32000D0596



Official Journal L 252 , 06/10/2000 P. 0012 - 0018


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-28 ta' Settembru 2000

li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati

(2000/596/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistaBbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 63(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Billi:

(1) It-tħejjija ta' politika komuni fuq il-kenn, inklużi l-arranġamenti komuni Ewropej għall-kenn hija parti kostitwenti ta' l-għan ta' l-Unjoni Ewropea biex gradwalment toħloq żona ta' ħelsien, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, sfurzati miċ-ċirkostanzi, b'mod leġittimu jfittxu protezzjoni fl-Unjoni Ewropea.

(2) L-implimentazzjoni ta' din il-politika għandha tkun ibbażata fuq solidarjetà bejn l-Istati Membri u teħtieġ l-eżistenza ta' mekkaniżmi maħsuba għall-promozzjoni ta' bilanċ fl-isforzi magħmula mill-Istati Membri f'li jirċievu u jġorru l-konsegwenzi li jġibu magħhom ir-refuġjati u persuni oħra li ma jistgħux jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom. Għal dak il-għan, għandu jitwaqqaf Fond Ewropew għar-Refuġjati.

(3) Huwa meħtieġ li jkunu appoġġjati l-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex joffru kondizzjonijiet ta' laqgħa xierqa lir-refuġjati u l-persuni l-oħra li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom, inklużi proċeduri ta' kenn imparzjali u effettiv, biex ikunu protetti d-drittijiet tal-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.

(4) L-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà tal-pajjiż li fih dawn jistabbilixxu ruħhom hija waħda mill-għanijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u, għal dan il-għan, għandu jkun hemm appoġġ għall-azzjoni mill-Istati Membri maħsuba biex tippromwovi l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom, sakemm din tkun tagħti kontribuzzjoni għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, li ż-żamma u t-tisħiħ ta' dawn huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Komunità msemmi fl-Artikoli 2 u 3(1)(k) tat-Trattat.

(5) Huwa fl-interessi kemm ta' l-Istati Membri u kemm tal-persuni kkonċernati li r-refuġjati u l-persuni li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom jitħallew jibqgħu jgħixu fil-konfini ta' l-Istati Membri billi jingħataw l-opportunità li jipprovdu għajxien billi jaħdmu.

(6) Billi l-miżuri appoġġjati mill-Fondi Strutturali u miżuri oħra tal-Komunità fil-qasam ta' l-Edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mhumiex fihom infushom biżżejjed biex tavvanza din l-integrazzjoni, għandu jingħata appoġġ għal miżuri speċjali biex ir-refuġjati u l-persuni li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom jibbenfikaw b'mod sħiħ mill-programmi li jiġu organizzati.

(7) Huwa meħtieġ appoġġ prattiku biex jinħolqu jew jitjiebu l-kondizzjonijiet li bihom ir-refuġjati u l-persuni li ma jkunux jistgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata biex iħallu t-territorju ta'l-Istati Membri u jmorru lura lejn darhom, jekk huma jkunu jixtiequ hekk.

(8) Għandhom jinstabu mezzi prattiċi biex tkun ittestjata azzjoni innovattiva f'dan il-qasam u l-iskambji bejn l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa bil-ħsieb li jkunu identifikati u mmexxija ‘il quddiem l-aktar prattiċi effettivi.

(9) Għandha tittieħed konsiderazzjoni ta' l-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni ta'l-azzjoni konġunta tal-Kunsill 1999/290/JHA [5] fuq l-ilqugħ u r-ripatrijazzjoni volontarja tar-refuġjati, tal-persuni li ma jistgħux jerġgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom u ta' dawk kollha li jfittxu kenn.

(10) Kif stabbbilit mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu li nżammet f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, għandha titwaqqaf riżerva finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza biex tingħata protezzjoni temporanja fil-każ ta' influss qawwi ta' refuġjati.

(11) Huwa ġust li jkunu allokati riżorsi li jkunu fi proporzjon għall-piż li jkun hemm fuq kull wieħed mill-Istati Membri minħabba l-isforzi tiegħu fil-laqgħa ta' refuġjati u persuni li ma jistgħux jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom.

