32000R1040



Official Journal L 118 , 19/05/2000 P. 0001 - 0001


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1040/2000

tas-16 ta’ Mejju 2000

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1255/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti mill-ħalib

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) L-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 [4] jipprovdi għal rifużjonijiet dwar ċerti prodotti koperti bir-Regolament jekk ikunu esportati bħala oġġetti elenkati fl-Anness II ta’ miegħu, imsejsa fuq il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti fil-kummerċ dinji u d-differenza bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet fil-Komunità, fil-limiti li jirriżultaw mill-ftehim konklużi skond l-Artikolu 300 tat-Trattat.

(2) F’numru ta’ setturi agrikoli, b’mod partikolari fiċ-ċereali, iz-zokkor, ir-ross u l-bajd, il-Kummissjoni ingħatat ir-responsabbiltà li tidentifika l-oġġetti li jistgħu jikkwalifikaw għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, inkluzi l-oġġetti li ma jidħlux fl-Anness I mat-Trattat, sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa sabiex isir l-użu l-iktar effiċjenti possibbli tar-riżorsi disponibbli; huwa għalhekk approprjat illi l-Kummissjoni tingħata l-istess responsabbiltajiet sabiex jiġu identifikati l-oġġetti eliġibbli għar-rifużjonijiet fis-settur tal-prodotti mill-ħalib,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 31 (14) ta’ Regolament (KE) Nru 1255/1999 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"14. Ir-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, inklużi l-arranġamenti għat-tqassim mill-ġdid tal-kwantitajiet esportabbli mhux allokati jew mhux użati, u kull emenda għal l-Anness II għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 42. Madanakollu, ir-regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati l-paragrafi 8, 10, 11 u 12 għall-prodotti riferiti fl-Artikolu 1 u esportati fil-għamla ta’ l-oġġetti elenkati fl-Anness II ma’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 3448/93."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, is-16 Mejju 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Capoulas Santos

[1] ĠU C Nru L 89 E, tat-28.3.2000, p. 31.

[2] Opinjoni mogħtija fit-3 Mejju 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

[3] ĠU C 75, tal-15.3.2000, p. 14.

[4] ĠU L160, tas- 26.6.1999, p. 48.

--------------------------------------------------