31998R2640



Official Journal L 335 , 10/12/1998 P. 0008 - 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2640/98

tad-9 ta’ Diċembru 1998

li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tunesija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 906/98 tas-27 ta’ April 1998 li jipprovdi regoli ġenerali għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tunesija [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Billi, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 906/98, l-arranġamenti għall-ftuħ u mmaniġġar tal-kwota ta’ l-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina fit-Tunesija għandhom jiġu stipulati; billi s-sitwazzjoni kurrenti u prevista dwar il-provvista ta’ żejt taż-żebbuġa lis-suq tal-Komunità jippermetti li l-kwantità ppjanata tintleħaq; billi r-riskju tad-disturb tas-suq huwa mnaqqas billi l-importazzjoni m’humiex konċentrati fil-perijodu qasir tas-sena tal-marketing 1998/99; billi għandhom isiru disposizzjonijiet biex jinħarġu liċenzi ta’ importazzjoni matul dik is-sena tal-marketing skond skeda ta’ kull xahar;

Billi, għall-immaniġġar sod tal-kwantità in kwistjoni, għandu jinħoloq mekkaniżmu li jinkoraġġixxi lill-operaturi li jagħtu lura minnufih il-liċenzi li ma jkunux sejrin jużaw lill-aġenziji tal-ħruġ; billi huwa wkoll meħtieġ li jinħoloq mekkaniżmu li jinkoraġġixxi lill-operaturi li jagħtu lura l-liċenzji lill-aġenzija tal-ħruġ wara li d-data tagħhom tkun skadiet biex il-kwantitajiet li ma jintużawx jistgħu jiġu użati mill-ġdid u biex il-Kummissjoni tkun konxja tagħhom;

Billi żejt importat mit-Tunesija ma jistax jeċċedi kwantità stabbilita; billi, għalhekk it-tolleranza li għaliha jipprovdi l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 tas-16 ta’ Novembru 1988 li jipprovdi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzi ta’ importazzjoni u esportazzjoni ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem ta’ prodotti agrikoli [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1044/98 [3], m’għandux jiġi applikat;

Billi l-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, mill-parti ’l waħda, u r-Repubblika tat-Tunesija, mill-parti l-oħra [4], ma jipprovdix aktar għall-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li fil-kodifiki CN 1509 u 1510 miksub kollu kemm hu mit-Tunesija u importat fil-Komunità direttament minn dak il-pajjiż barra l-kwota ta’ 46000 tunnellati b’rata mnaqqsa ta’ dazju;

Billi l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti disposizzjonijiet li jirrelataw ma’ l-introduzzjoni tal-Euro [5], jipprovdi għal, mill-1 ta’ Jannar 1999, ir-riferenzi kollha għall-ecu fl-istrumenti legali għandu jiġi mibdul bir-riferenzi għall-euro bir-rata ta’ Euro 1 għall-ECU 1;

Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni taż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Żejt taż-żebbuġa mhux ittrattat li huwa fil-kodifiki CN 15091010 u 15091090, miksub kollu kemm hu mit-Tunesija u trasportat direttament minn dak il-pajjiż għall-Komunità, li jikkwalifika għad-dazju tad-dwana stipulat f’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 906/98 jista’ jiġi importat mill-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ marketing 1998/99. Liċenzi ta’ importazzjoni għandhom jinħarġu sa 46000 tunnellati għas-sena ta’ marketing 1998/99.

2. Għas-sena ta’ marketing 1998/99 u mingħajr preġudizzju għall-limitu ta’ 46000 tunnellati, liċenzi jistgħu jinħarġu skond il-kundizzjonijiet stipulati f’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 906/98 sa’ 10000 tunnellati kull xahar. Iżda, din il-kwantità għandha titnaqqas għall-5000 tunnellati għall-Marzu u 8000 tunnellati għall-April. Jekk il-kwantità awtorizzata għall-xahar ma tintużax kollha matul ix-xahar in kwistjoni, il-bqija għandu jiżdied mal-kwantità tax-xahar ta’ wara, iżda ma tistax tinġieb ’il quddiem aktar.

3. Għall-għanijiet tal-kalkolazzjoni tal-kwantità awtorizzata kull xahar, meta ġimgħa tibda f’xahar u tintemm ix-xahar ta’ wara, għandha tkun konsidrata parti mix-xahar li fih jaqa’ l-Ħamis.

Artikolu 2

1. Biex ikun jista’ jiġi applikat id-dazju tad-dwana li għalih jirriferi l-Artikolu 1 tar-regolament (KE) Nru 906/98, l-importaturi għandhom jibgħatu applikazzjoni għall-liċenza ta’ importazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkompanjati b’kopja tal-kuntratt tax-xiri konkluż ma’ l-esportatur Tuneżin.

