31999L0049



Official Journal L 139 , 02/06/1999 P. 0027 - 0028


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/49/KE

tal-25 ta' Mejju, 1999

li temenda, rigward il-livell tar-rata standard, id-Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju, 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ – is-sistema Komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: il-bażi uniformi ta' stima [4], jindika illi l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-livell tar-rata standard li trid tiġi applikata wara l-31 ta' Diċembru, 1998; billi r-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala perċentwali ta' l-ammont taxxabbli u huwa l-istess għall-provvista ta' l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi; billi mill-1 ta' Jannar, 1993 sal-31 Diċembru 1998, dan il-perċentwali ma jistax ikun inqas minn 15 %;

(2) Billi l-esperjenza wriet illi r-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud korrentement fis-seħħ fil-varji Stati Membri, kombinata mal-mekkaniżmu tas-sistema transitorja, assiguraw illi din is-sistema transitorja ħadmet sodisfaċenti; billi għalhekk jidher xieraq, rigward ir-rata standard, li jinżamm il-livell korrenti tar-rata minima għal perjodu itwal ta' żmien;

(3) Billi, madankollu, ir-rapport tal-Kummissjoni fuq ir-rati xeħet dawl fuq il-fatt illi jeżisti tagħwiġ fil-kompetizzjoni u dan x'aktarx jista' jiżdied bl-introduzzjoni ta' munita waħdanija; billi l-perjodu taż-żmien sabiex tiġi applikata r-rata standard għandu jkun limitat għal sentejn sabiex jgħin lill-Kunsill fi'stadju iktar tard biex jiddeċiedi dwar il-livelli kemm tar-rata standard u tar-rata jew rati mnaqqsa,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

"(a) Ir-rata standard tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala perċentwali ta' l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta' l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi. Mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-31 ta' Diċembru, 2000, dan il-perċentwali ma jistax ikun inqas minn 15 %.

Fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'mod unanimu dwar il-livell tar-rata standard li trid tiġi applikata wara l-31 ta' Diċembru, 2000.

L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsin.Dawn ir-rati għandhom jiġu ffissati bħala perċentaġġ ta' l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u għandu japplika biss għall-provvisti tal-kategoriji ta' l-oġġetti u tas-servizzi speċifikati fl-Anness H."

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar, 1999.Għandhom malajr jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dawn.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkompanjati b'din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi domestika li huma jadottaw fi-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikzzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar, 1999.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fil-25 ta' Mejju, 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Eichel

[1] ĠU C 409, tat-30.12.1998, p. 13.

[2] Opinjoni tat-23 ta' Marzu, 1999 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 101, tat-12.4.1999, p. 73.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/80/EC (ĠU L 281, tas-17.10.1998, p. 31).

--------------------------------------------------