31998R1658



Official Journal L 213 , 30/07/1998 P. 0001 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1658/98

tas-17 ta' Lulju 1998

dwar l-ħidmiet ta' finanzjament konġunt ma' l-organizzazzjonijiet ta' l-iżvilupp Ewropej mhux tal-gvern (OŻMG) f'setturi ta' interess għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130w tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li aġixxa skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 189c tat-Trattat [2],

Billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1975, għaddiet linji ta'gwida fuq ir-relazzjonijiet ma' l-organizzazzjonijiet ta' l-iżvilupp mhux tal-gvern (OŻMG), flimkien mal-kondizzjonijiet u l-proċeduri ġenerali għall-użu tal-fondi maħsuba għall-ħidmiet ta' l-iżvilupp minn organizzazzjonijiet bħal dawn;

Billi l-awtorità ta' l-estimi introduċiet fl-estimi ta' l-1976 artikolu għall-finanzjament konġunt ma' l-OŻMG u minn hemm żiedet b'mod kontinwu il-volum ta' fondi bħal dawn (minn 2,5 miljun EKU fl-1976 sa 176 miljun EKU fl-1995) fuq il-bażi tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-użu ta' dawn ir-riżorsi;

Billi fil-laqgħa tiegħu fit-28 ta' Novembru 1977, il-Kunsill approva l-kondizzjonijiet ġenerali u l-proċeduri proposti mill-Kummissjoni;

Billi l-Parlament Ewropew, fir-Reżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Mejju 1992 dwar ir-rwol ta' l-OŻMG fil-koperazzjoni ta' l-iżvilupp [3], tenna mill-ġdid ir-rwol speċifiku u uniku ta' l-OŻMG u l-utilità u l-effettività tal-ħidmiet ta' l-iżvilupp tagħhom, b'emfasi b'mod partikolari fuq ir-rwol ewlieni tax-xogħol ta' l-OŻMG għan-nom tal-gruppi soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-bżonn li tiġi ppreservata l-azzjoni ħielsa ta' l-OŻMG, u r-rwol vitali ta' l-OŻMG fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' demokrazija mill-qiegħ;

Billi, fir-Reżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Mejju 1991 dwar il-koperazzjoni ma' l-OŻMG, il-Kunsill issottolineja l-importanza ta' l-awtonomija u l-indipendenza ta' l-OŻMG; billi, għaraf, barra minn hekk, li s-sistema Komunitarja ta' koperazzjoni ma' l-OŻMG kienet neċessarjament komplimentarja ma' sforzi simili f'livell nazzjonali u għaraf il-bżonn ta' flessibiltB fil-proċeduri u l-applikazzjoni tagħhom;

Billi, fil-konklużjonijiet tat-18 ta' Novembru 1992, il-Kunsill innota b'soddisfazzjon il-kriterji mill-Kummissjoni fl-għażla ta' proġetti ta' żvilupp u edukazzjoni għall-finanzjament konġunt, li b'mod partikolari qiegħdin isaħħu n-nisġa tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari laqa' l-fatt li l-Kummissjoni kienet għamlitha ċara li l-kriterju ewlieni baqa' l-kwalità tal-proġett, attitudni li appoġġat mingħajr riżervi;

Billi l-proċeduri amministrattivi għandhom jiġu stabbiliti għall-ħidmiet ta' finanzjament konġunt ma' l-OŻMG Ewropej fis-setturi ta' interess għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-Komunità għandha tiffinanzja konġuntament ħidmiet fis-settur ma' l-organizzazzjonijiet ta' l-iżvilupp mhux tal-gvern (OŻMG) Ewropei, kif definit fl-Artikolu 3, biex tilħaq il-bżonnijiet bażiċi ta' persuni b'żvantaġġ fil-pajjizi li qed jiżviluppaw . Prijorità għandha tingħata għal proposti għal ħidmiet ibbażati fuq inizjattiva mill-imsieħba fil-pajjizi li qed jiżviluppaw ħidmiet bħal dawn għandhom jiġu proposti mill-OŻMG Ewropei u mmexxija f'koperazzjoni mas-imsieħba tagħhom fil-pajjizi li qed jiżviluppaw u l-għan tagħhom għandu jkun it-taffija tal-faqar kif ukoll it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u l-kapaċità ta' l-iżvilupp tagħhom stess tal-grupp fil-mira.

2. Il-Komunità għandha wkoll tiffinanzja konġuntament ma' l-OŻMG Ewropei, kif mfisser fl-Artikolu 3, ħidmiet ta' tagħrif għall-pubbliku u ta' informazzjoni fl-Ewropa dwar problemi ta' żvilupp fil-pajjizi li qed jiżviluppaw u r-relzzjonijiet tagħhom mad-dinja industrijaliżżata. Ħidmiet bħal dawn għandhom jiġu proposti mill-OŻMG Ewropei u għandhom jiġu mfassla biex jimmobilitaw l-appoġġ pubbliku fl-Ewropa għal żvilupp u għal strateġiji u ħidmiet għall-benefiċju tan-nies fil-pajjizi li qed jiżviluppaw.

