32000L0035



Official Journal L 200 , 08/08/2000 P. 0035 - 0038


Direttiva 2000/35/KE tal-parlament ewropew u tal-kummissjoni

tad-29 ta’ Ġunju 2000

dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ta’ l-4 ta’ Mejju 2000,

Billi:

(1) Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar programm integrat favur l-SMEs u s-settur tas-snajja [4], il-Parlament Ewropew sforza lill-Kummissjoni biex tibgħat proposti li jittrattaw mal-problema ta’ ħlas tard.

(2) Fit-12 ta’ Mejju 1995 il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar il-perjodi ta’ ħlas fi transazzjonijiet kummerċjali [5].

(3) Fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar perjodi ta’ ħlas fi transazzjonijiet kummerċjali [6], il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tibdel ir-rakkomandazzjoni tagħha fi proposta għal direttiva tal-Kunsill li għandha tintbagħat kemm jista’ jkun malajr.

(4) Fid-29 ta’ Mejju 1997 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta opinjoni dwar il-Karta l-Ħadra tal-Kummissjoni dwar Akkwist Pubbliku fl-Unjoni Ewropea: Nesploraw it-triq għal quddiem [7].

(5) Fl-4 ta’ Ġunju 1997 il-Kummissjoni ppubblikat pjan ta’ azzjoni għal suq wieħed, li jenfasizza li ħlas tard jirrappreżenta ostakolu serju li dejjem qiegħed jikber għas-suċċess tas-suq wieħed.

(6) Fis-17 Ta’ Lulju 1997 il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar il-ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali [8],li jiġbor fil-qosor ir-riżultat ta’ evalwazzjoni ta’ l-effetti tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 1995.

(7) Piżijiet tqal amministrattivi u finanzjarji huma mqiegħda fuq in-negozji, b’mod partikolari dawk żgħar u ta’ daqs medju, bħala riżultat tal-perjodi eċċessivi ta’ ħlas u ħlasijiet tard. Barra dan, dawn il-problemi huma l-kawża prinċipali għall-fallimenti li jheddu l-ħajja tan-negozji u jirriżultaw f’telf numeruż ta’ impjiegi.

(8) F’xi Stati Membri perjodi kuntrattwali ta’ ħlas ivarjaw b’mod sinifikanti mill-medja tal-Kummissjoni.

(9) Id-differenzi bejn ir-regoli u l-prattiċi tal-ħlas fl-Istati Membri jikkostitwixxu ostaklu għall-iffunzjonar xieraq tas-suq intern.

(10) Dawn għandhom l-effett li jillimitaw konsiderevolment transazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati Membri. Din hija f’kontradizzjoni ma’ l-Artikolu 14 tat-Trattat billi intraprendituri għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw mas-suq intern kollu taħt kondizzjonijiet li jiżguraw li operazzjonijiet li jsiru fil-fruntiera bejn pajjiż u ieħor ma jinvolvux riskji akbar mill-bejgħ domestiku. Tgħawwiġ fil-kompetizzjoni jsegwi jekk regoli sostanzjalment differenti japplikaw għall-operazzjonijiet domestiċi u dawk li jsiru fil-fruntiera bejn pajjiż u ieħor.

(11) L-aktar statistika reċenti tindika li ma kien hemm ebda titjib fil-ħlasijiet tard f’ħafna Stati Membri mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tat-12 ta’ Mejju 1995.

(12) L-oġġettiv tal-ġlieda kontra ħlasijiet tard fis-suq intern ma jistax jintlaħaq suffiċjentement billi l-Istati Membri jaġixxu individwalment u jista’, għalhekk, jintlaħaq aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-oġġettiv. Din id-Direttiva tikkonforma għalhekk, kollha kemm hi, mal-ħtiġijiet tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità kif imniżżla fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(13) Din id-Direttiva għandha tkun limitata għall-ħlasijiet magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali u m’għandhiex tirregola transazzjonijiet mal-konsumaturi, interess b’konnessjoni ma’ ħlasijiet oħra, eż. ħlasijiet taħt il-liġijiet dwar ċekkijiet u kambjali, ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-ħsarat inklużi ħlasijiet minn kumpaniji ta’ assigurazzjoni.