(12) L-appoġġ provdut mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati għandu jkun aktar effiċjenti u mmirat aħjar jekk il-ko-finanzjar ta' azzjoni eliġibbli tkun ibbażata fuq talba minn kull Stat Membru, waqt li kull wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni u l-ħtiġiet tiegħu.

(13) Biex jitħaffu u jkunu simplifikati aktar il-proċeduri ta' ko-finanzjar, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu distinti minn dawk ta' l-Istati Membri. Għandha ssir, għalhekk, disposizzjoni għall-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat it-talbiet ta' l-Istati Membri għal ko-finanzjar, biex tadotta deċiżjonijiet dwar il-ko-finanzjar, waqt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tmexxija ta' l-azzjoni.

(14) Din l-implimentazzjoni ta' azzjoni deċentralizzata mill-Istati Membri għandha tipprovdi garanziji biżżejjed dwar id-dettalji u l-kwalità ta' l-implimentazzjoni, ir-riżultati ta' l-azzjoni tagħhom u l-evalwazzjoni ta' din, kif ukoll dwar it-tmexxija finanzjarja tajba u s-sorveljanza ta' din.

(15) Mezz wieħed ta' kif ikun żgurat li l-azzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati tkun effettiva hija dik ta' monitoraġġ effiċjenti. Il-kondizzjonijiet ta' dan il-monitoraġġ għandu jkun stabbilit.

(16) Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltjiet tal-Kummissjoni għall-kontroll finanzjarju, il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan il-qasam għandha tkun stabbilita.

(17) Ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għat-tkomplija u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet u ksur tar-regolamenti, u dik tal-Kummissjoni fejn l-Istati Membri ma josservawx l-obbligi tagħhom, għandha tkun speċifikata.

(18) L-effettività u l-impatt ta' l-azzjoni appoġġjata mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati jiddependu wkoll fuq l-evalwazzjoni ta' din, u r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, u l-arranġamenti biex tkun żgurata r-rabta fuq l-evalwazzjoni, għandhom ikunu stabbiliti.

(19) L-azzjoni għandha tkun evalwata kull nofs terminu biex issir stima ta' l-impatt tagħha, u l-proċess ta' l-evalwazzjoni għandu jkun inkorporat fil-monitoraġġ ta' l-azzjoni.

(20) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' implimentazzjoni ta' setgħat mogħtija lill-Kummissjoni [6].

(21) F'konformità mal-prinċipji tas-sussidju u l-proporzjonalità hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li tintwera solidarjetà bejn l-Istati Membri billi jinkiseb bilanċ fl-isforzi magħmula minn dawk l-Istati Membri fil-laqgħa ta' refuġjati u persuni li ma jistgħux jiġu ripatrijari lura f'pajjiżhom u fil-ġarr tal-piż tal-konsegwenzi ghal din l-azzjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala jew l-impatt ta'l-azzjoni, jintlaħqu aħjar mill-Komunità. Din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(22) Din id-Deċiżjoni tapplika għar-Renju Unit u għall-Irlanda minħabba n-notifikazzjonijiet li huma kkomunikaw, f'konformità ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll fuq il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea.

(23) Id-Danimarka, f'konformità ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, mhix se tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u għalhekk mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

L-GĦANIJIET U D-DMIRIJIET

Artikolu 1

It-twaqqif u l-għan tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati

1. Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (minn issa ‘il quddiem imsejjaħ "il-Fond") għandu jitwaqqaf biex jappoġġja u jinkoraġġixxi l-isforzi magħmula mill-Istati Membri fil-laqgħa u l-ġarr tal-piż tal-konsegwenzi li jġibu magħhom ir-refuġjati u persuni li ma jistgħux jerġgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom.

