32000R1655



Official Journal L 192 , 28/07/2000 P. 0001 - 0010


Ir-Regolament (KE) Nru 1655/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-17 ta' Lulju 2000

dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, u fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni nhar it-23 ta' Mejju 2000 [4],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1973/92 tal-21 ta' Mejju 1992 jistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE) [5] kien ġie addottat biex jikontribwixxi għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' politika ambjentali tal-Komunità u ta' leġislazzjoni ambjentali.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1973/92 kien sostanzjalment emendat bir-Regolament (KE) Nru 1404/96 [6]; bil-għan ta' aktar kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni, aġġornar u żvilupp ta' l-ipolitika ambjentali tal-Komunità u tal-leġislazzjoni ambjentali, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-integrazzjoni ta' l-ambjent fi politika oħra, u ta' żvilupp sostenibbli fil-Komunità, emendi huma magħmula għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1973/72, li għandhom, għal raġunijiet ta' kjarezza, ikunu miktuba mill-ġdid u mibdula b'dan ir-Regolament.

(3) L-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent, LIFE, qiegħed jiġi implementat f'fażijiet; it-tieni fażi spiċċat fil-31 ta' Diċembru 1999.

(4) Meqjusa l-kontribuzzjoni posittiva ta' LIFE għall-akkwist ta' l-għanijiet tal-politika tal-Komunità dwar l-ambjent u bi qbil ma’ l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1973/92, it-tielet fażi għal perijodu ta' ħames snin li jispiċċaw fil-31 ta' Diċembru 2004 għandhom jitpoġġew fl-azzjoni.

(5) LIFE għandha tkun aktar infurzata bi strument finanzjarju speċifiku, li jkun jikkumplimenta lill-istrument l-oħra tal-Komunità, mingħajr b'danakollu ma tillimita l-intervent ta' LIFE f'żoni li ma humiex koperti bi strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.

(6) L-effiċjenza u t-trasparenza tal-proċeduri varji għal LIFE għandhom ikunu mtejjba billi jkunu identifikati kjarament it-tliet partijiet komponenti li jikkostitwixxu l-istrument.

(7) Huwa meħtieġ li jiġi assigurat solveljar effettiv u valutazzjoni ta' l-azzjonijiet meħuda minn LIFE.

(8) L-esperjenza akkwistata minn LIFE matul it-tieni fażi kienet aċċennat il-ħtieġa li jkunu ikkonċentrati l-isforzi billi jkunu speċifikati aktar ċari l-oqsma ta' attività li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Komunità, jissimplifikaw ir-responsabbilità ta' l-amministrazzjoni u jtejbu l-miżuri biex tkun imxerrda l-informazzjoni li tikkonċerna l-esperjenza akkwistata, ir-riżultati akkwistati u l-impatt fit-tul tagħhom, bil-għan li jinkoraġġixxu t-trasferiment ta' dawn ir-riżultati.

(9) L-iżvilupp ta' l-ipolitika ambjentali tal-Komunità għandu jieħu akkont tar-riżultati milħuqa u l-esperjenza akkwistata minn azzjonijiet individwali implementati permezz ta' LIFE.

(10) Konsiderazzjoni għandha tingħata għal rotot ta' migrazzjoni u tar-rwol ta' żoni ta' ħarsien fil-kuntest ta' proġetti li jikkontribwixxu għall-implementazzjoni ta' "Natura 2000".

(11) Proġetti preparatorji għandhom jikkonċernaw l-iżvilupp ta' azzjonijiet u strumenti ambjentali tal-Komunità, u/jew jaġġornaw il-leġislazzjoni jew politiki ambjentali.

(12) Deċiżjoni Nru 2179/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar ir-reviżjoni tal-programm tal-Komunità Ewropea għal politika u azzjoni f'dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ambjent u żvilupp sostenibbli, "Lejn sostenibbilità" [7] tesiġi, fost l-objettivi ta' prijorità tal-Komunità, l-iżvilupp ta' programmi għal aktar inkoraġġiment ta' għarfien ambjentali min-naħa ta' l-industrija, inkluża, b’ mod partikolari, intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SME), u tagħti prijorità lill-problemi ta' SME f'dak li għandu x'jaqsam ma’ ostakoli tekniċi u finanzjarji għall-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġija nadifa f'dak li jirrigwardja l-ambjent.

(13) L-implikazzjonijiet ta' impjiegi tal-proposti kkunsidrati għal sostenn finanzjarju permezz ta' LIFE-ambjent għandhom jittieħdu f'akkont, fejn xieraq.

(14) Għall-pajjiżi terzi li jinsabu madwar il-Mediterran u l-Baħar Baltiku apparti minn dawk il-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li kienu ffinaliżżaw Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Komunità Ewropea, attivitajiet ta' għajnuna teknika huma meħtieġa biex joħolqu l-kapaċitajiet u l-istrutturi amministrattivi fil-qasam ta' l-ambjent.

(15) Il-Ftehim Ewropej bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-lvant, kandidati għall-adeżjoni, min-naħa l-oħra, jipprovdi għal parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Komunità, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-ambjent.

