (7) tad-Direttiva 2000/12/KE;

- "fergħa" għandha tfisser fergħa fit-tifsira ta' l-Artikolu 1, il-punt (3) tad-Direttiva 2000/12/KE;

- "awtoritajiet kompetenti" għandha tfisser l-awtoritajiet kompetenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 1, il-punt (4) tad-Direttiva 2000/12/KE;

- "amministratur" tfisser kull persuna jew korp maħtur mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji li xogħolhom huwa li jamministraw miżuri ta' riorganizzazzjoni

- "awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji" għandhom ifissru dawk l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istati Membri li huma kompetenti għall-għanijiet tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ;

- "miżuri ta' riorganizzazzjoni" għandhom ifissru miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta' istituzzjoni ta' kreditu u li tista' taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta' terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta' sospensjoni ta' ħlasijiet, sospensjoni ta' miżuri ta' infurżar jew tnaqqis ta' talbiet;

- "stralċjarju" għandu jfisser kull persuna jew korp maħtur mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji li xogħolhom huwa li jkunu amministrati l-proċeduri ta' l-istralċ;

- "proċeduri ta' l-istralċ" għandhom ifissru proċeduri kollettivi miftuħa u sorveljati mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' Stat Membru bl-għan tar-realizzazzjoni ta' l-assi taħt is-superviżjoni ta' dawk l-awtoritajiet, inkluż fejn il-proċeduri jintemmu b'kompożizzjoni jew miżura simili oħra;

- "suq regolat" għandu jfisser suq regolat fit-tifsira ta' l-Artikolu 1, il-punt (13) tad-Direttiva 93/22/KEE;

- "strumenti" għandha tfisser kull strument imsemmi fit-Taqsima B ta' l-Anness lid-Direttiva 93/22/KEE.

IT-TITOLU II

MIŻURI TA' RIORGANIZZAZZJONI

A. Istituzzjonijiet ta' kreditu li għandhom l-uffiċċji prinċipali ġewwa l-Komunità

L-Artikolu 3

Adozzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni — liġi applikabbli

1. L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l-implimentazzjoni ta' miżura ta' riorganizzazzjoni jew iżjed f'istituzzjoni ta' kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

2. Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom ikunu applikati skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta' oriġini, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f'din id-Direttiva.

Għandhom ikunu effettivi għal kollox skond il-leġislazzjoni ta' dak l-Istat Membru ġewwa l-Komunità kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi f'Istati Membri oħra, ukoll fejn ir-regoli ta' l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.

Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi ġewwa l-Komunità kollha ladarba jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ittieħdu.

L-Artikolu 4

Informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti

L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom mingħajr dewmien jinfurmaw, b'kull mezz disponibbli, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti bid-deċiżjoni tagħhom li jadottaw kull miżura ta' riorganizzazzjoni, inkluż l-effetti prattiċi li din il-miżura jista' jkollha, jekk possibbli qabel ma hija adottata jew inkella minnufih wara. L-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

L-Artikolu 5

Informazzjoni għall-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini

Fejn l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ospitanti iqisu li jeħtieġ li jimplimentaw ġewwa t-territorju tagħhom miżura waħda jew aktar ta' riorganizzazzjoni, għandhom jinfurmaw l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini b'daqshekk. L-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti.

L-Artikolu 6

Pubblikazzjoni

1. Fejn l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni deċiżi bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(1) u (2) x'aktarx taffettwa d-drittijiet ta' terzi persuni fi Stat Membru ospitanti u fejn appell jista' jinġab fl-Istat Membru ta' oriġini kontra d-deċiżjoni li tordna l-miżura, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini, l-amministratur u kull persuna mogħtija s-setgħa li tagħmel hekk fl-Istat Membru ta' oriġini għandhom jippubblikaw estratt mid-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u f'żewġ gazzetti nazzjonali f'kull Stat Membru ospitanti, biex jitħaffef l-eżerċizzju tad-dritt ta' appell fi żmien biżżejjed.

2. L-estratt mid-deċiżjoni provduta fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat kemm jista' jkun malajr, u bir-rotta l-aktar xierqa, lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u lil żewġ gazzetti nazzjonali f'kull Stat Membru ospitanti.

3. L-uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandu jippubblika l-estratt f'mhux anqas minn tnax-il ġurnata minn meta jintbagħat.

