31999L0044



Official Journal L 171 , 07/07/1999 P. 0012 - 0016


Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-25 ta' Mejju 1999

dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-18 ta' Mejju 1999 [3],

(1) Billi l-Artikolu 153(1) u (3) tat-Trattat jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95 tiegħu;

(2) Billi s-suq intern fih żona mingħajr fruntieri interni li fih il-moviment ħieles ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa garantit; billi l-moviment ħieles ta' oġġetti ma jikkonċernax biss it-transazzjonijiet minn persuni li jaġixxu waqt il-kummerċ iżda wkoll minn transazzjonijiet li jsiru minn individwi privati; billi jimplika li l-konsumaturi residenti fi Stat Membru għandhom ikunu ħielsa li jixtru oġġetti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor abbażi ta' sett uniformi minimu ta' regoli ġusti li jirregolaw il-bejgħ ta' oġġetti ta' konsum;

(3) Billi l-liġijiet ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-bejgħ ta' oġġetti ta' konsum huma xi ftit differenti, bir-riżultat li s-swieq nazzjonali ta' l-oġġetti tal-konsumatur jiddifferixxu minn xulxin u li l-kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa tista’ tkun imfixkla;

(4) Billi l-konsumaturi li huma ħerqana li jibbenefikaw mis-suq kbir billi jixtru oġġetti fi Stati Membri li mhumiex mill-Istat ta' residenza tagħhom għandhom rwol fundamentali fis-sedqa tas-suq intern; billi r-rikostruzzjoni artifiċjali ta' fruntieri u l-kompartamentalizzazzjoni tas-swieq m'għandhomx jitħallew; billi l-opportunitajiet disponibbli lill-konsumaturi twessgħu ħafna bit-teknoloġiji ġodda ta' komunikazzjoni li jippermettu aċċess faċli lis-sistemi ta' distribuzzjoni fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi; billi, fl-assenza ta' armonizzazzjoni minima tar-regoli li jirregolaw il-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum, l-iżvilupp tal-bejgħ ta' oġġetti permezz ta' riskji tal-medium ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni mill-bogħod qegħdin jiġu mfixxkla;

(5) Billi l-ħolqien ta' sett komuni ta' regoli minimi ta' liġi tal-konsumaturi, li jkun validu rrispettivament minn fejn ikunu nxtraw l-oġġetti fi ħdan il-Komunità, isaħħaħ il-fiduċja fil-konsumatur u jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu użu sħiħ mis-suq intern;

(6) Billi d-diffikultajiet ewlenin li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi u s-sors ewlieni ta' argumenti mal-bejjiegħa jikkonċernaw in-nuqqas ta' konformità ta' l-oġġetti mal-kuntratt; billi huwa xieraq għal dan il-għan li tiġi approssimata l-leġislazzjoni nazzjonali li tirregola l-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum f'dan ir-rigward, mingħajr, iżda, ma’ jaffettwaw id-dispożizzjonijiet u prinċipji tal-liġi nazzjonali relatati ma’ responsabbiltà kontrattwali u mhux kontrattwali;

(7) Billi l-oġġetti għandhom, fuq kollox, jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kontrattwali; billi l-prinċipju ta' konformità mal-kuntratt jista’ jkun ikkunsidrat li huwa komuni għat-tradizzjonijiet nazzjonali legali differenti; billi f'ċerti tradizzjonijiet legali nazzjonali jista' ma jkunx possibbli li wieħed jafda biss fuq dan il-prinċipju biex jiżgura livell minimu ta' protezzjoni għall-konsumatur; billi f'dawn it-tradizzjonijiet legali, b'mod partikolari, jistgħu jkunu bżonnjużi dispożizzjonijiet nazzjonali addizzjonali sabiex jiżguraw li l-konsumatur ikun protett f'każijiet fejn il-partijiet ftehmu fuq termini speċifċi kontrattwali jew fejn il-partijiet kkonkludew it-termini kontrattwali jew ftehim li direttament jew indirettament jirrinunzjaw jew jirrestrinġu d-drittijiet tal-konsumatur u li, għall-estent li dawn id-drittijiet jirriżultaw minn din id-Direttiva, ma jorbtux lill-konsumatur;

