32000D1031



Official Journal L 117 , 18/05/2000 P. 0001 - 0010


Id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill

tat-13 ta’ April 2000

li Tistabbilixxi l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunià Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4] fid-dawl tat-test konġunt approvat fid-9 ta’ Marzu 2000 mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni,

Billi:

(1) It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej jipprovdi li l-azzjoni ta’ din ta’ l-aħħar għandha, inter alia, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u taħriġ. Dan kien imtenni reżolutament mit-Trattat ta’ Amsterdam iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 li jiddikjara li l-Komunità għandha wkoll tippromvowi l-iżvilupp ta’ l-għola livell possibbli ta’ għarfien għall-popli tagħha permezz ta’ aċċess wiesgħa ta’ edukazzjoni u permezz ta’ aġġornar kontinwu ta’ dak l-għarfien.

(2) Bid-Deċiżjoni tagħhom Nru 818/95/KE ta’ l-14 ta’ Marzu 1995 li tadotta t-tielet fażi tal-programm "Iż-Żagħżagħ għall-Ewropa" [5], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew programm ta’ azzjoni fir-rigward tal-koperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ. Huwa xieraq li tiġi segwita u msaħħa l-koperazzjoni u l-azzjoni tal-Komunità f’dak il-qasam fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba minn dak il-programm.

(3) Il-Kunsill Ewropew straordinarju dwar l-impiegi li sar fil- Lussemburgu fl-20 u l-21 ta’ Novembru 1997 adotta strateġija koordinata għax-xogħol li fih l-edukazzjoni matul il-ħajja kollha u t-taħriġ għandhom irwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ gwida stabbiliti bir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 [6] għall-politika ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri biex jittejbu l-opportunitajiet tax-xogħol, l-addattabilità u l-kultura ta’ intraprenditiżmu u għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet ugwali.

(4) Il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha "Lejn Ewropa ta’ l-Għarfien" stabbilixxiet linji ta’ gwida għall-ħolqien ta’ żona ta’ edukazzjoni Ewropea miftuħa u dinamika li kapaċi li tikseb l-għanijiet ta’ edukazzjoni matul il-ħajja kollha u taħriġ.

(5) Fil-White Paper tagħha "Għallem u tgħallem - Lejn soċjetà li titgħallem", il-Kummissjoni ddikjarat li l-ħruġ ta’ soċjetà li titgħallem tinvolvi li jiġi inkoraġġit l-akkwist ta’ tagħrif ġdid u għal dan il-għan tiġi pprovduta l-motivazzjoni li wieħed jitgħallem f’kull opportunità. Fil-Green Paper tagħha "Edukazzjoni, taħriġ, riċerka: l-ostakoli ta’ mobilità transnazzjonali", il-Kummissjoni enfasizzat il-vantaġġi tal-mobilità għall-poplu u l-kompetittività fl-Unjoni Ewropea.

(6) Hemm il-ħtieġa li tiġi mħajra ċ-ċittadinanza attiva, biex jissaħħu r-rabtiet bejn miżuri meħuda taħt dan il-programm u biex titħarrax il-ġlieda għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u kontra l-esklużjoni fil-forom kollha tagħha, inkluż ir-razziżmu u x-xenofobija. Attenzjoni speċjali għandha tiġi ffokata fuq it-tneħħija tad-diskrminazzjoni u fuq il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel.

(7) L-azzjonijiet ta’ dan il-programm għandhom jilħqu liż-żgħażagħ b’mod ġenerali u mhux dawk biss inizjati u/jew li jagħmlu sehem minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk jintrabtu li jipprovdu firxa adegwata ta’ tagħrif u tixrid addattat għal dawk l-azzjonijiet.

(8) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi kwadru tal-Komunità maħsub li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ servizzi volontarji transnazzjonali. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jadottaw miżuri xierqa u kordinati biex jitneħħew l-ostakoli legali u amministrattivi sabiex jittejjeb aktar l-aċċess taż-żgħażagħ għall-programm u jiġi ffaċilitat l-għarfien tan-natura speċifika tas-servizz volontarju għaż-żgħażagħ.

(9) L-iskambju ta’ żgħażagħ b’mod partikolari jikkontribwixxi għall-fiduċja komuni, it-tisħiħ tad-demokrazija, it-tolleranza u l-volontà ta’ koperazzjoni u solidarjetà bejn iż-żgħażagħ, u huma għalhekk kruċjali għall-koeżjoni u aktar żvilupp fl-Unjoni.

(10) Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ servizzi volontarji hija tip ta’ edukazzjoni nformali li twassal għall-akkwist ta’ aktar tagħrif, li l-kwalità tiegħu għandha tkun ibbażata fil-parti l-kbira tagħha fuq miżuri xierqa ta’ tħejjija, inklużi dawk ta’ natura lingwistika u kulturali. Tkun ta’ għajnuna biex tiġi stabbilita d-direzzjoni futura tal-ħajja tagħhom, biex twessa’ l-orizzonti tagħhom u tiżviluppa l-kapaċitajiet soċjali tagħhom, iċ-ċittadinanza attiva u l-integrazzjoni bilanċjata fis-soċjetà mill-punto di vista ekonomiku, soċjali u kulturali, inkluż it-tħejjija għall-ħajja tax-xogħol, u tippromovi l-għarfien ta’ ċittadinanza Ewropea vera.

(11) Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ Mejju 1998 dwar il-politika ta’ tagħrif u komunikazzjoni fl-Unjoni Ewropea [7], il-Parlament Ewropew iddikjara li, fir-rigward ta’ appoġġ u programmi ta’ azzjoni, l-għażla tal-proġetti għandha tkun aktar trasparenti u r-raġunijiet ta’ dik l-għażla jkunu aktar ċari għal dawk li jibagħtu l-proġetti.

(12) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu li jiggarantixxu l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet Ewropej ta’ servizzi ta’ volontarjat u l-iskemi varji simili nazzjonali.

(13) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fid-Deċiżjoni tagħhom Nru 253/2000/KE dwar l-edukazzjoni, u l-Kunsill, fid-Deċiżjoni 1999/382/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar it-taħriġ, stabbilixxew programmi ta’ azzjoni tal-Komunità għall-oqsma ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ rispettivament, li flimkien jikkontribwixxu mal-programm taż-żgħażagħ għall-Ewropa ta’ tagħrif.