4. L-estratt mid-deċiżjoni li għandu jkun ippubblikat għandu jispeċifika, fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta' l-Istati Membri kkonċernati, partikolarment l-għan u l-bażi legali tad-deċiżjoni meħuda, it-termini għall-preżentata ta' l-appelli, speċifikatament indikazzjoni li tiftiehem b'mod ċar tad-data ta' l-iskadenza tat-termini, u l-indirizz sħiħ ta' l-awtoritajiet jew il-qorti kompetenti li tisma l-appell.

5. Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom japplikaw irrispettivament mill-miżuri preskritti fil-paragrafi 1 sa 3 u għandhom ikunu effettivi għal kollox kontra l-kredituri, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat ta' oriġini jew il-liġi ta' dak l-Istat li jiggverna dawk il-miżuri tipprovdi mod ieħor.

L-Artikolu 7

Obbligu li jkunu informati l-kredituri u d-dritt li jsiru t-talbiet

1. Fejn il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini teħtieġ il-preżentata ta' talba biex tkun rikonoxxuta jew tipprovdi għan-notifika obbligatorja ta' miżuri lill-kredituri li għandhom id-domiċilju, il-post tar-residenza tagħhom normali jew l-uffiċċji ewlieni f'dak l-Istat, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta'l-Istat Membru ta' oriġini jew l-amministratur għandhom jgħarrfu wkoll lill-kredituri magħrufa li għandhom id-domiċilju, il-post tar-residenza tagħhom normali jew l-uffiċċju prinċipali f'Istat Membru ieħor, skond il-proċeduri imsemmija fl-Artikoli 14 u 17(1).

2. Fejn il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini tipprovdi għad-dritt tal-kredituri li għandhom id-domiċilji, il-post tar-residenza tagħhom normali jew uffiċċju prinċipali f'dak l-Istat biex jippreżentaw talbiet jew jissottomettu l-osservazzjonijiet dwar it-talbiet tagħhom, kredituri li għandhom id-domiċilji, il-post tar-residenza tagħhom normali jew uffiċċji prinċipali fi Stati Membri oħra għandu jkollhom ukoll dak id-dritt skond il-proċeduri provduti fl-Artikoli 16 u 17(2).

B. Istituzzjonijiet li għandhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom barra l-Komunità

L-Artikolu 8

Friegħi ta' istituzzjonijiet ta' kreditu f'pajjiż terz

1. L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ospitanti ta' fergħa ta' istituzzjoni ta' kreditu li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha barra l-Komunità għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien, b'kull mezz disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ospitanti l-oħra fejn l-istituzzjoni waqqfet friegħi li huma inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/12/KE u ppubblikata kull sena fil-Ġurnal Uffċjali tal-Komunitajiet Ewropej, tad-deċiżjoni tagħhom li jadottaw kull miżura ta' riorganizzazzjoni, inkluż l-effetti prattiċi li dik il-miżura jista jkollha, jekk possibbli qabel ma hija adottata jew le minnufih wara. L-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti mill-Istat Membru ospitanti li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjari tagħhom jiddeċiedu li japplikaw il-miżura.

2. L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippruvaw jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom.

IT-TITOLU III

PROĊEDURI TA' L-ISTRALĊ

A. Istituzzjonijiet ta' kreditu li jkollhom l-uffiċċji prinċipali ġewwa l-Komunità

L-Artikolu 9

Bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ — Informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata lill-awtoritajiet l-oħra kompetenti

1. L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini li għandhom ir-responsabbiltà għall-istralċ waħedhom biss għandhom ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ dwar istituzzjoni ta' kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

Deċiżjoni biex jinbdew proċeduri ta' stralċ meħuda mill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandha tkun rikonoxxuta, mingħajr formalità oħra, fit-territorju ta' l-Istati Membri l-oħra u għandha tkun effettiva hemmhekk hekk meta d-deċiżjoni tkun effettiva fl-Istat Membru fejn il-proċeduri huma miftuħa.

2. L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jinfurmaw minnufih, b'kull mezz disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti bid-deċiżjoni tagħhom li jinbdew proċeduri ta' l-istralċ, inkluż l-effetti prattiċi li dawn il-proċeduri jista' jkollhom, jekk possibbli qabel ma jinbdew jew inkella minnufih wara. L-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

L-Artikolu 10

Liġi applikabbli

1. Istituzzjoni ta' kreditu għandha tkun stralċata skond il-liġijiet, regolamenti u proċeduri applikabbli ġewwa Stat Membru ta' oriġini safejn din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.

