31998R2768



Official Journal L 346 , 22/12/1998 P. 0014 - 0019


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2768/98

tal-21 ta’ Diċembru 1998

fuq l-iskema ta’ għajnuna għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 fuq it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet [1], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1638/98 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 12a tiegħu,

Billi l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 136/66/KEE jipprovdi li fil-każ ta’ tħarbit serju fis-suq f’ċerti reġjuni tal-Komunità tista’ tkun imħaddma skema ta’ għajnuna għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa sal-31 t’Ottubru 2001; billi l-iskema trid tkun ibbażata fuq kuntratti konklużi ta’ operaturi approvati li joffru garanziji biżżejjed; billi prijorità għandha tingħata lill-gruppi ta’ produtturi skond kif hemm fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/97 [3];

Billi regoli dettaljati li jirregolaw l-iskema ta’ għajnuna għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa għandhom ikunu stabbiliti biex tkun imħaddma malajr jekk ikun meħtieġ; billi biex din l-iskema tkun tista’ jkollha effett akbar fis-suq fil-livell ta’ produtturi u biex tħaffef is-sorveljanza, l-għajnuna għandha tingħata primarjament għall-ħażna bil-kobor taż-żejt verġni taż-żebbuġa;

Billi sabiex jirrifletti bl-aħjar mod is-sitwazzjoni tas-suq, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun stabbilit bi proċedura ta’ appalt miftuħa b’mod konformi ma’ ċerti regoli u fir-rigward ta’ setturi tas-suq li jeħtiġuha; billi parteċipanti fil-proċedura ta’ l-appalt għandhom ikunu operaturi li joffru garanziji sostanzjali;

Billi l-informazzjoni li għandha tidher fuq l-offerti u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom ikunu ppreżentati u miflija għandhom ikunu speċifikati; billi, b’mod partikolari, biex ikun jista’ jkollhom effett fuq is-sitwazzjoni tas-suq, l-offerti għandhom jingħataw għal perijodu twil ta’ żmien ta’ ħażna u fir-rigward ta’ kwantità minima fir-relazzjoni tas-sitwazzjoni fis-settur; billi t-tħaddim ta’ l-offerta jrid ikun iggarantit b’assigurazzjoni bil-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 [4], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 3403/93 [5], l-ammont tagħha u kemm iddum għandhom ikunu relatati ma’ kif x’aktarx jiċċaqilqu l-prezzijiet tas-suq u n-numru ta’ ġranet ta’ ħażna li fil-fatt ikunugħaddew li jagħtu d-dritt għall-għajnuna;

Billi l-offerti magħżula għandhom ikunu dawk li ma jeċċedux l-ammont massimu ta’ għajnuna għal kull ġurnata ta’ ħażna, li għandu jkun stabbilit f’relazzjoni mas-suq taż-żejt taż-żebbuġa; billi, madankollu, ir-rappreżentanza ta’ l-offerti u konformità mal-kwantitajiet massimi ffissati bil-proċeduri għandhom ikunu assigurati għal kull kategorija jew reġjun speċifikat;

Billi l-punti prinċipali li għandhom jiġu mdaħħla fil-kuntratt għandhom ikunu speċifikati; billi, biex jiġu pprevenuti nuqqasijiet fis-suq, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ taġġusta l-perijodu ta’ żmien tal-kuntratt skond prinċipalment it-tbassir tal-ħsad għas-sena ta’ marketing wara dik li fiha l-kuntratt kien konkluż;

Billi biex ikun assigurat li l-iskema hija amministrata tajjeb, huwa meħtieġ li jkunu indikati l-kondizzjonijiet li fuqhom ħlas bil-quddiem fuq għajnuna jista’ jingħata, il-kontrolli li huma essenzjali fuq il-konformità mad-dritt għall-għajnuna, ċerti proċeduri biex tkun ikkalkulata l-għajnuna u l-informazzjoni li għandha tkun notifikata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 314/88 [6], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3788/89 [7], u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 94/98 [8], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2367/98 [9], fuq il-ħażna privat qabel l-1 ta’ Mejju 1998 għandu jkun imħassar;

