31998R0953



Official Journal L 133 , 07/05/1998 P. 0008 - 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru. 953/98

tas-6 ta’ Mejju 1998

li jipprovdi regoli dettaljati għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 906/98 tas-27 ta’April 1998 li jistabilixxi regoli ġenerali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Billi, skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru. 906/98, l-arranġamenti biex tinbeda u titmexxa l-kwota għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija għandhom ikunu stabbiliti; billi s-sitwazzjoni preżenti u dik prevista rigward il-provvista taż-żejt taż-żebbuġa lis-suq tal-Komunità tagħti lok li l-kwantità ippjanata tiġi wżata; billi r-riskju li s-suq ikun imfixkel ikun imnaqqas jekk l-importazzjoni ma tkunx ikkonċentrata f’perjodu qasir tas-sena ta’ bejgħ 1997/98, billi jridu jsiru provvedimenti għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni biex jinħarġu waqt dik is-sena ta’ bejgħ skond skeda ta’ kull xahar;

Billi, biex il-kwantità msemmija tkun immexxija b’mod tajjeb, irid jinħoloq mekkaniżmu li jinkoraġixxi lill-operaturi biex jirritornaw mill-ewwel il-liċenzji tagħhom li ma jkunux se jużaw lill-aġenzija li tkun ħarġithom; billi huwa wkoll neċessarju li jinħoloq mekkaniżmu li jħeġġeġ lill-operaturi sabiex jirritornaw il-liċenzji lill-aġenzija li tkun ħarġithom wara li jkunu skadew sabiex il-kwantitajiet mhux użati jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw u sabiex il-Kummissjoni tkun konxja tagħhom;

Billi ż-żejt impurtat mit-Tuneżija ma jistax jaqbeż kwantità stabbilita; billi, għalhekk, it-tolleranza msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru. 3719/88 tas-16 ta’ Novembru 1988 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għat-tħaddin tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni u tgħaddi ċertifikati li jiffissaw il-prodotti agrikoli [2], kif emendat l-aħħar minn Regolament (KE) Nru. 1404/97 [3], m’għandux jiġi applikat;

Billi l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, minn naħa l-oħra [4], ma jipprovdiex għal arranġamenti speċjali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li jaqa’ taħt kodiċi NM1509 u 1510 miksub kollu mit-Tuneżija u impurtat fil-Komunità direttament minn dak il-pajjiż barra l-kwota ta’ 46000 tunnellata b’rata ta’ dazju mnaqqsa;

Billi Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 666/96 [5], kif l-aħħar emendat minn Regolament (KE) Nru. 2387/96 [6], u (KE) Nru. 150/98 [7] irid jitħassar;

Billi l-miżuri li jkopri dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija taż-Żejt u x-Xaħmijiet,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Żejt taż-żebbuġa mhux trattat li jaqa’ taħt kodiċi NM 15091010 u 15091090, miksub kollu mit-Tuneżija u trasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità, li jikkwalifika għal dazju doganali msemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru. 906/98 jista’ jkun impurtat mill-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ bejgħ 1997/98. Liċenzji ta’ l-importazzjoni jridu jinħarġu sa 46000 tunnellata għas-sena ta’ bejgħ 1997/98.

2. Għas-sena ta’ bejgħ 1997/98 u mingħajr preġudizzju għal-limitu ta’ 46000 tunnellata, jistgħu jinħarġu liċenzji skond il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru. 906/98 sa 10000 tunnellata kull xahar. Iżda, dan l-ammont għandu jonqos għal 5000 tunnellata għal Marzu u 8000 tunnellata għal April. Jekk il-kwantità awtorizzata għal xahar mhix użata kollha matul ix-xahar imsemmi, l-bqija se jkun miżjud ma’ l-ammont għax-xahar li jmiss, iżda ma jistax jiżdied wara dak iż-żmien.

3. Għall-fini li tiġi ikkalkulata l-kwantità awtorizzata kull xahar, meta ġimgħa tibda f’xahar u tispiċċa fix-xahar segwenti, għandha titqies bħala parti mix-xahar li fiha jkun hemm il-Ħamis.

Artikolu 2

1. Bil-ħsieb li jitħaddan id-dazju doganali msemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru. 906/98, l-importaturi għandhom jitfgħu applikazzjoni għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Tali applikazzjoni jrid ikollha magħha kopja tal-kuntratt tax-xiri finalizzat ma’ l-esportatur Tuneżin.