(14) Il-fatt li l-professjonijiet liberali huma koperti b’din id-Direttiva ma jfissirx li l-Istati Membri għandhom jittrattawhom bħala intrapriżi jew negozjanti għall-għanijiet mhux koperti b’din id-Direttiva.

(15) Din id-Direttiva tiddefinixxi biss l-espressjoni "titolu ta’ infurzar" iżda ma tirregolax il-proċeduri varji għall-eżekuzzjoni furzata ta’ dak it-titolu u l-kondizzjonijiet li taħthom eżekuzzjoni furzata ta’ dak it-titolu tista’ titwaqqaf jew tiġi sospiza.

(16) Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li kien finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri minn rati baxxi ta’ imgħax fuq ħlasijiet tard u/jew proċeduri bil-mod għar-rimedju. Ċaqliqa deċiżiva, inkluż il-kumpens għall-kredituri għall-ispejjeż magħmula, huwa meħtieġ biex titreġġa’ lura din ix-xejra u biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi ta’ ħlasijiet tard ikun dawk li jiskoraġġixxu l-ħlas tard.

(17) Il-kumpens raġonevoli biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għandu jkun ikkunsidrat mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom imħallef nazzjonali jista’ jagħti lill-kreditur kull ħsara addizzjonali kkawżata mill-ħlas tard tad-debitur, waqt li jingħata konsiderazzjoni wkoll li n-nefqa magħmula tista’ tkun diġà ġiet ikkumpensata bl-imgħax għall-ħlas tard.

(18) Din id-Direttiva tagħti kont tal-kwistjoni ta’ perjodi twal kuntrattwali ta’ ħlas u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċerti kategoriji ta’ kuntratti fejn perjodu itwal ta’ ħlas flimkien mar-restrizzjoni ta’ ħelsien tal-kuntratt jew rata għola ta’ imgħax tista’ tkun iġġustifikata.

(19) Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż ta’ ħesien ta’ kuntratt għall-iżvantaġġ tal-kreditur. Fejn il-ftehim prinċipalment iservi l-għan li jforni lid-debitur b’likwidità addizzjonali a spejjeż tal-kreditur, jew fejn il-kuntrattur prinċipali jimponi fuq dawk li jipprovdulu u s-sottokuntratturi termini ta’ ħlas li ma humiex iġġustifikati fuq il-bażi tat-termini mogħtija lilu nnifsu, dawn jistgħu jiġu meqjusa li jkunu fatturi li jikkostitwixxu dak l-abbuż. Din id-Direttiva ma taffettwax id-disposizzjonijiet nazzjonali li jirrelataw mal-mod kif kuntratti huma konklużi jew jirregolaw il-validità ta’ termini kuntrattwali li m’humiex ġusti għad-debitur.

(20) Il-konsegwenzi ta’ ħlas tard jistgħu jkunu disważivi biss jekk ikunu akkumpanjati minn proċeduri għal rimedji li huma rapidi u effettivi għall-kreditur. B’konformità mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 12 tat-Trattat, dawk il-proċeduri għandhom ikunu disponibbli għall-kredituri kollha li huma stabbiliti fil-Komunità.

(21) Huwa mixtieq li jiġi żgurat li l-kredituri jkunu f’posizzjoni li jeżerċitaw ritenzjoni tat-titolu fuq bażi mhux diskriminatorju mal-Komunità kollha, jekk il-klawsola tat-titolu ta’ ritenzjoni hija valida taħt id-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli maħsuba bil-liġi privata internazzjonali.

(22) Din id-Direttiva għandha tirregola t-transazzjonijiet kummerċjali kollha irrispettivament ta’ jekk jitwettqux bejn intrapriżi privati jew pubbliċi jew bejn intrapriżi privati u awtoritajiet pubbliċi, waqt li jingħata kont tal-fatt li dawn ta’ l-aħħar jimmaniġġjaw volum konsiderevoli ta’ ħlasijiet lin-negozju. Għandha għalhekk tirregola wkoll it-transazzjonijiet kummerċjali kollha bejn il-kuntratturi prinċipali u dawk li jipprovdulhom u s-sottokuntratturi.