(8) Billi, sabiex tkun faċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' konformità mal-kuntratt, huwa bżonnjuż li tkun introdotta preżunzjoni konfutabbli ta' konformità mal-kuntratt li jkopri l-aktar sitwazzjonijiet komuni; billi dik il-preżunzjoni ma tirrestrinġix il-prinċipju ta' ħelsien tal-kuntratt; billi, aktar minn hekk, fl-assenza ta' termini kontrattwali speċifiċi, kif ukoll fejn tkun applikata l-klawsola minima ta' protezzjoni, l-elementi msemmija f'din il-preżunzjoni jistgħu jintużaw sabiex jiddeterminaw in-nuqqas ta' konformità ta' l-oġġetti mal-kuntratt; billi l-kwalità u l-esekuzzjoni li l-konsumaturi jistgħu jippretendu b'mod xieraq għandhom jiddependu inter alia fuq jekk l-oġġetti humiex ġodda jew użati; billi l-elementi imsemmija fil-preżunzjoni huma kumulattivi; billi, jekk iċ-ċirkostanzi tal-każijiet iroddu kull element partikolari mhux xieraq, l-elementi li jifdal tal-preżunzjoni għandhom madankollu jibqgħu japplikaw;

(9) Billi l-bejjiegħ għandu jkun responsabbli direttament lill-konsumatur għall-konformità ta' l-oġġetti mal-kuntratt; billi din hija s-soluzzjoni tradizzjonali minquxa fl-ordnijiet legali ta' l-Istati Membri; billi madankollu l-bejjiegħ għandu jkun ħieles, kif hemm provdut għalih fil-liġi nazzjonali, li jsegwi rimedji kontra l-produttur, bejjiegħ minn qabel fl-istess katina ta' kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, sakemm-il darba ma jkunx irrinunzja dak l-intitolament; billi din id-Direttiva ma taffettwax il-prinċipju ta' ħelsien tal-kuntratt bejn il-bejjiegħ, il-produttur, bejjiegħ ta' qabel jew kull intermedjarju ieħor; billi r-regoli li jirregolaw kontra min u kif il-bejjiegħ għandu jsegwi dawn ir-rimedji għandhom ikun determinati fil-liġi nazzjonali;

(10) Billi, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ta' l-oġġetti mal-kuntratt, il-konsumaturi għandhom ikunu ntitolati li l-oġġetti tagħhom jiġu rrestawrati għall-konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas, billi jagħżlu bejn tiswija u tibdil, jew, jekk dan ma jsirx, li l-prezz jitnaqqas jew il-kuntratt jitħassar;

(11) Billi l-konsumatur jista' mill-ewwel jeħtieġ li l-bejjiegħ isewwi l-affarijiet jew li jibdilhom sakemm-il darba dawk ir-rimedji jkunu mpossibbli jew disproporzjonati; billi jekk rimedju huwa disproporzjonat jew le għandu jkun determinat oġġettivament; billi rimedju jkun disproporzjonat jekk ikun impost, f'paragun mar-rimedju l-ieħor, spejjeż mhux raġjonevoli; billi, sabiex ikun determinat jekk l-ispejjeż humiex raġjonevoli, l-ispejjeż ta' rimedju wieħed għandhom ikun b'mod sinifikattiv akbar mill-ispejjeż tar-rimedju l-ieħor;

(12) Billi f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità, il-bejjiegħ jista dejjem joffri lill-konsumatur, b'mod ta' ħlas, kull rimedju disponibbli; billi għandu jitħalla llil-konsumatur li jiddeċiedi jekk għandux jaċċetta jew jirrifjuta din il-proposta;

(13) Billi, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ tas-suq intern u biex jixtru oġġetti ta' konsum fi Stat Membru ieħor, għandu jkun irrakkomandat li, fl-interessi tal-konsumaturi, il-produtturi ta' l-oġġetti tal-konsum li huma nnegozjati f'ħafna Stati Membri jehmżu mal-prodott lista b'mill-inqas indirizz ta' kuntatt wieħed f'kull Stat Membru fejn ikun innegozzjat il-prodott;

(14) Billi r-referenzi għaż-żmien ta' forniment ma jimplikawx li l-Istati Membri għandhom jibdlu r-regoli tagħhom dwar it-teħid ta' dak ir-riskju;

(15) Billi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kull ħlas lura lill-konsumatur jista' jitnaqqas sabiex ikun ikkunsidrat l-użu mill-oġġetti li jkun għamel il-konsumatur minn meta dawn ingħatawlu; billi l-arranġamenti dettaljati li bihom tiġi effetwata r-revoka tal-kuntratt jistgħu jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali;

