32000D0777



Official Journal L 309 , 09/12/2000 P. 0024 - 0028


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

ta' l-1 ta' Diċembru 2000

dwar l-applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen fid-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja, u fl-Islanda u n-Norveġja

(2000/777/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu;

Wara li kkunsidra l-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [1] (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999"), li kien iffirmat fit-18 ta' Mejju 1999 u li daħal fis-seħħ fis-26 ta' Ġunju 2000, u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Billi:

(1) Il-Punt 1 ta' l-Att Finali tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim Schengen iffirmat fid-19 ta' Ġunju 1990 u l-Atti Finali rispettivi tad-diversi Ftehim dwar is-sħubija, għal dik il-Konvenzjoni, tar-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja, li ġew iffirmati fid-19 ta' Diċembru 1996, fihom dikjarazzjoni konġunta dwar id-dħul fis-seħħ ta' l-istrumenti msemmijin.

(2) Id-data li fiha l-acquis ta' Schengen għandu japplika għad-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja, u għall-Islanda u n-Norveġja (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħin "l-Istati Nordiċi") għandha tiġi ffissata.

(3) Biex tkun kompatibbli ma’ l-unjoni Nordika tal-passaporti, dik id-data għandha tkun tapplika għall-Istati Nordiċi kollha.

(4) It-tħejjija ta' din id-Deċiżjoni kien fiha l-istadji li ġejjin. L-ewwel, kwestjonarju sħiħ intbagħat lill-Istati Nordiċi, li t-tweġibiet tiegħu ġew irrekordjati. Wara, saru żjajjar ta' verifikazzjoni u evalwazzjoni fl-Istati Nordiċi kollha skond il-proċeduri applikabbli fi ħdan il-Kunsill, fin-naħat tal-koperazzjoni tal-pulizija u l-protezzjoni tat-tagħrif. Fid-29 ta' Mejju 2000 il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'dawk in-naħat ġew imwettqa. Fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen li tirrelata mal-viżi u l-koperazzjoni konsulari, iż-żjajjar urew li, ħlief għal xi punti li l-Istati Nordiċi għandhom iwettqu biex jikkonformaw mal-ħtiġijiet tal-leġislazzjoni, il-livelli ta'nies meħtieġa, taħriġ, infrastruttura u riżorsi materjali ikunu ġew sodisfatti.

(5) Iżda, fir-rigward tas-Sistema ta' Tagħrif Schengen (SIS), li l-estensjoni tagħha taħt il-proġett SIS 1 + għandu jitlesta b'eżerċizzji ta' testijiet li juri l-kapaċità tagħha għat-tħaddin fi 18-il pajjiż, żjajjar li jevalwaw l-iffunzjonar tagħha għandhom jitwettqu qabel ma l-kontrolli fi fruntieri interni futuri jitneħħew.

(6) Żjajjar ta' evalwazzjoni fil-kuntest ta' kontrolli u sorveljanza fil-fruntieri esterni jkunu twettqu. Urew li rekord pożittiv ta' progress miksub jista’ jitħejja. Iżda, baqa’, madanakollu, xi nuqqasijiet. Huwa għalhekk meħtieġ li jitwettqu aktar żjajjar ta' evalwazzjoni.

(7) L-Istati Membri bagħtu lill-Kunsill lista ta' l-awtoritajiet kompetenti tagħhom riferuti fl-Artikolu 101(4) u 108(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen, iffirmat fid-19 ta' Ġunju 1990. L-Istati Nordiċi ssodisfaw l-obbligazzjonijiet ta' l-Artikolu 114 ta' l-imsemmija Konvenzjoni ta' implimentazzjoni.

(8) Biex jiġi vverifikat jekk l-SIS hix taħdem sew fl-Istati Nordiċi, is-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Tagħrif Schengen (N.SIS) ta' l-Istati Nordiċi għandha tkun tista’ titħaddem kollha kemm hi (jiġifieri dawk li jagħmlu l-aħħar użu għandhom ikollhom aċċess għat-tagħrif reali fil-15-il pajjiż kollu) mill-1 ta' Jannar 2001, qabel l-abolizzjoni tal-kontrolli tal-fruntieri interni.

(9) Il-Kunsill għandu jiżgura li arranġament dwar il-kriterji u mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-kenn mibgħuta f'xi wieħed mill-Istati Membri jew fl-Islanda jew in-Norveġja, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999, eventwalment jitwaqqaf.

