32000D0750



Official Journal L 303 , 02/12/2000 P. 0023 - 0028


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-27 ta’ Novembru 2000

li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarja sabiex tikkumbatti d-diskriminazzjoni (2001 sa 2006)

(2000/750/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazzija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji illi huma komuni għall-Istati Membri kollha. Skond l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tirrispetta drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertà Fundamentali kif ġejjin mit-tradizzjonijiet konstituzzjonali komuni għall-Istati Membri kollha li jieħdu sehem fihom, bħala prinċipji generali tal-liġi Komunitarja.

(2) Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ bil-qawwa u ripetutament lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżviluppa u ssaħħaħ il-politika tagħha fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet ugwali fl-oqsma kollha fejn tinsab id-diskriminazzjoni.

(3) L-Unjoni Ewropea tirrifjuta teoriji li jippruvaw jistabbilixxu l-eżistenza ta’ razez separati tal-bnedmin. L-użu ta’ l-espressjoni "oriġini razzjali" f'din id-Deċizjoni ma timplikax l-aċċetazzjoni ta’ dawn it-teoriji.

(4) Fl-implimentazzjoni tal-programm, il-Komunità trid tfittex, skond it-Trattat, li telimina l-inugwaljanza u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irgiel u n-nisa, b'mod partikolari għaliex in-nisa spiss huma l-vittmi ta’ diskriminazzjoni multipla.

(5) L-għamliet differenti ta’ diskriminazzjoni ma jistgħux jigu ggradati: ilkoll huma kollha intollerabbli ndaqs. Il-programm huwa maħsub kemm sabiex jiġu skambjati l-prattiċi tajbin eżistenti fl-Istati Membri kif ukoll sabiex jiġu żviluppati prattiċi u politiki ġodda fil-ġlieda kontra id-diskriminazzjoni, inkluża diskriminazzjoni multipla. Din id-Deċiżjoni tista’ tgħin sabiex titqiegħed f'postha strateġija komprensiva sabiex tikkumbatti kull għamla ta’ diskriminazzjoni għal raġunijiet differenti, strateġija li minn issa 'l quddiem għandha tiġi żviluppata b'mod parallel.

(6) L-esperjenza ta’ l-azzjoni fil-livell Komunitarju, b'mod partikolari fil-qasam tas-sess, uriet illi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-prattika titlob għaqda ta’ miżuri u b'mod partikolari ta’ leġislazzjoni u ta’ azzjoni prattika mfassla sabiex tkun ta’ rinforz bejn xulxin. Jistgħu joħorġu lezzjonijiet simili mill-esperjenza li titratta l-oriġini etniku u d-diżabilità.

(7) Il-programm għandu jitratta r-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni bl-eċċezzjoni tas-sess, illi hija ttrattata minn azzjoni Komunitarja speċifika. Id-diskriminazzjoni għal raġunijiet differenti jista’ jkollha karatteristiċi simili u tista’ tiġi miġġielda f'manjieri simili. L-esperjenza miġbura matul ħafna snin dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal ċerti raġunijiet, inkluż is-sess, tista’ tintuża sabiex tibbenefika raġunijiet oħra. Mandankollu, għandhom jintlaqgħu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-għamliet diversi ta’ diskriminazzjoni. Għalhekk, għandhom jitqiesu l-ħtiġiet partikolari tal-persuni b'diżabilità fejn jidħlu l-aċċessibilità ta’ attivitajiet u r-riżultati.

(8) L-aċċess għall-programm għandu jkun miftuħ għall-pubbliku u/jew il-korpi u l-istituzzjonijiet privati involuti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. F'dan il-kuntest għandhom jitqiesu l-esperjenza u l-abilitajiet ta’ l-organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali u nazzjonali.

(9) Ħafna organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-livell Ewropew għandhom esperjenza u kompetenza fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll fis-xogħol tagħhom fil-livell Ewropew bħala difensuri tal-persuni li huma esposti għad-diskriminazzjoni. Jistgħu għalhekk jagħmlu kontribuzzjoni importanti lejn ftehim aħjar ta’ l-għamliet u l-effetti diversi ta’ diskriminazzjoni u biex tiżgura illi it-tfassila, l-implimentazzjoni u s-segwiment tal-programm iqisu l-esperjenza tal-persuni esposti għad-diskriminazzjoni. Fl-imgħoddi, l-Komunità pprovdiet finanzjamenti bażiċi lil organizzazzjonijiet varji li jaħdmu fil-qasam tad-diskriminazzjoni. I l-finanzjament bażiku lil organizzazzjonijiet effettivi mhux governattivi jista’ jkun ta’ ġid siewi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

(10) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċizzjoni għandhom jiġi adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [4].