(14) Il-politika ta’ koperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni informali, u għalhekk għat-tagħlim matul il-ħajja kollha, u huwa meħtieġ li din il-politika tiġi żviluppata aktar.

(15) L-integrazzjoni taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol hija parti essenzjali mill-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà, u din titlob ukoll li l-kapaċitajiet u l-kompetenzi kollha tagħhom miksuba bħala parti mill-esperjenzi tagħhom ta’ edukazzjoni informali jingħataw għarfien u li jitqiegħed premjum għoli fuq l-importanza tagħhom.

(16) Huwa meħtieġ, biex jiġi rinfurzat il-valur miżjud ta’ l-azzjoni tal-Komunità li l-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandhom jiżguraw il-koerenza u l-komplementarjetà fil-livelli kollha bejn l-azzjonijiet implimentati fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni u politiki oħra relevanti, strumenti u azzjonijiet.

(17) Huwa importanti li l-Kumitat tal-Programm taż-Żgħażagħ, għandu jikkonsulta, fuq il-bażi ta’ arranġamenti li għandhom jiġu definiti, mal-kumitati responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Komunità ta’ taħriġ vokazzjonali u programmi ta’ edukazzjoni (Leonardo da Vinci u Socrates). Huwa importanti li l-Kumitat tal-Programm taż-Żgħażagħ jinżamm regolarment infurmat dwar l-inizjattivi tal-Komunità meħuda fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u żgħażagħ.

(18) Il-Kunsilli Ewropej ta’ Essen (9 u 10 ta’ Diċembru 1994) u Cannes (26 u 27 ta’ Ġunju 1995) enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar azzjoni biex tittejjeb l-integrazzjoni soċjali u vokazzjonali taż-żgħażagħ fl-Ewropa. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Firenze (21 u 22 ta’ Ġunju 1996) enfasizzaw l-importanza li ssir aktar faċli li ż-żgħażagħ jidħlu fil-qasam tax-xogħol. Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Amsterdam (15 sas-17 ta’ Ġunju 1997) tenna l-appoġġ tiegħu għall-attivitajiet li ma jagħmlux profitt. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Deċiżjoni Nru 1686/98/KE fl-20 ta’ Lulju 1998 li jistabblixxi programm ta’ azzjoni tal-Komunità "Servizz volontarju Ewropew għaż-żgħażagħ" [8].

(19) L-attivitajiet Ewropej ta’ servizzi ta’ volontarjat m’humiex sostituzzjoni għas-servizz militari, għall-formoli alternattivi ta’ servizz ipprovduti b’mod partikolari minn persuni konxenzjuzi li joġġezzjonaw jew għas-servizz ċivili obbligatorju li jeżisti f’diversi Stati Membri, u m’għandhomx jirrestrinġu jew ikunu sostitut ta’ l-impieg bi ħlas eżistenti.

(20) L-għoti ta’ permessi tar-residenza u kull viżi meħtieġa jaqgħu fil-kompetenza ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, u l-kunċett ta’ residenza legali huwa definit mill-liġi nazzjonali.

(21) Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni fit-2 ta’ Lulju 1998 dwar il-promozzjoni ta’ l-irwol ta’ organizzazzjonijiet volontarji u fondazzjoni fl-Ewropa [9]. Is-settur volontarju għandu wkoll ikollu rwol importanti li jkun jippermetti li ż-żgħażagħ kollha, partikolarment dawk bl-akbar diffikultajiet, jieħdu sehem f’dawn il-programmi.

(22) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi mħajra l-koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fl-oqsma taż-żgħażagħ u dawk soċjali, kif ukoll fl-oqsma ta’ l-ambjent, il-kultura, l-isport u fil-ġlieda kontra l-forom varji ta’ l-esklużjoni.

(23) Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE) jipprovdi għall-koperazzjoni akbar fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar il-Kummerċ Ħieles (AEKĦ) li jieħdu sehem fiż-Żona Ekonomika Ewropea, mill-oħra. Il-Ftehim ŻEE jistabbilixxi l-proċeduri għall-parteċipazzjoni ta’ l-Istati ta’ l-AEKĦ li jipparteċipaw fiż-ŻEE fil-programmi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ.

(24) Għandha ssir disposizzjoni biex il-programm jinfetaħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati ċentrali u ta’ Lvant ta’ l-Ewropa (CKEE) skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-diversi Ftehim Ewropej, fil-protokolli addizzjonali tagħhom fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni rispettivi, ta’ Ċipru, iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet addizzjonali skond il-proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma’ dak il-pajjiż, kif ukoll ta’ Malta u t-Turkija, iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet addizzjonali, skond id-dispoizzjonijiet tat-Trattat.

(25) Dan il-programm għandu jiġi mmontorjat u kontiwament evalwat b’koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikun jippermetti għall-aġġustamenti mill-ġdid, partikolarment fil-prioritajiet għall-implimentazzjoni tal-miżuri.

(26) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif definiti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, billi l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta jikkonċernaw l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ politika ta’ koperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, inkluż is-servizz Ewropew ta’ volontarjat u l-iskambju ta’ żgħażagħ kemm fil-Komunità u ma’ pajjiżi terzi, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-komplessità u d-diversità fil-qasam taż-żgħażagħ, u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar mill-Komunità minħabba d-dimensjoni transnazzjonali ta’ l-azzjonijiet u l-miżuri tal-Komunità. Din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(27) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul sħiħ tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi l-punt prinċipali ta’ referenza għall-awtorità ta’ l-estimi matul il-proċedura ta’ kull sena ta’ l-estimi, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi [10],

(28) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [11],

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-programm

1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità dwar "Żgħożija", hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "dan il-programm", li jikkonċerna l-politika ta’ koperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, inkluż is-servizz Ewropew ta’ volontarjat u l-iskambji bejn iż-żgħażagħ kemm fil-Komunità u ma’ pajjiżi terzi.

2. Dan il-programm għandu jiġi implimentat matul il-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2000 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2006.

3. Dan il-programm għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ Ewropa ta’ tagħrif biex tiġi żviluppata żona Ewropea ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-politika taż-żgħażagħ, ibbażata fuq edukazzjoni informali u taħriġ. Għandu jippromovi tagħrif matul il-ħajja kollha u jibni fuq it-tagħrif u l-kapaċitajiet u kompetenzi li x’artarx iħajru ċittadinanza attiva u opportunitajiet tax-xogħol.

