32000R2493



Official Journal L 288 , 15/11/2000 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament (KE) Nru 2493/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-7 ta' Novembru 2000

dwar miżuri biex tiġi promossa l-integrazzjoni sħiħa tad-dimensjoni ambjentali fil-proċess ta' żvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 175 u 179 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fis-27 ta' Lulju 2000.

Billi:

(1) It-tnaqqis tar-riżorsi naturali u d-degradazzjoni ambjentali għandhom effetti diretti fuq l-iżvilupp ekonomiku u speċjalment fuq il-ħajja tal-komunitajiet lokali, inkluż il-popli indiġeni, u għalhekk jaġixxu kontra t-tnaqqis fil-faqar permezz ta' żvilupp sostenibbli.

(2) Mudelli kurrenti ta' produzzjoni u konsum għandhom konsegwenzi globali lill hinn mill-fruntieri u li ma jistgħux jiġu miċħuda, b'mod partikulari fejn jikkonċerna l-atmosfera, l-idrosfera, il-kundizzjoni tal-ħamrija u d-diversità bijoloġika.

(3) Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Rio u l-programm ta' azzjoni ta' l-Aġenda 21 u huma kommessi mar-Riżoluzzjoni tas-Sessjoni Speċjali ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SSAĠNU) "Programm għall-implimentazzjoni aħjar ta' l-Aġenda 21".

(4) Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma parti għall-Ftehim Ambjentali Multilaterali, partikolarment il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni ta' Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni biex tkun Miġġielda id-Deżertifikazzjoni Huma għalhekk marbuta biex jieħdu kont tar-responsabiltajiet differenzjati iżda komuni tal-partijiet żviluppati u l-partijiet li qed jiżviluppaw, fuq dawn is-suġġetti.

(5) L-aspetti interni u esterni tal-politika ambjentali tal-Komunità Ewropea għandhom ikunu koerenti sabiex jirrispondu b'mod effettiv għall-isfidi identifikati fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (KNUAŻ) u l-proċessi tagħha li jsegwu.

(6) Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma kommessi ma' l-Organizzazzjoni ta' Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp/Il-Kumitat dwar l-Għajnuna għall-Iżvilupp (OKEŻ/KGħŻ) "Il-Formazzjoni ta' l-Istrateġija għas-Seklu 21" li ssejjaħ għall-appoġġ ta' l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali għal żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi kollha sa l-2005, sabiex ikun żgurat li t-tendenzi kurrenti fit-telfa tar-riżorsi ambjentali jkunu maqluba b'mod effettiv fil-livelli kemm globali u nazzjonali sa l-2015.

(7) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni Nru 2179/98/KE ta' l-24 ta' Settembru 1998 dwar ir-reviżjoni tal-Programm tal-Komunità Ewropea dwar politika u azzjoni fejn għandha x'taqsam ma' l-iżvilupp ambjentali u sostenibbli "Lejn Is-Sostenibilità" [4], li ssejjaħ għal rwol iktar b'saħħtu għall-Komunità fil-koperazzjoni internazzjonali fl-iżvilupp ambjentali u sostenibbli. L-istrateġija bażika tal-Programm hija li tikseb l-integrazzjoni sħiħa tal-politika ambjentali fil-politika l-oħra, inkluża l-politika ta' l-iżvilupp.

(8) Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Cardiff f'Ġunju 1998 laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Sħubija għal Integrazzjoni" li waqqfet strateġija għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-politika ta' l-Unjoni Ewropea u għamlet tagħha l-prinċipju li proposti ta' politika kbar għandhom ikunu akkumpanjati b'evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali tagħhom.

(9) Il-Kunsill u l-Istati Membri adottaw fil-15 ta' Lulju 1996, Riżoluzzjoni dwar l-Evalwazzjoni Ambjentali fil-Koperazzjoni ta' l-Iżvilupp.