2. Il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandha tiddetermina partikolarment:

(a) il-beni soġġetti għall-amministrazzjoni u t-trattament ta' beni akkwistati mill-istituzzjoni ta' kreditu wara l-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ;

(b) il-poteri rispettivi tas-setgħat ta' l-istituzzjoni ta' kreditu u l-istralċjarju;

(ċ) il-kondizzjonijiet li taħthom it-tpaċija tista' tkun invokata;

(d) l-effetti tal-proċeduri ta' l-istralċ fuq kuntratti kurrenti li fihom l-istituzzjoni ta' kreditu hija parti;

(e) l-effetti tal-proċeduri ta' l-istralċ fuq proċeduri mibdija mill-kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti, kif provdut fl-Artikolu 32;

(f) it-talbiet li huma preżentati kontra l-istituzzjonijiet ta' kreditu u t-trattament ta' talbiet li joħorġu wara l-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ;

(g) ir-regoli li jiggvernaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

(h) ir-regoli li jiggvernaw it-tqassim tar-rikavat mir-realizzazzjoni ta' l-assi, il-prijorità tat-talbiet, u d-drittjiet tal-kredituri li kisbu sodisfazzjon parzjali wara l-bidu ta' proċeduri ta' l-insolvenza bis-saħħa ta' dritt in rejew permezz ta' tpaċija;

(i) il-kondizzjonijiet għal, u l-effetti tat-tmiem tal-proċeduri ta' l-insolvenza, partikolarment b'kompożizzjoni;

(j) drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq tal-proċeduri ta' l-istralċ;

(k) min għandu jħallas il-prezz u l-ispejjeż magħmula fil-proċeduri għall-istralċ;

(l) ir-regoli dwar n-nullità, l-annullabbilità jew in-nuqqas ta' esekuzzjoni ta' atti legali ta' detriment lill-kredituri kollha.

L-Artikolu 11

Konsultazzjoni ta' awtoritajiet kompetenti qabel l-istralċ volontarju

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom ikunu kkonsultati bl-aktar mod xieraq qabel tittieħed kull deċiżjoni ta' stralċ voluntarju mill-korpi ta' direzzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu.

2. L-istralċ volontarju ta' istituzzjoni ta' kreditu m'għandux jipprekludi l-adozzjoni ta' miżura ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ.

L-Artikolu 12

Irtirar ta' l-awtorizzazzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu

1. Fejn il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ hu deċiż fuq istituzzjoni ta' kreditu fl-assenza, jew wara l-falliment, tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni ta' l-istituzzjoni għandha tkun irtirata skond, b'mod partikolari, il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 22(9) tad-Direttiva 2000/12/KE.

2. L-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni pprovdut fil-paragrafu 1 m'għandux jipprevjeni l-persuna jew il-persuni fdati bl-istralċ milli jwettqu wħud mill-attivitajiet ta' l-istituzzjoni ta' kreditu sakemm dak hu meħtieġ jew xieraq għall-għanijiet ta' l-istralċ.

L-Istat Membru ta' oriġini jista' jipprovdi li dawk l-attivitajiet għandhom isiru bil-kunsens u taħt is-superviżjoni, ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

L-Artikolu 13

Pubblikazzjoni

L-istralċjarji jew kull awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja għandhom iħabbru d-deċiżjoni li jinbdew proċeduri ta' l-istralċ permezz tal-pubblikazzjoni ta' estratt mid-deċiżjoni ta' l-istralċ fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropeju f'ta' l-anqas żewġ gazzetti nazzjonali f'kull Stat Membru ospitanti.

L-Artikolu 14

Għoti ta' informazzjoni lill-kredituri magħrufa

1. Meta proċeduri ta' stralċ jinbdew, l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew l-istralċjarju għandhom mingħajr dewmien jinfurmaw lill-kredituri magħrufa li għandhom id-domiċilji, il-postijiet ta' residenza normali jew l-uffiċċji prinċipali fi Stati Membri oħra, ħlief f'każijiet fejn il-leġislazzjoni ta' l-Istat ta' oriġini ma jeħtieġx il-preżentata tat-talba biex tkun rikonoxxuta.