(16) Billi minħabba n-natura speċifika ta' oġġetti wżati huwa ġeneralment impossibbli li jinbidlu; billi għal dan il-għan id-dritt tal-konsumatur għat-tibdil ġeneralment m'huwiex disponibbli għal dawn l-oġġetti; billi għal dawn l-oġetti, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-partijiet li jiftiehmu fuq perijodu ta' responsabbiltà mqassar;

(17) Billi huwa xieraq li jkun limitat fiż-żmien il-perijodu li matulu l-bejjiegħ huwa responsabbli għal kull nuqqas ta' konformità li teżisti fil-ħin ta' forniment ta' l-oġġetti; billi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għall-limitazzjoni fuq il-perijodu li fih il-konsumaturi jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; sakemm dan il-perjodu ma jiskadix fi żmien sentejn mid-data ta' forniment; billi fejn, fil-leġislazzjoni nazzjonali, iż-żmien meta jinbeda perijodu ta' limitazzjoni m'huwiex iż-żmien tal-forniment ta' l-oġġetti, id-dewmien totali tal-perijodu ta' limitazzjoni li hemm provdut għalih fil-liġi nazzjonali m'għandux ikun anqas minn sentejn mill-ħin ta' forniment;

(18) Billi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għas-sospensjoni jew interruzzjoni tal-perijodu li fih kull nuqqas ta' konformità għandha titfaċċa u dwar il-perijodu ta' limitazzjoni, fejn japplika u f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, fl-eventwalità ta' tiswija, tibdil jew negozjati bejn bejjiegħ u konsumatur bi skop li jsir arranġament bonarju;

(19) Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew iwaqqfu perijodu li matulu l-konsumatur għandu jinforma lill-bejjiegħ dwar kull nuqqas ta' konformità; billi l-Istati Membri jistgħu jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni għall-konsumatur billi ma jintroduċux din l-obbligazzjoni; billi f'kull każ il-konsumaturi fil-Komunità għandhom ikollhom mill-inqas xahrejn li fihom jinfurmaw lill-bejjiegħ li jeżisti nuqqas ta' konformità;

(20) Billi l-Istati Membri għandhom ikunu attenti għat-tpoġġija ta' dan il-perijodu jekk jirriżulta fi żvantaġġ għall-konsumaturi li jixtru meta jaqsmu l-fruntieri; billi l-Istati Membri kollha għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-użu li jagħmlu minn din id-dispożizzjoni; billi l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-effett ta' l-applikazzjoni varjata ta' din id-dispożizzjoni fuq konsumaturi u fuq is-suq intern; billi l-informazzjoni dwar l-użu magħmul minn din id-dispożizzjoni minn Stat Membru għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri l-oħra kollha u għall-konsumaturi u organizzazzjonijiet ta' konsumaturi fil-Komunità kolha; billi għandu jkun ippubblikat sommarju tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej;

(21) Billi, għal ċerti kategoriji ta' oġġetti, hija prattika kurrenti għall-bejjiegħa u l-produtturi li joffru garanziji fuq oġġetti kontra kull difett li jsir apparenti f'ċertu perjodu; billi din il-prattika tista' tistimula l-kompetizzjoni; billi, filwaqt li dawn il-garanziji huma għodda leġittimi tal-kummerċ, m'għandhomx iqarrqu bil-konsumatur; billi, sabiex jiżguraw li l-konsumaturi m'humiex imqarrqa, il-garanziji għandhom ikollhom fihom ċerta informazzjoni, li tinkludi stqarrija li l-garanzija ma taffettwax id-drittijiet legali tal-konsumatur;

(22) Billi l-partijiet ma jistgħux, b'kunsens komuni, jirrestrinġu jew jirrinunzjaw id-drittijiet garantiti lill-konsumatur, peress li inkella l-protezzjoni legali offruta ma tkunx tista sseħħ; billi dan il-prinċjipju għandu japplika wkoll għall-klawsoli li jimplikaw li l-konsumatur kien konxju dwar kull nuqqas ta' konformità ta' l-oġġetti tal-konsum li eżistew fil-ħin li kien konkluż il-kuntratt; billi l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi skond din id-Direttiva m'għandhiex titnaqqas għar-raġunijiet li l-liġi ta' Stat li m'huwiex membru intgħażlet biex tkun applikabbli għall-kuntratt;

(23) Billi l-leġislazzjoni u l-ġurisprudenza f'dan il-qasam fid-diversi Stati Membri juru li hemm interess li qiegħed jikber biex ikun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur; billi, fid-dawl ta' din it-tendenza u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva; jista' jkun meħtieġ li tkun ipprovduta armonizzazzjoni li tlaħħaq aktar ’il bogħod, l-aktar billi tipprovdi għar-responsabbilità diretta tal-produttur għal difetti li hu responsabbli għalihom.