(10) Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 1998, il-Kunsill jagħraf ir-rwol ewlieni li popli indiġeni għandhom fil-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali.

(11) L-iżvilupp sostenibbli jiddependi fuq l-integrazzjoni tad-dimensjoni ambjentali fil-proċess ta' l-iżvilupp.

(12) Ladarba r-riżorsi huma limitati, il-kreazzjoni ta' politika, strateġiji u għodda xierqa u l-implimentazzjoni ta' skemi sperimentali huma elementi essenzjali għal din l-integrazzjoni f'koperazzjoni ekonomika u ta' żvilupp.

(13) L-istrumenti finanzjarji disponibbli għall-Komunità biex tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiżdiedu.

(14) Il-kordinazzjoni ta' operazzjonijiet finanzjati taħt l-istrumenti Komunitarji għandha tkun imtejba.

(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 722/97 tat-22 ta' April 1997 dwar miżuri ambjentali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli [5], waqqaf il-qafas għal għajnuna Komunitarja li għandha l-għan li pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jintegraw id-dimensjoni ambjentali fil-proċess tagħhom ta' żvilupp. Ir-Regolament (KEE) Nru 722/97 kien applikabbli sal-31 ta' Diċembru 1999. L-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 722/97 għandha tkun riflessa f'dan ir-Regolament.

(16) Għandha ssir disposizzjoni għall-finanzjar ta' l-atttivitajiet imsemmija f'dan ir-Regolament.

(17) Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm li jwaqqaf, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fi ħdan it-tifsira ta' punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1999, dwar id-dixxiplina tal-budget u t-titjib tal-proċedura tal-budget [6], għall-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali tal-budget.

(18) Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni għandhom ikunu stabbiliti, b'mod partikulari l-forma ta' azzjoni, is-soċji ta' koperazzjoni u l-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

(19) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-Komunità għandha tagħti appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jintegraw id-dimensjoni ambjentali fil-proċess tagħhom ta' żvilupp.

Għal dan il-għan, il-Komunità għandha tipprovdi għajnuna finanzjarja u esperjenza xierqa bil-għan li tkun imfassla u promossa l-implimentazzjoni ta' politika, strateġiji, għodda u teknoloġiji għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli.

2. L-appoġġ Komunitarju għandu jkun provdut b'mod dirett lil dawk li għandhom interess fil-pajjiż li qed jiżviluppa kif ukoll b'mod indirett permezz tat-tisħiħ tad-dimensjoni ambjentali ta' koperazzjoni ekonomika u ta' żvilupp Komunitarja sabiex ikun żgurat li jittieħed kont sħiħ tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-programmi Komunitarji.

3. L-għajnuna u l-esperjenza provduti taħt dan ir-Regolament għandhom jikkumplimentaw u jsaħħu dawk provduti permezz ta' strumenti oħra ta' koperazzjoni ta' żvilupp.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

"żvilupp sostenibbli" jfisser it-titjib tal-livell ta' għixien u l-assistenza tal-popolazzjonijiet rilevanti fi ħdan il-limiti tal-kapaċità ta' l-ekosistemi permezz tal-manteniment ta' l-assi naturali u d-diversità bijoloġika tagħhom għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u tal-ġejjieni.

Artikolu 3

1. L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt dan ir-Regolament għandhom jindirizzaw b'mod partikulari:

- il-kwistjonijiet ambjentali globali, b'mod partikulari dawk koperti minn ftehim ambjentali multilaterali, bħat-tibdil tal-klima, id-deżertfikazzjoni u d-diversità bijoloġika,

- il-kwistjonijiet ambjentali li jmorru lil hinn mill-fruntieri, b'mod partikulari t-tniġġiż ta' l-arja, il-ħamrija, u l-ilma,

- l-impatti ambjentali li għandhom x'jaqsmu ma' l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija, budget