2. Il-Fond għandu jitħaddem mill-1 ta' Jannar 2000 sal-31 Diċembru 2004.

Artikolu 2

Disposizzjonijiet Finanzjarji

1. L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun ta' 216 miljun Ewro.

2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità dwar l-estimi finanzjarji fi ħdan il-limiti tal-perspettiva finanzjarja. L-awtorità dwar l-estimi finanzjarji għandha talloka l-approprjazzjonijiet annwali bejn il-miżuri msemmija rispettivament fl-Artikoli 4 u 6 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-gruppi mmirati bl-azzjoni

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni l-gruppi mmirati għandhom jinkludu l-kategoriji li ġejjin:

1. kwalunkwe ċittadini minn pajjizi terzi jew persuni mingħajr stat li jkollhom l-istatus tagħhom definit bil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u li jkunu awtorizzati jgħixu bħala refuġjati f'wieħed mill-Istati Membri;

2. kwalunkwe ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jgawdu xi forma ta' protezzjoni internazzjonali mogħtija minn Stat Membru f'konformità mal-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali tiegħu;

3. kwalunkwe ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jkunu applikaw għal waħda mill-forom ta' protezzjoni deskritti fil-ponti 1 u 2;

4. ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li qed jibbenfikaw minn arranġamenti ta' protezzjoni temporanja fi Stat Membru;

5. persuni li d-dritt tagħhom għall-protezzjoni temporanja jkun qed jiġi eżaminat fi Stat Membru.

Artikolu 4

Il-Miżuri

1. Biex jintlaħaq l-għan deskritt fl-Artikolu 1 u fejn jikkonċerna l-kategoriji relevanti ta' persuni mniżżla fl-Artikolu 3, il-Fond għandu jappoġġja l-azzjoni ta' l-Istati Membri li tkun tikkonċerna:

(a) il-kondizzjonijiet għal-laqgħa;

(b) l-integrazzjoni tal-persuni li l-qagħda tagħhom fl-Istat Membru tkun ta' natura li tintemm u/jew stabbli;

(ċ) ir-ripatrijazzjoni, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux akkwistaw nazzjonalità ġdida u ma jkunux ħallew it-territorju nazzjonali ta' l-Istat Membru.

2. Fejn huma kkonċernati l-kondizzjonijiet għall-proċeduri tal-laqgħa u l-aċċess għall-kenn, l-azzjoni tista' tikkonċerna partikolarment l-infrastruttura u s-servizzi għall-akkomodazzjoni, il-provvista ta' għajnuna materjali, il-kura tas-saħħa, assistenza soċjali jew għajnuna fejn jidħlu formalitajiet amministrattivi u ġudizzjarji, inkluża għajnuna legali. Hawnhekk, jista' jkun hemm konsiderazzjoni għal bżonnijiet speċjali ta' l-iktar persuni li huma vulnerabbli.

3. Fejn għandha x'taqsam l-integrazzjoni fis-soċjetà ta' l-Istat Membru ta' residenza tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1(b) u l-membri tal-familji tagħhom, l-azzjoni tista' tkun tikkonsisti partikolarment fl-għoti ta' assistenza soċjali f'oqsma bħalma huma akkomodazzjoni, mezzi ta' sosteniment u kura tas-saħħa, jew biex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jsiru parti mis-soċjeta ta'l-Istat Membru jew ikunu jistgħu jaħsbu għal rashom.

4. Fejn għandha x'taqsam ir-ripatrijazzjoni, l-azzjoni tista' tkun tinkludi partikolarment informazzjoni u pariri dwar programmi volontarji u s-sitwazzjoni li jkun hemm fil-pajjiż tal-oriġini u/jew taħriġ ġenerali jew vokazzjonali kif ukoll għajnuna biex dawn ikunu jissetiljaw ruħhom mill-ġdid.

Artikolu 5

L-Azzjoni tal-Komunità

1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, sa 5 % tar-riżorsi disponibbli tal-Fond jistgħu jintużaw biex tkun iffinanzjata azzjoni innovattiva jew azzjoni ta' interess għall-Komunità kollha, separata mill-azzjoni implementata mill-Istati Membri, inkluż studji, skambji ta' esperjenza u mezzi biex titmexxa ‘il quddiem koperazzjoni fuq livell ta' Komunità, kif ukoll stima ta'l-implimentazzjoni tal-miżuri u assistenza teknika.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjonijiet sottomessi minn żewġ Stati Membri jew aktar bil-ħsieb li tkun implimentata b'mod konġunt azzjoni transnazzjonali.