(24) Billi l-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw jew iżommu fis-seħħ aktar dispożizzjonijiet stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva biex jiżguraw livell aktar għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

(25) Billi, skond ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għall-arranġamenti barra mill-qorti għal kwistjonijiet tal-konsumaturi [4], l-Istati Membri jistgħu joħolqu korpi li jiżguraw maniġġarimparzjali u effiċjenti ta' lmenti f'kuntest nazzjonali u fil-qsim tal-fruntieri u li l-konsumaturi jistgħu jużaw bħala medjaturi;

(26) Billi huwa xieraq, sabiex ikunu protetti l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, li din id-Direttiva tiżdied mal-lista ta' Direttivi li jinsabu fl-Anness mad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumatur [5],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

1. L-għan ta' din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta' protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.

2. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) konsumatur: għandu jfisser kull persuna naturali li, fil-kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qiegħed jaġixxi għall-għanijiet li m'humiex relatati mas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu;

(b) oġġetti tal-konsum: għandhom ifissru kull oġġett tanġibbli mobbli, bl-eċċezzjoni ta':

- oġġetti mibjugħin b'mod ta' esekuzzjoni jew b'mod ieħor bl-awtorità tal-liġi,

- ilma u gass fejn m'humiex għall-bejgħ f'volum limitat jew kwantità fissa,

- elettriku;

(ċ) bejjiegħ: għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li, f'kuntratt, ibiegħ oġġetti tal-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu;

(d) produttur: għandu jfisser il-manifattur ta' oġġetti tal-konsum, l-importatur ta' oġġetti ta' konsum fit-territorju tal-Komunità jew kull persuna li jagħti x'jifhem li huwa produttur billi jqiegħed ismu, il-marka tal-kummerċ jew xi sinjal distintiv ieħor fuq l-oġġetti ta' konsum;

(e) garanzija: għandha tfisser kull impriża minn bejjiegħ jew produttur lill-konsumatur, mogħtija mingħajr ebda ħlas żejjed, li tirrimborsa l-prezz imħallas jew biex tibdel, issewwi jew tieħu ħsieb oġġetti tal-konsum f’kull mod jekk ma jkunux konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet li hemm fl-istqarrija tal-garanzija jew fir-riklamar rilevanti;

(f) tiswija: għandha tfisser, fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità, li l-oġġetti tal-konsum jinġiebu f'konformità mal-kuntratt ta' bejgħ.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-espressjoni "oġġetti tal-konsum" ma tkoprix oġetti wżati mibjugħin f'irkant pubbliku fejn il-konsumaturi għandhom l-opportunità li jattendu għall-bejgħ huma stess.

4. Il-kuntratti għall-forniment ta' oġġetti tal-konsum li għandhom ikunu manifatturati jew prodotti għandhom jinftiehmu wkoll li huma kuntratti ta' bejgħ għall-iskop ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Konformità mal-kuntratt

1. Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f'konformità mal-kuntratt ta' bejgħ.

2. Oġġetti tal-konsum huma preżunti li huma f'konformità mal-kuntratt jekk:

(a) jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ u jippossjedu l-kwalitajiet ta' l-oġġetti li l-bejjiegħ wera lill-konsumatur bħala kampjun jew mudell;

(b) huma tajbin għal kull skop partikolari li għalih jeħtieġhom il-konsumatur u li għarraf lill-bejjiegħ dwarhom fil-ħin meta ġie konkluż il-kuntratt u li l-bejjiegħ aċċetta;

(ċ) huma tajbin għall-għanijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti ta' l-istess tip;

(d) juru l-kwalità u l-ħidmali huma normali f'oġġetti ta' l-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b'mod raġjonevoli, skond in-natura ta' l-oġġetti u b'konsiderazzjoni mogħtija għal kull stqarrija pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-oġġetti magħmulha dwarhom mill-bejjiegħ, il-produttur jew ir-rappreżentant tiegħu, partikolarment fir-riklamar jew fuq it-tikketta.