- l-inklużjoni fi proġetti ta' koperazzjoni ta' żvilupp ta' konsiderazzjonijiet ambjentali li jgħinu d-dimensjoni sostenibbli ta' dawn il-proġetti li tkun tingħaraf, identifikata u stmata,

- l-impatti ambjentali ta' politika makroekonomika u settorjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

- il-mudelli sostenibbli ta' produzzjoni u konsum,

- l-immaniġġar sostenibbli u l-użu ta' riżorsi naturali u ambjentali fis-setturi produttivi kollha bħall-agrikoltura, is-sajd u l-industrija,

- il-problemi ambjentali kawżati mill-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi minħabba l-faqar,

- il-produzzjoni sotenibbli u l-użu ta' l-enerġija u b'mod partikulari l-inkoraġġiment ta' l-użu ta' sorsi ta' enerġija li jistgħu jiġġeddu, iktar effiċjenza fl-enerġija, tnaqqis fil-ħela ta' l-enerġija, u t-tibdil ta' ghejjun ta' enerġija li huma ta' ħsara partikolari b'oħrajn li jagħmlu inqas ħsara,

- il-produzzjoni sostenibbli u l-użu ta' prodotti kimiċi, b'mod partikulari sostanzi perikolużi u tossiċi,

- il-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika - speċjalment permezz tal-protezzjoni ta' l-ekosistemi u l-abitat u l-konservazzjoni tad-diversità ta' l-ispeċi - l-użu sostenibbli tal-komponenti tagħha, l-involviment tal-persuni li għandhom tagħrif tradizzjonali fuq l-użu tad-diversità bijoloġika, u t-tqassim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-utilizzar tar-riżorsi ġenetiċi,

- l-immaniġġar tar-riżorsi ta' ilma frisk,

- l-immaniġġar taż-żona kostali, estwarja u l-art mistagħdra,

- id-deżertifikazzjoni,

- il-problemi ambjentali ta' l-ibliet li għandhom x'jaqsmu, fost l-oħrajn, mat-trasport, l-iskart, l-ilma moħli, it-tniġġiż ta' l-ilma u l-istorbju, u l-kwalità ta' l-ilma għax-xorb,

- il-problemi ambjentali li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet industrijali.

2. L-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament jinkludu, fost l-oħrajn:

- appoġġ għat-tfassil tal-politika nazzjonali, reġjonali, u lokali, pjani u strateġiji, programmi u proġetti għall-iżvilupp sostenibbli,

- skemi għall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali u operazzjonali ta' atturi fil-proċess ta' l-iżvilupp, jiġifieri l-gvern, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali,

- proġetti piloti fis-settur, inkluż dawk li jinvolvu teknoloġiji ambjentalment tajba adatti għal-limitazzjonijiet u l-bżonnijiet lokali,

- il-promozzjoni ta' kummerċ fi prodotti li ġew prodotti b'mod sostenibbli,

- il-ħolqien ta' strumenti għal żvilupp sostenibbli, fost l-oħrajn, strumenti li għandhom x'jaqsmu ma' negozju bħat-tikkettar u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni u inizjattivi ta' negozju ekoloġiku,

- il-formolazzjoni ta' linji gwida, manwali u strumenti ta' operar bil-għan li jippromwovu żvilupp sostenibbli u integrazzjoni ambjentali b'mod partikulari fil-forma ta' databases pubbliċi u databanks fuq l-internet (miftuħa għall-pubbliku),

- kampanji ta' informazzjoni dwar sostanzi perikolużi, u b'mod partikulari skart tossiku u pestiċidi,

- appoġġ għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' għodod għal stima ambjentali fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika, strateġiji, programmi u proġetti,

- iktar għarfien ta' popolazzjonijiet lokali u atturi ewlenin fil-proċess ta' żvilupp u koperazzjoni ta' żvilupp dwar l-implikazzjonijiet ta' żvilupp sostenibbli, b'mod partikulari permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u taħriġ,

- xogħol ta' inventarji, kontabilità u statistiku, sabiex titjieb il-kwalità tad-data ambjentali u l-indikaturi ambjentali.