3. Il-Fond jista' jipprovdi sa 100 % ta' l-iffinanzjar għal din l-azzjoni.

Artikolu 6

Miżuri ta' emerġenza

1. B'deċiżjoni tal-Kunsill, li jaħdem unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Fond jista’ wkoll jintuża biex jiffinanzja miżuri ta' emerġenza, separati minn u f'żieda ma’ l-azzjoni msemmija fl-Artikolu 4, biex jgħinu wieħed jew aktar jew l-Istati Membri kollha fl-eventwalità ta' influss qawwi f'daqqa ta' refuġjati u ta' persuni li ma jistgħux ikunu ripatrijati lura f'pajjiżhom, jew li kieku kien meħtieġ li tevakwahom minn pajjiżi terzi, partikolarment bħala risposta għas-sejħa minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fuq il-protezzjoni temporanja, id-deċiżjoni tal-Kunsill li hemm ipprovduta fl-ewwel subparagrafu għandha tittieħed taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva msemmija.

2. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-Paragrafu 1, il-miżuri ta' emerġenza eliġibbli għandhom ikopru it-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

(a) laqgħa u akkomodazzjoni;

(b) disposizzjoni ta' mezzi ta' sosteniment, inkluż ikel u ħwejjeġ;

(ċ) assistenza medika, psikoloġika jew oħrajn;

(d) l-ispejjeż ta' l-istaff u dawk amministrattivi li jkunu ntefqu minħabba l-laqgħa ta' persuni u l-implimentazzjoni tal-miżuri;

(e) spejjeż ta' loġistika u trasport.

KAPITOLU II

DISPOSIZZJONIJIET DETTALJATI

Artikolu 7

L-Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni appoġġjata mill-Fond. Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità responsabbli, li tkun tista' tikkontrolla l-komunikazzjoni kollha mal-Kummissjoni. Dik l-awtorità għandha tkun amministrazzjoni pubblika iżda tista' tiddelega r-responsabbiltajiet tagħha għall-implimentazzjoni lil xi amministrazzjoni pubblika oħra jew lil xi organizzazzjoni non-governattiva.

Artikolu 8

Talbiet għal ko-finanzjament

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull sena, bi qbil ma' l-orarju stabbilit fl-Artikolu 11, talba għal ko-finanzjament għall-programm ta' l-implimentazzjoni tagħhom għas-sena kkunsidrata, li tiddeskrivi, kull wieħed mid-dominji msemmija fl-Artikolu 4:

(a) is-sitwazzjoni fl-Istat Membru u l-kriterji li jiġġustifikaw l-implimentazzjoni tal-miżuri eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond;

(b) l-azzjonijiet li l-Istat Membru beħsiebu jimplimenta, inkluż:

(i) in-natura u l-għan tagħhom;

(ii) ir-riżultati kwantifikati mistennija;

(iii) l-ispiża tagħhom kif ukoll il-finanzjament mill-Istat Membru u, fejn ikun applikabbli, mill-organizzazzjoni(jiet) involuti.

2. Barra minnhekk, l-ewwel talba għal ko-finanzjament għandha tkun tinkludi deskrizzjoni tas-sistema mħaddma mill-Istati Membri biex:

(a) tiżgura l-kordinament u l-konsistenza ta' l-azzjonijiet;

(b) tagħżel proġetti u tiżgura li l-proċedura tkun waħda trasparenti;

(ċ) tmexxi, tissorvelja, tivverifika u tevalwa l-proġetti.

3. It-talba għandu jkun fiha, għal kull aspett msemmi fil-paragrafi 1 u 2, informazzjoni dettaljata biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika li din tkun konformi mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u r-regoli finanzjarji fis-seħħ.

Artikolu 9

Il-kriterji ta' l-għażla

1. L-Istati Membri għandu jkollhom ir-reponsabbilità esklussiva għall-għażla ta' proġetti individwali u għat-tmexxija finanzjarja u amminstrattiva tal-proġetti appoġġjati mill-Fond, b'konsiderazzjoni għall-politika tal-Komunità u għall-kriterji ta' l-eliġibilità.