4. Dan il-programm għandu jappoġġja u jissupplimenta l-azzjoni meħuda minn u fl-Istati Membri waqt li jirrispetta bis-sħiħ id-diversità lingwistika u kulturali tagħhom.

Artikolu 2

Għanijiet tal-programm

1. Sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu t-tagħrif, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi li tista’ tkun waħda mis-sisien ta’ l-iżvilupp futur tagħhom, u biex jeżerċitaw ċittadinanza responsabbli sabiex isiru parti attiva mis-soċjeta u waqt li wieħed iżomm f’moħħu l-importanza tal-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs, l-għanijiet ta’ dan il-programm għandhom ikunu kif ġej:

(a) biex tiġi mħajra l-kontribuzzjoni attivi miż-żgħażagħ lejn il-bini ta’ l-Ewropa permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi skambju transnazzjonali fil-Komunità jew ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġi żviluppat ftehim tad-diversità kulturali ta’ l-Ewropa u l-valuri fundamentali komuni tagħha, u b’hekk jgħin il-promozzjoni ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u x-xenofobija;

(b) biex isaħħaħ is-sens tagħhom ta’ solidarjetà permezz ta’ parteċipazzjoni aktar estensiva miż-żgħażagħ fl-attivitajiet transnazzjonali ta’ servizz tal-komunita fil-Komunità jew ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk li magħhom il-Komunità kkonkludiet xi ftehim ta’ koperazzjoni;

(ċ) biex iħajjar inizjattivi taż-żgħażagħ, intrapriża u kreattività, sabiex ikunu jistgħu jieħdu rwol attiv fis-soċjetà u, fl-istess waqt, jiġi stimulat għarfien tal-valur ta’ l-edukazzjoni informali miksuba fil-kuntest Ewropew;

(d) isaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ billi jħajjar l-iskambju ta’ prattika kif imiss, it-taħriġ ta’ ħaddiema/mexxejja żgħażagħ u l-iżvilupp ta’ azzjonijiet inovattivi fil-livell tal-Komunità.

2. Dan il-programm għandu wkoll jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ qosma relevanti oħra tal-politika tal-Komunità.

Artikolu 3

Azzjonijiet tal-Komunità

1. L-għanijiet ta’ dan il-programm kif imniżżla fl-Artikolu 2 għandhom jiġu segwiti permezz ta’ l-azzjonijiet li ġejjin, li l-kontenut ta’ operazzjoni u l-proċeduri ta’ applikazzjoni tagħhom huma mfissra fl-Anness:

- Żgħażagħ għall-Ewropa,

- Servizz Ewropew ta’ volontarjat,

- Inizjattivi taż-żgħażagħ,

- Azzjonijiet konġunti,

- Miżuri ta’ appoġġ.

2. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati permezz tat-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li jistgħu, fejn xieraq, jiġu kkombinati:

(a) appoġġ għall-mobilità transnazzjonali taż-żgħażagħ;

(b) appoġġ għall-użu ta’ teknoloġiji ta’ tagħrif u komunikazzjoni (ICT) fil-qasam taż-żgħażagħ;

(ċ) appoġġ għall-iżvilupp tan-netwerks ta’ koperazzjoni fil-livell Ewropew li jippermetti l-iskambju komuni ta’ esperjenzi u prattika kif imiss;

(d) appoġġ għall-proġetti transnazzjonali biex jippromovi ċittadinanza ta’ l-Unjoni u l-impenn taż-żgħażagħ għall-iżvilupp ta’ l-Unjoni;

(e) il-promozzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ ilsna u l-ftehim tal-kulturi differenti;

(f) appoġġ għall-proġetti pilota bbażat fuq is-sħubija transnazzjonali maħsuba biex tiżviluppa l-innovazzjoni u l-kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ;

(g) żvilupp, f’livell Ewropew, tal-metodi ta’ l-analiżi u l-insegwiment tal-politika taż-żgħażagħ u l-evoluzzjoni tagħha (eż. databases, figuri prinċipali, għarfien reċiproku ta’ "sistemi") u l-metodi ta’ tixrid ta’ prattika kif imiss.

Artikolu 4

Aċċess għall-programm

1. Dan il-programm huwa mmirat lejn iż-żgħażagħ, fil-prinċipju bejn l-etajiet ta’ 15 u 25 sena, kif ukoll lejn dawk involuti fix-xogħol taż-żgħażagħ, li huma residenti legali fi Stat Membru. Il-limiti ta’ l-età jistgħu jiġu aġġustati bi ftit, fejn dan ikun iġġustifikat minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ ċerti proġetti.

Fi ħdan il-qafas ta’ l-azzjonijiet 1.2, 2.2 u 5 stabbiliti fl-Anness, dan il-programm jista’ wkoll ikun immirat lejn żgħażagħ, fil-prinċipju ta’ etajiet bejn il-15 sa’ 25, u dawk involuti fix-xogħol taż-żgħażagħ li joqogħdu f’pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta’ l-Istati Membri.

2. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha, mingħajr diskriminazzjoni, jkollhom aċċess għall-attivitajiet ta’ dan il-programm.

3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru sforzi speċjali biex jgħinu liż-żgħażagħ li, minħabba raġunijiet kulturali, soċjali, fiżiċi, mentali, ekonomiċi jew ġeografiċi, isibuha aktar diffiċili biex jipparteċipaw fil-programmi relevanti ta’ azzjoni fil-livell tal-Komunità, dak nazzjonali, reġjonali jew lokali, kif ukoll biex jgħinu lil gruppi lokali żgħar. Il-Kummissjoni għandha b’dan tagħti kont tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw dawn il-gruppi speċifiċi, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-esklużjoni.

4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jieħdu l-miżuri xierqa sabiex il-parteċipanti fil-programm ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa skond id-disposizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità. L-Istat Membru ta’ oriġini għandu jagħmel mill-aħjar biex jieħu l-miżuri xierqa sabiex il-parteċipanti fis-Servizz Ewropew ta’ volontarjat ikunu jistgħu jżommu l-protezzjoni soċjali tagħhom.

Artikolu 5

Implimentazzjoni tal-programm u koperazzjoni ma’ l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet tal-Komunità koperti b’dan il-programm b’konformita ma’ l-Anness.