2. Dik l-informazzjoni, ipprovduta bl-ispedizzjoni ta' notifika, għandha b'mod partikolari titratta it-termini, il-penalitajiet ipprovduti fir-rigward ta' dawk il-limiti, il-korp jew awtorità mogħti s-setgħa li jaċċetta l-preżentata tat-talbiet jew osservazzjonijiet dwar it-talbiet u miżuri oħra pprovduti. Din in-notifika għandha tindika wkoll jekk il-kredituri li t-talbiet tagħhom huma preferenzjali jew garantiti in regħandhom bżonn jippreżentaw it-talbiet tagħhom.

L-Artikolu 15

Qadi ta' l-obbligi

Fejn obbligu ġie onorat għall-benefiċċju ta' istituzzjoni ta' kreditu li mhix persuna legali u li hija soġġett ta' proċeduri ta' l-istralċ mibdija fi Stat Membru ieħor, meta kellu jkun onorat għall-benefiċċju ta' l-istralċjarju f'dawk il-proċeduri, il-persuni li jonoraw l-obbligu għandhom jitqiesu li onorawh jekk ma kienx jaf bil-bidu tal-proċeduri. Fejn dan l-obbligu jkun onorat qabel ma ssir il-pubblikazzjoni provduta fl-Artikolu 13, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tkun presunta, fin-nuqqas ta' prova kontrarja, li kienet taf bil-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ, fejn l-obbligu jkun onorat wara li ssir il-pubblikazzjoni provduta fl-Artikolu 13, il-persuna li taqdi l-obbligu għandha tkun preżunta, fin-nuqqas ta' prova kuntrarja, li kienet taf bil-bidu tal-proċeduri.

L-Artikolu 16

Dritt li jkunu ppreżentati t-talbiet

1. Kull kreditur li għandu d-domiċilju, il-post normali ta' residenza jew l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini, inkluż l-awtoritajiet pubbliċi ta' l-Istati Membri, għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw talbiet jew li jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub dwar it-talbiet tagħhom.

2. It-talbiet tal-kredituri kollha li d-domiċilji tagħhom, il-postijiet normali tar-residenza jew uffiċċji prinċipali huma fl-Istati Membri li ma jkunux fl-Istat Membru ta' oriġini, jew uffiċċji prinċipali fl-Istat Membru ta' oriġini.

3. Ħlief f'każijiet fejn il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini tipprovdi għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar talbiet, kreditur għandu jibgħat kopji ta' dokumenti ta' appoġġ, jekk hemm, u għandu jindika n-natura tat-talba, id-data meta saret u l-ammont tagħha, kif ukoll jekk jallega preferenza, garanzija in rejew riserva ta' titolu dwar it-talba u x'assi ġew koperti bil-garanzija tiegħu.

L-Artikolu 17

Lingwi

1. L-informazzjoni pprovduta fl-Artikoli 13 u 14 għandhom ikunu pprovduti fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' Stat Membru ta' oriġini. Għal dak il-għan għandha tintuża formula li jkollha, fil-lingwi kollha uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, l-intestatura "Stedina għal preżentata ta' talba. Termini li għandhom ikunu osservati" jew, fejn il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini tipprovdi għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar talbiet, l-intestatura "Stedina għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar talba. Termini li għandhom ikunu osservati".

2. Kull kreditur li għandu d-domiċilju, post normali ta' residenza jew uffiċċju prinċipali fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini, jista' jippreżenta t-talba tiegħu jew jissottometti osservazzjonijiet dwar it-talba tiegħu fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta' dak l-Istat Membru l-ieħor. F'dak il-każ, iżda, il-preżentata tat-talba tiegħu jew is-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet fuq it-talba tiegħu għandhom ikollhom l-intestatura "Preżentata tat-talba" jew "sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar it-talbiet" fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' oriġini. Barra minn hekk, huwa jista' jenħtieġ li jipprovdi traduzzjoni f'dik il-lingwa tal-preżentata tat-talba jew sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar it-talbiet.

L-Artikolu 18

Għoti regolari ta' informazzjoni lill-kredituri

L-istralċjarji għandhom iżommu l-kredituri informati regolarment, b'mod xieraq, b'mod partikolari fir-rigward tal-progress fl-istralċ.