(16) Waqt li l-pajjiżi msemmija hawn fuq ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant għandhom huma nnifishom jilħqu ma’ l-ispejjeż involuti bil-parteċipazzjoni tagħhom, il-Komunità tista’ tiddeċidi, jekk xieraq għall-każi speċifiċi u b'konformità mar-regoli applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Ftehim tal-Assoċjazzjoni relevanti, li tissupplimenta l-kontribuzzjoni nazzjonali tal-pajjiż ikkonċernat.

(17) Il-pajjiżi l-oħra kandidati għall-adeżjoni jistgħu, meta dawn jagħmlu kontribuzzjoni finanzjaraja għal LIFE, li jipparteċipaw b'kunsiderazzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti għall-pajjiżi kandidati għall-Għaqda ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant.

(18) Dħul minn pajjiżi terzi jikkostitwixxi riżorsi intenzjonati għall-istrument f'dak il-każ u għandhom ikunu mniżżla bħala tali fid-dettalji ta' spiża korrispondenti.

(19) Mekkaniżmi tal-għażla għandhom ikunu stabbiliti sabiex l-għajnuna tal-Komunità tista’ tkun addottata għal fatturi partikolari tal-proġetti li għandhom ikunu sostnuti; linji ta' gwida għandhom jinkoraġġixxu sinerġija bejn azzjonijiet demostrattivi u l-prinċipji ta' gwida fl-ipolitika ambjentali tal-Komunità bil-għan ta' żvilupp sostenibbli.

(20) Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal eżerċizzju ta' poteri tal-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [8].

(21) Dan ir-Regolament jistabilixxi, għat-tul kollu tat-tielet fażi, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi referenza primarja, fil-qofol ta' dak li jfisser punt 33 tal-Ftehim Internazzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [9], għall-awtorità ta' l-estimi matul il-proċedura annwali ta' l-estimi.

(22) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jeżaminaw kemm ikun xieraq li jħallu l-azzjoni ta' LIFE tkompli aktar fit-tul mit-tielet fażi, u jaġixxu fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan ġenerali

Strument Finanzjarju għall-Ambjent, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala "LIFE", huwa b'hekk stabbilit.

L-għan ġenerali ta' LIFE għandu jkun li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni, aġġornament u żvilupp ta' l-ipolitika ambjentali tal-Komunità u għal leġislazzjoni ambjentali, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-integrazzjoni ta' l-ambjent f'politiki oħra, u għal żvilupp sostenibbli fil-Komunità.

Artikolu 2

Komponenti tematiċi u kriterji ġenerali

LIFE għandu jikkonsisti fi tliet komponenti tematiċi: LIFE-natura, LIFE-ambjent u LIFE-pajjiżi terzi.

Il-proġetti ffinanzjati minn LIFE għandhom jilħqu dawn il-kriterja ġenerali li ġejjin:

(a) li jkunu ta' interess għall-Komunità billi jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti għall-għanijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1;

(b) li għandhom ikunu mwettqa minn parteċipanti b'kapaċità teknika u finanzjarja;

(ċ) li jkunu fejjieda f'termini ta' proposti tekniċi, tabella taż-żmien, estimi u valur għal flus.

Prijorita għandha tingħata lill-proġetti ibbażati fuq approċ multi-nazzjonali meta dan aktarx li jkollu riżultati aktar effettivi f'termini tal-kisba ta' l-objettivi billi jittieħed akkont tal-prattiċità u ta' l-ispejjeż.

Artikolu 3

LIFE-natura

1. L-objettiv speċifiku ta' LIFE-natura għandu jkun li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/EEC tat-2 t'April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' għasafar selvaġġi [10], Direttiva tal-Kunsill 92/43/EEC tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' ħabitati naturali ta' fauna u flora selvaġġa [11] u, b'mod partikolari, il-qafas Ewropew ta' Natura 2000 stabbilita b'din id-Direttiva ta' l-aħħar.

2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu eliġibli għal LIFE-natura:

(a) proġetti ta' konservazzjoni tan-natura li jqawwu l-objettiv speċifiku esiġit fil-paragrafu 1 u jikkontribwixxu għaż-żamma u r-restawr ta' ħabitati naturali u/jew ta' popolazzjoni ta' speċje għal stat ta' konservazzjoni aktar favorita fil-qofol ta' dak li tfisser Direttiva 92/43/EEC;

(b) miżuri akkumpanjatriċi biex aktar jgħinu l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fil-paragrafu 1 u li jkunu meħtieġa:

(i) biex iħejju proġetti li jinvolvu sħab f'diversi Stati Membri (miżuri "tal-bidu");

(ii) ta’ tpartit ta' esperjenzi bejn proġetti (miżuri "ko-op");

(iii) li jissorveljaw u jivvalutaw proġetti u jxerrdu r-riżultati tagħhom, inklużi r-riżultati ta' proġetti li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarhom fil-fażijiet preċedenti ta' LIFE (miżuri "ta’ għajuna").