2. Il-Kummissjoni għandha, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, tieħu l-miżuri mfissra fl-Anness (azzjoni 5) sabiex isir l-aħjar użu ta’ dak li jkun inkiseb permezz ta’ l-azzjoni ta’ koperazzjoni tal-Komunità fil-qasam taż-żgħażagħ.

3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa biex iżviluppaw strutturi stabbiliti fil-livell tal-Komunità u dak nazzjonali, biex jinkisbu l-għanijiet tal-programm, b’mod user-friendly, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess taż-żgħażagħ għall-programm u msieħba oħra fil-livell lokali, biex jiġu evalwati u mmonitorjati l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu skond il-programm u biex tiġi applikata konsultazzjoni trasparenti u arranġamenti ta’ għażla.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jieħdu l-miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess taż-żgħażagħ għall-mobilità transnazzjonali permezz ta’ miżuri maħsuba b’mod adegwat biex javżawhom u jagħmluhom konsapevoli dwar dan is-suġġett. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi pprovdut tagħrif addattat u pubbliċità dwar l-azzjonijiet appoġġjati mill-programm.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw it-tmexxija effiċjenti tal-programm; għandhom ukoll jagħmlu mill-aħjar, sa fejn hu possibbli, li jadottaw miżuri bħal dawk hekk kif iqisu meħtieġa u mixtieqa biex jitneħħew ostakoli legali u amministrattivi għall-aċċess ta’ dan il-programm.

5. Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura li t-transzzjoni bejn dawk l-azzjonijiet imwettqa skond il-qafas tal-programmi ta’ qabel tal-Komunità fil-qasam taż-żgħażagħ (Żgħażagħ għall-Ewropa III u s-servizz Ewropew ta’ volontarjat) u l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati skond dan il-programm.

Artikolu 6

Azzjonijiet konġunti

Bħala parti mill-proċess ta’ bini ta’ Ewropa ta’ tagħrif il-miżuri ta’ dan il-programm jistgħu jiġu implimentati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 bħala azzjonijiet konġunti ma’ programmi relatati tal-Komunità u azzjonijiet fl-oqsma taż-żgħażagħ, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.

Artikolu 7

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni li jirrelataw mal-kwistjonijiet riferiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta’ amministrazzjoni riferita fl-Artikolu 8(2):

(a) l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm, inkluż il-pjan ta’ kull sena tax-xogħol għall-implimentazzjoni għall-azzjonijiet tal-programm;

(b) il-bilanċ ġenerali bejn l-azzjonijiet differenti tal-programm;

(ċ) il-kriterji applikabbli biex jiġi stabbilit it-tqassim indikattiv tal-fondi fost l-Istati Membri għall-għan li l-azzjonijiet jiġu amministrati fuq bażi deċentralizzata;

(d) l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet konġunti;

(e) l-arranġamenti għall-evalwazzjoni tal-programm;

(f) l-arranġamenti għall-attestazzjoni tal-parteċipazzjoni minn voluntiera żgħażagħ.

2. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni li jirrelataw mal-kwistjonijiet l-oħra kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni riferita fl-Artikolu 8(3).

Artikolu 8

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikun applikabbli, wara li jingħata kont tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahrejn.

3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu applikabbli, wara li jingħata kont tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 9

Finanzjament

1. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm għall-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1 qiegħed b’dan jiġi stabbilit għal 520 miljun EUR.

2. L-approprjazzjonijiet ta’ kull sena għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità ta’ l-estimi fil-limiti tal-perspettiv finanzjarju.

Artikolu 10

Konsistenza u komplimentarjetà

1. Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri u mingħajr preġudizzju għall-karattru individwali u l-ispeċifiċità ta’ kull programm, għandha tiżgura kollox ma’ kollox il-konsistenza u l-komplementarjetà ma’ politika oħra relevanti tal-Komunità, strumenti u azzjonijiet. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza u ta’ opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel.

2. Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm u attivitajiet oħra tal-Komunità li jirrelataw maż-żgħażagħ, b’mod partikolari fil-qasam tal-kultura u s-settur awdjoviżwali, it-tlestija tas-suq intern, is-soċjetà ta’ l-informatika, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-SMEs, il-politika soċjali, l-impjiegi u s-saħħa pubblika.

3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ dan il-programm ikunu jagħtu kont tal-linji ta’ gwida dwar l-impjiegi adottati mill-Kunsill bħala parti minn strateġija koordinata għall-impiegi.

4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura rabta effiċjenti bejn dan il-programm u l-programmi u l-azzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ imwettqa bħala parti mir-relazzjonijiet esterni tal-Komunità.

Artikolu 11

Il-parteċipazzjoni mill-pajjiżi ta’ l-AEKĦ/ŻEE, il-pajjiżi assoċjati ta’ l-Ewropa Ċentrali u ta’ Lvant (CEEC), Ċipru, Malta u t-Turkija

Dan il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’:

- l-pajjiżi AEKĦ/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE;

- il-pajjiżi assoċjati ċentrali u l-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant (CEEC) skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-diversi Ftehim Ewropej, fil-protokolli addizzjonali tagħhom u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta’ Assoċjazzjonijiet rispettivi;

- Ċipru iffinanzjat mill-approprjazzjonijiet addizzjonali skond il-proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma’ dak il-pajjiż.

- Malta u t-Turkija, iffinanzjati mill-approprjazzjonijiet addizzjonali skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

Artikolu 12

Koperazzjoni internazzjonali

Skond dan il-programm, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7, għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi mhux fil-Komunità u l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti, b’mod partikolari l-Kunsill ta’ l-Ewropa.

Artikolu 13

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha regolarment timmonitorja dan il-programm b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri.

Dan il-immonitoraġġ għandu jinkludi r-rapporti riferiti fil-paragrafu 3 u attivitajiet speċifiċi.

2. Dan il-programm għandu jiġi evalwat regolarment mill-Kummissjoni b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni hija maħsuba biex iżżid l-effettività ta’ l-azzjonijiet implimentati fir-rigward ta’ l-għanijiet riferiti fl-Artikolu 2 u biex tiġi żgurata li l-ugwaljanza ta’ l-aċċess għall-programm kif stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) hija garantita.

Din l-evalwazzjoni għandha wkoll teżamina l-komplimentarjetà bejn l-azzjonijiet taħt dan il-programm u dawk taħt politika oħra relevanti tal-Komunità, strumenti u azzjonijiet.