3. Fl-għażla, l-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' l-attivitajiet, għandha tingħata attenzjoni partikulari lil:

- il-kontribuzzjoni għall-objettiv globali li jinqered il-faqar,

- inizjattivi lokali li jinvolvu miżuri innovattivi mmirati lejn żvilupp sostenibbli,

- involviment attiv, appoġġ u d-drittijiet tal-popolazzjonijiet lokali, inkluż il-komunitajiet indiġeni,

- rwoli speċifiċi għas-sessi, tagħrif, perspettivi u kontribuzzjonijiet ta' nisa/tfajliet u rġiel/ġuvintur fl-immaniġġar sostenibbli u l-użu tar-riżorsi naturali,

- il-potenzjal għal integrazzjoni fil-kuntest iktar wiesa' tal-politika u l-programmi ta' koperazzjoni Komunitarji għall-iżvilupp,

- l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ambjentali, inkluż permezz ta' strumenti ekonomiċi,

- il-kontribuzzjoni għat-tisħiħ ta' koperazzjoni reġjonali fiż-żona ta' l-iżvilupp sostenibbli.

It-tagħlim tal-lezzjonijiet u t-tifrix tar-riżultati ta' l-attivitajiet imwettqa jkunu elementi essenzjali għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim ambjentali internazzjonali.

Artikolu 4

Soċji koperattivi li jistgħu jirċievu għajnuna taħt dan ir-Regolament għandhom jinkludu organizzazzjonijiet internazzjonali, Stati, reġjuni u entitajiet reġjonali, dipartimenti deċentralizzati, aġenziji pubbliċi, operaturi u industriji privati, koperattivi, komunitajiet lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw nies lokali, b'mod partikulari nies indiġeni.

Artikolu 5

1. Il-finanzjament Komunitarju jista' jkopri studji, għajnuna teknika, edukazzjoni, taħriġ jew servizzi oħra, fornituri u xogħolijiet żgħar, fondi ta' għotjiet żgħar kif ukoll stimi, awditjar u evalwazzjoni u sorveljar. Huwa jista' jkopri, fi ħdan il-limitu stabbilit kull sena mill-awtorità tal-budget, spejjeż ta' għajnuna teknika u amministrattiva, għall-benefiċċju tal-Kummissjoni u tal-benefiċjarju, li għandhom x'jaqsmu ma' operazzjonijiet li mhumiex ix-xogħolijiet permanenti ta' amministrazzjoni pubblika, marbuta ma' l-identifikazzjoni, il-preparazzjoni, il-maniġġar, is-sorveljar, l-awditjar u l-kontroll ta' programmi jew proġetti.

Il-finanzjament Komunitarju jista' jkopri kemm l-investiment, marbut ma' attività speċifika, bl-eċċezzjoni tax-xiri ta' proprjeta' immobbli, u nfieq rikorrenti (inkluż l-infieq amministrattiv, nefqa għall-manutenzjoni u operar).

Bl-eċċezzjoni tat-taħriġ, il-programmi ta' edukazzjoni u ta' riċerka, l-infieq rikorrenti jista' normalment ikun kopert biss matul il-fażi tal-bidu u fuq bażi ta' tnaqqis gradwali.

2. Kontribuzzjoni mis-soċji koperattivi definiti fl-Artikolu 4 għandha tkun imfittxija għal kull operazzjoni ta' koperazzjoni. Il-kontribuzzjoni tagħhom għandha tiġi mitluba skond il-mezzi tagħhom u x-xorta ta' l-operazzjoni konċernata.

3. Jistgħu jkunu mfittxija opportunitajiet għal kofinanzjament ma' donaturi oħra, speċjalment ma' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali konċernati. F'dan il-każ, għandha tkun imfittxa kordinazzjoni mal-miżuri meħuda minn donaturi oħra.