Billi l-miżuri li hemm ipprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-korpi kompetenti fi Stati Membri produtturi għandhom jikkonkludu kuntratti għall-ħażna privata ta’ żejt verġni taż-żebbuġa bil-massa bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2. Biex tistabbilixxi l-għajnuna li għandha tingħata biex isiru kuntratti għall-ħażna privata ta’ żejt verġni taż-żebbuġa bil-massa, il-Kummissjoni, sal-31 t’Ottubru 2001 billi taġixxi b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/EEC, tista’ tagħmel appalt għal perijodu limitat. Matul proċedura ta’ appalt għal perijodu limitat, sejħiet parzjali għal offerti għandhom jinfetħu.

Artikolu 2

1. Sejħa għal offerta għal perijodu limitat tista’ tinfetaħ fejn:

- hemm tħarbit serju fis-suq f’ċerti reġjuni tal-Komunità li jistgħu jiċċekknu jew jiġu solvuti b’miżuri għall-ħażna privata ta’ żejt verġni taż-żebbuġa bil-massa,

u

- il-prezz medju rreġistrat fis-suq matul perijodu ta’ mhux anqas minn ġimgħatejn huwa anqas minn:

- 177,88 ECU/100 kg għal żejt extra verġni taż-żebbuġa, u/jew

- 170,99 ECU/100 kg għal żejt verġni fin taż-żebbuġa, u/jew

- 166,40 ECU/100 kg żejt verġni ordinarju taż-żebbuġa, u/jew

- 156,08 ECU/100 kg għal żejt verġni lampante taż-żebbuġa li għandu grad 1 ta’ aċidità libera, dan l-ammont jitnaqqas bi 3,67 ECU/100 kg għal kull grad addizzjonali ta’ aċidità.

2. Sejħiet għal offerta għal perijodu limitat għandhom jispeċifikaw il-kwantità massima għall-proċedura kollha ta’ offerti u jistgħu jispeċifikaw il-kwantitajiet massimi għal kull:

- kategorija ta’ żejt verġni taż-żebbuġa kif imsemmi fl-Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE,

- kategorija ta’ operaturi approvati kif imsemmi fl-Artikolu 3(1),

- Reġjun tal-Komunità jew Stat Membru.

Sejħiet għal offerti għal perijodu limitat jistgħu jinfetħu biss għall-uħud mill-kategoriji jew reġjuni msemmija fl-ewwel subparagrafu biex tingħata prijorità lill-operaturi msemmija fl-Artikolu 3(1)(a).

Sejħiet għal offerti għal perijodu limitat jistgħu jingħalqu qabel l-aħħar tal-perijodu b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 3

1. Operaturi approvati għal dak l-iskop mill-korp kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jistgħu jitfgħu offerti fir-rigward ta’ sejħiet parzjali għal offerti. Operaturi approvati jistgħu jinkludu dan li ġej:

(a) grupp ta’ produtturi jew assoċjazzjoni ta’ gruppi simili, rikonoxxuti b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 952/97, jew

(b) grupp ta’ produtturi jew assoċjazzjoni ta’ gruppi simili, rikonoxxuti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 20ċ tar-Regolament Nru 136/66/KEE, jew

(ċ) mitħna approvata skond l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 [10] għal aktar minn sentejn ta’ marketing u li jippermetti mhux anqas minn 2 tunnellati żejt li jkun estratt għal kull ġurnata ta’ xogħol ta’ 8 sigħat u li tkun kisbet matul is-sentejn ta’ marketing preċedenti total ta’ l-anqas ta’ 500 tunnellata żejt verġni taż-żebbuġa, jew

(d) ditta ta’ l-ippakkjar b’kapaċità, fit-territorju ta’ Stat Membru, ugwali ta’ l-anqas għal 6 tunnellati ta’ żejt ippakkjat għal kull ġurnata ta’ xogħol ta’ 8 sigħat, u li ppakkjat matul is-sentejn ta’ marketing preċedenti total ta’ l-anqas ta’ 500 tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa.