(10) Kemm-il darba l-Kunsill ma jistabbilixxix, mal-konklużjoni taż-żjajjar ta' evalwazzjoni li għandhom jitwettqu wara l-1 ta' Jannar 2001, li l-SIS ma tiffunzjonax sew fi Stat Nordiku wieħed jew aktar, jew li l-portijiet u ajruporti f'dawk il-pajjiżi ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġijiet kollha meħtieġa, l-acquis ta' Schengen sħiħ għandu jiġi applikat fir-rigward ta' dawk l-Istati mill-25 ta' Marzu 2001.

(11) Il-proċedura riferita fl-Artikolu 15(4) tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 ġiet imħarsa,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Sa mill-25 ta' Marzu 2001, u bla ħsara għall-Artikolu 3(2):

(a) id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen riferiti fl-Annessi A, B, C u D li jinsabu mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/EC ta' l-20 ta' Mejju 1999 li jistabbilixxu, b'konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropew u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen [2], u kull att adottat mill-Kunsill li jistabbilixxi strument li daħal fis-seħħ u jikkostitwixxi żvilupp ieħor ta' xi waħda jew aktar minn dawk id-disposizzjonijiet, għandhom jgħoddu għad-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja, fir-relazzjonijiet bejniethom u mal-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija u l-Portugall;

(b) id-disposizzjonijiet kollha riferiti fl-Annessi A u B tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċernaw l-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, u kull att addottat mill-Kunsill li jwaqqaf xi strument li jkun daħal fis-seħħ u jikkostitwixxi żvilupp aktar ta' xi waħda jew aktar minn dawn id-disposizzjonijiet, għandhom jgħoddu għall-Islanda u n-Norveġja, fir-relazzjoni tagħhom ma’ xulxin u mal-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja.

Artikolu 2

1. Id-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jirrelataw ma’ l-SIS għandhom jgħoddu, skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 1, sa mill-1 ta' Jannar 2001. Għal dan il-għan, ser jiddaħħal tagħrif reali fis-SIS mill-Istati Nordiċi li, bħall-Istati Membri li dwarhom l-acquis ta' Schengen ikun diġà ġie implimentat, ikunu kapaċi li jużaw dak it-tagħrif bla ħsara tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3. Din l-applikazzjoni m'għandhiex ixxekkel il-koperazzjoni fi ħdan l-unjoni Nordika tal-passaporti.

2. Id-disposizzjonijiet riferiti fl-ewwel paragrafu għandhom jitniżżlu fl-Anness.

3. Sad-data msemmija fl-Artikolu 1, l-Istati Nordiċi:

(a) m'għandhomx ikunu obbligati li jiċħdu d-dħul fit-territorju tagħhom jew li jkeċċu ċittadini ta' pajjiżi terzi li għalihom l-allert SIS ikun inħareġ minn Stat Membru ieħor għall-għanijiet li jiġi miċħud id-dħul u li jiġi minn Stat Membru li dwaru d-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen ikunu diġà japplikaw;

(b) jistgħu jdaħħlu fit-territorju tagħhom ċittadini ta' pajjiżi terzi li dwarhom allert SIS ikun inħareġ minn Stat Membru ieħor għall-għanijiet sabiex jiġu rrifjutati d-dħul, fejn Stat Nordiku jkun iddeċieda li jagħti viża jew permezz ta' residenza ieħor lil dawk iċ-ċittadini;

(ċ) m'għandhomx idaħħlu t-tagħrif kopert bl-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen.

Artikolu 3

1. Matul Jannar u Frar 2001, żjajjar ta' evalwazzjoni għandhom jitwettqu fl-Istati Nordiċi kollha skond il-proċeduri applikabbli fi ħdan il-Kunsill għal dan il-għan, biex jiġi vverifikat jekk l-SIS jiffunzjonax u jekk hux applikat hemm b'mod korrett.

Matul l-istess perjodu, żjajjar addizzjonali ta' evalwazzjoni għandhom jitwettqu fil-portijiet Daniżi u Norveġiżi u fl-ajruporti ta' l-Istati Nordiċi kollha biex jiġi żgurat jekk dawn il-portijiet u l-ajruporti jikkonformawx mal-ħtiġijiet meħtieġa.