2. Wara sejħa pubblika għall-proposti, il-proġetti, li għandhom ikunu ta' natura li ma jsirx qliegħ minn fuqhom, għandhom ikunu ppreżentati mill-awtoritajiet pubbliċi (nazzjonali, reġjonali jew lokali, ċentrali jew devoluti), istituzzjonijiet edukattivi jew ta' riċerka, ċentri ta' taħriġ, l-imsieħba soċjali, aġenziji tal-gvern, organizzazzjonijiet internazzjonali jew mhux governattivi, li jaħdmu individwalment jew bi sħab, bil-ħsieb li jiksbu għajnuna finanzjarja mill-Fond.

3. L-awtorità responsabbli għandha tagħżel proġetti fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

(a) is-sitwazzjoni u l-kriterji fl-Istat Membru;

(b) l-effettività tan-nefqa, fejn hu kkonċernat in-numru ta' persuni involuti fil-proġetti;

(ċ) l-esperjenza, ħiliet speċjali, is-serħan fuq u l-kontribuzzjoni finanzjarja ta' l-organizzazzjonijiet li jkunu applikaw għall-għajnuna finanzjarja u kwalunkwe organizzazzjoni msieħba;

(d) il-limitu li għalih il-proġetti jkunu jikkumplimentaw azzjoni oħra finanzjata mill-estimi finanzjarji tal-Komunità Ewropea jew bħala parti minn programmi nazzjonali.

Artikolu 10

Id-Distribuzzjoni tar-riżorsi

1. Għas-snin 2000 sa 2004 kull Stat Membru għandu jirċiervi l-ammont fiss li ġej ta' l-allokazzjoni annwali tal-Fond Europew għar-Refuġjati:

Għas-sena 2000: Ewro 500000

Għas-sena 2001: Ewro 400000

Għas-sena 2002: Ewro 300000

Għas-sena 2003: Ewro 200000

Għas-sena 2004: Ewro 100000

2. Il-bqija tar-riżorsi disponibbli għandhom jitqassmu proporzjonalment bejn l-Istati Membri kif ġej:

(a) 65 % proporzjonalment għan-numru ta' persuni msemmija fl-Artikolu 3, il-punti 3, 4 u 5 li jkunu daħlu matul it-tliet snin ta' qabel;

(b) 35 % proporzjonalment għan-numru ta' persuni li jkunu ġew inklużi f'waħda mill-kategoriji li hemm imsemmija fl-Artikolu 3, il-punti 1 u 2 matul it-tliet snin ta' qabel.

3. Il-figuri ta' referenza għandhom ikunu dawk l-iktar reċenti stabbiliti mill-Uffiċju ta' l-Istatistika tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 11

L-orarju

1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju ta' kull sena b'estimi ta' l-ammonti li għandhom ikunu allokati lilhom għas-sena ta' wara mill-ammonti totali allokati fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta' l-estimi finanzjarji annwali.

2. L-Istati Membri għandhom jissottomettu t-talba għal ko-finanzjar imsemmi fl-Artikolu 7 lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru ta' kull sena.

3. Il-Kummissjoni għandha tapprova t-talba għal ko-finanzjar fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tat-talba, waqt li tkun wettqet il-verifiki li hemm provduti fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 12

Assistenza teknika u amministrattiva

Somma li ma tkunx teċċedi aktar minn 5 % ta' l-allokazzjoni totali ta' Stat Membru tista' tiġi mwarrba għall-assistenza teknika u amministrattiva fil-preparazzjoni, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni ta'l-azzjonijiet li jkun hemm taħt ir-reponsabbiltà tiegħu fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 7.

KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 13

L-istruttura finanzjarja

Għal kull miżura li tingħata, il-kontribuzzjoni mill-Fond m'għandhiex teċċedi aktar minn 50 % ta' l-ispiża kollha tal-miżura.

Dak il-proporzjon jista' jiżdied sa 75 % fi Stati Membri koperti mill-Fond ta' Koeżjoni.

Artikolu 14

Eliġibilità

1. L-ispiża m'hemmx għalfejn tkun ikkunsidrata bħala waħda eliġibbli għall-appoġġ tal-Fond jekk din fil-fatt tkun tħallset qabel id-data li fiha t-talba ta' l-Istat Membru għal ko-finanzjar tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni Dik id-data għandha tkun tikkostitwixxi l-punt tat-tluq għall-eliġibilità tan-nefqa.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli li jikkontrollaw l-eliġibilità tan-nefqa f'konformità mal-procedura msemmija fl-artikolu 21(2).