2. Għall-iskopijiet ta’ l-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, operaturi għandhom jimpenjaw ruħhom li:

- jaċċettaw is-siġillar, mill-korp kompetenti fl-Istat Membru, tal-vaski li jkun fihom iż-żejt taż-żebbuġa konness ma’ kuntratt ta’ ħażna,

- iżommu rekord ta’ ħażniet u, fejn xieraq, taż-żebbuġ li qed jaħżnu,

- jagħmlu l-iċċekkjar kollu li hemm ipprovdut f’din l-iskema ta’ għajnuna għal kuntratti ta’ ħażna privata.

Għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ ħażna tagħhom, jipprovdu pjanta ta’ dawk il-faċilitajiet u jagħtu xhieda ta’ konformità mal-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1.

3. Operaturi li jħarsu l-kondizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu approvati u jingħataw numru ta’ approvazzjoni fi żmien xahrejn mix-xahar li fih ikun mibgħut l-inkartament komplut li fih l-approvazzjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3), approvazzjoni għandha tkun irrifjutata jew irtirata minnufih minn operaturi:

- li jonqsu milli jħarsu l-kondizzjonijiet għal approvazzjoni, jew

- li kontra tagħhom proċeduri ġew istitwiti mill-awtoritajiet kompetenti għal ksur tar-regoli li jirregolaw l-iskema li hemm ipprovduti fir-Regolament Nru 136/66/KEE, jew

- li ġew penalizzati għal ksur tar-Regolament matul l-24 xahar preċedenti.

Artikolu 4

L-għeluq taż-żmien għat-tfigħ ta’ l-offerti fir-rigward ta’ offerti parzjali l-proċeduri għandhom ikunu kif ġej:

- għal Novembru, Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Settembru u Ottubru, mir-raba’ sat-tmien jum f’nofs-in-nhar u mit-18 sat-22 f’nofsinhar,

- għal Awissu, mit-18 sat-23 f’nofs-in-nhar,

- għal Diċembru, mid-9 sa l-14 f’nofs-in-nhar.

Il-ħin ta’ għeluq iż-żmien għandu jkun ħin lokali tal-Belġju. Meta l-ġurnata li fiha jagħlaq iż-żmien fi Stat Membru tkun vaganza għall-korp responsabbli li jirċievi l-offerti, iż-żmien għandu jagħlaq f’nofs-in-nhar ta’ l-aħħar ġurnata ta’ xogħol preċedenti.

Artikolu 5

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, offerti għal kwantità minima ta’ 50 tunnellata għandhom isiru fir-rigward ta’ l-ammont ta’ għajnuna għal kull ġurnata, għall-ħażna privata għal 365 ġurnata ġo vaski ssiġillati skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament ta’ żejt verġni taż-żebbuġa bil-massa f’waħda mill-erba’ kategoriji elenkati fl-Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

2. Operaturi approvati għandhom jieħdu sehem fil-proċedura ta’ offerti parzjali billi jitfgħu offerta bil-miktub lill-korp kompetenti fi Stat Membru, billi tingħata riċevuta meta tintbagħat, jew b’fax lil dak il-korp.

Fejn operatur jieħu sehem fi proċedura ta’ offerta parzjali għal aktar minn kategorija waħda ta’ żejt jew għal vaski li jinsabu f’indirizzi differenti, huwa għandu jitfa’ offerta separata f’kull każ.

Offerta għandha tkun valida għal proċedura ta’ offerta parzjali waħda biss. Ladarba jkunu mitfugħa, l-offerti ma jistgħux jiġu rtirati jew mibdula wara l-għeluq tad-data għat-tfigħ ta’ l-offerti.

