32001F0413



Official Journal L 149 , 02/06/2001 P. 0001 - 0004


Id-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill

tat-28 ta' Mejju 2001

li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti

(2001/413/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrata t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizzjattiva tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti spiss joperaw fuq skala internazzjonali.

(2) Ix-xogħol żviluppat minn organizzazzjonijiet internazzjonali (i.e. il-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Grupp ta' Tmienja, l-OKEŻ, Interpol u n-NU) huwa importanti imma jeħtieġ ikun ikkompletat b'azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

(3) Il-Kunsill iqis li s-serjeta u żvilupp ta' ċerti għamliet ta' frodi li jirrigwardaw mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti jirrekjedu soluzzjonijiet komprensivi. Ir-Rakkommandazzjoni Nru 18 tal-Pjan ta' Azzjoni biex jiġġieled il-kriminalita organizzata [3], approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Amsterdam fis-16 u s-17 ta' Ġunju 1997, kif ukoll il-punt 46 tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar kif ikunu implimentati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Amsterdam dwar żona ta' liberta, sigurta u ġustizzja [4], approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Vjenna fil-11 ut-12 ta' Diċembru 1998, jitolbu azzjoni dwar dan is-suġġett.

(4) Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni qafas, jiġifieri li jkun żgurat li frodi u ffalsifikar li jinvolvu l-għamliet kollha ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti jkunu rrikonoxxuti bħala reati kriminali u jkunu suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswasivi fl-Istati Membri kollha ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba d-dimensjoni internazzjonali ta' dawk l-offiżi u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjareta kif miġjub fl-Artikolu 5 tat--Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalita, kif miġjub f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni qafas ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(5) Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tgħin fil-ġlieda kontra frodi u ffalsifikar li jinvolvu mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti flimkien ma' strumenti oħra diġa maqbula mill-Kunsill bħal l-Azzjoni Konġunta 98/428/JHA dwar il-ħolqien ta' Network Ġudizzjali Ewropew [5], l-Azzjoni Konġunta 98/733/JHA dwar li tintagħmel offiża kriminali li jkun hemm parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea [6], l-Azzjoni Konġunta 98/699/JHA dwar ħasil ta' flus, l-identifikazzjoni, segwenza, iffriżar, qbid u konfiska ta' mezzi u introjtu mill-kriminalita [7], kif ukoll id-Deċiżjoni tad-29 ta' April 1999 li tesdenti l-mandat ta' l-Europol biex tittratta (tieħu ħsieb) il-falsifkazzjoni ta' flus u mezzi ta' ħlas [8].

(6) Il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill, fl-1 ta' Lulju 1998, il-Komunikazzjoni bit-titolu "Qafas għal azzjoni li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti" li titkellem favur Politika ta' l-Unjoni li tkopri kemm aspetti preventivi kif ukoll repressivi tal-problema.

(7) Il-Komunikazzjoni fiha Abbozz ta' Azzjoni Konġunta li hija element wieħed ta' dak l-avviċinament komprensiv, u tikkostitwixxi l-punt tat-tluq għal din id-Deċiżjoni Qafas.

(8) Huwa meħtieġ li deskrizzjoni ta' l-għamliet differenti ta' mġiba li jirrikjedu li jkunu meqjusa b'reati fir-rigward ta' frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti tkopri l-ambitu kollu ta' attivitajiet li flimkien jikkostitwixxu t-theddida tal-kriminalita organizzata f'dan ir-rigward.

(9) Huwa meħtieġ li dawn l-għamliet ta' mġiba jkunu kklassifikati bħala offiżi kriminali fl-Istati Membri kollha, u li sanzjonijiet effettivi, proporzjonati i disswasivi jkunu pprovduti għal persuni naturali u ġuridiċi li jkunu kkommettew, jew ikunu responsabbli għal, offiżi tali.

(10) Bl-għoti ta' protezzjoni bil-liġi penali primarjament lil strumenti ta' ħlas li huma pprovduti b'għamla speċjali ta' protezzjoni kontra imitazzjoni jew abbuż, l-intenzjoni hi li tħajjar lil operaturi biex jipprovdu dik il-protezzjoni lil strumenti ta' ħlas maħruġa minnhom, u b'hekk iżidu element ta' prevenzjoni lill-istrument.

(11) Huwa meħtieġ li Stati Membri jagħtu lil xulxin il-miżura l-iktar wiesa' ta' assistenza, u li jkkonsultaw lil xulxin meta żewġ Stati Membri jew iktar jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-istess offiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni Qafas:

(a) "Strument ta' ħlas" għandha tfisser strument fiżiku, differenti minn karti tal-flus u muniti, li, bin-natura speċifika tiegħu, waħdu jew flimkien ma' strument (ta' ħlas) ieħor, jagħmilha possibbli għad-detentur jew l-utent li jittrasferixxi flus jew valur monetarju, bħal per eżempju cards tal-kredtu, cards ta' l-eurocheque, u cards oħra maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, eurocheques, ċekkijiet u kambjali oħra, li jkun protett kontra imitazzjoni jew użu frodulenti, per eżempju permezz ta' disinn, kodiċi jew firma;