Artikolu 15

Id-deċiżjoni fuq il-ko-finanzjar mill-Fond

Wara li teżamina t-talba għal ko-finanzjar, il-Kummissjoni għandha, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), tadotta d-deċiżjoni fuq il-ko-finanzjar mill-Fond. Id-deċiżjoni għandha tagħti l-ammont allokat lill-Istat Membru.

Artikolu 16

Rabtiet bilanċjali

Ir-rabtiet bilanċjali tal-Komunità għandhom isiru fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ko-finanzjar.

Artikolu 17

Il-Ħlasijiet

1. Il-pagamenti li jsiru mill-Kummissjoni bħala kontribuzzjoni mill-Fond għandhom isiru lil- awtorità responsabbli f'konformità mar-rabtiet bilanċjali li jikkorrispondu.

2. Hekk kif id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-kontribuzzjoni mill-Fond tkun ġiet adottata, pagament iniZjali, li jirrappreżenta 50 % ta' l-ammont, għandu jinGħata lill-Istat Membru għas-sena kkunsidrata. Pagamanet intermedju li jlaħħaq sa 30 % għandu jsir meta l-Istat Membru jiddikjara li hu fil-fatt nefaq nofs il-pagament inizjali.

Il-bilanċ għandu jitħallas fi żmien tliet xhur mill-approvazzjoni tal-kontijiet sottomessi mill-Istat Membru u tar-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm.

KAPITOLU IV

VERIFIKI U EVALWAZZJONI

Artikolu 18

Il-verifiki

1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fit-twettiq ta' l-estimi finanzjarji ġenerali tal-komunità Ewropea, l-Istati Membri għandu jkollhom responsabbiltà mill-ewwel fil-kontroll finanzjarju ta' l-azzjoni. Għal dak l-iskop, il-miżuri li dawn jieħdu għandhom jinkludu:

(a) il-verifika li l-arranġamenti tat-tmexxija u l-kontroll ikunu ġew stabbiliti u jkunu qed jiġu implimentati b'tali mod li jkun żgurat li l-fondi tal-Komunità jkunu qed jintużaw b'mod effiċjenti u korrett;

(b) li jipprovdu lill-Kummissjoni b'deskrizzjoni ta' dawn l-arranġamenti;

(ċ) li jkun żgurat li l-azzjoni titmexxa f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Komunità u li l-fondi li jkunu tqiegħdu għad-disposizzjoni tiegħu jkunu użati f'konformità mal-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba;

(d) li jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa ppreżentata lill-Kummissjoni jkunu korretti u jiżguraw li dawn ikunu jirriżultaw minn sistemi ta' kalkoli bbażati fuq dokumenti ta' appoġġ li jivverifikaw dawn;

(e) li jipprevjienu, jidentifikaw u jikkoreġu kwalunkwe irregolaritajiet, waqt li javżaw lill-Kummissjoni dwar dawn, f'konformità mar-regoli, u li jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċeduri legali u amministrattivi;

(f) li jikkoperaw mal-Kummissjoni biex ikun żgurat li l-fondi tal-Komunità jkunu użati f'konformità mal-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja tajba;

(g) ikunu akkwistati mill-ġdid ammonti mitlufa bħala riżultat ta' xi irregolarità li tkun ġiet identifikata u, fejn ikun xieraq, jiċċarġjaw interessi fuq pagamenti li jkunu tħallsu tard.

2. Il-Kummissjoni, fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni ta' l-estimi finanzjarji ġenerali tal-komunità Ewropea, għandha tiżgura li l-Istati Membri jkollhom tmexxija u sistemi ta' kontroll li jaħdmu tajjeb u biex il-fondi tal-Komunità jkunu użati b'mod effiċjenti u tajjeb.