3. Għandu jkun miftiehem li m'hemmx nuqqas ta' konformità għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu jekk, meta kien konkluż il-kuntratt, il-konsumatur kien konxju, jew ma setgħax ma kienx konxju b'mod raġjonevoli dwar, in-nuqqas ta' konformità, jew jekk in-nuqqas ta' konformità oriġinatx fil-materjal fornut mill-konsumatur.

4. Il-bejjiegħ m'għandux ikun marbut bi stqarrijiet pubbliċi, kif saret referenza għalihom fil-paragrafu 2(d) jekk hu:

- juri li ma kienx, u ma setax ikun li kien, konxju ta' l-isqarrija in kwistjoni,

- juri li sakemm ġie konkluż il-kuntratt, l-istqarrija ġiet ikkorreġuta, jew

- juri li d-deċiżjoni li jinxtraw l-oġġetti ta' konsum ma setgħetx ġiet influwenzata mill-istqarrija.

5. Kull nuqqas ta' konformità li jirriżulta minn installazzjoni mhux korretta ta' l-oġġetti ta' konsum għandu jinftiehem li hu ekwivalenti għal nuqqas ta' konformità ta' l-oġġetti jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt ta bejgħ ta' l-oġġetti u l-oġġetti kienu installati mill-bejjiegħ jew kien risponsabbli għalih hu. Dan għandu jgħodd jekk il-prodott, maħsub li jkun installat mill-konsumatur, ikun installat mill-konsumatur u l-installazzjoni ħażina hija minħabba nuqqas fl-istruzzjonijiet ta' l-installazzjoni.

Artikolu 3

Drittijiet tal-konsumatur

1. Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta' konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f'konformità mingħajr ħlas permezz ta' tiswija jew tibdil, f'konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f'konformità mal-paragrafi 5 u 6.

3. Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f'kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa impossibbli jew disproporzjonat.

Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f'paragun mar-rimedju alternattiv, m'humiex raġjonevoli, b'konsiderazzjoni mogħtija:

- lill-valur li l-oġġetti jkollhom jekk ma kien hemm l-ebda nuqqas ta' konformità,

- lis-sinifikat tan-nuqqas ta' konformità, u

- jekk ir-rimedju alternattiv ikun jista’ jitlesta mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b'konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta' l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

4. It-termini "mingħajr ħlas" fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f'konformità, partikolarment l-ispiża ta' pustaġġ, xogħol u materjal.

5. Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

- jekk il-konsumatur m'huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew

- jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew

- jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

6. Il-konsumatur m'huwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta' konformità hija minuri.

Artikolu 4

Dritt ta' rimedju

Fejn il-bejjiegħ finali huwa responsabbli lill-konsumatur minħabba nuqqas ta' konformità li tirriżulta minn att jew ommissjoni mill-produttur, bejjiegħ ta' qabel fl-istess katina ta' kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, il-bejjiegħ finali għandu jkun intitolat li jfittex rimedji kontra l-persuna jew persuni responsabbli fil-katina kontrattwali. Il-persuna jew persuni responsabbli kontra min il-bejjiegħ finali jista’ jfittex ir-rimedji, flimkien ma’ l-azzonijiet rilevanti u kondizzjonijiet ta' eżerċizzju għandhom ikunu determinati skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 5

Limiti ta' żmien

1. Il-bejjiegħ għandu jinżamm responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta' konformità ssir apparenti fi żmien sentejn minn meta l-oġġetti twasslu għandu il-konsumatur. Jekk, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, d-drittijiet stipulati fl-Artikolu 3(2) huma soġġetti għal perijodu ta' limitazzjoni, dak il-perjodu m'għandux jiskadi f'perijodu ta' sentejn mill-forniment.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tiegħu, l-konsumatur għandu jinforma lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta' konformità f'perijodu ta' xahrejn mid-data li fiha induna b'din in-nuqqas ta' konformità.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-użu li jagħmlu ta' dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-effett ta' l-eżistenza ta' din l-għażla għall-Istati Membri fuq konsumaturi u fuq is-suq intern.

Mhux aktar tard mis-7 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport dwar l-użu li jkunu għamlu l-Istati Membri minn dan il-paragrafu. Dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Jekk kemm-il darba ma jkunx ipprovat mod ieħor, kull nuqqas ta' konformità li titfaċċa fi żmien sitt xhur mill-forniment ta' l-oġġetti għandu jkun preżunt li eżistiet fil-ħin ta' forniment sakemm din il-preżunzjoni hija inkompatibbli man-natura ta' l-oġġetti jew in-natura tan-nuqqas ta' konformità.

