32001D0548



Official Journal L 196 , 20/07/2001 P. 0026 - 0027


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-9 ta’ Lulju 2001

dwar l-istabbiliment ta’ kumitat fil-qasam tal-pensjonijiet supplimentari

(notifikata bid-dokument numru Ċ(2001) 1775)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2001/548/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 138 u 140 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Kummissjoni Ewropea, fl-Aġenda tal-Politika Soċjali tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2000, ipproponiet li toħloq forum tal-pensjonijiet biex tindirizza l-kwistjoni tal-pensjonijiet u mobilità mal-protagonisti kollha interessati billi ħarġet komunikazzjoni.

(2) Il-Kummissjoni Ewropea, fil-komunikazzjoni tagħha "Lejn suq wieħed għal pensjonijiet supplimentari" tal-11 ta’ Mejju 1999, (COM(1999) 134 finali), sostniet il-ħsieb li jkun stabbilit forum tal-pensjonijiet, kif propost mill-grupp influwenti dwar il-moviment liberu, u b’riżultat ta’ dan iddeċidiet li ssejjaħ dan il-forum, li għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena, u li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ gvernijiet, ta’ l-imsieħba soċjali, ta’ fondi ta’ pensjonijiet u, fejn ikun xieraq, ta’ istituzzjonijiet oħra attivi f’dan il-qasam.

(3) Il-Parlament Ewropew laqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-istabbiliment ta’ dan il-Kumitat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn suq wieħed għal pensjonijiet supplimentari",

IDDEĊIDIET:

L-Artikolu 1

1. Għandu jkun hemm fi ħdan il-Kummissjoni kumitat fil-qasam ta’ pensjonijiet supplimentari (il-forum tal-pensjonijiet).

2. Il-forum tal-pensjonijiet għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, ta’ l-imsieħba soċjali u ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari.

L-Artikolu 2

1. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-forum tal-pensjonijiet dwar kull problema u żviluppi li jkun hemm fuq livell tal-Komunità dwar pensjonijiet supplimentari.

Il-forum tal-pensjonijiet għandu jassisti lill-Kummissjoni partikolarment biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi u għall-ostakoli marbutin ma’ mobilità ta’ ħaddiema minn naħa għal oħra tal-fruntieri fil-qasam ta’ pensjonijiet supplimentari.

2. Il-forum tal-pensjonijiet għandu jaħdem, jekk ikun meħtieġ, f’kooperazzjoni ma’ kull għaqda jew kumitat li jkollhom x’jaqsmu ma’ politika soċjali u ekonomika.

L-Artikolu 3

1. Il-forum tal-pensjonijiet għandu jkun magħmul minn 45 membru.

2. Is-siġġijiet għandhom jitqassmu kif ġej:

- siġġu wieħed għal kull Stat Membru,

- erba’ siġġijiet għall-pajjiżi l-oħra membri ta’ l-EFA (siġġu wieħed għall-uffiċċju ta’ kollegament ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar Kummerċ Ħieles, u siġġu wieħed għal kull pajjiż interessat),

- 14-il siġġu għall-imsieħba soċjali rappreżentati fuq il-livell tal-Komunità,

- 12-il siġġu għall-fondi ta’ pensjoni u għaqdiet oħra attivi f’dan il-qasam:

- tliet siġġijiet għall-E. F. R. P (Federazzjoni Ewropea ta’ Provvista għall-Irtirar),

- siġġu wieħed għal kull waħda mill-għaqdiet li ġejjin:

- FEFSI (Federazzjoni Ewropea ta’ Fondi għall-Investiment u Kumpanniji)

- ACME (Assoċjazzjoni ta’ Kumpanniji Kooperattivi u Mutwali ta’ Assigurazzjoni Ewropej)

- AIM (Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Assistenza Mutwali)

- CEA (Kumitat ta’ Assigurazzjoni Ewropew)

- AEIP (Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Istituzzjonijiet Paritarji)

- EAPSPI (Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Istituzzjonijiet ta’ Pensjoni għas-Settur Pubbliku)

- GCAACE (Groupe Consultatif des Associations d’actuaires des pays de la CE)

- FBE (Federazzjoni Bankarja ta’ l-Unjoni Ewropea)

- AGE (Il-pjattaforma ta’ l-anzjani Ewropea).