Għal dak il-għan, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti ta' l-Awdituri jew il-verifiki mwettqa mill-Istati Membri f'konformità mal-liġijiet nazzjonali, ir-regoli u d-disposizzjonijiet amministrattivi, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew l-impjegati tagħha jistgħu, f'konformità ma' l-arranġamenti miftiehma ma' l- Istati Membri fil-qafas tal-koperazzjoni deskritta fil-paragarfu (1)(f), iwettqu verifiki fuq il-post, inklużi verifiki ta' kampjuni, fuq l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond u fuq it-tmexxija u s-sistemi ta' kontroll b'avviż b'ta' mil-lanqas ġurnata xogħol. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li din tikseb l-assistenza kollha meħtieġa. L-uffiċjali jew l-impjegati ta' l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-verifiki.

Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex iwettaq verifika fuq il-post biex jiżgura l-korrettezza ta' transazzjoni waħda jew aktar. L-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-verifiki.

3. Wara li jkunu ġew imtemma dawn il-verifiki, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-pagamenti intermedji fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) Stat Membru ma jkunx qed jimplimenta l-azzjoni kif miftiehma fid-deċiżjoni ta' ko-finanzjar; jew

(b) azzjoni sħiħa jew parti minnha tkun tiġġustifika la parti mill-ko-finanzjar mill-Fond u lanqas kollu.

F'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni għandha, waqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha, titlob li l-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu u, fejn ikun xieraq, iwettaq il-korrezzjonijiet fil-perjodu ta' żmien speċifikat.

4. Fl-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, din tista', jekk ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim u l-Istat Membru ma jkunx għamel il-korrezzjonijiet meħtieġa, u waqt li tikkunsidra kwalunkwe kummenti magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi żmien tliet xhur biex:

(a) tnaqqas il-pagamenti intermedji msemmija fl-Artikolu 17(2); jew

(b) tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni kollha jew parti minnha tal-Fond għall-azzjoni kkunsidrata.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni li tagħmel jew (a) jew (b) il-pagamenti intermedji għandhom minnufih jieqfu milli jkunu sospiżi.

Artikolu 19

Korrezzjonijiet finanzjarji

1. l-Istati Membri għandhom, l-ewwel, iġorru r-responsabbiltà li jinvestigaw kwalunkwe irregolaritajiet, waqt li jaħdmu fuq ix-xiehda ta' kwalunkwe tibdil kbir li jaffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni jew is-sorveljanza ta' azzjoni u biex isiru l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa ma' l-irregolarità individwali jew sistematika. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fit-tħassir tal-kontribuzzjoni kollha tal-Komunità jew inkella parti minnha. Il-fondi tal-Komunità li jitħallew b'dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru għal xi azzjoni fl-istess qasam kif imsemmi fl-Artikolu 4, f'konformità ma' l-arranġamenti li għandhom ikunu definiti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

2. Jekk, wara t-tkomplija tal-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru ma kienx konformi ma' l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 18(3) u (4) għandu jkun jgħodd.

3. Kwalunkwe somma ta' flus irregolari u li għandha tintradd lura għandha titħallas mill-ġdid lill-Kummissjoni, flimkien ma' l- interessi minħabba l-ħlas li jkun sar tard.

Artikolu 20

Sorveljanza u evalwazzjoni

1. F'kull Stat Membru l-awtorità responsabbli għandha tieħu kwalunkwe miżuri li huma meħtieġa biex tkun sorveljata u evalwata l-azzjoni.

Għal dak l-għan, il-ftehim u l-kuntratti li dan jidħol fihom ma' organizzazzjonijiet biex iwettqu l-azzjoni għandu jkun fihom klawsoli li jitolbuhom jippreżentaw minn ta' lanqas rapport wieħed fis-sena li jagħti dettalji dwar il-progress li jkun sar dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni u l-kisba ta' l-għanijiet attribwiti għal din.

Barra minnhekk, l-awtorità responsabbli għandu jkollha stima indipendenti ta' l-esekuzzjoni u l-effett ta' l-azzjonijiet implimentati.

2. Ta' kull sena l-awtorità responsabbli għandha tfassal rapport fil-qosor dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni li tkun qed titwettaq, li għandu jkun mehmuż mat-talba għal ko-finanzjar imsemmi fl-Artikolu 8.