(11) Huwa meħtieġ, sabiex jissaħħaħ il-valur miżjud ta’ l-azzjoni Komunitarja, illi l-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tiżgura, fil-livelli kollha, il-koerenza u l-komplimentarjetà ta’ l-azzjonijiet implimentati fil-qafas ta’ din id-Deċizjoni u l-politiki l-istrumenti u l-azzjonijiet Komunitarji l-oħra rilevanti, b'mod partikolari dawk fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel skond il-Fondazzjoni Soċjali Ewropea u dawk li jippromwovu l-inklużjoni soċjali. Il-konsistenza u l-kumplimentarjetà fl-attivitajiet rilevanti taċ-Ċentru Ewropew ta’ l-Immonitorjar tar-Razziżmu u x-Xenofobja għandhom jiġu żgurati wkoll.

(12) Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE) jipprovdi għall-koperazzjoni akbar fil-qasam soċjali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-pajjizi ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li jippartaċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (EFTA/ŻEE), min-naħa l-oħra. Għandha ssir dispożizzjoni sabiex dan il-programm jinfetaħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kanditati ta’ l-Ewropa Ċentrali tal-Lvant, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehimijiet Ewropej, fil-protokolli addizzjonali tagħhom u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni rispettivi, għal Ċipru, Malta u t-Turkija, ffinanzjati minn approprijazzjonijiet addizzjonali skond il-proċeduri li jridu jiġu miftiehma ma’ dawn il-pajjiżi.

(13) F'din is-Deċiżjoni huwa inkluż ammont finanzjarju ta’ referenza, fit-tifsira tal-punt 34 tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [5] għat-tul kollu taż-żmien tal-programm, mingħajr b'daqshekk ma jaffettwa l-poteri ta’ l-awtorità ta’ l-estimi finanzjarji kif iddefiniti fit-Trattat.

(14) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi sabiex jiżguraw illi it-test kollha, il-linji gwida u s-sejħiet għall-proposti ppublikati skond dan il-programm ikunu miktuba f'lingwa ċara, sempliċi u aċċessibbli.

(15) Huwa xieraq illi titqies il-ħtieġa li tiġi pprovdut assistenza speċjali, fejn approprjata, biex tgħin lill-persuni li jegħlbu l-ostakoli għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm.

(16) Huwa meħtieġ għas-suċċess ta’ kull azzjoni Komunitarja li jiġu mmonitorjati u evalwati r-riżultati li jirriflettu l-għanjiet.

(17) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif iddefinit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, il-għanjiet ta’ l-azzjoni proposta li tirrigwarda l-kontribuzzjoni Komunitarja sabiex tikkumbatti d-diskriminazzjoni ma jistgħux jinkisbu għal kollox mill-Istati Membri minħabba, fost ħwejjeġ oħra, il-ħtieġa ta’ sħubijiet multilaterali, l-iskambju transnazzjonali tat-tagħrif u d-disseminazzjoni ta’ prattika tajba mifruxa fil-Komunità kollha. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità ddefinit fl-Artikolu msemmi, din id-Deċizzjoni ma tmurx aktar 'il bogħod minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn il-għanjiet,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

L-Artikolu 1

L-istabbiliment tal-programm

Din id-Deċizzjoni tistabbilixxi programm Komunitarju ta’ azzjoni, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-programm", sabiex jippromwovi miżuri sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni diretta u indiretta msejsa fuq l-origini razzjali u etniċi, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, għall-perjodu ta-żmien mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

L-Artikolu 2

L-għanijiet

Fil-limiti tal-poteri tal-Komunità, il-programm għandu jappoġġja u jissupplimenta l-isforzi fil-livell Komunitarju u fl-Istati Membri sabiex jiġu promossi miżuri sabiex jipprevjenu u jiġġieldu d-diskriminazzjoni sewwa jekk imsejsa fuq fattur wieħed jew aktar, filwaqt li jitqiesu, fejn xieraq, l-iżviluppi legislattivi futuri. Il-programm għandu jkollu l-għanjiet li ġejjin:

(a) li jtejjeb il-fehim ta’ kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-diskriminazzjoni permezz ta’ għerf imtejjeb dwar dan il-fenomenu u permezz ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-effettività tal-politiki u l-prattiki.