(b) "Persuna ġuridika" għandha tfisser kull entita li għandha status tali taħt il-liġi applikabbli, ħlief Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju ta' awtorità statali u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 2

Offiżi konnessi ma' strumenti ta' ħlas

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġiba li ġejja tkun offiża kriminali meta kommessa intenzjonalment, għall-inqas fir-rigward ta' cards ta' kredtu, cards ta' l-eurocheque, cards oħra maħruġa minn istituzzjonijiet finanzjarji, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, eurocheques, ċekkijiet oħra u kambjali:

(a) serq jew approprjazzjoni illegali oħra ta' strument ta' ħlas;

(b) iffalsifikar jew falsifikazzjoni ta' strument ta' ħlas biex jintuża b'mod frodulenti;

(ċ) riċeviment, ksib, trasport, bejgħ jew trasferiment lil persuna oħra jew pussess ta' strument ta' ħlas misruq jew approprjat illegalment b'mod ieħor, jew falz jew iffalsifikat biex jintuża b'mod frodulenti;

(d) użu frodulenti ta' strument ta' ħlas misruq jew approprjat illegalment b'mod ieħor, jew falz jew iffalsifikat.

Artikolu 3

Offiżi konnessi ma' kompjuters

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġiba li ġejja tkun offiża kriminali meta kommessa intenzjonalment:

l-għamil jew ikkawżar ta' trasferiment ta' flus jew valur monetarju u b'hekk ikun ikkawżat telf mhux awtorizzat ta' proprjeta għal persuna oħra, bl-intenzjoni li jinkiseb benefiċċju ekonomiku mhux awtorizzat għall-persuna li tikkommetti l-offiża jew għal parti terza, billi:

- mingħajr dritt tkun introdotta, mibdula jew imrażżna data tal-kompjuter, b'mod partikolari data ta' identifikazzjoni, jew

- mingħajr dritt isir indħil fil-funzjoni ta' programm jew sistema tal-kompjuter.

Artikolu 4

Offiżi konnessi ma' strumenti adattati b'mod speċifiku

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġiba li ġejja tkun stabbilita bħala offiża kriminali meta kommessa intenzjonalment:

il-ħdim, riċeviment, ksib, bejgħ jew trasferiment lil persuna oħra jew pussess frodulenti ta':

- strumenti, artikoli, programmi tal-kompjuter u mezzi oħra adattati b'mod pekuljari għall-għamil ta' xi waħda mill-offiżi deskritta taħt l-Artikolu 2(b);

- programmi tal-kompjuter li l-għan tagħhom ikun l-għamil ta' xi waħda mill-offiżi deskritta taħt l-Artikolu 3.

Artikolu 5

Partiċipazzjoni, tixwix u attentat

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li parteċipazzjoni fi u tixwix għall-imġiba li jirreferu għaliha l-Artikoli 2, 3 u 4, jew attentat biex issir l-imġiba li jirreferu għaliha l-Artikolu 2(a), (b) u (d) u l-Artikolu 3, jieħdu kastig.

Artikolu 6

Pieni

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġiba li jirreferu għaliha l-Artikoli 2 sa 5 tkun ikkastigata b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati i disswasivi, inklużi, għal-inqas f'każijiet serji, pieni li jinvolvu tiċħid ta' liberta li tista' tikkawża estradizzjoni.

Artikolu 7

Responsabbilta ta' persuni ġuridiċi

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għall-imġiba li jirreferu għaliha l-Artikolu 2(b), (c) u (d) u l-Artikoli 3 u 4 kommessa għal benefiċċju tagħhom minn kull persuna, li taġixxi kemm individwalment kif ukoll bħala parti minn organu ta' persuna ġuridika, li għandha pożizzjoni ta' tmexxija ġewwa l-persuna ġuridika, ibbażati fuq:

- prokura tal-persuna ġuridika, or

- awtorità għat-teħid ta' deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika, jew

- awtorità li teżerċita kontroll ġewwa l-persuna ġuridika,

kif ukoll għal involviment bħala kompliċi jew xewwiexa fl-għamil ta' offiża tali.

2. Barra l-każijiet li jipprovdi għalihom il-paragrafu 1, Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuna ġuridika tista' tinżamm responsabbli fejn in-nuqqas ta' sorveljanza jew kontroll mill-persuna li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 ikun għamel possibbli l-għamil li jirreferi għalih l-Artikolu 2(b), (c) u (d) u l-Artikoli 3 u 4 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3. Ir-responsabbilta tal-persuna ġuridika taħt il-paragrafi 1 u 2 m'għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni naturali li jkunu awturi, xewwiexa jew kompliċi fl-imġiba li jirreferi għaliha l-Artikolu 2(b), (c) u (d) u l-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 8

Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għandu jiżgura li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 7(1) tkun ikkastigata b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati i disswasivi, li għandhom jinkludu multi kriminali u mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra bħal:

(a) esklużjoni minn drittijiet għal benefiċċji jew għajnuna pubbliċi;

(b) skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivita kummerċjali;

(ċ) tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjali;

(d) ordni ġudizzjali ta' għeluq.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 7(2) tkun ikkastikata b'sanzjonijiet jew miżuri effettivi, proporzjonati i disswasivi.