3. Għajnuna finanzjarja għandha tkun ipprovduta bil-ko-finanzjament ta' proġetti. Ir-rata massima għandha tkun:

(a) 50 % għal proġetti ta' konservazzjoni tan-natura u 100 % għal miżuri akkumpanjatriċi;

(b) bħala eċċezzjoni, ir-rata ta' 50 % li hemm disposizzjoni dwarha f’(a) għandha tkun sa massimu ta' 75 % għal proġetti li jirrigwardjaw abitati naturali ta' prijorità jew speċji ta' prijorità fil-qofol ta' dak li tfisser id-Direttiva 92/43/KEE jew speċje t'għasafar meqjusa bħala prijorità għall-fondi permezz ta' LIFE-natura mill-kumitat imwaqqaf bis-saħħa ta' l-Artikolu 16 tad-Direttiva 79/409/KEE.

4. Proposti għal proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragarafu 2(a) għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-Istati Membri. Fejn proġetti jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed, il-proposti għandhom ikunu mwassla mill-Istat Membru li fih ikun jinstab il-korp li jikkoordina l-proġett.

Il-Kummissjoni għandha ta' kull sena tistabbilixxi d-data ta' meta dawn il-proposti għandhom ikunu mwassla u għandha tiddeċiedi dwar il-proposti bi qbil mal-paragrafu 7.

5. Proposti għandhom ikunu meqjusa għal sostenn finanzjarju, bi qbil mal-paragrafu 7, biss meta dawn ikunu konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 2 u l-paragrafu (2)(a) ta' dan l-Artikolu, u jilħqu l-kriterji li ġejjin:

(a) proġetti fit-Territorju Ewropew ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’:

(i) is-siti proposti mill-Istat Membru permezz ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/43/KEE, jew,

(ii) siti kklassifikati bis-saħħa ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409/KEE, jew

(iii) speċje fl-Annessi II jew IV tad-Direttiva 92/43/KEE jew fl-Anness I tad-Direttiva 79/409/KEE;

(b) proġetti f'pajjiżi kandidati għall-adeżjoni li għalihom l-Artikolu 6 japplika f'dak li għandu x’jaqsam ma’:

(i) sit ta' importanza internazzjonali li jospita tip ta' abitat imsemmi fl-Anness I jew speċje msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 92/43/KEE jew tip ta' l-abitat jew speċje li ma humiex preżenti fil-Komunità imma kklasifikati fil-Konvenzjoni ta' Berna fir-riżoluzzjonijiet relevanti bħala li huma fi ħtieġa ta' miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni, jew

(ii) sit ta' importanza internazzjonali li jospita speċje ta' għasafar msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409/KEE jew speċje ta' għasafar migratorji preżenti fil-Komunità jew speċje ta' għasafar li ma humiex preżenti fil-Komunità imma kklassifikati fir-resoluzzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' Berna bħala li huma fi ħtieġa ta' miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni, jew

(iii) speċje msemmija fl-Annessi III jew IV tad-Direttiva 92/43/KEE jew fl-Anness I tad-Direttiva 79/409/KEE jew speċje li ma humiex preżenti fil-Komunità imma li huma kklassifikati fl-Appendiċi I jew II tal-Konvenzjoni ta' Berna.

6. Sommarju tal-proposti li jkunu waslu għandu jintbagħat lill-Istati Membri mill-Kummissjoni. Fuq talba, din għandha tqiegħed id-dokumenti oriġinali għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri għall-konsultazzjoni.

7. Proġetti meqjusa għal sostenn finanzjarju permezz ta' LIFE-natura għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11. Għall-iskopijiet ta' dan il-paragrafu, il-kumitat għandu jkun dak imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/43/KEE.

Deċiżjoni fuq linji prinċipali għandha tkun adottata mill-Kummissjoni u indirizzata lill-Istati Membri dwar il-proġetti li jkunu ġew aċċettati, u deċiżjonijiet individwali għandhom ikunu indirizzati lil benefiċjarji u tesiġi l-ammont ta' għajnuna finanzjarja, il-proċeduri finanzjarji u kontrolli, u l-kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi tal-proġett approvat.

8. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni:

(a) miżuri akkumpanjatriċi li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragrafu 2(b)(i) i (ii) għandhom, wara konsultazzjoni mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/43/KEE, ikunu suġġetti għal sejħiet ta' espressjoni ta' interess. Stati Membri jistgħu jissottomettu proposti dwar miżuri akkumpanjatriċi lill-Kummissjoni;

(b) miżuri akkumpanjatriċi li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragrafu 2(b)(iii) għandhom ikunu suġġetti għal sejħiet ta' espressjoni ta' interess.

Is-sejħiet kollha ta' espressjoni ta' interess għandhom ikunu ippublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej meta l-ktiterji speċifikati li għandhom jintlaħqu jkunu stabbiliti.

Artikolu 4

LIFE-ambjent

1. L-għan speċifiku ta' LIFE-ambjent għandu jkun li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' teknika u metodi innovattivi u integrati u biex aktar iżid l-iżvilupp fil-Komunità ta' strateġija dwar l-ambjent.