(b) li jiżviluppa l-kapaċità li jipprevjeni u jindirizza d-diskriminazzjoni effetivament, b'mod partikolari billi jsaħħaħ il-mezzi ta’ l-azzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet u permezz ta’ appoġġ lill-iskambju tat-tagħrif u għall-prattika tajba u għax-xogħol tan- networks fil-livell Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-għamliet differenti tad-diskriminazzjoni;

(ċ) li jippromwovi u jxerred il-valuri u l-prattiċi li fuqhom hija msejsa l-ġlieda kontra id-diskriminazzjoni, inkluż permezz ta’ l-użu ta’ kampanji li jżidu l-konoxxenza.

L-Artikolu 3

L-azzjonijiet Komunitarji

1. Bil-ħsieb li jinkisbu l-għanjiet iddikjarati fl-Artikolu 2, l-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu implimentati fil-qafas transnazzjonali:

(a) l-analiżi tal-fatturi li għandhom x'aqsmu mad-diskriminazzjoni, inklużi permezz ta’ studji u l-iżvilupp ta’ indikaturi u livelli kwalitattivi u kwantitattivi, skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, u l-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-prattika kontra d-diskriminazzjoni, bil-ħsieb li jiġu stmati l-effettività u l-impatt tagħhom, bit-tixrid effettiv tar-riżultati;

(b) il-koperazzjonijiet transnazzjonali u l-promozzjoni tax-xogħol tan- networks fil-livell Ewropew bejn is-sieħba attivi fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-ġlieda kontra tagħha, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

(ċ) iż-żieda tal-konoxxenza, b'mod partikolari sabiex tenfasizza d-dimensjoni Ewropea fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u sabiex jiġu ppubblikati r-riżultati tal-programm, b'mod partikolari permezz ta’ komunikazzjonijiet, pubblikazzjonijiet, kampanji u avvenimenti;

2. L-arranġamenti sabiex jiġu implimentati l-azzjonijiet Komunitarji deskritti fil-paragrafu 1 huma ddikjarati fl-Anness.

L-Artikolu 4

L-implimentazzjoni tal-programm u l-kooperazzjoni ma’ Stati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha:

(a) tiżgura l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet Komunitarji koperti bil-programm skond l-Anness;

(b) ikollha l-iskambju regolari tal-veduti tar-rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew fuq it-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwiment tal-programm u dwar l-orjentazzjonijiet tal-politika li għandhom x'jaqsmu miegħu. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tagħrif rileveanti disponibbli lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 6 dwar l-iskambji tal-veduti tagħhom.

2. Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex:

(a) tippromwovi l-involviment fil-programm tal-partijiet iinteressati kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ kull daqs;

(b) tippromwovi s-sħubija u djalogu attivi bejn l-imsieħba kollha involuti fil-programm, fost ħwejjeġ oħra sabiex tinkoraġġixxi approċċ integrat u koordinat fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

(ċ) tiżgura t-tixrid tar-riżultati ta’ l-azzjonijiet midħula għalihom fil-qafas tal-programm;

(d) tipprovdi tagħrif aċċessibbli u pubbliċità xierqa u s-segwiment rigward l-azzjonijiet appoġġjati mill-programm.