Artikolu 9

Ġurisdizzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward ta' offiżi li jirreferu għalihom l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 fejn l-offiża kienet kommessa:

(a) totalment jew parzjalment ġewwa t-territorju tiegħu; jew

(b) minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu, sakemm il-liġi ta' l-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-imġiba tista' tkun ikkastigata wkoll fil-pajjiż fejn ġrat; jew

(ċ) għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika li għandha l-uffiċċju prinċipali fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

2. Suġġett għal… ta' l-Artikolu 10, kull Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax, jew li japplika biss f'każijiet jew ċirkostanzi speċifiċi, ir-regola ta' ġurisdizzjoni miġjuba f':

- paragrafu 1(b);

- paragrafu 1(c).

3. Stati Membri għandhom jgħarrfu lis-Segretarja Ġenerali tal-Kunsill b'dan meta/fejn jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 2, fejn xieraq b'indikazzjoni tal-każijiet jew ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-deċiżjoni tapplika.

Artikolu 10

estradizzjoni u prosekuzzjoni

1. (a) Kull Stat Membru li, taħt il-liġi tiegħu, ma jestraddixxix iċ-ċittadini proprji għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq offiżi li jipprovdu għalihom l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 meta kommessi miċ-ċittadini proprji barra mit-territorju tiegħu.

(b) Kull Stat Membru, meta wieħed miċ-ċittadini tiegħu jkun allegat li kkommetta, fi Stat Membru ieħor, offiża li tinvolvi l-imġiba deskritta fl-Artikoli 2, 3, 4 jew 5, u ma jestradixxix dik il-persuna lejn dak l-Istat Membru l-ieħor biss għar-raġuni tan-nazzjonalita tiegħu, għandu jissottometti l-każ lill-awtoritàjiet kompetenti tiegħu għall-fini ta' prosekuzzjoni jekk jixraq. Biex ikun possibbli li ssir prosekuzzjoni, il-files (l-inkartament), informazzjoni u esibiti konnessi ma' l-offiża għandhom jintbagħtu skond il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta' Diċembru 1957. L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jkun mgħarraf bil-prosekuzzjoni mibdija u bir-riżultat tagħha.

2. Għall-għan ta' dan l-Artikolu, "ċittadin" ta' Stat Membru għandha tkun interpretata skond id-dikjarazzjoni magħmula minn dak l-Istat taħt l-Artikolu 6(1)(b) u (c) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni.

Artikolu 11

Koperazzjoni bejn Stati Membri

1. Skond il-konvenzjonijiet, ftehim jew arranġamenti multilaterali jew bilaterali applikabbli, Stat Membru għandhom jagħtu lil xulxin l-iktar miżura wiesa' ta' assistenza fir-rigward ta' proċeduri konnessi ma' l-offiżi li tipprovdi għalihom din id-Deċiżjoni Qafas.

2. Fejn Stati Membri diversi għandhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta' offiżi previsti minn din id-Deċiżjoni Qafas, huma għandhom jikkonsultaw bejniethom bil-ħsieb li jikordinaw l-azzjoni tagħhom biex iħarrku b'mod effettiv.

Artikolu 12

Skanbju ta' informazzjoni

1. Stati Membri għandhom jaħtru punti operazzjonali ta' kuntatt jew jistgħu jużaw strutturi operazzjonali eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni u għal kuntatti oħra bejn Stati Membri għall-għanijiet biex tkun applikata din id-Deċiżjoni Qafas.

2. Kull Stat Membru għandu jgħarraf lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni bid-dipartiment jew dipartimenti tiegħu li jaġixxi(u) bħala punti ta' kuntatt skond il-paragrafu 1. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jinnotifka lill-Istati Membri l-oħra b'dawn il-punti ta' kuntatt.

Artikolu 13

Applikazzjoni territorjali

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għal Ġibilta.

Artikolu 14

Implimentazzjoni

1. Stati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex josservaw (jikkonformaw ruhħom) ma' din id-Deċiżjoni Qafas sat-2 ta' Ġunju 2003.

2. Sat-2 ta' Ġunju 2003, Stati Membri għandhom jibagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas. Il-Kunsill għandu, sat-2 ta' Settembru 2003, fuq il-bażi tar-rapport stabbilit fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni u rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, jagħmel stima ta' l-estensjoni sa fejn Stati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex josservaw din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Mejju 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Bodström

[1] ĠU C 376 E, tat-28.12.1999, p. 20.

[2] ĠU C 121, ta' l-24.4.2001, p. 105.

[3] ĠU C 251, tal-15.8.1997, p. 1.

[4] ĠU C 19, tat-23.1.1999, p. 1.

[5] ĠU L 191, 07.07.98, p. 4.

[6] ĠU L 351, 29.12.98, p. 1.

[7] ĠU L 333, 09.12.98, p. 1.

[8] ĠU C 149, tat-28.5.1999, p. 16.

--------------------------------------------------