(23) L-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva jeħtieġ li l-proċedura biex jiġu rkuprati talbiet mhux kontestati jiġu mitmuma f’perjodu qasir ta’ żmien b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, iżda ma jeħtieġx li l-Istati Membri jadottaw xi proċedura speċifika jew li jemendaw il-proċeduri eżistenti legali tagħhom b’mod speċifiku,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Skop

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta’ din il-Direttiva:

1. "transazzjonijiet kummerċjali" tfisser transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas, "awtorità pubblika" tfisser kull awtorità jew entita li tikkuntratta, kif definita bid-Direttivi ta’ Ksib Pubbliku 92/50/KEE

[9], 93/36/KEE [10], 93/37/KEE [11] u 93/38/KEE [12],

"intrapriża" tfisser kull organizzazzjoni li taġixxi fil-kors ta’ l-attività ekonomika tagħha indipendenti jew professjonali, ukoll meta titwettaq minn persuna waħda;

2. "ħlas tard" tfisser meta jiġi eċċedut il-perjodu kuntrattwali jew statutorju ta’ ħlas;

3. "ritenzjoni ta’ titolu" tfisser il-ftehim kuntrattwali li skond dan il-bejjiegħ iżomm it-titolu ta’ l-oġġetti in kwistjoni sakemm il-prezz sħiħ ikun tħallas;

4. "rata ta’ imgħax applikata lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament" tfisser ir-rata ta’ imgħax applikata għal dawk l-operazzjonijiet fil-każ ta’ offerti b’rata fissa. Fil-każ li operazzjoni prinċipali ta’ rifinanzjament tiġi kondotta skond proċedura ta’ offerta b’rata li tvarja, din ir-rata ta’ imgħax tirreferi għar-rata marġinali ta’ imgħax li tirriżulta minn dik l-offerta. Din tapplika kemm fil-każ ta’ rata waħda u rkantijiet b’rata varjabbli;

5. "titolu ta’ infurzar" tfisser kull deċiżjoni, sentenza jew ordni għall-ħlas maħruġ minn xi qorti jew awtorità kompetenti oħra, sew għall-ħlas immedjat jew għall-ħlas bin-nifs, li jippermetti lill-kreditur li jkollu t-talba tiegħu kontra d-debitur miġbura permezz ta’ eżekuzzjoni furzata, għandha tinkludi deċiżjoni, sentenza jew ordni għall-ħlas li hija proviżżorjament enforzabbli u li tibqa’ hekk wkoll jekk id-debitur jappella kontra tagħha.

Artikolu 3

Imgħax fil-każ ta’ ħlas tard

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

(a) imgħax skond il-punt (d) għandu jsir dovut mill-jum li jiġi wara d-data jew it-tmiem tal-perjodu għall-ħlas iffissat skond il-kuntratt;

(b) jekk id-data jew il-perjodu għall-ħlas ma tkunx iffissata fil-kuntratt, l-imgħax għandu jsir dovut awtomatikament mingħajr il-ħtieġa ta’ nota ta’ tfakkir:

(i) 30 jum li jiġu wara d-data li d-debitur jirċievi l-fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas; jew

(ii) jekk id-data li fiha tiġi riċevuta l-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas ma tkunx żgurata, 30 jum wara d-data li fiha jiġu riċevuti l-oġġetti jew servizzi; jew

(iii) jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew it-talba ekwivalenti għall-ħlas qabel l-oġġetti jew is-servizzi, 30 jum wara li l-oġġetti jew is-servizzi jiġu riċevuti; jew