2. L-applikazzjonijiet tal-liċenzja ta’ l-importazzjoni trid tkun sottomessa nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Tlieta ta’ kull ġimgħa. L-Istati Membri jridu jgħarrfu lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Erbgħa bl-informazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet tal-liċenzji li jkunu rċevew.

3. Kull ġimgħa, l-Kummissjoni trid tiġbor it-total tal-kwantitajiet li għalihom ikunu ġew sottomessi liċenzji ta’ l-importazzjoni. Hi trid tawtorizza lill-Istati Membri sabiex joħorġu liċenzji sakemm tkun użata l-kwota kollha tax-xahar; billi hemm ir-riskju li l-kwota ta’ kull xahar tkun użata kollha, il-Kummissjoni trid tawtorizza lill-Istati Membri biex joħorġu liċenzji ta’ l-importazzjoni f’proporzjon mal-kwantità disponibbli.

4. La darba tintlaħaq il-kwantità massima msemmija fir-Regolament (KE) Nru. 906/98, il-Kummissjoni trid tgħarraf lill-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Liċenzji ta’ l-importazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(2) jkunu validi għal 60 jum mid-data tal-ħruġ kif imfissra fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KEE) Nru. 3719/88, li jistgħu jsiru sal- 31 ta’ Ottubru 1998.

Liċenzji għandhom jinħarġu mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni għal dak il-għan.

Is-sigurtà għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandha tkun 15-il ECU għal kull 100 kilogramm nett.

2. Jekk il-liċenzja ta’ l-importazzjoni ma tintużax fiż-żmien stipulat imsemmi, is-sigurtà tkun penalizzata. Iżda, kull parti minn jum titqies bħala ġurnata sħiħa:

- jekk il-liċenzja tingħata lura lill-aġenzija li ħarġitha fil-perjodu korrispondenti ma’ l-ewwel żewġ terzi tal-validità tagħha, il-penali meħuda titnaqqas b’40 %,

- jekk il-liċenzja tkun ritornata lill-aġenzija li ħarġitha fil-perjodu li jikkorrispondi ma’ l-aħħar terz tal-validità tagħha, jew fi żmien 15-il ġurnata minn meta tiskadi, il-penali meħuda titnaqqas b’25 %.

3. Minkejja r-restrizzjonijiet fuq il-kwantità fl-Artikolu 1, il-kwantitajiet fuq liċenzji ritornati bi qbil ma’ paragrafu 2 jistgħu jerġgħu jkunu allokati. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jridu jgħarrfu lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Erbgħa bil-kwantitajiet li għalihom ġew ritornati l-liċenzji fis-sebat ijiem preċedenti.

Artikolu 4

Sezzjoni 24 tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkollha waħda minn dawn il-kitbiet:

- Derecho de aduana fijado por el Reglamento (CE) no 906/98

- Told fastsat ved forordning (EF) nr. 906/98

- Zoll gemäß Verordnung (EG) Nr. 906/98

- Δασμός που καθορίστηκε από την απόφαση του Κανονισμό (ΕΚ) αριθ. 906/98

- Dazju tad-dwana stabbilit mir-Regolament (KE) Nru. 906/98

- Droit de douane fixé par le règlement (CE) no 906/98

- Dazio doganale fissato dal regolamento (CE) n. 906/98

- Bij Verordening (EG) nr. 906/98 vastgesteld douanerecht

- Direito aduaneiro fixado pelo Regulamento (CE) no 906/98

- Asetuksessa (EY) N:o 906/98 vahvistettu tulli

- Tull fastställd genom förordning (EG) nr 906/98.

Minkejja l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KEE) Nru. 3719/88, il-kwantità rilaxxjata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ma tistax taqbeż dik imsemmija f’Sezzjonijiet 17 u 18 tal-liċenzja ta’ l-importazzjoni. In-numru "0" għandu jitniżżel f’Sezzjoni 19 tal-liċenzja għal dak il-għan.

Artikolu 5

Ir-Regolamenti (KE) Nru. 666/96 u (KE) Nru. 150/98 huma hawnhekk revokati.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Jibda jgħodd mill-1 ta’ Marzu 1998.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul Brussel, fis-6 ta’ Mejju 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 128, tat-30.4.1998, p. 20.

[2] ĠU L 331, tat-2.12.1988, p. 1.

[3] ĠU L 194, tat-23.7.1997, p. 5.

[4] ĠU L 97, tat-30.3.1998, p. 2.

[5] ĠU L 92, tat-13.4.1996, p. 9.

[6] ĠU L 326, tas-17.12.1996, p. 21.

[7] ĠU L 18, tat-23.1.1998, p. 5.

--------------------------------------------------