L-Artikolu 5

Il-miżuri ta’ l-implimentazzjoni

1. Il-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw din id-Deċizzjoni li għandha x'taqsam mal-materji referiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skondl il-proċedura maniġerjali referita fl-Artikolu 6(2):

(a) il-linji gwida ġenerali sabiex jiġi implimentat il-programm;

(b) il-pjan annwali tax-xogħol sabiex jiġu implimentati l-azzjonijiet tal-programm, inklużi il-possibilità li jiġu addattati u ssupplimentati t-temi tal-programm;

(ċ) l-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata mill-Komunità;

(d) l-estimi finanzjarji annwali u analiżi statistika tal-fondi fost l-azzjonijiet differenti tal-programm;

(e) l-arranġamenti sabiex jingħażlu l-azzjonijiet u l-organizzazzjonijiet għall-appoġġ Komunitarju u l-abbozz tal-lista ta’ azzjonijiet u organizzazzjonijiet sottomessi mill-Kummissjoni għal dan l-appoġġ;

(f) il-kriterji sabiex il-programm jiġi mmonitorjat u evalwat u, b'mod partikolari, l-effettività tan-nefqa tiegħu u l-arrangamenti għad-disseminazzjoni u t-trasferiment tar-riżultati.

2. Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċizjoni rigward il-materji kollha l-oħra li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura konsultattiva li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6(3):

L-Artikolu 6

Il-Kumitat

1. Kumitat għandu jgħin il-Kummissjoni.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahrejn.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċeduri.

L-Artikolu 7

Il-kooperazzjoni ma’ kumitati oħra

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-kumplimentarjetà tal-programm mal-miżuri l-oħra riferiti fl-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill imgħarraf regolarment dwar l-azzjonijiet Komunitarji l-oħra li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kooperazzjoni regolari u strutturata bejn dan il-Kumitat u l-kumitati monitorjali stabbiliti għall-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet rilevanti l-oħra.

L-Artikolu 8

Il-konsistenza u l-kumplimentarjetà

1. F'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konsistenza ġenerali mal-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet l-oħra ta’ l-Unjoni u tal-Komunità, b'mod partikolari billi tistabbilixxi l-mekkaniżmi appropjati sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet tal-programm ma’ l-attivitajiet rilevanti li għandhom x'jaqsmu mar-riċerka, l-impjiegi, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-inklużjoni soċjali, il-kultura, l-edukazzjoni, il-prattika u l-politika taż-żgħażagħ fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-Komunità.

2. Il-Kummissjoni u l-Stati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza u l-kumplimentarjetà bejn azzjoni midħula għaliha taħt il-programm u l-azzjonijiet rilevanti l-oħra Komunitarji u ta’ l-Unjoni oħra, b'mod partikolari taħt il-Fondi Strutturali u l-inizjattiva Komunitarja "Equal".

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex jiżguraw il-konsistenza u l-kumplimentarjetà bejn l-attivitajiet skond il-programm u dawk imwettqa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

L-Artikolu 9

Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi EFTA/ŻEE, il-pajjiżi assoċjati ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, Ċipru, Malta, u t-Turkija

Il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’:

(a) il-pajjiżi EFTA/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

(b) il-pajjiżi kandidati ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (CCEE) skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'kull Ftehim Ewropew, fil-protokolli addizzjonali tagħhom u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni rispettivi;

(ċ) Ċipru, Malta u t-Turkija, iffinanzjati minn approprjazzjonijiet addizzjonali skond il-proċeduri li jridu jiġu miftiehma ma’ dawn il-pajjiżi;

L-Artikolu 10

Il-finanzjament

1. L-ammont finanzjarju ta’ referenza sabiex jiġi implimentat il-programm għall-perjodu bejn l-2001 u l-2006 huwa hawnhekk stabbilit għal EUR 98,4 miljuni.

2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità ta’ l-estimi finanzjarji fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

L-Artikolu 11

Il-monitorjar u l-evalwazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment il-programm f'koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, bi qbil mal-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 6(2) jew 6(3).

2. Il-programm għandu jiġi evalwat mill-Kummissjoni bl-assistenza ta’ esperti indipendenti. Din l-evalwazzjoni għandha tagħmel stima tar-rilevanza, l-effettività u l-proporzjonijiet l-effettività fl-infiq ta’ l-azzjonijiet implimentati rigward l-għanijiet riferiti fl-Artikolu 2. Hi għandha teżamina wkoll l-impatt tal-programm kollu.

L-evalwazzjoni għandha teżamina wkoll il-kumplimentarjetà bejn azzjoni taħt il-programm u dik segwita taħt politiki, strumenti u azzjonijiet Komunitarji l-oħra rilevanti.

3. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm sal-31 ta’ Diċembru 2005.