Ir-rapport dwar dawn iż-żjajjar għandhom jintbagħtu lill-Kunsill sa l-1 ta' Marzu 2001.

2. Fuq il-bażi ta' dawn ir-rapporti, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri riferiti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea, u bil-vot ta' l-anqas ta' 10 minn dawn il-membri, jista’ jiddeċiedi li jiddifferixxi d-data msemmija fl-Artikolu 1. F'dak il-każ, data ġdida għandha tiġi ffissata mill-Kunsill, waqt li jaġixxi b'unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri riferiti fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Protokoll.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, fl-1 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Paul

[1] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, pġ. 36

[2] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, pġ. 17

--------------------------------------------------

ANNESS

Id-disposizzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 huma kif ġej:

- l-Artikoli 62, 64, 65 u 92 sa 119 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 li timplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-1985, kif supplimentat bid-diversi Ftehim ta' Sħubija ta' l-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja,

- Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta' l-14 ta' Diċembru 1993 dwar ir-Regolamenti Finanzjarji dwar in-nefqa ta' l-iNstallazzjoni u t-tħaddim tas-Sistema ta' Tagħrif Schengen (C.SIS) (SCH/Com-ex(93) 16),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-25 ta' April 1997 dwar l-għoti tal-kuntratt ta' l-Istudju Preliminarju għas-SIS II (SCH/Com-ex(97) 2 rev. 2),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta' Ottubru 1997 dwar il-kontribuzzjonijiet min-Norveġja u l-Islanda dwar in-nefqa ta' l-istallazzjoni u t-tħaddim tas-C.SIS (SCH/Com-ex(97) 18),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta' Ottubru 1997 dwar l-iżvilupp tal-SIS (SCH/Com-ex(97) 24),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-15 ta' Diċembru 1997 li temenda r-Regolament Finanzjarju dwar C.SIS (SCH/Com-ex(97) 35),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-21 ta' April 1998 dwar C.SIS mal-konnessjonijiet 15/18 (SCH/Com-ex(98) 11),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta' April 1999 dwar l-estimi għall-Punt ta' Għajnuna (Help Desk) għall-1999 (SCH/Com-ex(99) 3),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta' April 1999 dwar in-nefqa ta' installazzjoni tas-C.SIS (SCH/Com-ex(99) 4),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta' April 1999 dwar l-adozzjoni tal-Ktejjeb SIRENE (SCH/Com-ex(99) 5),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-18 ta' April 1996 li tiddefinixxi l-kunċett ta' aljen (SCH/Com-ex(96) decl, 5),

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta' April 1999 dwar l-istruttura tas-SIS (SCH/Com-ex(99) decl, 2 rev),

kif ukoll:

- id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-23 ta' Ġunju 1998 li tikkonċerna n-natura kunfidenzjali ta' ċerti dokumenti (SCH/Com-ex(98) 17), sa fejn dawk id-dokumenti jirrelataw mad-disposizzjonijiet riferiti hawn fuq,

- id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-23 ta' Ġunju 1998 dwar klawżola li tinkorpora kollox li tkopri l-acquis ta' Schengen tekniku kollu (SCH/Com-ex(98) 29 rev),

- id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tad-9 ta' Frar 1998 dwar il-ħtif ta' minuri (SCH/Com-ex(97) decl, 13 rev 2),

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/323/EC tat-3 ta' Mejju 1999 dwar it-twaqqif ta' Regolament Finanzjarju li jirregola l-aspetti ta' l-estimi ta' l-immaniġġjar mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ta' kuntratti konklużi f'ismu, f’isem ċerti Stati Membri, li jirrelataw ma’ l-installazzjoni u t-tħaddim tas-Server tal-"Helpdesk Server" tal-Unit li Timmaniġġja u n-Network Sirene Fażi II,

- id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/265/EC tas-27 ta' Marzu 2000 dwar it-twaqqif ta' Regolament Finanzjarju li jirregola l-aspetti ta' l-estimi ta' l-immaniġġjar mid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ta' kuntratti konklużi f'ismu, f'isem ta' ċerti Stati Membri, li jirrelataw ma’ l-installazzjoni u l-iffunzjonar ta' l-infrastruttura ta' komunikazzjoni għall-ambjent ta' Schengen, "Sisnet", kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/664/EC tat-23 ta' Ottubru 2000.

--------------------------------------------------