Artikolu 6

Garanziji

1. Garanzija għandha tkun torbot legalment lil min joffri l-kondizzjonijiet stipulati fil-prospett tal-garanzija u r-riklamar assoċjat magħha.

2. Il-garanzija għandha:

- issemmi li l-konsumatur għandu drittijiet legali skond il-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli li tirregola l-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u tispjega ċar li dawk id-drittijiet m'humiex affettwati mil-garanzija,

- tikteb f'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem il-kontenuti tal-garanzija u d-dettalji essenzjali meħtieġa biex isiru talbiet skond il-garanzija, notevolment id-dewmien u l-iskop territorjali tal-garanzija kif ukoll l-isem u l-indirizz ta' min qiegħed jiggarantixxi.

3. Fuq talba tal-konsumatur, il-garanzija għandha ssir disponibbli bil-kitba jew tidher fuq xi mezz ieħor b'saħħtu disponibbli u aċċessibbli lilu.

4. Fi ħdan it-territorju tiegħu stess, l-Istat Membru li fih l-oġġetti ta' konsum huma nnegozjati jista’, f'konformità mar-regoli tat-Trattat, jipprovdi li l-garanzija tkun abbozzata f'lingwa waħda jew aktar li għandu jagħżel minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Komunità.

5. Jekk garanzija tikser il-ħtiġijiet tal-paragrafi 2, 3 jew 4, il-validità ta' din il-garanzija m'għandha bl-ebda mod tkun affetwata, u l-konsumatur ikun jista’ jibqa’ jafda fuq il-garanzija u jinħtieġ li tkun rispettata.

Artikolu 7

Natura vinkolanti

1. Kull termini jew ftehim kontrattwali konkluż mal-bejjiegħ qabel ma tinġieb għall-attenzjoni tal-bejjiegħ in-nuqqas ta' konformità li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom, kif hemm provdut għalihom bil-liġi nazzjonali, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, fil-każ ta' oġġetti wżati, il-bejjiegħ u l-konsumaur jistgħu jiftiehmu dwar termini jew ftehim kontrattwali li għandhom perijodu ta' żmien iqsar għall-obbligu tal-bejjiegħ minn dawk stipulati fl-Artikolu 5(1). Dan il-perjodu m'għandux ikun ta' anqas minn sena.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux imċaħħdin mill-protezzjoni offruta minn din id-Direttiva b'riżultat li jagħżlu l-liġi ta' Stat li m'huwiex Membru bħala l-liġi applikabbli lill-kuntratt fejn il-kuntratt għandu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta' l-Istati Membri.

Artikolu 8

Liġi nazzjonali u protezzjoni minima

1. Id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom jiġu eserċitati mingħajr preġudizzju għal drittijiet oħra li l-konsumatur jista’ jinvoka skond ir-regoli nazzjonali li jirregolaw responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali.

2. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jgħarrfu lill-konsumatur dwar il-liġi nazzjonali li tieħu post din id-Direttiva u għandhom jinkoraġġixxu, fejn xieraq, organizzazzjonijiet professjonali sabiex jinformaw lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom.

Artikolu 10

L-Anness lid-Diretteva 98/27/KE għandha timtela kif ġej:

"10. Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji asoċjati (ĠU L 171, tas-7.7.1999, p.12)."

.

Artikolu 11

Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2002. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-riferenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għat-tali referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Analiżi mill-ġdid

Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mis-7 ta' Lulju 2006, tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jeżamina, inter alia, il-każ għall-introduzzjoni tar-responsabbiltà diretta tal-produttur u, fejn xieraq, ikunu akkumpanjati minn proposti.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tkun ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Mejju 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

H. Eichel

[1] ĠU C 307, tas-16.10.1996, p. 8u ĠU C 148, ta' l-14.5.1998, p. 12.

[2] ĠU C 66, tat-3.3.1997, p. 5.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Marzu 1998 (ĠU C 104, tas-6.4.1998, p. 30), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1998 (ĠU C 333, tat-30.10.1998, p. 46), Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 1998 (ĠU C 98, tad-9.4.1999, p. 226), Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 1999, Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1999.

[4] ĠU L 115, tas-17.4.1998, p. 31.

[5] ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51.

--------------------------------------------------