Skond il-kriterji stabbiliti bl-użu tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 8(2), għandu jkun hemm evalwazzjonijiet esterni regolari tar-riżultati ta’ l-azzjonijiet tal-Komunità.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2004 u sat-30 ta’ Ġunju 2007, rispettivament, ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan il-programm.

4. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

- mas-sħubija ta’ l-Istati Membri ’l ġodda, rapport tal-konsegwenzi finanzjarji tas-sħubija fuq dan il-programm, segwit, fejn xieraq, bi proposti finanzjarji biex jittrattaw il-konsegwenzi finanzjarji ta’ din is-sħubija fuq il-programm, skond id-disposizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina ta’ l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta’ l-estimi u mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Berlin f’Marzu 1999. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jieħdu deċiżjoni fuq dawk il-proposti kemm jista’ jkun malajr,

- rapport interim ta’ evalwazzjoni dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm sat-30 ta’ Ġunju 2005,

- rapport finali dwar l-implimentazzoni ta’ dan il-programm sal-31 ta’ Diċembru 2007.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ April 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Vara

[1] ĠU C 311, ta’ l-10.10.1998, pġ. 6.

[2] ĠU C 410, tat-30.12.1998, pġ. 11.

[3] ĠU C 51, tat-22.2.1999, pġ. 77.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Novembru 1998 (ĠU C 359, tat-23.11.1998, pġ. 75), Posizzjoni komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU C 210, tat-22.7.1999, pġ. 1), u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Ottubru 1999 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ April 2000 u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ April 2000 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 87, ta’ l-20.4.1995, pġ. 1.

[6] ĠU C 30, tat-28.1.1998, pġ. 1.

[7] ĠU C 167, ta’ l-1.6.1998, p. 230.

[8] ĠU L 214, tal-31.7.1998, pġ. 1.

[9] ĠU C 226, ta’ l-20.7.1998, pġ. 66.

[10] ĠU C 172, tat-18.6.1999, pġ. 1.

[11] ĠU L 184, tas-17.7.1999, pġ. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-finanzjament approvat skond il-programm għandu jħares il-prinċipji tal- ko-finanzjament u l-addizzjonalità. Skond l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni, għandhom isiru sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-programm minn żgħażagħ li jiffaċċjaw diffikultajiet ta' natura kulturali, soċjali, fiżika, mentali, ekonomika jew ġeografika, kif ukoll għall-gruppi lokali żgħar. Il-kumitat riferit fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni għandu jistabbilixxi l-forma speċifika li għandhom jieħdu dawn l-isforzi. Il-finanzjament tal-Komunità għandu jitqassam b'dak il-mod biex jagħti kont tal-ħtieġa li jiġi żgurat il-bilanċ bejn l-azzjonijiet ta' mobilità mwettqa u opportunità ugwali ta' parteċipazzjoni għal żgħażagħ ta' kull Stat Membru; jiġifieri, għandu jingħata kont ta' l-Artikolu 4(3).

Inizjattivi maħsuba biex iħajru t-tolleranza u li jiġu aċċettati d-differenzi, kif ukoll miżuri biex jiġġieldu kull forma ta' esklużjoni, għandhom jingħataw inkoraġġiment speċifiku u stimulazzjoni. Il-Komunità għandha tkun riċettiva għall-attivitajiet li jagħtu posizzjoni prominenti għall-kultura u l-isport fil-kuntest ta' l-edukazzjoni informali taż-żgħażagħ.

Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-programm, għandhom jiġu implimentati ħames kategoriji ta' azzjoni fuq il-bażi tal-miżuri deskritti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni:

- Żgħażagħ għall-Ewropa

- Servizz Ewropew ta' volontarjat

- Inizjattivi taż-żgħażagħ,

- Azzjonijiet konġunti

- Miżuri ta' appoġġ.

AZZJONI 1 - ŻGĦAŻAGĦ GĦALL-EWROPA

Azzjoni 1.1. Skambju ta' żgħażagħ intra-Komunitarju

Il-Komunità għandha tappoġġja attivitajiet ta' mobilità għal żgħażagħ b'dan illi l-attivitajiet in kwistjoni jdumu ta' l-anqas ġimgħa, jitwettqu fuq il-bażi ta' proġetti konġunti fil-Komunità u jinvolvu gruppi ta' żgħażagħ fil-prinċipju ta' etajiet bejn il-15 u l-25 sena u li jkunu legalment residenti fi Stat membru. Il-limiti ta' l-etajiet jistgħu jiġu aġġustati bi ftit fejn iġġustifikat minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' ċerti proġetti.

Dawk l-attivitajiet, ibbażati fuq sħubija transnazzjonili bejn gruppi ta' żgħażagħ, għandhom jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom u jkunu maħsuba li jkun possibbli għalihom li jiskopru u jsiru konxji tar-realitajiet differenti soċjali u kulturali u biex iħajruhom li jipparteċipaw fi, jew jibdew, attivitajiet oħra f'livell Ewropew. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-parteċipazzjoni minn żgħażagħ li għalihom din tkun l-ewwel esperjenza ta' attività Ewropea u għal gruppi fuq skala żgħira jew lokali mingħajr esperjenza fil-livell Ewropew.

Sabiex wieħed jersaq lejn bilanċ aħjar bejn l-attivitajiet bilaterali u multilaterali, l-appoġġ tal-Komunità għandu jiġi ffokat progressivament fuq attivitajiet multilaterali ta' mobilità ta' gruppi. Il-mobilità bilaterali ta' gruppi għandha tirċievi l-finanzjament jekk dan ikun iġġustifikat skond it-termini tal-gruppi speċifiċi jew xi approċċ speċifiku pedagoġiku.

L-attivitajiet maħsuba biex isaħħu l-involviment taż-żgħażagħ fi proġetti ta' mobilità ta' gruppi jistgħu jirċievu finanzjament taħt din l-azzjoni, partikolarment fil-forma ta' attivitajiet li jipprovdu liż-żgħażagħ in kwistjoni bi tħejjija lingwistika u interkulturali.

