31999L0103



Official Journal L 034 , 09/02/2000 P. 0017 - 0019


Id-Direttiva 1999/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-24 ta' Jannar 2000

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-unitajiet ta' kejl

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 95,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

FIlwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Fuq livell internazzjonali d-19-il Conférence générale des poids et mesures (1991) żiedet il-lista ta' prefissi SI sabiex jiġu wżati għall-multipli u s-submultipli ta' l-unitajiet SI,

(2) L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) irrevediet il-prinċipji u r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-kwantitajiet u l-unitajiet stabbiliti fl-istandard internazzjonali ISO 31; ir-regoli għall-użu prattiku tas-sistema SI huma mogħtija mill-i standard internazzjonali ISO 1000.

(3) It-test tad-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE [4] għandu jinġieb konformi ma' dawn il-ftehim u ma' dawn l-istandards internazzjonali.

(4) Xi pajjiżi terzi ma jaċċettawx fis-swieq tagħhom prodotti mmarkati biss bl-unitajiet legali stabbiliti fid-Direttiva 80/181/KEE; kumpanniji li jesportaw il-prodotti tagħhom f'dawn il-pajjiżi sejrin ikunu żvantaġġati jekk ma jkunux permessi indikazzjonijiet supplimentari wara l-31 ta' Diċembru 1999; indikazzjonijiet supplimentari f'unitajiet mhux legali għandhom għalhekk jiġu awtorizzati għal perjodu estiż.

(5) L-applikazzjoni tad-Direttiva 80/181/KEE għandha tiġi eżaminata mill-ġdid u għandhom jittieħdu l-miżuri adatti bil-ħsieb li tibda tintuża tas-sistema globali; il-proċedura ta' Artikolu 18 tal-Kunsill tad-Direttiva 71/316/KEE [5], għandha tapplika fejn xieraq.

ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 80/181/KEE hija emendata kif ġej:

1. F'Artikolu 3(2), "31 ta' Diċembru 1999" għandu jinbidel b' "31 ta' Diċembru 2009".

2. Għandu jiġi miżjud l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 6a

Il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u, b'mod partikolari, il-każ ta' indikazzjonijiet supplimentari għandhom jiġu eżaminati aktar, u jekk meħtieġ jittieħdu l-miżuri adottati bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 71/316/KEE [6]."

3. L-Anness għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-Kapitolu I, it-test taħt it-tabella f'punt 1.1.1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Temperatura Celsius t hija definita bħala d-differenza t = T - To bejn iż-żewġ temperaturi termodinamiċi T u To fejn To = 273,15 K. Intervall jew differenza ta' temperatura jista' jiġi espress jew f'kelvins jew fi gradi Celsius. L-unità "grad Celsius" hija ugwali għall-unità "kelvin"."

(b) Id-definizzjonijiet ta' l-unitajiet supplimentari SI ta' wara t-tabella f'punt 1.2.1 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

"Unità ta' angolu pjan

Ir-radian huwa l-anglu bejn żewġ raġġi ta' ċirku li fiċ-ċirkonferenza jaqtgħu ark twila daqs ir-raġġ.

(Standard Internazzjonali ISO 31 - 1: 1992)

Unità ta' angolu solidu

L-isteradian huwa l-angolu solidu ta' kon li, bil-vertiċi tiegħu fiċ-ċentru ta' sfera, jaqta' fuq is-superfiċje ta' l-isfera erja daqs dik ta' kwadru bil-ġnub ta' tul ugwali għar-raġġ tal-isfera.

(Standard Internazzjonali ISO 31 - 1: 1992)."

(ċ) It-tabella fil-punt 1.3 għandha tiġi mibdula b'dan li ġej:

"Il-Fattur | Il-Prefiss | Is-Sinjal | Il-Fattur | Il-Prefiss | Is-Sinjal |

1024 | yotta | Y | 10-1 | deci | d |

1021 | zetta | Z | 10-2 | centi | c |

1018 | exa | E | 10-3 | mili | m |

1015 | peta | P | 10-6 | mikro | μ |

1012 | tera | T | 10-9 | nano | n |

109 | giga | G | 10-12 | piko | p |

106 | mega | M | 10-15 | femto | a |

103 | kilo | k | 10-18 | atto | f |

102 | hekto | h | 10-21 | zepto | z |

101 | deka | da | 10-24 | yocto | y" |

(d) Punt 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. UNITAJIET UŻATI MA' L-SI, LI L-VALUR TAGĦHOM HUWA MIKSUB B'MOD SPERIMENTALI

Kwantità | Unità |

Isem | Simbolu | Definizzjoni |

Enerġija | Volt elettroniku | eV | Il-volt elettroniku huwa l-enerġija kinetika miksuba minn elettron li jgħaddi minn differenza potenzjali ta' 1 volt f'vakwu |

Piż | Unità ta' piż atomiku sħiħ | U | L-unità tal-piż atomiku sħiħ hija ugwali għall-1/12 tal-piż ta' atomu tan-nuklide 12C. |

Nota:

Il-prefissi u s-simboli tagħhom elenkati fil-lista 1.3 jistgħu jiġu wżati ma' dawn iż-żewġ unitajiet u mas-simboli tagħhom."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva qabel id-9 ta' Frar 2001. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kommissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b'referenza bħal din fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxi l-proċedura għal referenza bħal din.

Artikolu 3

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 80/181/KEE, l-Istati Membri għandhom, wara l-31 ta' Diċembru 1999, jawtorizzaw jew ikomplu jawtorizzaw l-użu ta' l-indikazzjonijiet supplimentari msemmija f'Artikolu 3 ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fl-24 ta' Jannar 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gama

[1] ĠU Ċ 89, tat- 30.3.1999, p.8,

[2] ĠU Ċ 169, tas- 16.6.1999, p.1.

[3] Opinjoni mogħtija nhar il-15 ta' Diċembru 1999 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1999.

[4] ĠU L 39, tal-15.2.1980, p.40. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/617/KEE (ĠU L 357, tas-7.12.1989, p.28).

[5] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p.1.

[6] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p.1.

--------------------------------------------------