2. Applikazzjonijiet għall-liċenza ta’ importazzjoni għandhom jinbagħtu kull nhar ta’ Tnejn u kull nhar ta’ Tlieta ta’ kull ġimgħa. L-Istati membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Erbgħa bit-tagħrif fl-applikazzjonijiet għall-liċenzi li jkunu rċevew.

3. Kull ġimgħa l-Kummissjoni għandha tħejji it-total tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nbagħtu liċenzi ta’ importazzjoni. Għandha tawtorizza lill-Istati Membri biex joħorġu l-liċenzi sakemm il-kwota tax-xahar tintuża kollha; billi hemm ir-riskju li l-kwota tax-xahar tintuża kollha, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istati Membri biex joħorġu liċenzi ta’ importazzjoni fil-proporzjon tal-kwantità disponibbli.

4. Meta l-kwantità massima li għaliha jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 906/98 tintlaħaq, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Liċenzi ta’ mportazzjoni kif provdut f’ l-Artikolu 1(2) għandhom ikunu validi għal 60 jum mid-data tal-ħruġ skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, li tista’ sseħħ sal-31 ta’ Ottubru 1999.

Il-liċenzi għandhom jinħarġu sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol li jiġi wara dak li fih awtorizzazzjoni għal dak il-għan tingħata mill-Kummissjoni.

Il-garanzija għall-liċenzi ta’ mportazzjoni għandha tkun ta’ ECU 15 kull 100 kilogramm nett.

2. Jekk il-liċenza ta’ importazzjoni ma tintużax fil-limitu ta’ żmien imniżżel, il-garanzija għandha tintilef. Iżda, kull parti minn jum tgħodd bħala jum sħiħ:

- jekk il-liċenza tingħata lura lill-aġenzija tal-ħruġ fil-perijodu li jkun jikkorrispondi ma’ l-ewwel żewġ terzi tal-validità tagħha, il-garanzija mitlufa għandha titnaqqas b’40 %,

- jekk il-liċenza tingħata lura lill-aġenzija tal-ħruġ fil-perijodu li jkun jikkorrispondi ma’ l-aħħar terz tal-validità tagħha, jew fi żmien 15-il jum minn meta tiskadi, il-garanzija mitlufa għandha tiġi mnaqqsa b’25 %.

3. Minkejja r-restrizzjonijiet tal-kwantità f’ l-Artikolu 1, il-kwantitajiet fuq liċenzi li jingħataw lura skond il-paragrafu 2 jistgħu jiġu riallokati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom javżaw lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Erbgħa bil-kwantitajiet li dwarhom ikunu ġew mogħtija lura l-liċenzi fis-sebat-ijiem ta’ qabel.

Artikolu 4

Is-sezzjoni 24 tal-liċenzi ta’ importazzjoni kif provdut f’ l-Artikolu 1(2) għandu jkollha wieħed minn dan id-dħul li ġej:

- Derecho de aduana fijado por el Reglamento (CE) no 906/98

- Told fastsat ved forordning (EF) nr. 906/98

- Zoll gemäß Verordnung (EG) Nr. 906/98

- Δασμός που καθορίστκηκε από τον κανονισμό (EK) αριθ. 906/98.

- Dazju tad-dwana ffissat bir-regolament (KE) Nru 906/98

- Droit de douane fixé par le règlement (CE) no 906/98

- Dazio doganale fissato dal regolamento (CE) n. 906/98

- Bij Verordening (EG) nr. 906/98 vastgesteld douanerecht

- Direito aduaneiro fixado pelo Regulamento (CE) no 906/98

- Asetuksessa (EY) N:o 906/98 vahvistettu tulli

- Tull fastställd genom förordning (EG) nr 906/98.

Minkejja l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, il-kwantità rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera m’għandhix teċċedi dik indikata fis-Sezzjonijiet 17 u 18 tal-liċenza ta’ importazzjoni. Il-figura ‘0’ għandħa tiddaħħal fis-Sezzjoni 19 tal-liċenza għal dak il-għan.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara dak li fih jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussels, fid-9 ta’ Diċembru 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 128, tat-30.4.1998, p. 20.

[2] ĠU L 331, tat-2.12.1988, p. 1.

[3] ĠU L 149, ta’ l-20.5.1998, p. 11.

[4] ĠU L 97, tat-30.3.1998, p. 2.

[5] ĠU L 162, tad-19.6.1997, p. 1.

--------------------------------------------------