4. Il-miżuri meħtieġa għandhom jittieħdu sabiex jiġi emfasizzat il-karattru Komunitarju ta' l-għajnuna provduta taħt dan ir-Regolament.

5. Sabiex jiġu miksuba l-objettivi ta' konsistenza u kumplimentarjetà stabbiliti fit-Trattat, u bil-għan li tkun garantita l-aħjar effiċjenza għal dawn l-operazzjonijet kollha, il-Kummissjoni għandha, flimkien ma' l-Istati Membri, tieħu l-miżuri kollha ta' kordinazzjoni meħtieġa, inkluż b'mod partikulari:

(a) l-iskambju sistematiku u l-analiżi ta' informazzjoni dwar l-operazzjonijet finanzjati jew li qed ikunu kunsidrati għall-finanzjament mill-Komunità u l-Istati Membri;

(b) il-kordinazzjoni fuq il-post ta' dawn l-attivitajiet permezz ta' laqgħat regolari u l-iskambju ta' informazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-pajjiżi benefiċjarji.

6. Sabiex jinkiseb l-akbar impatt possibbli fuq livelli globali, nazzjonali u lokali, il-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, għandha tieħu kull inizjattiva meħtieġa sabiex tiżgura kordinazzjoni xierqa u kollaborazzjoni mill-qrib mas-soċji ta' koperazzjoni, is-soċji lokali (organizzazzjonijiet mhux governattivi, komunitajiet fl-għeruq u assoċjazzjonijet), donaturi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra involuti, b'mod partikulari dawk li jagħmlu parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 6

L-għajnuna finanzjarja taħt dan ir-Regolament għandha tieħu l-forma ta' għotjiet.

Artikolu 7

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul il-perjodu 2000 sa l-2006 għandu jkun ta' EUR 93 miljun.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 8

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istima, id-deċiżjonijiet għall-finanzjament u l-amministrazzjoni ta' l-attivitajiet koperti b'dan ir-Regolament skond il-proċeduri tal-budget u proċeduri oħra fis-seħħ, u b'mod partikulari dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Kull tieni sena, il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(2), linji gwida u prijoritajiet strateġiċi għall-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet li għandhom jitwettqu fis-snin ta' wara. Hija għandha tinforma b'dan lill-Parlament Ewropew.

3. Deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' għotjiet ta' 2,5 miljun EUR jew iktar għal attivtajiet individwali finanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(2).

4. Il-Kummissjoni għandha tinforma fil-qosor lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9(1) b'kull deċiżjoni ta' finanzjament li għandha l-ħsieb li tieħu dwar għotjiet ta' inqas minn EUR 2,5 miljun għal attivitajiet koperti b'dan ir-Regolament. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli mhux iktar tard minn ġimgħa qabel ma tittieħed id-deċiżjoni.

5. Il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova kull obbligazzjoni żejda sabiex tkopri kull spiża mistennija jew reali jew ħtiġijiet addizzjonali b'konnessjoni ma' l-attivitajiet, kemm-il darba ż-żieda jew il-ħtieġa addizzjonali hija inqas minn jew ekwivalenti għal 20 % tal-obbligu inizjali ffissat mid-deċiżjoni tal-finanzjament.

6. Il-finanzjamenti ta' ftehim jew kuntratti konklużi taħt dan ir-Regolament għandhom jipprovdu sabiex il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jagħmlu verifiki fuq il-post skond il-proċeduri tas-soltu stabbiliti mill-Kummissjoni taħt ir-regoli fis-seħħ, b'mod partikulari dawk tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

7. Fejn l-operazzjonijiet huma s-suġġett ta' ftehim finanzjarju bejn il-Komunità u l-pajjiż reċipjent, dawn il-ftehim għandhom jistipulaw li l-ħlas ta' taxxi, dazji jew kull ħlas ieħor m'għandhomx ikunu koperti mill-Komunità.