B. Istituzzjonijiet ta' kreditu li għandhom l-uffiċċji prinċipali li huma barra l-Komunità

L-Artikolu 19

Friegħi ta' istituzzjonijiet ta' kreditu ta' pajjizi terzi

1. L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ospitanti tal-fergħa ta' istituzzjoni ta' kreditu li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha barra l-Komunità għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien b'kull mezz disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti l-ieħor fejn l-istituzzjoni ta' kreditu waqqfet friegħi fuq il-lista msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/12/KE u ppubblikata kull sena fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, tad-deċiżjoni tagħhom li jibdew proċeduri ta' l-istralċ, inkluż l-effetti prattiċi li dawn il-proċeduri jista' jkollhom, jekk possibbli qabel jibdew jew inkella minnfih wara. L-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru ospitanti fuq imsemmi.

2. Awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji li jiddeċiedu li jibdew proċeduri biex jistralċjaw fergħa ta' istituzzjoni ta' kreditu li l-uffiċċju prinċipali tagħha huwa barra l-Komunità għandhom jinfurmaw l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra ospitanti li l-proċeduri ta' l-istralċ inbdew u l-awtorizzazzjoni ġiet irtirata.

L-informazzjoni għandha tkun ikkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti li ddeċieda jibda l-proċeduri..

3. L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippruvaw li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom..

Kull stralċjarju għandu jipprova bl-istess mod jikkoordina l-azzjonijiet tiegħu.

IT-TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦAL MIŻURI TA' RIORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURI TA' L-ISTRALĊ

L-Artikolu 20

Effetti fuq ċerti kuntratti u drittijiet

L-effetti ta' miżura ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ fuq:

(a) kuntratti ta' l-impjieg u relazzjonijiet għandhom ikunu ggvernati biss bil-liġi ta' l-Istat Membru applikabbli għall-kuntratti ta' impjieg;

(b) kuntratt li jikkonferixxi d-dritt li tintuża proprjetà immobbli għandu jkun iggvernat biss bil-liġi ta' l-Istat Membru li ġewwa t-territorju tiegħu tinsab il-proprjetà immobbli. Dik il-liġi għandha tiddetermina jekk il-proprjetà hijiex mobbli jew immobbli;

(ċ) drittijiet dwar il-proprjetà immobbli, bastiment jew inġenju ta' l-ajru soġġetti għar-reġistrazzjoni f'reġistru pubbliku għandhom ikunu ggvernati biss bil-liġi ta' l-Istat Membru li taħt l-awtorità tiegħu jinżamm ir-reġistru.

L-Artikolu 21

Drittijiet ta' terzi in re

1. L-adozzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' stralċ m'għandhomx jaffettwaw id-drittijiet in retal-kredituri jew terzi persuni dwar assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli — kemm assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta' assi indefiniti bħala oġġett sħiħ li jinbidel minn żmien għall-żmien — li jappartjenu lill-istituzzjoni ta' kreditu li huma ġewwa t-territorju ta' Stat Membru ieħor fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri jew il-bidu ta' dawn il-proċeduri.

2. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ifissru partikolarment:

(a) id-dritt li tiddisponi mill-assi jew li jiġu disposti u biex tikseb sodisfazzjon mir-rikavat jew mid-dħul minn dawk l-assi, partikolarment bis-saħħa ta' preferenzajew ipoteka;

(b) id-dritt esklussiv li tinlaqa' talba, partikolarment dritt garantit b'preferenza dwar talba jew b'ċessjoni tat-talba bħala garanzija;

(ċ) id-dritt li jintalbu l-assi minn, u/jew tenħtieġ ir-restituzzjoni minn, kull min għandu l-pussess jew l-użu tagħhom kuntrarjament għax-xewqat tal-parti li hi hekk intitolata;

(d) dritt in regħall-użu li jagħti benefiċċju ta' l-assi.

3. Id-dritt, irreġistrat f'reġistru pubbliku u enforzabbli kontra terzi persuni, li taħtu dritt in refit-tifsira tal-paragrafu 1 jista' jinkiseb, għandu jkun ikkonsidrat dritt in re.

4. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprekludi azzjonijiet għan-nullità, annullabilità jew nuqqas ta' inforzar imsemmija fl-Artikolu 10(2)(l).

L-Artikolu 22

Riserva ta' titolu

1. L-adozzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' stralċ dwar istituzzjoni ta' kreditu li tixtri beni m'għandhiex taffettwa d-drittijiet ta' bejjiegħ ibbażati fuq riserva ta' titolu fejn fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dawk il-miżuri jew il-bidu ta' dawk il-proċeduri l-beni jinsab ġewwa t-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat fejn dawk il-miżuri kienu adottati jew l-imsemmija proċeduri nbdew.