3. L-offerti għandu jkun fihom:

(a) referenza għal dan ir-Regolament u għall-proċedura ta’ tfigħ ta’ offerti parzjali li għaliha l-offerta tirriferi;

(b) l-isem u l-indirizz ta’ min jagħmel l-offerta;

(ċ) il-kategorija ta’ l-operatur approvat, imsemmija fl-Artikolu 3(1), u n-numru ta’ approvazzjoni;

(d) il-kwantità u l-kategorija taż-żejt taż-żebbuġa referut fl-offerta;

(e) l-indirizz eżatt tal-post fejn il-vaski tal-ħażna jinsabu;

(f) l-ammont ta’ għajnuna għal kull ġurnata ta’ ħażna privata għal kull tunnellata ta’ żejt taż-żebbuġa, mogħti f’ECU sa żewġ numri deċimali;

(g) l-ammont ta’ l-assigurazzjoni li għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 6 mogħti fil-munita ta’ l-Istat Membru li fih l-offerta tkun magħmula.

4. Biex ikun aċċertat li l-validità tagħhom hija rikonoxxuta, l-offerti għandhom:

- jinkitbu, flimkien mad-dokumenti rilevanti, bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru tal-korp kompetenti li jirċevihom,

- ikunu mogħtija b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament u jkun fihom id-dettalji kollha elenkati fil-paragrafu 3,

- ma jkunx fihom kondizzjonijiet għajr dawk ipprovduti f’dan ir-Regolament,

- ikunu magħmula minn operatur approvat mill-Istat Membru li fihom ikunu waslu, u jikkonċernaw vaski tal-ħażna li jinsabu f’dak l-Istat Membru,

- ikollhom magħhom, qabel ma jagħlaq iż-żmien għat-tfigħ ta’ l-offerti, prova li min jagħmel l-offerta jkun għamel l-assigurazzjoni speċifikata fihom.

L- Artikolu 6

1. Min jagħmel l-offerta għandu jagħti assigurazzjoni ta’ 50 ECU għal kull tunnellata ta’ żejt fl-offerta.

2. Fejn dawk li jitfgħu offerta ma jirnexxilhomx, l-assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rilaxxata minnufih wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-ammont massimu ta’ għajnuna għall-proċedura ta’ offerti parzjali kkonċernata.

3. Fejn dawk li jitfgħu l-offerti jirnexxilhom, assigurazzjoni ta’ 200 ECU għal kull tunnellata ta’ żejt skond l-offerta għandha tkun stabbilita mhux aktar tard mill-ewwel jum tat-tħaddim tal-kuntratt kif imsemmi fl-Artikolu 9(3) it-tieni paragrafu flimkien ma’ l-assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4. Il-ħtieġa primarja skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għar-rilaxx ta’ l-assigurazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandha tkun il-ħażna għal sitt xhur li hemm ipprovdut fl-offerta skond il-kondizzjonijiet tal-kuntratt stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Madankollu, fejn it-tul ta’ żmien tal-kuntratt ikun imnaqqas għal anqas minn 6 xhur skond l-Artikolu 11, il-perijodu ta’ ħażna msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun l-istess bħall-perijodu tat-tħaddim tal-kuntratt.

Artikolu 7

1. L-offerti għandhom ikunu miflija mill-korp kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat mhux fil-preżenza ta’ membri tal-pubbliku. Skond il-paragrafu 2, persuni preżenti għall-iskrutinju għandhom ikollhom l-obbligu li ma jikxfux ebda dettalji dwar dan.

2. Offerti validi għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni, ikklassifikati f’ordni li dejjem tiżdied ta’ l-ammont, bla isem, bil-fax, mhux aktar tard minn 48 siegħa wara li jagħlaq iż-żmien għat-tfigħ ta’ l-offerti. Jekk iż-żmien jagħlaq nhar ta’ Ġimgħa l-offerti għandhom ikunu nnotifikati mhux aktar tard mit-Tnejn ta’ wara.