Azzjoni 1.2: Skambju ta' żgħażagħ ma' pajjiżi terzi

Il-Komunità għandha tappoġġja attivitajiet ta' mobilità għal żgħażagħ b'dan illi l-attivitajiet in kwistjoni jdumu ta' l-anqas ġimgħa, jitwettqu fuq il-bażi ta' proġetti konġunti fil-Komunità u jinvolvu gruppi ta' żgħażagħ fil-prinċipju ta' etajiet bejn il-15 u l-25 sena u li jkunu legalment residenti fi Stat Membru jew f'pajjiż terz. Dawn l-attivitajiet ta' mobilità għandhom jinvolvu ta' l-anqas żewġ Stati Membri.

Dawk l-attivitajiet, ibbażati fuq sħubija transnazzjonili bejn gruppi ta' żgħażagħ, għandhom jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom u jkunu maħsuba li jkun possibbli għalihom li jiskopru u jsiru konxji tar-realitajiet differenti soċjali u kulturali u biex iħajruhom li jipparteċipaw fi, jew jibdew, attivitajiet oħra f'livell Ewropew. B'żieda, dawn il-proġetti għandhom jagħmluha possibbli għall-imsieħba f'pajjiżi li jiksbu esperjenza ta' din ix-xorta ta' attività fil-qasam ta' l-edukazzjoni informali u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' xogħol taż-żgħażagħ u assoċjazzjonijiet f'dawk il-pajjiżi.

L-attivitajiet maħsuba biex isaħħu l-involviment taż-żgħażagħ fi proġetti ta' mobilità ta' gruppi jistgħu jirċievu finanzjament, partikolarment fil-forma ta' attivitajiet li jipprovdu liż-żgħażagħ in kwistjoni bi tħejjija lingwistiku u interkulturali qabel it-tluq tagħhom.

AZZJONI 2 - SERVIZZI EWROPEJ TA' VOLONTARJAT

Għall-għanijiet ta' dan il-programm "voluntier żagħżugħ" għandha tfisser persuna li in prinċipju tkun ta' età bejn it-18 u l-25 sena u tkun legalment residenti fi Stat Membru.

Il-voluntiera żgħażagħ għandhom jintrabtu, bħala ċittadini attivi, li jwettqu attività li tagħti forma tanġibbli ta' solidarjetà, bil-ħsieb li jiksbu abbiltajiet u kapaċitajiet soċjali u personali u b'hekk iqiegħdu l-pedamenti għall-iżvilupp futur tagħhom, waqt li fl-istess ħin jikkontribwixxu lejn is-soċjetà. Għal dan il-għan, il-voluntiera żgħażagħ għandhom jipparteċipaw, fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih ikunu joqogħdu, jew f'pajjiż terz, f'attività li ma tagħmilx qliegħ u li tagħha ma jitħallsux ta' importanza għall-komunità u ta' tul ta' żmien limitat (massimu ta' 12-il xahar) fil-kuntest ta' proġetti li għandu l-għarfien mill-Istat Membru u mill-Komunità, b'konformità ma' l-għanijiet ta' dan il-programm stabbiliti fl-Artikolu 2. B'mod partikolari m'għandhomx jirriżultaw fis-sostituzzjoni ta' impjiegi. Full board u lodging kif ukoll mentoring jiġu pprovduti. Il-proġett ta' servizz ta' volontarjat għandu jiżgura li l-voluntiera żgħażagħ ikunu koperti b'assigurazzjoni addattata tas-saħħa. Il-voluntiera żgħażagħ għandhom jirċievu allokazzjoni/pocket money.

Is-servizz Ewropew tal-volontarjat huwa bbażat fuq is-sħubija u r-responsabbiltajiet maqsuma bejn il-voluntiera żgħażagħ, l-organizzazzjoni li tibgħat u l-organizzazzjoni li tospita.

Skond id-disposizzjonijiet li jirrelataw mal-kumitat tal-programm riferit fl-Artikolu 8, dokument, maħruġ mill-Kummissjoni, għandu jiċċertifika l-parteċipazzjoni ta' voluntiera żgħażagħ fis-servizz Ewropew ta' volontarjat u l-esperjenza u l-kapaċitajiet li jkunu kisbu matul il-perjodu relevanti.

Azzjoni 2.1: Servizz intra-Komunitarju Ewropew ta' volontarjat

Il-Komunità għandha tappoġġja proġetti transnazzjonali (għal perjodu limitat li fil-prinċipju jkun bejn tliet ġimgħat u sena) li jinvolvi żgħażagħ, attivament u personalment, fl-attivitajiet maħsuba li jgħinu biex jintlaħqu l-ħtiġiet tas-soċjetà f'firxa wiesgħa ta' oqsma (soċjali, soċjokulturali, ambjentali, kulturali, eċċ.) li jikkostitwixxu fl-istess waqt esperjenza ta' edukazzjoni informali bil-ħsieb tal-ksib ta' kapaċitajiet soċjali u kulturali. Dawn il-proġetti huma maħsuba li jġibu liż-żgħażagħ f'kuntatt ma' kulturi oħra u ilsna oħra u biex jesperjenzjaw ideat ġodda u proġetti f'soċjetà ċivili multikulturali.

Il-Komunità tista' tappoġġja skemi, partikolarment dawk b'element lingwistiku jew interkulturali, bil-ħsieb li tħejji voluntiera żgħażagħ għat-tluq tagħhom u li jgħinu l-integrazzjoni soċjali tagħhom matul dawk l-attivitajiet kif ukoll meta jkunu lestew il-perjodu tagħhom ta' servizz Ewropew ta' volontarjat. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ pedagoġiku u mentoring.

Azzjoni 2.2: Servizz Ewropew ta' volontarjat ma' pajjiżi terzi

Il-Komunità għandha tappoġġja proġetti transnazzjonali (għal perjodu limitat li fil-prinċipju jkun bejn tliet ġimgħat u sena) li jinvolvi żgħażagħ, attivament u personalment, fl-attivitajiet maħsuba li jgħini biex jintlaħqu l-ħtiġiet tas-soċjetà f'firxa wiesgħa ta' oqsma (soċjali, soċjokulturali, ambjentali, kulturali, eċċ.) li jikkostitwixxu fl-istess waqt esperjenza ta' edukazzjoni informali bil-ħsieb tal-ksib ta' kapaċitajiet soċjali u kulturali. Dawn il-proġetti huma maħsuba li jġibu liż-żgħażagħ f'kuntatt ma' kulturi oħra u ilsna oħra u biex jesperjenzjaw ideat ġodda u proġetti f'soċjetà ċivili multikulturali.