2. Il-bidu ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ dwar istituzzjoni ta' kreditu li tbigħ beni, wara l-konsenja tal-beni, m'għandhiex tikkostitwixxi bażi għar-rexxissjoni jew it-tmiem ta' bejgħ u m'għandux jipprevjeni ix-xerrej milli jakkwista titolu fejn fiż-żmien tal-bidu ta' dawn il-miżuri jew proċeduri l-beni mibjugħa tinsab ġewwa t-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat fejn dawn il-miżuri kienu adottati jew fejn dawn il-proċeduri nbdew.

3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jipprekludu azzjonijiet għan-nullità, l-annullabilità jew in-nuqqas ta' infurzar imsemmija fl-Artikolu 10(2)(l).

L-Artikolu 23

Tpaċija

1. L-adozzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' stralċ m'għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-kredituri li jitolbu t-tpaċija tat-talbiet tagħhom kontra t-talbiet ta' l-istituzzjoni ta' kreditu, fejn din it-tpaċija hija permessa bil-liġi applikabbli għat-talba ta' l-istituzzjoni ta' kreditu.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprekludi azzjonijiet għan-nullità, annullabilità jew nuqqas ta' inforzar imsemmija fl-Artikolu 10(2)(l).

L-Artikolu 24

Lex rei sitae

L-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà fi strumenti jew drittijiet oħra f'dawn l-istrumenti fejn l-eżistenza jew it-trasferiment ta' liema jippresupponi r-reġistrazzjoni tagħhom f'reġistru, kont jew sistema ċentralizzata ta' depożitu miżmuma jew li tinsab fi Stat Membru għandha tkun iggvernata bil-liġi ta' l-Istat Membru fejn ir-reġistru, kont jew sistema ta' depożitu ċentralizzata fejn dawk id-drittijiet jinzammu jew jinsabu.

L-Artikolu 25

Ftehim ta' netting

Ftehim ta' netting għandu jkun iggvernat biss bil-liġi tal-kuntratt li jiggverna dawn il-ftehim.

L-Artikolu 26

Ftehim ta' xiri mill-ġdid

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24, ftehim ta' xiri mill-ġdid għandu jkun iggvernat biss bil-liġi tal-kuntratt li jiggverna dan il-ftehim.

L-Artikolu 27

Swieq regolati

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24, transazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta' suq regolatgħandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi tal-kuntratt li tiggverna dan il-ftehim.

L-Artikolu 28

Prova tal-ħatra ta' l-istralċjarju

1. Il-ħatra ta' l-amministratur jew stralċjarju għandha tkun ippruvata b'kopja ċertifikata tad-deċiżjoni oriġinali li taħtru jew b'kull ċertifikat ieħor maħruġ mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

Tista' tenħtieġ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ġewwa t-territorju li tiegħu l-amministratur jew stralċjarju jixtieq jaġixxi. L-ebda legalizzazzjoni jew formalità oħra simili ma hi meħtieġa.

2. Amministraturi u stralċjarji għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw ġewwa t-territorju ta' l-Istati Membri kollha l-poteri kollha li huma intitolati jeżerċitaw ġewwa t-territorju ta' l-Istat Membru ta' oriġini. Jistgħu jappuntaw ukoll persuni biex jassistu jew, fejn xieraq, jirrappreżentahom waqt il-miżura ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ, partikolarment fi Stati Membri ospitanti u, speċifikatament, biex jgħinu jegħlbu kull diffikultà li jsibu l-kredituri fl-Istat Membru ospitanti.

3. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu, amministratur jew stralċjarju għandhom jikkonformaw mal-liġi ta' l-Istati Membri li ġewwa t-territorju tagħhom jixtiequ jaġixxu, partikolarment dwar proċeduri għar-realizzazzjoni ta' l-assi u l-għoti tat-tagħrif lill-impjegati. Dawk il-poteri ma jistgħux jinkludu l-użu tal-forza jew id-dritt li jiddeċiedi proċeduri legali jew vertenzi.

