32000L0047



Official Journal L 193 , 29/07/2000 P. 0073 - 0074


Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/47/KE

ta' l-20 ta' Lulju, 2000

li temenda d-Direttivi 69/169/KEE u 92/12/KEE dwar restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni tal-birra ġol-Finlandja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tieħħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) L-Artikolu 26 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar, 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti soġġetti għal sisa u fuq iż-żamma, moviment u kontroll ta' tali prodotti [4], jikkonċedi lill-Finlandja d-dritt li żżomm limitu kwantitattiv ta' 15-il litru għall-akkwisti ta' birra minn Stati Membri oħra, kif stipulat fl-Att ta' l-Għaqda ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, li huma eżenti minn taxxi Finlandiżi.

(2) Il-Finlandja għandha tieħu miżuri sabiex tiżgura li l-importazzjonijiet tal-birra minn pajjiżi terzi mhumiex permessi taħt kondizzjonijiet iktar favorevoli minn tali importazzjoni minn Stati Membri oħra.

(3) L-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/12/KEE jawtorizza lill-Finlandja biex tkompli tapplika, sal-31 ta' Diċembru, 2003, l-istess restrizzjonijiet fuq il-kwantità ta' oġġetti li jistgħu jiddaħħlu fit-territorju tagħha mingħajr iżjed ħlas ta' sisa kif applikat fil-31 ta' Diċembru, 1996, b'dan illi dawk ir-restrizzjonijiet jitneħħew progressivament.

(4) L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/169/KEEC tat-28 ta' Mejju, 1969 dwar l-armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet stipulati mil-liġi, regolamenti jew azzjoni amministrattiva li jirrigwardaw eżenzjonijiet mit-taxxa fuq it-valur tal-bejgħ u sisa fuq importazzjonijiet fuq l-ivjaġġar internazzjonali [5] jipprovdi għal konċessjonijiet dwar oġġetti li jinsabu fil-bagalji ta' vjaġġaturi li ġejjin minn pajjiżi minbarra l-Istati Membri bil-kondizzjoni li tali importazzjonijiet ma għandhomx karattru kummerċjali.

(5) Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/12/KEE jirrappreżentaw deroga mill-prinċipju fundamentali tas-suq intern, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini tiegħu li jittrasportaw oġġetti mixtrija għall-użu tagħhom fil-Komunità kollha mingħajr ma jeħlu spejjeż ta' dazju ġdid, għalhekk huwa meħtieġ li l-effetti tiegħu jiġu limitati kemm jista’ jkun possibbli.

(6) Huwa xieraq, f'dan l-istadju, li jittella l-limitu kwantitattiv kurrenti għall-akkwisti ta' birra minn Stati Membri oħra, f'diversi stadji biex il-Finlandja tallinja ruħha pass pass mar-regoli tal-Komunità stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12/KEE u sabiex tiżgura t-tneħħija għal kollox ta' konċessjonijiet intra-Komunitarji għal birra sal-31 ta' Diċembru, 2003, kif stabbilit fl-Artikolu 26(1) ta' dik id-Direttiva.

(7) Il-Finlandja għaddiet minn problemi dwar il-politika ta' l-alkoħol u l-politika soċjali u tas-saħħa, kif ukoll l-ordni pubblika, bħala riżultat ta' żieda fl-importazzjonijiet privati, fost l-oħrajn inter alia tal-birra.

(8) Il-Finlandja talbet deroga sabiex tapplika limitazzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-birra minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri, ta' mhux inqas minn 6 litri.

(9) Qiegħed jittieħed kont tas-sitwazzjoni ġeografika tal-Finlandja, id-diffikultajiet ekonomiċi ta' kummerċjanti bl-imnut Finlandiżi li jinsabu fir-reġjuni tal-konfini u t-telf konsiderevoli fid-dħul ta' flus kaġunati miż-żieda fl-importazzjonijiet tal-birra minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri.

(10) Għalhekk huwa meħtieġ li l-Finlandja tiġi awtorizzata tapplika restrizzjoni ta' mhux anqas minn 6 litri fuq l-importazzjonijiet tal-birra minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri.

(11) Huwa xieraq li din id-deroga tinżamm sentejn aktar mir-restrizzjonijiet fuq il-birra li tiddaħħal fil-Finlandja minn Stati Membri oħra, sabiex il-kummerċ bl-imnut Finlandiż jitħalla jaddatta għal din is-sitwazzjoni ġdida,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-paragrafu li jmiss għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 69/169/KEE:

"9. Bħala deroga mill-Artikolu 4(1), il-Finlandja għandha tiġi awtorizzata, sal-31 ta' Diċembru, 2005, tapplika limitu kwantitattiv ta' mhux anqas minn 6 litri fuq l-importazzjoni tal-birra minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri."

Artikolu 2

Is-sentenza li jmiss għandha tiżdied mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 92/12/KEE: "Il-Finlandja għandha żżid ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għal birra sa’ mhux anqas minn 24 litru mid-dħul fis-seħħ tal-leġislazzjoni Finlandiża li tbiddel l-Artikolu 5(9) tad-Direttiva 69/169/KEE, sa’ ta' l-inqas 32 litri mill-1 ta' Jannar, 2001 u sa’ ta' l-inqas 64 litri mill-1 ta' Jannar, 2003."

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta' Novembru, 2000. Huma għandhom minnufih jinfurmaw il-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir tali riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 20 ta' Lulju, 2000.

Għall Kunsill

Il-President

F. Parly

[1] ĠU C 177 E, tas-27.6.2000, pġ. 93.

[2] Opinjoni mogħtija nhar l-14 ta' Ġunju, 2000 (mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[3] Opinjoni mogħtija nhar l-24 ta' Mejju, 2000 (mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[4] ĠU L 76, tat-23.3.1992, pġ. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 96/99/KE (ĠU L 8, tal-11.1.1997, pġ. 12).

[5] ĠU L 133, ta' l-4.6.1969, pġ. 6. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 94/4/KE (ĠU L 60, tat-3.3.1994, pġ. 14).

--------------------------------------------------