3. Dettalji għandhom jingħataw għal kull offerta nnotifikata dwar il-kwantità, kategorija ta’ żejt u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(3)(d) u (f). Barra minn dan, fejn il-proċedura tiffissa kwantitajiet massimi għal kull kategorija ta’ operaturi jew reġjun, il-kategoriji jew reġjuni kkonċernati għandhom ikunu indikati għal kull offerta.

Artikolu 8

1. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE u fuq il-bażi ta’ l-offerti li jkunu waslu, ammont massimu ta’ għajnuna għandu jkun iffissat għal kull ġurnata ta’ ħażna mhux aktar tard mid-disa’ jum ta’ xogħol wara għeluq iż-żmien iffissat għat-tfigħ ta’ offerti skond il-proċeduri ta’ tfigħ ta’ offerti parzjali.

2. L-ammont massimu ta’ għajnuna għandu jiġi stabbilit skond is-sitwazzjoni u żviluppi prevedibbli fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa, u l-opportunitajiet biex jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti biex ikun assigurat li s-suq ikun irregolat bil-miżura kkonċernata.

Barra minn hekk, għandu jingħata każ tal-kwantitajiet li huma koperti diġà b’kuntratti privati ta’ ħażna u tal-kwantitajiet koperti mill-offerti li jkunu waslu.

3. Meta l-ammont massimu jkun qed jiġi ffissat, u b’mod konformi ma’ l-istess proċedura, l-offerti kollha fir-rigward ta’ kategorija ta’ żejt, kategorija ta’ operatur jew reġjun li għalihom kwantità massima tkun ġiet stabbilita skond l-Artikolu 2(2) jistgħu jkunu rrifjutati fejn, fil-każ tal-kategorija jew reġjun in kwistjoni:

- l-offerti ma jkunux rappreżentattivi, jew

- l-ammont massimu ffissat jista’ jirriżulta f’eċċess tal-kwantità massima kkonċernata.

Artikolu 9

1. Il-kuntratt għandu jingħata, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3), lil dak jew dawk li jagħmlu l-offerta li l-offeta tagħhom tkun ġiet innotifikata skond l-Artikolu 7(2), u li tikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ għajnuna għal kull jum ta’ ħażna privata, jew anqas għall-kwantità murija fl-offerta.

Id-drittijiet u l-obbligi ta’ min jirnexxilu jieħu offerta m’għandhomx ikunu trasferibbli.

2. Il-korp kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika bil-miktub lil dawk kollha li jitfgħu offerta dwar ir-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta’ l-offerti mhux aktat tard mit-tieni ġurnata ta’ xogħol wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-ammont massimu ta’ l-għajnuna fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt għandha tkun dik li fiha n-notifika ta’ aċċettazzjoni ta’ l-offerta tintbagħat lil min jagħmel l-offerta.

Id-data tal-bidu tat-tħaddim tal-kuntratt, soġġett għall-ħlas ta’ l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3), għandha tkun dik tal-jum wara l-konklużjoni tal-kuntratt, u ż-żejt in kwistjoni għandu jkun maħżun skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt.

4. Wara 30 jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, il-korp kompetenti fl-Istat Membru għandu

- jidentifika l-vaski li jkun fihom iż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat,

- jirreġistra l-piż nett taż-żejt,

- jieħu kampjun rappreżentattiv ta’ l-offerta,

- jissiġilla kull vaska.

5. Il-kampjun meħud għandu jiġi analizzat malajr kemm jista’ jkun biex ikun assigurat li ż-żejt jikkorrispondi għall-kategorija li għaliha l-offerta ġiet mogħtija.

Artikolu 10

1. Il-kuntratt magħmul f’żewġ kopji għandu jkun fih ta’ l-anqas dan li ġej:

(a) l-isem u l-indirizz tal-korp kompetenti fl-Istat Membru;

(b) l-indirizz postali sħiħ, u n-numru ta’ approvazzjoni u l-kategorija tal-kuntrattur, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1);

(ċ) l-indirizz eżatt tal-post tal-ħażna;

(d) id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt;

(e) id-data tal-bidu u t-tmiem tat-tħaddim tal-kuntratt, soġġetta għall-Artikolu 11;

(f) referenza għal dan ir-Regolament u għall-proċedura ta’ tfigħ t’offerta parzjali kkonċernata.