2. Il-proġetti u/jew miżuri li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal LIFE-ambjent:

(a) proġetti ta' demostrazzjoni li aktar iqawwu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u:

- jintegraw kunsiderazzjonijiet dwar l-ambjent u dwar żvilupp sostenibbli fl-iżvilupp u ppjanar ta' l-użu tal-art, inklużi żoni urbani u żoni kostali, jew

- jinkoraġgixxu l-amministrazzjoni sostenibbli ta' ilma tal-pjan u ilma tal-wiċċ, jew

- inaqqsu l-impatt ambjentali ta' attivitajiet ekonomiċi, l-aktar permezz ta' żvilupp ta' teknoloġiji nodfa u billi ssir enfasi fuq il-prevenzjoni, inkluż t-tnaqqis ta' emmissjonijiet ta' gassijiet li jkollhom effetti tas-serra, jew

- ma jħallix, jagħmlu użu mill-ġdid, jirkupraw jew jirriċiklaw kull tip ta' skart u jassiġuraw l-amministrazzjoni tajba ta' nixxigħat ta' skart, jew

- inaqqsu l-impatt ambjentali ta' prodotti permezz ta' resqien integrat għall-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-konsum u l-immaneġġjar fit-tmien tal-ħajja tagħhom, inkluż l-iżvilupp ta' prodotti li huma environmentally-friendly;

(b) proġetti li huma preparatorji għall-iżvilupp ta' azzjonijiet u strumenti ambjentali tal-Komunità, u/jew jaġġornaw il-leġislazzjoni jew politiki ambjentali;

(ċ) miżuri akkumpanjatriċi li jenħtieġu:

(i) biex ixerrdu informazzjoni dwar it-tpartit ta' esperjenzi bejn il-proġetti;

(ii) biex jivvalutaw, jissorveljaw, jinkoraġġixxu l-azzjonijiet meħuda matul il-fażi ta' l-implementazzjoni ta' strument LIFE u matul l-ewwel żewġ fażijiet, u jxerrdu informazzjoni dwar l-esperjenza akkwistata u dwar it-trasferiment tar-riżultati akkwistati b'azzjonijiet bħal dawn.

3. Għajnuna finanzjarja għandha tkun ipprovduta bil-ko-finanzjament ta' proġetti.

Ir-rata ta' sostenn finanzjarju mill-Komunità għandha tkun sa massimu ta' 30 % ta' l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett għal proġetti li jiġġeneraw dħul nett sostanzjali. F'dan il-każ, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji għall-finanzjament għandhom ikunu mill-anqas daqs is-sostenn mill-Komunità.

Ir-rata tas-sostenn finanzjarju tal-Komunità għall-applikanti l-oħra kollha għandha tkun sa massimu ta' 50 % ta' l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett.

Ir-rata ta' sostenn finanzjarju tal-Komunità għal miżuri akkompanjatriċi għandha tkun sa massimu ta' 100 % ta' l-ispejjeż tagħhom.

4. Sa kemm il-proġetti ta' demostrazzjoni huma kkonċernati, linji ta' gwida għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni, wara li jkunu ġew suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11, u ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-linji ta' gwida għandhom jinkoraġġixxu sinerġija bejn azzjonijiet demonstrattivi u l-prinċipji ta' gwida għall-politika ambjentali tal-Komunità bil-għan ta' żvilupp sostenibbli.

5. Proposti għal proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragarafu 2(a) għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-Istati Membri. Fejn proġetti jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed, il-proposti għandhom jitwasslu mill-Istat Membru li fih ikun jinstab il-korp li jikkordina l-proġett.

Il-Kummissjoni għandha ta' kull sena tistabbilixxi d-data ta' meta dawn il-proposti għandhom jitwasslu u għandha tiddeċiedi dawr il-proposti bi qbil mal-paragrafu 10.

6. Proposti għandhom biss ikunu meqjusa għal sostenn finanzjarju, bi qbil mal-paragrafu 10, meta dawn ikunu konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 2 u paragrafu (2)(a) ta' dan l-Artikolu, u jilħqu l-kriterji li ġejjin:

(a) jipprovdu soluzzjonijiet għal problema li toriġina ta' spiss fil-Komunità, jew li tkun tikkonċerna bil-kbir lill-uħud mill-Istati Membri,

(b) ikunu innovattivi bis-saħħa tat-teknoloġija jew tal-metodu applikat,

(ċ) jagħtu eżempju u jirrappreżentaw progress imqabbel mas-sitwazzjoni kurrenti,

(d) ikunu kapaċi li jinkoraġġixxu t-tixrid u l-applikazzjoni l-aktar wiesa’ tal-prattiċi tat-teknoloġiji u/jew prodotti konduttivi għall-ħarsien ta' l-ambjent,

(e) ikollhom il-għan li jiżviluppaw u jittrasferixxu tagħrif dwar is-sengħa li għandha tkun użata f'sitwazzjonijiet simili jew identiċi,

(f) jinkoraġġixxu koperazzjoni fil-qasam ambjentali,

(g) ikollhom il-potenzjal ta' benefiċċju sodisfaċenti ta' medja bejn l-ispejjeż mill-punto di vista ambjentali,

(h) jinkoraġġixxu l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali fl-attivitajiet li l-għanijiet prinċipali tagħhom huma ekonomiċi u soċjali,

Meta dawn il-proposti jkunu kkunsidrati, l-implikazzjonijiet ta' l-użu tagħhom għandhom ukoll jitteħdu akkont, meta xieraq.