3. Il-Komunità għandha wkoll tiffinanzja konġuntament ħidmiet imfassla biex isaħħu l-koperazzjoni u l-kordinazzjoni bejn l-OŻMG mill-Istati Membri, u bejn l-OŻMG mill-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Komunitarji.

Artikolu 2

1. L-ħidmiet finanzjati konġuntament fil-pajjizi li qed jiżviluppaw taħt l-Artikolu 1(1) għandhom b'mod partikolari jikkonċernaw l-iżvilupp lokali soċjali u ekonomiċi fiż-żoni rurali u ta' l-ibliet, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, b'mod partikolari permezz ta' stħarriġ, u l-appoġġ istituzzjonali għall-imsieħba lokali fil-pajjizi li qed jiżviluppaw.

Fi ħdan dawk is-setturi ta' attivita, għalkemm il-kwalità ta' ħidma hija l-aktar importanti, attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-ħidmiet konnessi ma':

- t-tisħiħ tas-soċjeta ċivili u l-iżvilupp parteċipattiv, u l-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija,

- ir-rwol tal-mara fl-iżvilupp,

- l-iżvilupp sostenibbli.

Attenzjoni partikolari għandha wkoll tingħata lill-:

- protezzjoni ta' kulturi mhedda, speċjalment kulturi indiġeni f'periklu,

- protezzjoni u t-titjib taċ-ċirkustanzi u d-drittijiet tat-tfal fil-pajjizi li qed jiżviluppaw.

2. Tagħrif għall-pubbliku u l-ħidmiet ta' informazzjoni fl-Istati Membri kollha, li għandhom jiġu implimentati taħt l-Artikolu 1(2), għandhom ikunu mmirati lejn gruppi definiti b'mod ċar, ikollhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet definiti b'mod ċar, ikunu mwaqqfa fuq analiżi bilanċjata u tagħrif sħiħ tal-kwistjonijiet u l-gruppi mmirati, u jinvolvu dimensjoni Ewropea.

Għalkemm il-kwalità tal-ħidma hija l-aktar importanti, attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-ħidmiet ta' tagħrif għall-pubbliku li:

- jagħmlu emfasi fuq l-interdipendenza ta' l-Istati Membri u l-pajjizi li qed jiżviluppaw ,

- ifittxu li jimmobilitaw appoġġ għal relazzjonijiet aktar imparzjali bejn it-Tramuntana u n-Nofs in-nhar,

- jinkuraġġixxu koperazzjoni bejn l-OŻMG,

- jagħmluha possibbli għas-imsieħba fil-pajjizi li qed jiżviluppaw li jiżvolġu parti attiva.

3. L-ħidmiet imfassla biex tissaħħaħ il-kordinazzjoni bejn l-OŻMG mill-Istati Membri u ma' l-Istituzzjonijiet Komunitarji, li għandhom jiġu implimentati taħt l-Artikolu 1(3), għandhom, fost l-oħrajn, jikkonċernaw l-iżvilupp tat-tpartit xieraq u n-networks ta' komunikazzjoni.

4. Fid-determinazzjoni ta' jekk ħidma proposta hija addattata għal finanzjament konġunt Komunitarju il-kriterju għandu jkun l-impatt ta' l-iżvilupp mistenni fil-pajjiż jew pajjiżi konċernati li qed jiżviluppaw. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lil:

- impatt sostenibbli fit-tfassil tal-proġett,

- definizzjoni ċara u verifka ta' l-għanijiet u l-indiċi ta' suċċess għall-proġetti kollha,

- konsistenza ma' azzjonijiet oħra ta' l-iżvilupp ta' l-aġenti deċentraliżżati, waqt li tiġi evitata l-inkompatibbiltà ma' strumenti oħra ta' koperazzjoni Komunitarja.

Artikolu 3

1. L-aġenti ta' koperazzjoni eliġibbli għall-finanzjament konġunt taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu OŻMG li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

- għandhom jiġu mwaqqfa bħala organizzazzjonijiet awtonomi li ma jagħmlux profitt fi Stat Membru skond il-liġijiet ta' dak l-Istat,

- għandu jkollhom il-kwartieri tagħhom fi Stat Membru u l-kwartieri ġenerali għandhom ikunu ċ-ċentru ewlieni għal deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħidmiet finanzjati konġuntament,

- il-maġġoranza tal-fondi tagħhom għandhom joriġinaw fl-Ewropa.