(iv) jekk proċedura ta’ aċċettazzjoni jew verifikazzjoni, li dwarha l-konformità ta’ l-oġġetti jew servizzi mal-kuntratt għandha tiġi żgurata, hija pprovduta għaliha skond l-istatut jew fil-kuntratt u jekk id-debitur jirċievi l-fattura jew talba ekwivalenti għall-ħlas qabel jew fid-data li fiha dik l-aċċettazzjoni jew verifikazzjoni sseħħ, 30 jum wara din id-data ta’ l-aħħar;

(ċ) il-kreditur għandu jkun intitolat għall-imgħax fuq ħlas tard sal-limitu li:

(i) ikun wettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu kuntrattwali u legali; u

(ii) ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien;

(d) il-livell ta’ imgħax għall-ħlas tard ("ir-rata statutorja"), li d-debitur huwa obbligat li jħallas, għandu jkun is-somma ta’ rata ta’ imgħax applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament l-aktar reċenti mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju ta’ nofs is-sena in kwistjoni ("ir-rata ta’ referenza"), miżjuda b’ta’ lanqas seba’ punti ta’ persentaġġ ("il-marġini"), sakemm ma jkunx xort’oħra speċifikat fil-kuntratt. Għal Stat Membru li mhux jieħu sehem fit-tielet stadju ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, ir-rata ta’ referenza riferita hawn fuq għandha tkun ir-rata ekwivalenti ffissata mill-bank ċentrali nazzjonali tiegħu. Fiż-żewġ każi, ir-rata ta’ referenza fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju ta’ nofs is-sena in kwistjoni għandha tapplika għas-sitt xhur ta’ wara;

(e) sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien, il-kreditur għandu jkun intitolat li jitlob kumpens raġonevoli mid-debitur għall-ispejjeż kollha relevanti ta’ rkupru magħmula minħabba l-ħlas tard ta’ dan ta’ l-aħħar. Dawk l-ispejjeż ta’ rkupru għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ trasparenza u proporzjonalità fir-rigward tad-dejn in kwistjoni. L-Istati Membri jistgħu, waqt li jirrispettaw il-prinċipji riferiti hawn fuq, jiffissaw ammonti massimi fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ rkupru għal-livelli differenti ta’ dejn.

2. Għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti li għandhom jiġu definiti mil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw perjodu li warajh l-imgħax isir dovut sa massimu ta’ 60 jum b’dan illi jew jirrestrinġu lill-partijiet għall-kuntratt milli jeċċedu l-perjodu jew jiffissaw rata mandatorja ta’ imgħax li tkun teċċedi sostanzjalment ir-rata statutorja.

3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li ftehim fuq id-data tal-ħlas jew fuq il-konsegwenzi ta’ ħlas tard li ma jkunux jaqblu mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) sa (d) u 2 jew ma jkunx infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk, meta ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluża l-prattika kummerċjali xierqa u n-natura tal-prodott, jiġu kkunsidrati, ikunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur. Biex jiġi ddeterminat jekk ftehim ikunx inġust għall-aħħar għall-kreditur, għandu jingħata, inter alia, kont jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mid-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) sa (d) u 2. Jekk jiġi stabbilit li dak il-ftehim ikun inġust għall-aħħar, it-termini statutorji għandhom japplikaw, sakemm il-qrati nazzjonali ma jistabbilixxux kondizzjonijiet differenti li huma ġusti.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fl-interessi tal-kredituri u l-kompetituri, mezzi adegwati u effettivi jeżistu biex jimpedixxu l-użu kontinwu ta’ termini li jkunu inġusti għall-aħħar skond it-tifsira tal-paragrafu 3.

5. Il-mezzi li għalihom jirreferi l-paragrafu 4 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom organizzazzjonijiet uffiċjalment rikonoxxuti bħala, jew li jkollhom interess leġittimu fi, li jirrappreżentaw intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi kompetenti amministrattivi fuq il-bażi li t-termini kkuntrattati mħejjija għall-użu ġenerali huma inġusti għall-aħħar skond it-tifsira tal-paragrafu 3, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi addattati u effettivi biex jipprevjienu l-użu kontinwat ta’ dawk it-termini.

