31998D0501



Official Journal L 225 , 12/08/1998 P. 0029 - 0032


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-24 ta' Lulju 1998

dwar ċerti transazzjonijiet speċifiċi identifikati fi ħdan ix-xogħol dwar il-protokoll tal-Proċedura ta' l-Iżbilanċ Eċċessiv, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom dwar l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni tal-prodott gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq

(notifikata taħt id-dokument K(1998) 2204)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(98/501/KE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom tat-13 ta' Frar 1989 dwar l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni tal-prodott gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq [1] u, partikolarment, l-Artikolu 1 miġjub fiha,

Billi d-definizzjoni ta' prodott gross domestiku bi prezzijiet tas-suq li hemm prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-protokoll dwar il-Proċedura ta' l-Iżbilanċ Eċċessiv [2], kif annessa mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tirreferi għal dik ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom;

Billi, għall-verifika tat-tagħrif statistiku li din għandha tippreżenta taħt il-protokoll dwar il-Proċedura ta' l-Iżbilanċ Eċċessiv, il-Kummissjoni hija infurmata dwar dan u għandha tagħmel stima dwar ċerti transazzjonijiet speċifiċi li għandhom impatt fuq il-GDP jew il-GNP;

Billi, biex ikunu applikati l-Artikoli 2 u 6 tar-Regolament (KE) 3605/93 dwar l-applikazzjoni tal-protokoll dwar il-Proċedura ta' l-Iżbilanċ Eċċessiv, huwa għalhekk meħtieġ li jkunu ċċarati u kompletati ċerti regoli tat-tieni edizzjoni ta' l-ESA dwar it-transazzjonijiet speċifiċi msemmija hawn fuq, taħt il-qafas dwar id-definizzjoni tal-GNPmp li hemm prevista fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom;

Billi l-miżuri li hemm previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Biex ikun applikat l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom, it-transazzjonijiet speċifiċi li għandhom impatt fuq il-GDP jew il-GNP, li kienu ġew identifikati qabel il-31 ta' Diċembru 1997, u l-metodi ta' komputazzjoni li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawn it-transazzjonijiet taħt it-tieni edizzjoni ESA, huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-estimi tagħhom tal-GDP u l-GNP għas-snin 1994 'il quddiem biex jingħata kont tal-metodi ta' komputazzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-24 ta' Lulju 1998.

Għall-Kummissjoni

Membru tal-Kummissjoni

Yves-Thibault de Silguy

[1] ĠU L 49, tal-21.2.1989, p. 26.

[2] ĠU L 332, tal-31.12.1993, p. 7.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

I. It-trattament ta' imgħax fil-każ ta' deep discounted bonds u zero coupon bonds

1. Bonds "konvenzjonali"

L-ESA 79 (paragrafu 706) jindika t-trattament tad-differenza bejn il-prezz tal-ħruġ u l-valur nominali għal bonds li jistgħu jkunu kwalifikati bħala "konvenzjonali" (dawk li għalihom din id-differenza tkun żgħira):

- għal bonds f'terminu qasir ta' żmien, id-differenza bejn il-prezz tal-ħruġ u l-valur nominali għandu jkun meqjus bħala mgħax reġistrat fil-ħruġ tal-bonds; din id-differenza għandha, għalhekk, impatt fuq l-iżbilanċ tal-gvern,

- għal bonds ta' terminu ta' żmien medju u twil, id-differenza bejn il-prezz tal-ħruġ u l-valur nominali mhijiex meqjusa bħala mgħax, iżda bħala azzjonijiet ta' qligħ u telf; din id-differenza m'għandha, għalhekk, l-ebda impatt fuq l-iżbilanċ tal-gvern.

Huwa mela meħtieġ li jkunu stabbiliti d-distinzjonijiet li ġejjin:

- id-distinzjoni bejn terminu qasir u terminu medju-twil ta' żmien: din hija stabbilita fil-punt 2 hawn taħt,

- id-distinzjoni bejn bonds li għalihom id-differenza bejn il-prezz tal-ħruġ u l-valur nominali hija kunsidrata bħala żgħira (bonds konvenzjonali) u bonds li għalihom din id-differenza hija kbira (bonds non-konvenzjonali); dan huwa l-każ ta' bonds b'roħs kbir jew premium kbir. Il-punt 3 hawn taħt għandu x'jaqsam ma' bonds maħruġa b'roħs kbir.