2. Il-kuntratt għandu jkun fih referenza fir-rigward ta’ kull grupp li hemm fih dwar:

- il-kategorija u piż nett taż-żejt verġni taż-żebbuġa,

- id-dettalji tal-vaski li fihom iż-żejt.

3. Il-kuntratt għandu jkun jitlob mill-kuntrattur:

(a) li jżomm fil-ħażna, għal perijodu miftiehem, l-ammont miftiehem tal-prodott ikkonċernat, bi spejjeż u riskju tiegħu;

(b) li jaħżen żejt ta’ kategoriji differenti ġo vaski sseparati, speċifikati fil-kuntratt u ssiġillati mill-korp kompetenti ta’ l-Istat Membru; tibdil tal-vaski jrid ikun awtorizzat minn dak il-korp, magħmul fil-preżenza tiegħu u jkollhom imwaħħla siġilli ġodda;

(ċ) li jippermetti l-korp kompetenti fl-Istat Membru jivverifika f’kull ħin il-konformità ma’ dak li jitlob il-kuntratt.

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, fejn il-kuntrattur itemm kuntratt meta jkun għadu fis-seħħ, l-assigurazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 u, fejn xieraq, l-Artikolu 12, għandhom jintilfu kollha kemm huma; barra minn dan, il-kuntrattur għandu jitlef il-benefiċċju ta’ l-għajnuna għall-perijodu kollu u għall-kwantitajiet kollha li hemm ipprovduti fil-kuntratt.

Artikolu 11

1. Il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ l-iżviluppi fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa u minn kif jidhru l-affarijiet għall-futur, tista’ tiddeċiedi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE li tqassar iż-żmien tal-kuntratti li jkunu fis-seħħ.

Tibdil fil-kuntratti jista’ jsir biss matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, u ma jistax jidħol fis-seħħ qabel l-aħħar tax-xahar wara dak li fih ikunu seħħew.

2. Fejn kuntratt ikun inbidel skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiffissa perċentwali ta’ tnaqqis biex ikun applikat għan-numru ta’ ġranet ta’ tħaddim ipprovduti wara data speċifikata għall-kuntratti kollha li jkunu jitħaddmu f’dik id-data.

Artikolu 12

1. Wara l-konklużjoni ta’ kuntratt, ħlas bil-quddiem li jikkorrispondi għall-għajnuna pprovduta għall-perijodu li jibda mid-data tal-bidu tat-tħaddim tal-kuntratt u jispiċċa fil-31 t’Awissu ta’ wara, jista’ jsir bil-kundizzjoni li tingħata assigurazzjoni għall-ammont ugwali għal 120 % tal-ħlas bil-quddiem.

Fil-każ ta’ kuntratti li jkunu qed jitħaddmu, mill-1 ta’ Jannar, ħlas ieħor bil-quddiem jista’ jsir għall-perijodu li jibda fl-1 ta’ Settembru u jispiċċa meta jagħlqu dawk il-kuntratti, skond it-termini speċifikati fl-ewwel subparagrafu.

2. L-assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rrilaxxjata minnufih mal-ħlas tal-bilanċ ta’ l-għajnuna skond l-Artikolu 14(3).

Artikolu 13

1. Qabel ma jsir il-ħlas aħħari, il-korp kompetenti fl-Istat Membru għandu:

- jiġbor u jivverifika l-prova ta’ konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament,

- iwettaq il-kontrolli meħtieġa biex jassigura li ż-żejt taż-żebbuġa fil-kwistjoni baqa’ fil-ħażna matul il-perijodu ta’ ħażna kollu msemmi fil-kuntratt,

- jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassigura li l-kontrolli jsiru b’mod konformi mal-ħtiġijiet tal-kuntratt.