Artikolu 4

Ritenzjoni ta’ titolu

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu b’konformità mad-disposizzjonijiet applikabbli nazzjonali maħsuba mil-liġi internazzjonali privata li l-bejjiegħ iżomm it-titolu ta’ l-oġġetti sakemm ikunu tħallsu kollha jekk klawżola ta’ ritenzjoni ta’ titolu kienet espressament miftiehma bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ qabel it-twassil ta’ l-oġġetti.

2. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet li jittrattaw ma’ ħlasijiet akkont diġà magħmula mid-debitur.

Artikolu 5

Proċeduri ta’ rkupru għal talbiet mhux kontestati

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titolu infurzabbli jista’ jinkiseb, irrispettivament mill-ammont tad-dejn, normalment fi żmien 90 jum kalendarju wara li tinbeda l-azzjoni tal-kreditur jew applikazzjoni fil-qorti jew awtorità kompetenti oħra, sakemm id-dejn jew aspetti oħra tal-proċedura ma jkunux disputati. Dan id-dover għandu jitwettaq mill-Istati Membri b’konformità mal-leġislazzjoni, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rispettivi tagħhom

2. Il-leġislazzjoni, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rispettivi għandhom japplikaw l-istess kondizzjonijiet għall-kredituri kollha li huma stabbiliti fil-Komunità Ewropea.

3. Il-perjodu ta’ 90 jum kalendarju riferit fil-paragrafu 1 m’għandux jinkludi dan li ġej:

(a) il-perjodi biex jiġu servuti d-dokumenti;

(b) kull dewmien kawżat mill-kreditur, bħal perjodi użati għall-korrezzjoni ta’ l-applikazzjonijiet.

4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar ġurisdizzjoni u nfurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [13].

Artikolu 6

Transposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Awissu 2002. Għandhom jinfurmaw bihom minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir ir-referenza għandhom jitniżżlu mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew iġibu fis-seħħ disposizzjonijiet li jkunu l-aktar favorevoli għall-kreditur mid-disposizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva.

3. Fit-transposizzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

(a) djun li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment istitwiti kontra d-debitur;

(b) kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it-8 ta’ Awissu 2002; u

(ċ) talbiet għall-imgħax ta’ anqas minn EUR 5.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert b’din id-Direttiva.

5. Il-Kummissjoni għandha twettaq fi żmien sentejn mit-8 ta’ Awissu 2002 reviżjoni ta’ inter alia, ir-rata statutorja, il-perjodi ta’ ħlasijiet kuntrattwali u ħlasijiet tard, tistma l-impatt fuq transazzjonijiet kummerċjali u t-tħaddim tal-leġislazzjoni fil-prattika. Ir-riżultat ta’ din ir-reviżjoni u reviżjonijiet oħra għandu jsir magħruf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat fejn jixraq bi proposti għal titjib f’din id-Direttiva.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 8

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ġunju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

M. Marques Da Costa

[1] ĠU C 168, tat-3.6.1998, pġ. 13 u ĠU C 374, tat-3.12.1998, pġ. 4.

[2] ĠU C 407, tat-28.12.1998, pġ. 50.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 1998 (ĠU C 313, tat-12.10.1998, pġ. 142), Posizzjoni komuni tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 1999 (ĠU C 284, tas-6.10.1999, pġ. 1) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2000 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2000.

[4] ĠU C 323, tal-21.11.1994, pġ. 19.

[5] ĠU L 127, ta’ l-10.6.1995, pġ. 19.

[6] ĠU C 211, tat-22.7.1996, p. 43.

[7] ĠU C 287, tat-22.9.1997, pġ. 92.

[8] ĠU C 216, tas-17.7.1997, pġ. 10.

[9] ĠU L 209, ta’ l-24.7.1992, pġ. 1.

[10] ĠU L 199, tad-9.8.1993, pġ. 1.

[11] ĠU L 199, tad-9.8.1993, pġ. 54.

[12] ĠU L 199, tad-9.8.1993, pġ. 84.

[13] Il-verżjoni konsolidata tidher fl-ĠU C 27, tas-26.1.1998, pġ. 3.

--------------------------------------------------