L-Artikolu 29

Reġistrazzjoni f'reġistru pubbliku

1. L-amministratur, stralċjarju jew kull awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja fl-Istat Membru ta' oriġini jista' jitlob li miżura ta' riorganizzazzjoni jew id-deċiżjoni li jibdew il-proċeduri ta' l-istralċ tkun irreġistrata fir-reġistru ta' l-art, ir-reġistru tan-negozju u kull reġistru ieħor miżmum fl-Istati Membri l-oħra.

Stat Membru jista', iżda, jippreskrivi reġistrazzjoni obbligatorja. F'dak il-każ, il-persuna jew awtorità msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun żgurata din ir-reġistrazzjoni.

2. L-ispejjeż tar-reġistrazzjoni għandhom jitqiesu bħala spejjeż u nfiq magħmula fil-proċeduri.

L-Artikolu 30

Atti ta' detriment

1. L-Artikolu 10 ma għandux japplika fir-rigward ta' regoli fuq in-nullità, l-annullabilità jew in-nuqqas ta' inforzar ta' atti legali li huma ta' detriment lill-kredituri fis-sħiħ, fejn il-benefiċjarju ta' dawn l-atti jipprovdi prova li:

- l-att ta' detriment lill-kredituri fis-sħiħ hu soġġett għal-liġi ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini, u

- dik il-liġi ma tħallix xi mezz li l-att ikun sfidat fil-każ partikolari.

2. Fejn miżura ta' riorganizzazjoni deċiża minn awtorità ġudizzjarja tipprovdi għar-regoli dwar in-nullità, l-annullabbilità jew nuqqas ta' infurzar ta' atti legali detrimentali għall-kredituri fis-sħiħ magħmula qabel l-adozzjoni tal-miżura, l-Artikolu 3(2) m'għandux japplika fil-każijiet ipprovduti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu..

L-Artikolu 31

Protezzjoni ta' terzi

Fejn, b'att konkluż wara l-adozzjoni ta' miżura ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ, istituzzjoni ta' kreditu tiddisponi, għall-konsiderazzjoni, ta':

- beni immobbli,

- bastiment jew inġenju ta' l-ajru soġġett għar-reġistrazzjoni f'reġistru pubbliku, jew

- strumenti jew drittijiet f'dawk l-istrumenti li l-esistenza jew it-trasferiment tagħhom jippresupponu li jkunu reġistrati f'reġistru, kont jew sistema ta' depożitu ċentralizzata miżmuma jew li tinsab fi Stat Membru,

il-validità ta' dak l-att għandu jkun iggvernat bil-liġi ta' l-Istat Membru ġewwa t-territorju fejn jinsab il-beni immobbli jew taħt l-awtorità ta' liema dak ir-reġistru, sistema ta' kont jew depożitu tinzamm.

L-Artikolu 32

Kawżi pendenti

L-effetti ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta' l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita għandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi ta' l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti.

L-Artikolu 33

Segretezza professjonali

Il-persuni kollha meħtieġa li jirċievu jew jagħtu informazzjoni konnessa mal-proċeduri ta' informazzjoni jew konsultazzjoni provduti fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 11 u 19 għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali skond ir-regoli u l-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2000/12/KE, bl-eċċezzjoni ta' kull awtorità gudizzjarja li għalihom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti.

IT-TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 34

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fil-5 ta' Mejju 2004. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ adottati jew mibdija wara d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu. Miżuri ta' riorganizzazzjoni adottati jew proċeduri mibdija qabel dik id-data għandhom ikomplu ikunu ggvernati bil-liġi li kienet applikabbli għalihom fi żmien ta' adozzjoni jew bidu.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' meta tkun adottata.

L-Artikolu 36

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-4 ta' April 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

B. Rosengren

[1] ĠU C 356, tal-31.12.1985, p. 55 uĠU C 36, tat-8.2.1988, p. 1.,

[2] ĠU C 263, ta' l-20.10.1986, p. 13.

[3] ĠU C 332, tat-30.10.1998, p. 13.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 1987 (ĠU C 99, tat-13.4.1987, p. 211), ikkonfermata fit-2 ta' Diċembru 1993 (ĠU C 342, ta' l-20.12.1993, p. 30), Pożizzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 (ĠU C 300, ta' l-20.10.2000, p. 13) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001.

[5] ĠU L 126, ts-26.5.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2000/28/KE (ĠU L 275, tas-27.10.2000, p. 37).

[6] ĠU L 135, tal-31.5.1994, p. 5.

[7] ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 45.

--------------------------------------------------