L-Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Novembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

É. Guigou

[1] Opinjoni mogħtija fil- 5.10.2000 (Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU C 204, tat-18.4.1999, p. 82.

[3] ĠU C 226, tat-8.8.2000, p. 1.

[4] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[5] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-INDIKAZZJONIJIET SABIEX JIĠI IMPLIMENTAT IL-PROGRAMM

I. Żoni ta’ azzjoni

Il-programm jista’ jopera fiż-żoni li ġejjin, fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità mit-Trattat:

(a) li ma tinħoloqx diskriminazzjoni ġewwa l-amministrazzjonijiet pubbliċi jew minnhom;

(b) li ma tinħoloqx diskriminazzjoni ġewwa l-medja jew minnha;

(ċ) il-parteċipazzjoni ugwali għat-teħid tad-deċizzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali;

(d) l-aċċess ugwali għall-oġġetti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku u s-servizzi tagħhom, inklużi d-djar, it-trasport, il-kultura, il-mistrieh u l-isport;

(e) il-monitorjar effettiv dwar id-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni multipla;

(f) it-tixrid ta’ tagħrif effettiv dwar drittijiet għal trattament ugwali u mhux diskriminazzjoni;

(g) il- mainstreaming tal-politiki u l-prattiċi kontra d-diskriminazzjoni.

Fl-attivitajiet kollha tiegħu, il-programm għandu jirrispetta l-prinċipju tal- gender mainstreaming.

Fit-twettiq tal-programm, il-Kummissjoni tista’, għall-benefiċċju reċiproku tal-Kummissjoni u tal-benefatturi, tagħmel użu minn għajnuna għajuna teknika u/jew amministrattiva fl-identifikazzjoni, it-tħejjija, il-maniġġjar, ir-reviżjoni u l-kontroll tal-programm jew tal-proġetti.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll twettaq studji, torganizza laqgħat ta’ l-esperti, tmexxi kampanji ta’ tagħrif u tniedi pubblikazzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu direttement ma’ l-għan ta’ dan il-programm.

II. L-aċċess għall-programm

Taħt il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni speċifikati f'dan l-Anness, l-aċċess għal dan il-programm għandu jkun miftuħ għall-pubbliku u/jew il-korpi u l-istituzzjonijiet involuti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari:

(a) L-Istati Membri;

(b) l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

(ċ) il-korpi għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali;

(d) is-sieħba soċjali;

(e) l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

(f) l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka;

(g) l-uffiċji nazzjonali ta’ l-istatistika;

(h) il-medja

III. L-azzjonijiet

L-Ewwel Faxxa — L-analiżi u l-evalwazzjoni

Il-miżuri li ġejjin jistgħu jiġu appoġġjati:

1. l-iżvilupp u t-tixrid ta’ serje komprabbli ta’ statistika dwar l-iskala tad-diskriminazzjoni fil-Komunità skond il-ligijiet u l-prattiċi nazzjonali;

2. l-iżvilupp u t-tixrid tal-metodologiji u l-indikaturi dwar l-evalwazzjoni ta’ l-effettività tal-politika u l-prattika kontra d-diskriminazzjoni (li jiġu stabbiliti livelli) skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali;

3. l-analiżi, permezz ta’ rapporti annwali, tal-legislazzjoni u l-prattika kontra d-diskriminazzjoni, bil-ħsieb li tiġi evalwata l-effettività tagħha u sabiex jiġu mxerrda l-lezzjonijiet li joħorġu minnhom;

4. l-istudji tematiċi fil-qafas tat-temi ta’ prijorità li jqabblu u jikkuntrastaw l-approċċi fi ħdan u bejn ir-raġunijiet differenti għad-diskriminazzjoni.

Fl-iimplimentazzjoni ta din il-Faxxa, il-Kummisjoni trid b'mod partikolari tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà ma’ l-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew tal-Monitorjar dwar ir-Razziżmu u x-Xenofobja, il-qafas tal-programm Komunatarju għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ wiri u l-programm statistiku Komunitarju.