8. Il-parteċipazzjoni fi stediniet għal offerti u l-għoti ta' kuntratti għandha tkun miftuħa fuq termini ugwali għall-persuni kollha naturali u legali ta' l-Istati Membri u l-pajjiż li jirċievi. Tista' tiġi estiża għal pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw u, f'każijiet eċċezzjonali li huma kompletament ġustifikati, għal pajjiżi terzi oħra.

9. Il-fornituri għandhom joriġinaw fl-Istati Membri, fil-pajjiż li jirċievi jew f' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw. F'każijiet eċċezzjonali, fejn iċ-ċirkustanzi jippermettu, il-fornituri jistgħu joriġinaw f'pajjiżi oħra.

10. Attenzjoni partikulari għandha wkoll tingħata lil:

- it-tfittxija tal-"cost-effectiveness" u l-impatt sostenibbli ta' l-attivitajiet,

- id-definizzjoni ċara u l-monitoraġġ ta' l-objettivi u l-indiċi ta' suċċess għall-attivitajiet kollha,

Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat magħżul ġeografikament adatt li hu responsabbli għall-iżvilupp, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il -"Kumitat".

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'konsiderazzjoni lejn il-dispozizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 10

1. Sa l-1 ta' Settembru wara kull sena tal-budget, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jsemmi fil-qosor l-attivitajiet finanzjati matul dik is-sena u jevalwa l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul dak il-perjodu.

Il-ġabra fil-qosor għandha b'mod partikolari tagħti informazzjoni dwar in-numru u n-natura ta' l-attivtajiet finanzjati, is-soċji ta' koperazzjoni u l-pajjiżi konċernati. Ir-rapport għandu wkoll jindika n-numru ta' evalwazzjonijiet esterni mwettqa, dwar attivitajiet speċifiċi.

2. Il-Kummissjoni għandha regolarment tevalwa l-attivitajiet finanzjati mill-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi jekk l-objettivi mmirati minn dawk l-attivitajiet ġewx miksuba u sabiex tipprovdi linji gwida għat-titjib ta' l-effettività ta' attivitajiet fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9(1) ġabra fil-qosor ta' l-evalwazzjonijiet magħmula. Ir-rapporti ta' evalwazzjoni għandhom ikunu disponibbli għal kull Stat Membru, għall-Parlament Ewropew u għal partijiet oħra interessati.

3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri, mhux aktar tard minn xahar wara d-deċiżjoni tagħha, bl-attivitajiet li ġew approvati, waqt li tagħti l-ispiża u n-natura tagħhom, il-pajjiż konċernat u s-soċji ta' koperazzjoni.

4. Gwida ta' finanzjament li tispeċifika l-linji gwida u l-kriterji applikabbli għas-selezzjoni ta' attivitajiet għandha tkun pubblikata u komunikata lill-partijiet interessati mis-servizzi Komunitarji, inkluż id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi konċernati.

Artikolu 11

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Huwa għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2006.

2. Erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, evalwazzjoni globali ta' l-attivitajiet finanzjati mill-Komunità taħt dan ir-Regolament, fil-kuntest sħiħ tal-koperazzjoni Komunitarja għall-iżvilupp, flimkien ma' proposti li għandhom x'jaqsmu mal-ġejjieni ta' dan ir-Regolament, inkluż il-modifikazzjoni jew it-tmiem possibbli tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' Novembru 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

L. Fabius

[1] ĠU C 47, ta' l-20.2.1999, p. 10 u ĠU C 274 E, tas-26.9.2000, p. 1.

[2] ĠU C 258, ta' l-10.9.1999, p. 16.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 1999 (ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 173), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1999 (ĠU C 64, tas-6.3.2000, p. 47) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2000 (għad mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Settembru 2000 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2000.

[4] ĠU L 275, ta' l-10.10.1998, p. 1.

[5] ĠU L 108, tal-25.4.1997, p. 1.

[6] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------