2. Fid-determinazzjoni ta' jekk OŻMG hija eliġibbli għal finanzjament konġunt, għandu wkoll jittieħed kont ta':

- l-kapaċità tagħha li timmobilita solidarjetà ġenwina min-naħa tal-pubbliku Ewropew għall-attivitajiet ta' l-iżvilupp tagħha;

- l-prijorità li tagħti għall-iżvilupp u l-esperjenza tagħha f'dak is-settur,

- l-kapaċitajiet amministrattivi u tat-tmexxija finanzjarji tagħha,

- fejn possibbli, l-għarfien tagħha tas-settur u tal-pajjiż konċernat,

- il-kapaċità li tappoġġa l-ħidmiet ta' l-iżvilupp proposti mis-imsieħba fil-pajjizi li qed jiżviluppaw u x-xorta u l-iskop ta' l-irbit tagħha ma' organizzazzjonijiet simili fil-pajjizi li qed jiżviluppaw .

Artikolu 4

1. Finanzjament konġunt Komunitarju għall-ħidmiet imsemmija fl-Artikolu 1, jista' jkopri, f'valuta barranija jew lokali:

- infiq f'investiment;

- infiq ta' ħidma marbut ma' l-investiment, filwaqt li jassigura li l-proġetti jibqgħu possibbli wara li l-għajnuna esterna tieqaf;

- kwalunkwe infiq neċessarju għall-implimentazzjoni tal-ħidmiet finanzjati konġuntament, inklużi l-ispejjeż amministrattivi ta' l-OŻMG jew in-networks ta' l-OŻMG.

Fil-mument speċifiku li fih ir-rati tal-kambju jinbidlu b'marġini kbir eċċezzjonali għad-detriment tal-benfiċjarji aħħarija tal-proġetti fil-pajjizi li qed jiżviluppaw, il-Kummissjoni tista', fuq it-talba ta' l-OŻMG ikkonċernata, tieħu l-miżuri xierqa biex tinewtraliżża l-effetti tat-tibdil.

2. OŻMG li magħha hu konkluż kuntratt ta' finanżjament konġunt għandha tavża l-imsieħba tagħha bil-kontribuzzjoni Komunitarja għall-ħidma.

3. L-OŻGM għandha sistematikament tinkuraġġixxi l-aġenziji jew l-imsieħba tal-pajjiż li qed jiżviluppaw li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw mill-ħidma biex jikkontribwixxu b'affarijiet jew b'mod finanzjarju, skond il-meżżi tagħhom u x-xorta speċifika ta' l-ħidma kkonċernata.

Artikolu 5

Finanżjament konġunt Komunitarju taħt dan ir-Regolament għandu jieħu forma ta' għotjiet, inklużi l-kontribuzzjonijiet lill-kapital imħaddem għall-proġetti ta' mikrokreditu.

Fil-każ ta' proġetti ta' mikrokreditu finanzjati konġuntament ma' l-OŻMG Ewropei li jipprovdu li l-imsieħeb lokali fil-pajjizi li qed jiżviluppaw jikkonstitwixxi u jamministra totalment jew parzalment il-kapital imħaddem, l-ammont ta' self zgħir rifus mill-benefiċjarji aħħarija lill-kapital imħaddem jista' jiġi wżat għal darba oħra għal aktar self zgħir lil benefiċjarji aħħarija oħra.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tistma, tiddeċiedi u tamministra il-finanżjament konġunt ta' ħidmiet koperti minn dan ir-Regolament skond l-estimi u l-proċeduri oħra fis-seħħ, u b'mod partikolari dawk maħsuba fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropei, wara li jitqies tax-xorta u l-fatturi speċifiċi ta' l-OŻMG, u b'mod partikolari il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-ħidmiet msemmija.

Bħala regola, id-deċiżjoni fuq jekk ħidma għandhiex tiġi appoġġata għandha tittieħed fi żmien sitt xhur mid-data ta' l-irċevuta ta' l-applikazzjoni. Jekk, fl-eżami tal-file, joħroġ li l-applikazzjoni mhix kompluta, il-perjodu ta' sitt xhur għandu jibda mid-data ta' l-irċevuta ta' l-informazzjoni meħtieġa. Jekk id-deċiżjoni hija negattiva, raġunijiet li jistgħu jiġu vverifikati għandhom jiġu mogħtija lill-OŻMG kkonċernata.

2. Il-kuntratti kollha ta' finanżjament konġunt konklużi taħt dan ir-Regolament għandhom jipprovdu għall-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri biex imexxu tfittxijiet fuq il-post skond il-proċeduri tas-soltu regolati mill-Kummissjoni taħt ir-regoli fis-seħħ, u b'mod partikolari dawk tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropei.