Appoġġ jista' jingħata għat-tqegħid ta' azzjoni jew konsolidazzjoni tal-pedamenti meħtieġa għall-iżvilupp trasnazzjonali tal-proġetti tas-servizz Ewropew ta' volontarjat ma' pajjiżi terzi.

Il-Komunità tista' tappoġġa skemi, partikolarment dawk b'element lingwistiku jew interkulturali, bil-ħsieb li tħejji voluntiera żgħażagħ għat-tluq tagħhom u li jgħinu l-integrazzjoni soċjali tagħhom matul dawk l-attivitajiet kif ukoll meta jkunu lestew il-perjodu tagħhom ta' servizz Ewropew ta' volontarjat. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ pedagoġiku u mentoring.

AZZJONI 3 - INIZJATTIVI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Sabiex tiġi mħajra l-inizjattiva u l-kreattività fost iż-żgħażagħ, il-Komunità għandha tappoġġja proġetti li fihom iż-żgħażagħ jipperteċipaw attivament u direttament fi skemi inovattivi u kreattivi u fi skemi li jiffokaw fuq l-impenn soċjali taż-żgħażagħ f'livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Il-proġetti għandhom ikunu jippermettu liż-żgħażagħ li jiżviluppaw l-inizjattivi tagħhom u biex ipoġġu fil-prattika attivitajiet li jkunu ħasbu huma stess u li fihom ikollhom sehem prinċipali.

Il-Komunità għandha tappoġġja inizjattivi li jgħinu lill-voluntiera żgħażagħ li jagħmlu l-aħjar użu possibbli ta' l-esperjenza li jkunu kisbu matul il-perjodu tagħhom ta' servizz ta' volontarjat u biex tiġi mħajra l-integrazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà. Dawk l-inizjattivi meħuda minn żgħażagħ wara li jtemmu s-servizz Ewropew ta' volontarjat tagħhom għandhom jippermettulhom li jibdew u jippromovu attivitajiet ta' natura soċjali, kulturali, soċjokulturali u ekonomika u/jew jimmiraw għall-iżvilupp personali tagħhom. Għandha tingħata priorità ta' aċċess lil dawk iż-żgħażagħ li l-aktar għandhom bżonn.

L-appoġġ għandu jimmira li tiġi mħajjra l-estensjoni ta' dawn il-proġetti biex jiġu nklużi attivitajiet oħra simili mwettqa fi Stati Membri oħra sabiex tissaħħaħ in-natura trasnazzjonali tagħhom u jitwessa' sew il-skambju ta' esperjenzi u koperazzjoni bejn iż-żgħażagħ. Din l-għajuna tista' tinkludi l-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' promuturi żgħażagħ għal inizjattivi ma' l-Ewropa kollha. Tista' tingħata għajnuna finanzjarja għat-twaqqif effettiv ta' sħubija stabbli, transnazzjonali bejn dawk il-proġetti.

AZZJONI 4 - AZZJONIJIET KONĠUNTI

Wara li jiġi kkunsidrat approċċ flessibbli u kreattiv bħala kondizzjoni minn qabel bejn is-setturi, tista' tingħata għajnuna tal-Komunità għall-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni u għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu b'mod konġunt ma' skemi oħra tal-Komunità li jirrelataw ma' Ewropa ta' tagħrif, b'mod partikolari l-programmi tal-Komunità fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha timmira lejn l-iżvilupp ta' sistema komuni ta' tagħrif, osservazzjoni u tixrid li jikkonċernaw il-prattika kif imiss fil-qasam ta' l-għarfien u t-tagħlim matul il-ħajja kollha, flimkien ma' azzjonijiet konġunti fir-rigward tal-multimedia għall-għanijiet ta' edukazzjoni u taħriġ. Dawk il-proġetti għandhom ikopru firxa ta' skemi minn numru ta' setturi differenti li jinkludu ż-żgħażagħ. Jistgħu jiġu ffinanzjati b'mod komplementari minn numru ta' programmi differenti tal-Komunità, u jistgħu jkunu implimentati permezz ta' sejħiet għal proġetti konġunti.

Jistgħu jiġu adottati miżuri xierqa biex jippromwovu, f'livell reġjonali u lokali, kuntatt u interazzjoni bejn dawk li jipparteċipaw f'dan il-programm u fi programmi li jittrattaw ma' taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni. F'dan il-kuntest, jistgħu jiġu appoġġjati attivitajiet li jżidu l-konsapevolezza ta' l-opportunitajiet ipprovduti mill-Komunità għaż-żgħażagħ.

AZZJONI 5 – MIŻURI TA' APPOĠĠ

Azzjoni 5.1: Taħriġ u koperazzjoni b'relazzjoni ma' dawk involuti fil-politika taż-żgħażagħ

Il-finanzjament għandu jingħata għal:

1. Attivitajiet maħsuba li jagħtu aktar taħriġ lill-persuni involuti fix-xogħol taż-żgħażagħ, partikolarment għalliema tas-servizz Ewropew ta' volontarjat, ħaddiema/mexxejja żgħażagħ, dawk li jmexxu l-proġetti Ewropej u l-kunsillieri ta' l-inizjattiva taż-żgħażagħ, li jieħdu sehem fi skemi li jinvolvu direttament liż-żgħażagħ, tax-xorta deskritti fl-azzjonijiet 1, 2 u 3 tal-programm, bl-għan ikun li jiġi żgurat li dawk l-iskemi jkunu ta' kwalità għolja xierqa. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-attivitajiet li jfittxu li jħajru l-parteċipazzjoni ta' dawk iż-żgħażagħ li jsibuha l-aktar diffiċili biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Komunità.

2. Attivitajiet maħsuba li jiżviluppa il-moduli Ewropej li jikkonformaw mal-ħtiġiet għall-koperazzjoni transnazzjonali.

3. Attivitajiet, bħal visti ta' studju, studji ta' possibbiltà, seminars, esperjenza tax-xogħol, li jiffokaw partikolarment fuq il-skambju ta' l-esperjenzi u l-prattika kif imiss b'relazzjoni ma' azzjonijiet konġunti jew kwistjonijiet ta' interess komuni jew li huma maħsuba biex jiffaċilitaw u jippromwovu t-twaqqif ta' sħubija sostenibbli transnazzjonali u/jew netwerks multilaterali bejn dawk l-attivitajiet fil-qasam tax-xogħol taż-żgħażagħ.