3. Fi żmien sitt xhur min meta jkun skada ż-żmien iffissat fid-deċiżjoni tal-ko-finanzjar għall-esekuzzjoni tan-nefqa, l-awtorità responsabbli għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport finali li jkun jikkonsisti:

(a) kontijiet finanzjarji u rapport fuq l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni f'konformità mar-regoli adottati mill-Kummissjoni bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2);

(b) ir-rapport fuq l-istima msemmija fil-paragrafu 1.

4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' nofs it-terminu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002 u rapport finali sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 2005.

KAPITOLU V

IL-KUMITAT

Artikolu 21

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

4. Il-Kumitat jista' jikkunsidra kwalunkwe domanda dwar din id-Deċiżjoni, imqajjem mill-President jew mir-rappreżentant ta' Stat Membru.

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET SPEĊJALI LI JIKKONĊERNAW MIŻURI TA' EMERĠENZA

Artikolu 22

Disposizzjonijiet speċjali li jikkoċernaw miżuri ta' emerġenza

1. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu jgħoddu għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza li hemm provduti fl-Artikolu 6.

2. L-għajununa finanzjarja mill-Fond għandu jkun limitat għal perjodu ta' sitt xhur u m'għandux jeċċedi aktar minn 80 % tan-nefqa ta' kull miżura.

3. L-Istat Membru jew l-Istati Membri affettwati minn influss qawwi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) għandu (għandhom) jipprovdi(u) lill-Kummissjoni bi prospett tal-kriterji u pjan għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza, inklużi deskrizzjoni tal-miżuri ppjanati u l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom.

4. Ir-riżorsi disponibbli għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri fuq il-bażi tan-numru ta' persuni li jkunu daħlu f'kull Stat Membru bħala parti mill-influss qawwi msemmi fl-Artikolu 6(1).

5. L-Artikolu 9 u l-Artikoli 18 sa 21 għandhom ikunu jgħoddu.

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI

Artikolu 23

Disposizzjonijiet transitorji

B'deroga mill-Artikolu 11, l-orarju li ġej għandu jkun jgħodd għall-implimentazzjoni tas-snin finanzjarji 2000 sa 2001:

- il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti stmati li għandhom ikunu allokati lilhom fil-ġurnata ta' wara li din id-Deċiżjoni tkun daħlet fis-seħħ. Jekk Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunità Ewropea ma jkollux s'issa l-istatistiċi kollha meħtieġa mill-Artikolu 10 il-figuri użati għandhom ikunu dawk provduti mill-Istati Membri; f'dak il-każ il-Kummissjoni għandha tadotta, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2), ir-regoli għall-interpretazzjoni ta' l-istatistiċi mogħtija mill-Istati Membri,

- l-Istati Membri għandhom jissottomettu t-talbiet għal ko-finanzjar imsemmi fl-Artikolu 8 lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-20 ta' Novembru 2000,

- il-Kummissjoni għandha tapprova t-talbiet għal ko-finanzjar fi żmien tliet xhur ta' din is-sottomissjoni, wara verifika tad-dettalji li hemm provduti fl-Artikolu 8(2) u, fejn hi kkonċernata s-sena finanzjarja 2000, suġġett għall-approvazzjoni ta' l-approprijazzjonijiet għas-sena finanzjarja 2001,

- b'deroga mill-Artikolu 14, in-nefqa li tkun attwalment tħallset bejn l-1 ta' Jannar 2000 u d-data ta' meta jiskadi ż-żmien iffissat fid-deċiżjoni li tippermetti l-ko-finanzjar tista' tkun eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond.

KAPITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

L-Implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta kwalunkwe disposizzjonijiet oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2).

Artikolu 25

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2004.

Artikolu 26

Id-Destinatarji

Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Settembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

D. Vaillant

[1] ĠU C 116 E, tas-26.4.2000, p. 72.

[2] L-Opinjoni mogħtija fil-11 ta' April 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 168, tas-16.6.2000, p. 20.

[4] L-Opinjoni mogħtija fil-15 ta' Ġunju 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 114, ta' l-1.5.1999, p. 2.

[6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------