7. Dawn l-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu meqjusa li ma humiex eliġibbli:

(a) xiri ta' l-art,

(b) studji li ma jindirizzawx speċifikament l-għan immirat mill-proġetti ffinanzjati,

(ċ) investimenti ta' infrastruttura maġġuri jew investimenti ta' natura strutturali li ma tkunx innovattiva, inklużi attivitajiet diġà meqjusa fuq skala industrijali,

(d) riċerka u attivitajiet ta' żvilupp teknoloġiku.

8. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni:

(a) proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragrafu 2(b) u miżuri akkumpanjatriċi li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragrafu 2(ċ)(i) għandhom, wara konsultazzjoni mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 11, ikunu suġġetti għal sejħiet ta' espressjoni ta' interess. Stati Membri jistgħu jissottomettu proposti dwar proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragrafu 2(b) lill-Kummissjoni;

(b) miżuri akkumpanjatriċi li għandhom ikunu ffinanzjati bis-saħħa tal-paragrafu 2(ċ)(ii) għandhom ikunu suġġetti għal sejħiet ta' espressjoni ta' interess.

Is-sejħiet kollha ta' espressjoni ta' interess għandhom ikunu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej meta l-kriterji speċifiċi li għandhom jintlaħqu jkunu stabbiliti.

9. Sommarju tal-punti prinċipali u tal-kontenut tal-proposti mwassla permezz tal-paragrafu 2(a) u (b) għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri mill-Kummissjoni. Fuq talba, din għandha tqiegħed id-dokumenti oriġinali għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri għall-konsultazzjoni.

10. Proġetti meqjusa għal sostenn finanzjarju għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11.

11. Deċiżjoni fuq linji prinċipali għandha tkun adottata mill-Kummissjoni u indirizzata lill-Istati Membri dwar il-proġetti li jkunu ġew aċċettati u deċiżjonijiet individwali għandhom ikunu indirizzati lill-benefiċċjarji u ssemmi l-ammont ta' għajnuna finanzjarja, il-proċeduri finanzjarji u kontrolli, u l-kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi tal-proġett approvat.

Artikolu 5

LIFE-pajjiżi terzi

1. L-għan speċifiku ta' LIFE-pajjiżi terzi għandu jkun li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' kapaċitajiet u strutturi amministrattivi meħtieġa fis-settur ambjentali u fl-iżvilupp ta' politika ambjentali u programmi ta' azzjoni f'pajjiżi terzi li jinstabu madwar il-Mediterran u l-Baħar Baltiku apparti minn pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant li jkunu ffinallizzaw Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Komunità Ewropea u li hemm imsemmija fl-Artikolu 6(1).

2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal LIFE-pajjiżi terzi:

(a) proġetti ta' għajnuna teknika li aktar iqawwu l-għan imsemmi fil-paragrafu 1;

(b) miżuri akkumpanjattriċi meħtieġa għall-valutazzjoni, s-sorveljar u l-inkoraġġiment ta' l-azzjonijiet meħuda matul il-fażi ta' l-implimentazzjoni ta' strument LIFE u matul l-ewwel żewġ fażijiet tiegħu, għal tpartit ta' esperjenza bejn proġetti u għal tixrid ta' informazzjoni dwar l-esperjenzi akkwistati u dwar ir-riżultati akkwistati b'azzjonijiet bħal dawk.

3. Għajnuna finanzjarja għandha tkun ipprovduta bil-ko-finanzjament ta' proġetti u ta' miżuri akkumpanjatriċi. Ir-rata tas-sostenn finanzjaru mill-Komunità għandha tkun sa massimu ta' 70 % ta' l-ispejjeż tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 2(a)(i) sa massimu ta' 100 % ta' l-ispejjeż tal-miżuri akkumpanjatriċi li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2(b).

4. Proposti għal proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-paragrafu 2(a) minn pajjiżi terzi għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti. Meta proġetti jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed, proposti għandhom jiġu sottomessi mill-pajjiż li fih il-korp koordinanti tal-proġett ikun jinstab jew minn organizzazzjoni internazzjonali li taġixxi biex tħares l-ambjent fiż-żona ġeografika kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha ta' kull sena tistabilixxi d-data ta' meta dawn il-proposti għandhom ikunu mwassla u għandha tiddeċidi dawr il-proposti bi qbil mal-paragrafu 7.

5. Proposti għandhom ikunu meqjusa għal sostenn finanzjarju, bi qbil mal-paragrafu 7, biss meta dawn ikunu konformi mal-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 2 u paragrafu (2)(a) ta' dan l-Artikolu u jilħqu l-kriterji li ġejjin:

(a) ikunu ta' interess f'dak li għandu x'jaqsam mal-Komunità, speċjalmemt il-kontribuzzjoni tagħha biex timplimenta linji ta' gwida u ftehim reġjonali u internazzjonali,

(b) jikkontribwixxu għal approċ li jippromwovi żvilupp sostenibbli f'livell internazzjonali, nazzjonali jew reġjonali;

(ċ) jipprovdu soluzzjonijiet għal problemi ambjentali maġġuri fir-reġjun u fis-settur relevanti.

Għandha tingħata prijorità lil proġetti li jinkoraġixxu koperazzjoni fil-livelli trans-konfinali, trans-nazzjonali jew reġjonali.