L-Artikolu 4

Il-membri tal-forum tal-pensjonijiet għandhom jinħatru mill-Kummissjoni wara li jkunu nnominati mill-Istati Membri, mill-pajjiżi l-oħra li jiffurmaw l-EEA, mill-imsieħba soċjali rappreżentati fuq il-livell tal-Komunità u għaqdiet oħra msemmija fl-Artikolu 3. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tassigura li fir-rappreżentazzjoni jkun hemm bilanċ bejn is-sessi.

L-Artikolu 5

Iż-żmien tal-kariga tal-membri tal-forum tal-pensjonijiet għandu jkun ta’ tliet snin. Dan jista’ jiġġedded.

Fi tmiem taż-żmien tal-kariga, il-membri tal-forum tal-pensjonijiet għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm ikunu ssostitwiti jew ri-appuntati.

Iż-żmien tal-kariga ta’ membru jintemm qabel ma jagħlaq il-perjodu ta’ tliet snin fil-każ ta’ riżenja jew mewt. Iż-żmien tal-kariga ta’ membru jista’ wkoll jintemm jekk l-għaqda li nnominatu bħala kandidat titlob li jkun issostitwit.

Il-membru jkun issostitwit għall-bqija taż-żmien li jkun fadal tal-kariga.

Il-membri m’għandhomx jirċievu ħlas għax-xogħol tagħhom.

L-Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tippubblika għall-informazzjoni l-lista tal-membri fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 7

Il-forum tal-pensjonijiet għandu jagħżel president u żewġ viċi-presidenti għal perjodu ta’ sentejn. Huma għandhom jintgħażlu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. Il-president tal-forum tal-pensjonijiet għandu jkun rappreżentant tad-dipartimenti interessati tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali sakemm il-membri tal-forum tal-pensjonijiet jagħżlu president.

L-Artikolu 8

Il-forum tal-pensjonijiet jista’ jistieden kull persuna b’kompetenza partikolari f’dak li jkun hemm fl-aġenda biex jieħu sehem bħala espert fid-diskussjoni.

Esperti għandhom jieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar dak biss li għalih ikunu mistiedna biex jattendu.

L-Artikolu 9

Il-forum tal-pensjonijiet jista’ jwaqqaf gruppi ta’ xogħol.

L-Artikolu 10

1. Il-forum tal-pensjonijiet għandu jissejjaħ mill-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ fl-uffiċċji tal-Kummissjoni.

2. Rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni interessati għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-forum tal-pensjonijiet u l-gruppi ta’ xogħol.

3. Il-forum tal-pensjonijiet u l-gruppi ta’ xogħol għandu jkollhom segretarjat mogħti lilhom mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 11

Il-forum tal-pensjonijiet għandu jiddiskuti dak li l-Kummissjoni tkun talbet opinjoni dwaru. Ma ssirx votazzjoni.

Il-Kummissjoni tista’, meta titlob l-opinjoni tal-forum tal-pensjonijiet, tagħmel terminu li fih l-opinjoni għandha tingħata.

Il-pożizzjonijiet addottati mill-kategoriji ekonomiċi rappreżentati għandhom jitniżżlu fil-minuti, u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tħalli lil dawk kollha li jkunu ħadu sehem fid-diskussjonijiet li jaraw ir-riżultati tad-diskussjonijiet meta jitolbuhom.

L-Artikolu 12

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 287 tat-Trattat, il-membri tal-forum tal-pensjonijiet għandhom l-obbligu li ma jagħtux informazzjoni li jkunu saru jafu biha fil-ħidma tagħhom fil-forum tal-pensjonijiet jew fil-gruppi ta’ xogħol, meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opinjoni mitluba jew il-ħaġa diskussa tkun ta’ natura konfidenzjali.

F’każijiet bħal dawn, għandhom ikunu preżenti għal-laqgħat il-membri biss tal-forum tal-pensjonijiet u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħidma u l-ħtieġa tal-forum tal-pensjonijiet fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mill-jum li fih tkun adottata.

Magħmula fi Brussel, fid-9 ta’ Lulju 2001.

Għall-Kummissjoni

Anna Diamantopoulou

Membru tal-Kummissjoni

--------------------------------------------------