3. Il-kontribuzzjoni Komunitarja m'għandhiex, bħala regola, taqbeż il-50 % ta' l-ispiża totali jew 75 % tal-kontribuzzjonijiet totali, ħlief f'każijiet eċċezzjonali. Anke f'każijiet bħal dawn, l-OŻMG għandhom jagħmlu kontribuzzjoni signifikanti lill-proġetti u l-kontribuzzjoni tal-Komunità m'għandiex taqbeż il-85 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji totali.

4. Deċiżjonijiet fuq il-finanżjament konġunt Komunitarju ta' proġetti u programmi (programmi multiannwali, ħidmiet ta' "konsorzju", għotjiet en bloc) li jaqbżu 2 miljun EKU għandhom jiġu addottati taħt il-proċedura maħsuba fl-Artikolu 9.

5. Kull tlett xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma l-Istati Membri bil-proġetti u l-programmi ta' finanżjament konġunt approvati, b'indikazzjoni ta' l-ammonti tagħhom, ix-xorta, il-pajjiż u l-imsieħeb benefiċjarju. Dik l-informazzjoni għandha tiġi akkumpanjata b'Anness li juru b'mod ċar dawk il-proġetti jew il-programmi li jaqbżu l-1 miljun EKU.

Artikolu 7

1. Matul it-tieni sitt xhur wara kull sena ta' l-estimi l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, billi tagħti tagħrif dwar l-OŻMG li jibbenefikaw mill-finanżjament konġunt, tiġbor fil-qosor l-ħidmiet finanzjati matul is-sena ta' l-estimi preċedenti, b'valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament f'dak il-perjodu u b'proposta ta' linji gwida ġenerali għas-sena ta' wara. Fejn l-għotjiet en bloc huma konċernati, ir-rapport annwali għandu jkollu lista ta' l-OŻMG riċevituri, billi il-lista tal-proġetti finanzjati b'dawn l-għotjiet en bloc għandha tidher fir-rapport għas-sena ta' wara. Ir-rapport għandu juri l-konklużjonijiet ta' kwalunkwe valutazzjoni indipendenti magħmula.

2. Il-Kummissjoni, f'azzjoni skond il-proċedura maħsuba fl-Artikolu 10, għandha taddotta deċiżjonijiet dwar il-linji ta' gwida ġenerali għas-sena ta' wara u r-reviżjoni tal-kondizzjonijiet ġenerali.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u preseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 9

1. Fejn il-proċedura provduta f'dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 8.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi limitu taż-żmien li l-president jista' jqiegħed skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza provduta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill hu meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jingħataw piż bil-mod maħsub f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba, li għandhom japplikaw immedjatament.

(b) Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jaqblux mal-fehma tal-Kumitat, għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnfih. F'dak il-każ:

- il-Kummissjoni għandha twarrab l-applikazzjoni tal-miżuri li ddeċidiet fuqhom għal perjodu ta' xahar mid-data tal-komunikazzjoni.

- il-Kunsill, fuq deċiżjoni minn maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien il-limitu ta' żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 10

1. Fejn il-proċedura provduta f'dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 8.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu meħuda. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista' jqiegħed skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza provduta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill hu meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jingħataw piż bil-mod imwaqqaf f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba, li għandhom japplikaw immedjatament.

(b) Madanakollu, jekk dawk il-miżuri ma jaqblux ma' l-opinjoni tal-Kumitat, għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minufih. F'dak il-każ:

- il-Kummissjoni għandha twarrab l-applikazzjoni tal-miżuri li ddeċidiet fuqhom għal perjodu massimu ta' xahar mid-data ta' komunikazzjoni bħal din.

- il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni għandha regolarment tivvaluta ħidmiet finanzjati konġuntament mill-Komunità sabiex tistabbilixxi jekk l-għanijiet tagħhom ġewx milħuqa u bil-għan li tipprovdi linji ta' gwida għat-titjib ta' l-effiċjenza ta' ħidmiet fil-futur. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8 ġabra fil-qosor tal-valutazzjoni; jekk jinħtieġ, il-valutazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat. Ir-rapporti ta' valutazzjoni għandhom jsiru disponibbli għall-Istati Membri wara talba għaldaqshekk.

Artikolu 12

Tlett snin wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni globali tal-ħidmiet finanzjati mill-Komunità taħt dan ir-Regolament, flimkien ma' suġġerimenti li għandhom x'jaqsmu mal-futur ta' dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, proposti biex jiġi emendat.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropei.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-interezza tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 1998.

Għall-Kunsill

Il-Preżident

W. Ruttenstorfer

[1] ĠU Nru L 251, 27.09.1995, p. 18.

[2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 1995 (ĠU C 17, 22.1.1996, p. 455), il-posizzjoni komuni tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 1997 (ĠU C 307, 8.10.1997, p. 1) u d-Deċiżjoni tal- Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 1997 (ĠU C 14, 19.1.1998, p. 124).

[3] ĠU C 150, 15.6.1992, p. 273.

--------------------------------------------------