It-Tieni Faxxa — Il-bini tal-kapaċità

Il-miżuri li-ġejjin jistgħu jiġu appoġġjati sabiex titjieb il-kapaċità u l-effettività ta’ l-atturi fil-mira involuti fil-ġlieda kontra id-diskriminazzjoni fil-oqsma koperti b'dan il-programm:

1. L-azzjonijiet ta’ skambju transnazzjonali li jinvolvi firxa ta’ atturi minn mill-inqas tliet Stati Membri, li jikkonsistu fit-trasferiment tat-tagħrif, il-lezzjonijiet miġbuda u l-prattika t-tajba. L-attivitajiet jistgħu jinkludu paragun ta’ l-effettività tal-proċess, tal-metodi u ta’ l-għodda li għandhom x'jaqsmu ma’ l-oġġetti magħżula, it-trasferiment reċiproku u l-applikazzjoni tal-prattiki t-tajba, l-iskambju tal-persunal, l-iżvilupp konġunt tal-prodotti, il-proċeduri, l-istrateġija u l-metodoloġija, l-addatament għal kuntesti differenti tal-metodi, ta’ l-għodda u tal-proċess identifikati bħala prattiki tajba u/jew id-disseminazzjoni komuni tar-riżultati, tal-materji viżibbli u ta’ l-avvenimenti. Il-proċess ta’ l-għażla ta’ l-applikazzjonijiet għall-finanzjament skond il-programm irid iqis in-natura diversa tad-diskriminazzjoni;

2. Il-finanzjament bażiku għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti fil-livell Ewropew bl-esperjenza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li jaġixxu bħala difensuri tal-persuni esposti għad-diskriminazzjoni sabiex jippromwovu l-iżvilupp ta’ approċċ integrat u koordinat għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Il-finanzjament bażiku se jwassal sa 90 % tan-nefqa eliġibbli għall-appoġġ.

Il-proċeduri għall-għażla ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu iqisu l-għamliet differenti u natura eteroġenja għall-gruppi li jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni.

It-Tielet Faxxa — Iż-żieda fil-konoxxenza

Jistgħu jiġu appoġġjati l-miżuri li ġejjini:

1. l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, ta’ seminars u ta’ avvenimenti fil-livell Ewropew;

2. l-organizzazzjoni ta’ seminarji mill-Istati Membri b'appoġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fil-qasam kontra d-diskriminazzjoni, u il-promozzjoni tad-dimensjoni Ewropea għall-avvenimenti organizzati fil-livell nazzjonali;

3. l-organizzazzjoni ta’ kampanji permezz tal-medja u l-avvenimenti Ewropej sabiex jappoġġjaw l-iskambju transnazzjonali tat-tagħrif u l-identifikazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ prattiċi tajba, inklużi l-għotjiet ta’ premjijiet għall-azzjonijiet ta’ suċċess taħt it-Tieni Faxxa, sabiex tissaħħaħ il-viżibilità tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;

4. il-pubblikazzjoni ta’ materjal biex jinxterdu r-riżultati tal-programm, inkluż permezz tal-bini ta’ sit ta’ l-Internet li jipprovdi eżempji ta’ prattika tajba, forum għall-iskambju ta’ l-ideat u l-ħażna ta’ l-informazzjoni ta’ sieħba potenzjali għall-iskambju transnazzjonali ta’ l-attivitajiet.

IV. Il-metodi ta’ kif jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għall-appoġġ

L-Ewwel Faxxa : din il-Faxxa trid tiġi implimentata prinċipalment permezz ta’ sejħiet għall-offerti. Għall-koperazzjoni ma’ Uffiċċji Nazzjonali ta’ l-Istatistika, iridu japplikaw il-proċeduri ta’ l-EUROSTAT.

It-Tieni Faxxa : Il-punt 1 u 2, il-punt 2, tat-Tieni Faxxa iridu jiġu implimentati bi tweġiba għas-sejħiet għall-proposti illi jridu jiġu sottomessi lill-Kummissjoni.

It-Tielet Faxxa : din il-Faxxa trid tiġi implimentata, b'mod ġenerali, bi tweġiba għas-sejħiet għall-offerti. dMadankollu, l-azzjoni skond il-punti 2 u 3, u l-punt 3 tat-Tielet Faxxa jistgħu jkunu ssussidjati bi tweġiba għat-talba għal sussidji, per eżempju mill-Istati Membri.

--------------------------------------------------