6. Sommarju tal-punti prinċipali u tal-kontenut tal-proposti mwassla minn pajjiżi terzi għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri mill-Kummissjoni.

Fuq talba, din għandha tqiegħed id-dokumenti oriġinali għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri għall-konsultazzjoni.

7. Proġetti meqjusa għal sostenn finanzjarju għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11. Mingħajr preġudizzju għal din il-proċedura, il-kumitat imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jkun ikkonsultat qabel ma tittieħed xi deċiżjoni fuq proġetti li jikkonċernaw il-ħarsien tan-natura. Il-Kummissjoni għandha taddotta deċiżjoni li tikkonċerna l-lista ta' proġetti magħżula.

8. Il-proġetti approvati għandhom jagħtu bidu ta' kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-benefiċċjarji li jistabbilixxi l-ammont ta' għajnuna finanzjarja, il-proċeduri finanzjarji u l-kontrolli, kif ukoll il-kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi kollha tal-proġett approvat. Il-lista ta' proposti aċċettati għandha tintbagħat lill-Istati Membri.

9. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, miżuri akkompanjatriċi li għandhom ikunu ffinanzjati permezz ta' paragrafu 2(b) għandhom ikunu suġġetti għal sejħiet ta' espressjoni ta' interess ippublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u jistabbilixxu l-kriterji speċifiċi li għandhom jintlaħqu.

Artikolu 6

Parteċipazzjoni minn pajjiżi kandidati għall-adeżjoni

1. LIFE għandha tkun miftuħa għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant bi qbil mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni ffinalizzati ma’ dawk il-pajjiżi u fuq il-bażi tad-disposizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni ta' kull pajjiż ikkonċernat.

2. Proposti għal proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati permezz ta' LIFE-natura u LIFE-ambjent għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati fil-limiti taż-żmien kif stabbiliti mill-Kummissjoni bi qbil ma’ l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(5) rispettivament. Fejn proġetti jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed, il-proposti għandhom ikunu mwassla mill-pajjiż li fih ikun jinstab il-korp li jikkoordina l-proġett.

3. Proposti li jilħqu l-kriterji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2 u l-kriterji speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(5)(b) u l-Artikolu 4(6) u (8) għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għal sostenn finanzjarju mill-Komunità.

4. Sommarju tal-punti prinċipali u tal-kontenut tal-proposti mwassla mill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri mill-Kummissjoni. Fuq talba, din għandha tqiegħed id-dokumenti oriġinali għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri għall-konsultazzjoni.

5. Proġetti kkunsidrati għal sostenn finanzjarju LIFE għandhom ikunu suġġetti jew għall-proċedura esiġita fl-Artikolu 3(7) jew għal dik stabbilita fl-Artikolu 11 skond it-tip ta' proġett propost.

6. Il-proġetti approvati għandhom jagħtu bidu ta' kuntratt jew ftehim bejn il-Kummissjoni u l-benefiċċjarji li jistabilixxi l-ammont ta' għajnuna finanzjarja, il-proċeduri finanzjarji u l-kontrolli, kif ukoll il-kundizzjonijiet tekniċi speċifiċi kollha ta' l-azzjoni approvata. Il-lista ta' proposti aċċettati għandha tintbagħat lill-Istati Membri.

7. Meta l-kundizzjonijiet u d-disposizzjonijiet ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew stabbiliti għall-pajjiżi l-oħra li huma kanditati għall-Għaqda, LIFE għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn dawk il-pajjiżi bi qbil mal-paragrafi 2 sa 6. Pajjiżi li jipparteċipaw permezz ta' dan l-Artikolu ma jistgħux jipparteċipaw permezz ta' l-Artikolu 5.

8. L-analiżi annwali għall-approprjazzjonijiet għall-ko-finanzjament ta' l-istrument minn pajjiżi msemmija fil-paragrafi 1 u 7 huma ppubblikati fl-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, Taqsima III, Parti B, l-Anness IV.

Artikolu 7

Konsistenza bejn strumenti finanzjarji

1. Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni ta' pajjiżi kandidati stabbiliti fl-Artikolu 6, proġetti li jirċievu għajnuna prevista permezz tal-Fondi Strutturali jew permezz ta' strumenti oħra ta' l-estimi tal-Komunità m'għandhomx ikunu eliġibbli għal għajnuna finanzjarja permezz ta' dan ir-Regolament.

2. Il-Kummissjoni għandha tassigura li azzjonijiet meħuda fil-qafas ta' dan ir-Regolament ikunu konsistenti ma’ dawk meħuda permezz tal-Fondi Strutturali, riċerka, żvilupp teknoloġiku u programmi ta' demostrazzjoni jew ta' strumenti oħra finanzjarji tal-Komunità.

Artikolu 8

It-tul tat-tielet fażi u tar-riżorsi ta' l-estimi

1. LIFE għandha tkun implimentata f'fażijiet. It-tielet fażi għandha tibda mill-1 ta' Jannar 2000 u għandha tispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2004. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni tat-tielet fażi għall-perijodu 2000 sal-2004 huwa b'hekk stabbilit għal 640 miljuni EUR.