4. Attivitajiet esperimentali li jikkomprendu sors ta' innovazzjoni w arrikkir tal-politika taż-żgħażagħ permezz ta' l-implimentazzjoni ta' approċċi ġodda u forom ġodda ta' koperazzjoni, kif ukoll permezz ta' l-isforzi maqsuma ta' parteċipanti minn sfondi differenti.

5. L-appoġġ tal-Komunità jista' jingħata wkoll għall-konferenzi u seminars li jfittxu li jippromovu l-koperazzjoni u l-iskambju ta' prattika kif imiss fil-qasam taż-żgħażagħ, kif ukoll għall-miżuri oħra ta' promozzjoni u tixrid li jirrigwardaw ir-riżultati tal-proġetti u l-attivitajiet appoġġjati fil-qafas ta' l-azzjonijiet tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu maż-żgħażagħ.

L-attivitajiet assoċjati ma' dawn il-miżuri jistgħu jkun biss ta' natura intra-Komunitarja jew jinvolvu pajjiżi mhux membri. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ f'livell reġjonali jew lokali u li m'għandhom ebda esperjenza jew esperjenza żgħira ta', jew skop għal, kuntatti f'livell Ewropew, kif ukoll għal dawk l-attivitajiet li fihom iż-żgħażagħ għandhom sehem prinċipali.

Azzjoni 5.2: Tagħrif għall-istudji ta' dawk ta' età żgħira u żgħażagħ

1. B'linja ma' l-għanijiet tal-programm u b'mod partikolari biex jittejjeb l-aċċess għaż-żgħażagħ kollha u biex tittejjeb l-inizjattiva tagħhom u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lil dawk li jkunu attivi fil-qasam tax-xogħol taż-żgħażagħ f'li jinvolvu ruħhom li jinfurmaw liż-żgħażagħ f'livell Ewropew, kif ukoll li tingħata spinta għall-koperazzjoni bejn is-sistemi ta' tagħrif u ta' komunikazzjoni taż-żagħżagħ stabbiliti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Komunità. F'dan il-kuntest, għandha ssir emfasi partikolari fuq it-twessiegħ tal-koperazzjoni li tinkludi l-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fuq id-djalogu kemm bejn u maż-żgħażagħ.

2. Għal dan il-għan, għandu jiġi pprovdut finanzjament għall-inizjattivi li jinvolvu:

- l-akkwist ta' l-esperjenza meħtieġa u l-kapaċitajiet għat-twettiq ta' proġetti ta' tagħrif għaż-żgħażagħ ibbażati fuq il-koperazzjoni transnazzjonali u proġetti li jipprovdu tagħrif u, b'mod partikolari, servizzi ta' pariri liż-żgħażagħ,

- proġetti koperattivi li jiffokaw fuq it-tixrid tat-tagħrif, u t-titjib tal-konsapevolezza fost iż-żgħażagħ fil-qasam kopert bil-programm u l-għoti ta' aċċess liż-żgħażagħ għat-tagħrif kollu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-programm,

- l-implimentazzjoni, bħala parti mill-proġetti transnazzjonali ta' koperazzjoni, tal-mekkaniżmi li jippermettu d-djalogu kemm bejn u maż-żgħażagħ, partikolarment permezz ta' l-użu ta' media orjentata lejn iż-żgħażagħ u teknoloġiji ġodda.

3. Fir-rigward ta' l-istudji taż-żgħażagħ assoċjati ma' l-għanijiet tal-programm, il-Kummissjoni għandha tappoġġja studji li jiffokaw, fost suġġetti oħra, fuq l-impatt tal-miżuri meħuda għan-nom taż-żgħażagħ u, b'mod partikolari, miżuri li jfittxu li jippromovu l-koperazzjoni f'dan il-qasam. Dawk l-istudji għandhom janalizzaw l-impatt ta' politika oħra fid-dinja taż-żgħażagħ u għandhom ifittxu li jipprovdu stampa aktar ċara u aktar komprensiva tal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u taċ-ċirkostanzi li jgħixu fihom.

Għandha tingħata priorità lill-istudji li jikkonċernaw it-toroq meħuda minn żgħażagħ anqas favorita u emarġinati; għandhom janalizzaw, b'mod partikolari, il-fatturi li jkunu għenu jew fixklu l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ, u għandhom iġibu fuq quddiem l-input mis-settur ta' edukazzjoni nformali b'mod ġenerali mit-tielet settur. Għandha tingħata wkoll priorità għal studji komparattivi maħsuba li jippromovu l-ispirtu ta' inizjattiva, inkluż l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp lokali, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' attivitajiet (ħolqien ta' impjiegi, ħolqien ta' intrapriżi kulturali jew soċjali, eċċ.). Din ir-riċerka għandha tieħu l-forma ta' studju ta' każi, li l-aktar relevanti fosthom għandhom jsiru pubbliċi.

Azzjoni 5.3: Tagħrif u viżibilità tal-miżuri

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex, inter alia, tiġbor tagħrif dwar il-miżuri fil-qasam taż-żgħażagħ minn firxa ta' sorsi, tasal għall-benefiċċji mill-proġetti ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ u żżid il-viżibilità ta' l-azzjonijiet immirati lejn iż-żgħażagħ f'livell tal-Komunità billi jiġu żviluppati l-mezzi addattati ta' djalogu magħhom, inkluż permezz ta' l-Internet.

Azzjoni 5.4: Miżuri ta' appoġġ

1. Aġenziji nazzjonali

Għandha tiġi pprovduta għajnuna tal-Komunità biex tappoġġja l-attivitajiet ta' l-istrutturi mwaqqfa mill-Istati Membri, skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni.

2. Għajnuna teknika u appoġġ operazzjonali

Fit-twettiq tal-programm, il-Kummissjoni jista' jkollha rikors għal organizzazzjonijiet ta' għajnuna teknika li l-finanzjament tiegħu jista' jiġi pprovdut mill-qafas finanzjarju sħiħ tal-programm. Jista' jkollha rikors għall-esperti taħt l-istess kondizzjonijiet. B'żieda, il-Kummissjoni għandha tkun tista' twettaq studji ta' evalwazzjoni u torganizza dawk is-seminars, colloquia u laqgħat oħra ta' esperti li x'aktarx ikunu jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-programm, inkluża l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tista' wkoll twettaq azzjonijiet ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u tixrid.

--------------------------------------------------