2. Kontrolli fuq konformità għandhom jinkludu l-ispezzjoni fiżika tal-prodott maħżun, flimkien ma’ skrutinju tal-kontijiet bankarji.

L-ispezzjoni fiżika għandha tassigura b’mod partikolari l-konformità tal-ħażniet skond il-kuntratt mal-kategoriji ta’ żejt stipulat fil-kuntratt, il-preżenza tas-siġilli u tal-kwantitajiet li hemm ipprovduti.

3. Fejn hemm nuqqas ta’ qbil mal-ħtiġijiet tal-kuntratt, l-għajnuna ma tingħatax, u mingħajr preġudizzju għal pieni oħra li jistgħu jiġu applikati, l-approvazzjoni ta’ l-operatur għandha tiġi rtirata. Barra minn dan, l-assigurazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 u 12 għandhom jintilfu skond il-kondizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Artikolu 14

1. L-ammont ta’ l-għajnuna għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni mal-piż nett irregistrat skond l-Artikolu 9(4).

Ir-rata li għandha tkun applikata meta wieħed jikkonverti l-ammont ta’ għajnuna għall-ħażna privata f’munita nazzjonali għandha tkun ir-rata ta’ konverżjoni agrikola mħaddma fid-data meta l-kuntratt jibda jseħħ.

2. Il-ħtiġijiet irrelatati mal-kwantitajiet li hemm ipprovduti fl-offerti u l-kuntratti għandhom jitqiesu li ntlaħqu jekk fil-fatt ikunu ntlaħqu fir-rigward ta’ 98 % ta’ dawk il-kwantitajiet.

Fejn l-analiżi msemmija fl-Artikolu 9(5) ma tkunx biżżejjed biex tikkonferma li ż-żejt fil-vaska jikkorrispondi mal-kategorija li għaliha l-kuntratt kien mogħti, il-kwantità kollha skond l-offerta għandha titqies li mhix konformi.

3. L-għajnuna, jew fejn ħlas bil-quddiem ikun ingħata skond l-Artikolu 12 il-bilanċ ta’ l-għajnuna, għandha titħallas biss fejn il-ħtiġijiet kollha tal-kuntratt ikunu ġew imħarsa. Il-ħlas ta’ l-għajnuna, jew il-bilanċ ta’ l-għajnuna, għandu jsir wara kontroll fuq il-konformità mal-ħtiġijiet, fi żmien 60 jum wara li jagħlaq tal-kuntratt.

Artikolu 15

1. L-Istati Membri interessati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri nazzjonali meħuda biex iħaddmu dan ir-Regolament u dwar il-kuntratt kampjun.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta’ żejt taż-żebbuġa li għalihom ingħatat għajnuna u liema, kif xieraq, mhumiex soġġetti ta’:

- kuntratt,

- konformità ma’ jew it-twettiq sħiħ tal-kuntratt.

In-notifiki msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jispeċifikaw il-proċedura ta’ tfigħ t’offerti parzjali kkonċernati u, kif xieraq, il-kategoriji taż-żejt, operaturi jew reġjuni kkonċernati. In-notifika għandha ssir mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-10 jum tax-xahar wara x-xahar ikkonċernat.

Artikolu 16

Ir-Regolament (KEE) Nru 314/88 u r-Regolament (KE) Nru 94/98 huma hawnhekk imħassra.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

[2] ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 32.

[3] ĠU L 142, tat-2.6.1997, p. 30.

[4] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

[5] ĠU L 310, ta' l-14.12.1993, p. 4.

[6] ĠU L 31, tat-3.2.1988, p. 16.

[7] ĠU L 367, tas-16.12.1989, p. 44.

[8] ĠU L 9, tal-15.1.1998, p. 25.

[9] ĠU L 293, tal-31.10.1998, p. 64.

[10] ĠU L 208, tat-3.8.1984, p. 3.

--------------------------------------------------