2. Ir-riżorsi ta' l-estimi allokati għall-azzjonijiet li hemm disposizzjoni dwarhom f'dan ir-Regolament għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali ta' l-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Id-disponibbilità ta' l-approprjazzjonijiet annwali għandha tkun awtorizzata mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

3. L-ammont ta' riżorsi li għandhom ikunu allokati għal kull qasam ta' attività għandhom ikunu kif ġej:

(a) 47 % għal azzjonijiet meħuda permezz ta' l-Artikolu 3;

(b) 47 % għal azzjonijiet meħuda permezz ta' l-Artikolu 4;

(ċ) 6 % għal azzjonijiet meħuda permezz ta' l-Artikolu 5.

Il-miżuri akkumpanjatriċi għandhom ikunu limitati għal 5 % ta' l-approprjazzjonijiet disponibbli.

Artikolu 9

Sorveljar ta' proġetti

1. Għal xi proġett iffinanzjat minn LIFE, il-benefiċċjarju għandu jibgħat lill-Kummissjoni u, fuq talba, lill-Istat Membru kkonċernat rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tax-xogħol. Rapporti mibgħuta lill-Istati Membri jistgħu jintbagħtu f'għamla sommarja. Rapport finali għandu jintbagħat wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien tliet xhur mit-twettiq tal-proġett.

Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-għamla u l-kontenut ta' dawn ir-rapporti. Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq indikaturi fiżiċi u finanzjarji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-proġetti jew fil-kuntratt jew ftehim li jkun iffinalizzat mal-benefiċċjarji. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu tali hekk li jindikaw il-proġress tax-xogħol u l-għanijiet li għandhom ikunu milħuqa fil-limiti speċifiku taż-żmien.

2. Mingħajr preġudizzju għal awditjar imwettaq mill-Qorti ta' l-Awdituri b'kordinament mal-korpi jew tad-dipartimenti ta' awditjar nazzjonali bis-saħħa ta' l-Artikolu 248 tat-Trattat, xi spezzjoni mwettqa bis-saħħa ta' l-Artikolu 279(ċ) tat-Trattat, uffiċjali u impjegati oħra tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu verifiki fuq il-post, inklużi verifiki bħala kampjuni, fuq proġetti ffinanzjati permezz ta' LIFE.

Qabel ma jsiru verifiki fuq il-post, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċċjarju u lill-Istat Membru sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajba biex tissuspetta frodi u/jew użu mhux xieraq.

3. Għal perijodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament f'dak li jirrigwarda xi azzjoni, il-benefiċċjarju ta' għajnuna finanzjarja għandu jżomm disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti kollha bħala sostenn dwar l-ispiża ta' l-azzjoni.

4. Fuq il-bażi tar-riżultati tar-rapporti u verifiki ta' kampjunar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tagħmel aġġustament għall-iskala jew il-kundizzjonijiet ta' l-allokazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja oriġinalment approvata u ukoll tat-tabella taż-żmien għall-pagamenti.

5. Il-Kummissjoni għandha tieħu kull pass ieħor meħtieġ biex tivverifika li l-proġetti ffinanzjati jkunu mwettqa kif xieraq u in konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1. Il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta' għajnuna finanzjarja mogħtija għal proġett jekk issib irregolaritajiet, inklużi nuqqas ta' konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew il-ftehim li jagħti s-sostenn finanzjarju f'dak il-każ, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tkun mitluba, l-azzjoni kienet ġiet suġġetta għal tibdil drastiku li jkollu kunflitt man-natura jew il-kundizzjonijiet li jimplimentaw il-proġett.

2. Jekk il-limiti taż-żmien ma jkunu osservati jew jekk parti biss tal-għajnuna finanzjarja allokata tkun iġġustifikata mill-progress fl-implimentazzjoni ta' proġett, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċċjarju biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-kumplament tal-għajnuna finanzjarja u tinsisti dwar il-ħlas lura tas-sommom diġà mħallsa.

3. Xi pagament mhux dovut għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. Imgħax jista’ jkun magħdud ma’ xi somom li ma jkunux tħallsu lura fi żmien xieraq. Il-Kummissjoni tista’ tesiġi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 11

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala "il-Kumitat").

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu applikabbli, billi jingħata każ tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tiegħu.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 12

Valutazzjoni tat-tielet fażi u l-kontinwazzjoni ta' LIFE

1. Mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a) rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-kontribuzzjoni lejn l-iżvilupp ta' l-ipolitika ambjentali tal-Komunità, u l-użu magħmul mill-approprjazzjonijiet kif ukoll, fejn xieraq, proposti għal xi aġġustamenti li għandhom isiru bil-għan li titkompla l-azzjoni aktar ’il bogħod mit-tielet fażi;

(b) jekk xieraq, proposta li tikkonċerna r-raba’ fażi ta' LIFE.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu bi qbil mat-Trattat, għandhom jiddeċidu mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2004 dwar l-implimentazzjoni tar-raba’ fażi mill-1 ta' Jannar 2005.

Artikolu 13

Tħassir tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1973/92

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1973/92 għandu jkun imħassar mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda u l-kuntratti jew ftehim iffinalizzati li jirrigwardjaw l-għoti ta' għajnuna finanzjarja bis-saħħa ta' dak ir-Regolament.

2. Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat-tabella ta' ekwivalenza msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Lulju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

J. Glavany

[1] ĠU C 15, ta' l-20.1.1999, p. 4.

[2] ĠU C 209, tat-22.7.1999, p. 14.

[3] ĠU C 374, tat-23.12.1999, p. 45.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta'April 1999 (ĠU C 219, tat-30.7.1999, p. 265), ikkonfermata fis-6 ta' Mejju 1999 (ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 275), il-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-22 ta'Ottubru 1999 (ĠU C 346, tat-2.12.1999, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2000 (għandha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 u id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2000.

[5] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 1.

[6] ĠU L 181, ta' l-20.7.1996, p. 1.

[7] ĠU L 275, ta' l-10.10.1998, p. 1.

[8] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[9] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

[10] ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/49/KE (ĠU L 223, tat-13.8.1997, p. 9).

[11] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/62K/E (ĠU L 305, tat-8.11.1997, p. 42).

--------------------------------------------------

ANNESS

TABELLA TA' EKWIVALENZA

Ir-Regolament (KEE) Nru 1973/92 | Dan ir-Regolament |

Artikolu 1 | Artikolu 1 |

Artikolu 2(1)(a) | Artikolu 3(1) u (2)(a) |

Artikolu 2(1)(b)(i) u (ii) | Artikolu 4(1) u (2)(a) |

Artikolu 2(1)(b)(iii), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 4(1) u (2)(b) |

Artikolu 2(1)(b)(iii), l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ inċiżi | __ |

Artikolu 2(2)(a) | Artikolu 5(1) u (2)(a) |

Artikolu 2(2)(b) u (ċ) | __ |

Artikolu 2(3) | Artikolu 3(2)(b), Artikolu 4(2)(ċ), Artikolu 5(2)(b) |

Artikolu 4(a) | Artikolu 3(3), l-ewwel sentenza, l-Artikolu 4(3), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 5(3), l-ewwel sentenza |

Artikolu 4(b) | __ |

Artikolu 5 | Artikolu 7(1) |

Artikolu 6 | Artikolu 7(2) |

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 8(1), l-ewwel u t-tieni sentenzi |

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu | Artikolu 8(1), it-tielet sentenza |

Artikolu 7(1), it-tielet subparagrafu | Artikolu 8(2), it-tieni sentenza |

Artikolu 7(2) | __ |

Artikolu 7(3) | __ |

Artikolu 8(1) | Artikolu 8(3) |

Artikolu 8(2) | Artikolu 3(3)(a), l-ewwel parti, u (b) u l-Artikolu 4(3), it-tieni u t-tielet subparagrafi |

Artikolu 8(3) | Artikolu 3(3)(a), it-tieni parti, l-Artikolu 4(3), ir-raba’ subparagrafu u l-Artikolu 5(3), it-tieni sentenza |

Artikolu 9(1) | Artikolu 3(4) u (8)(a) u l-Artikolu 4(5) u (8)(a) |

Artikolu 9(2) | Artikolu 5(4) |

Artikolu 9(3) | __ |

Artikolu 9(4) | Artikolu 3(6), Artikolu 4(9) u Artikolu 5(6) |

Artikolu 9(5), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 3(7), l-ewwel subparagrafu, u 8(a) l-ewwel sentenza, Artikolu 4(8)(a) u (10) u Artikolu 5(7) |

Artikolu 9(5), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż | Artikolu 3(7), it-tieni subparagrafu u Artikolu 4(11) |

Artikolu 9(5), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż | Artikolu 5(8) |

Artikolu 9(6) | Artikolu 3(7), it-tieni subparagrafu, Artikolu 4(11) u Artikolu 5(8) |

Artikolu 9a(1)(a) | Artikolu 2 |

Artikolu 9a(1)(b)(i) | Artikolu 3(5)(a) |

Artikolu 9a(1)(b)(ii) u (iii) | Artikolu 4(6) |

Artikolu 9a(1)(b)(iv) | __ |

Artikolu 9a(1)(ċ) l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba inċiżi | Artikolu 5(5) |

Artikolu 9a(1)(ċ) il-ħames u s-sitt inċiżi | Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, (b) u (ċ) |

Artikolu 9a(2) | __ |

Artikolu 9b | Artikolu 4(7)(b), (ċ) u (d) |

Artikolu 10(1) l-ewwel inċiż | Artikolu 9(5) |

Artikolu 10(1), it-tieni u t-tielet inċiżi | __ |

Artikolu 10(2) | Artikolu 9(2) |

Artikolu 10(3) | Artikolu 9(3) |

Artikolu 11(1) | Artikolu 10(1) |

Artikolu 11(2) | Artikolu 10(2) |

Artikolu 11(3) | Artikolu 10(3) |

Artikolu 12(1) | __ |

Artikolu 12(2) | Artikolu 9(1) |

Artikolu 12(3) | Artikolu 9(4) |

Artikolu 12(4) | __ |

Artikolu 13 | Artikolu 11 |

Artikolu 13a | Artikolu 6 |

Artikolu 14 | Artikolu 12 |

Artikolu 15 | __ |

Artikolu 16 | __ |

Artikolu 17 | Artikolu 14 |

--------------------------------------------------