31999R0857



Official Journal L 108 , 27/04/1999 P. 0007 - 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 857/1999

tat-22 ta' April 1999

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2200/96 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2200/96 [4] jistabbilixxi regoli fuq organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuti; billi dawn ir-regoli jeħtieġu membri biex ibiegħu l-produzzjoni tagħhom kollha permezz ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi; billi, minkejja dan, hemm disposizzjoni biex dan l-obbligu jiġi rinunzjat fuq bejgħ dirett fl-azjenda tal-produttur lill-konsumaturi għall-ħtiġijiet personali tagħhom; billi restrizzjoni fuq il-volum tapplika għal dan il-bejgħ; billi biex tiġi kunsidrata l-prattika normali f'ċerti partijiet tal-Komunità din ir-rinunzja għandha tiġi estiża biex tkopri bejgħ dirett lil hemm mill-azjenda iżda mingħajr ma jsir ebda tibdil fir-restrizzjoni tal-volum preżenti;

Billi l-Artikolu 15(4)(ċ) tar-Regolament imsemmi għandu jkun iċċarat;

Billi d-disposizzjonijiet preżenti dwar il-ħlas mill-Komunità għall-ispejjeż tat-trasport, irranġar u mballaġġ ta' ċerti prodotti rtirati mis-suq u mbagħad imqassma bla ħlas għandhom japplikaw għat-tqassim kollu mingħajr ħlas ta' prodotti rtirati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 huwa b'dan emendat kif ġej:

1. fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 11(1)(ċ)(3) il-kliem "fl-azjendi tagħhom" għandu jinbidel b'dan "fl-impriżi tagħhom u/jew barra mill-impriżi tagħhom".

2. L-Artikolu 15(4)(ċ) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(ċ) jagħmlu provvediment finanzjarju għar-riżorsi tekniċi u umani meħtieġa biex jiżguraw il-monitoraġġ għal konformità ma' l-istandards imsemmija fl-Artikolu 2, mar-regoli għas-saħħa tal-pjanti u ma' l-ogħla livelli permessi dwar residwi."

3. L-Artikolu 30(6) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"6. Il-Komunità għandha tħallas, fuq termini u kondizzjonijiet li għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 46, spejjeż ta' trasport, irranġar u mballaġġ b'konnessjoni mat-tqassim bla ħlas kif hemm provdut fil-paragrafu 1."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' April 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Müller

[1] ĠU C 381, tat-8.12.1998, pġ. 8.

[2] Opinjoni mogħtija fl-14 ta’ April 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fl-24 ta’ Frar 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 297, tal-21.11.1996, pġ. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2520/97 (ĠU L 346, tas-17.12.1997, pġ. 41).

--------------------------------------------------