2. Id-distinzjoni bejn terminu qasir u terminu medju-twil ta' żmien

Bills u bonds ta' terminu qasir ta' żmien huma dawk li jkollhom maturità sa u nkluż 12-il xahar.

Dan għandu jiżgura fost il-pajjiżi tal-UE komparabilità perfetta tat-trattament għall-bonds konvenzjonali maħruġa qrib tal-valur nominali, u dan huwa konsistenti ma' l-ESA 79; għalhekk, għal bonds ta' terminu qasir ta' żmien ir-reġistrar ta' ħlasijiet ta' mgħax ma jistgħax jinbidel minn sena għal oħra.

3. Deep-discounted bonds

Deep-discounted bonds huma bonds maħruġa taħt il-valur nominali, li jkollhom interessi b'rata taħt dik tas-suq.

Deep-discounted bonds għandhom ikunu definiti bħala dawk li l-kupun nominali jkun inqas minn 50 % tar-riżultat li jikkorrispondi mal-maturità (ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezz tal-ħruġ).

Għal dawn id-deep-discounted bonds, id-differenza bejn il-prezz tal-ħruġ u l-valur nominali għandu jkun meqjus bħala mgħax, u dan l-imgħax għandu jkun kunsidrat fiż-żmien ta' meta jinfeda l-bond. Dan huwa konsistenti mad-deċiżjoni meħuda rigward it-trattament taż-zero-coupon bonds.

4. Zero coupon bonds

Id-differenza bejn il-prezz tal-ħruġ u l-prezz ta' meta jinfeda zero coupon bond għandha tkun trattata bħala mgħax, u għandha tkun reġistrata bħala mgħax imħallas meta jimmatura l-bond.

II. It-trattament ta' mgħax fil-każ ta' bonds marbuta ma' l-indiċi

Fil-każ ta' bonds "marbuta ma' l-indiċi", għandhom jiġu applikati żewġ trattamenti separati, jiddependi fuq jekk il-bond huwiex marbut ma' xi indiċi tal-prezz tal-konsumatur jew jekk huwiex marbut ma' xi attiv finanzjarju, bħalma huma valuti barranin jew deheb.

Fil-każ fejn il-bond ikun marbut ma' xi indiċi tal-prezz tal-konsumatur, l-"l-irfigħ 'il fuq kapitali" li jkun hemm minħabba l-moviment ta' l-indiċi għandu jkun meqjus bħala mgħax. L-imgħax għandu jkun reġistrat fiż-żmien ta' meta l-bond jinfeda.

Fil-każ fejn il-bond ikun marbut ma' xi attiv finanzjarju bħal valuti barranin jew deheb, l-"irfigħ 'il fuq kapitali" m'għandux jitqies bħala mgħax, iżda bħala "qligħ/telf kapitali", bħal fil-każ ta' bonds maħruġa f'valuti barranin.

III. Mgħax kapitalizzat fuq depożiti u strumenti finanzjarji koperti bl-ESA 79

L-imgħax għandu jkun reġistrat b'mod separat mill-prinċipali u l-ammont kapitalizzat għandu jkun reġistrat meta dan ikun irid jitħallas, aktar milli jkun imqassam bejn perjodi differenti. Dan ifisser li, fil-każ ta' depożiti jew strumenti finanzjarji simili li huma obbligazzjonijiet ta' xi unità istituzzjonali, l-imgħax kapitalizzat għandu jkun reġistrat bħala nefqa ta' din l-unità istituzzjonali meta l-imgħax jitħallas lill-azzjonisti ta' dawn l-istrumenti.

IV. Trattament ta' bonds funġibbli maħruġa f'diversi tranċi ("kupuni courus")

Fil-każ ta' bonds funġibbli (bonds li joħorġu fi tranċi f'perjodi differenti ta' żmien mingħajr l-ebda bdil fid-data tal-ħlas tal-kupuni), il-kupun li jiżdied għandu jiġi reġistrat bħala passiv għal perjodu qasir taħt l-intestatura "Kontijiet li jiġu riċevuti u li jitħallsu" (kodiċi F72 tal-ESA 79).

Fil-prattika dan ifisser li, jekk unità istituzzjonali toħroġ bond fi tranċi differenti iżda bl-istess kupun, din għandha tgħolli l-prezz tal-ħruġ ta' l-iktar tranċi reċenti biex tipprovdi l-istess riżultat lill-azzjonisti kollha tal-bond. Id-differenza bejn il-prezz tal-ħruġ oriġinali u l-prezz ogħla tal-ħruġ tat-tieni tranka hija reġistrata bħala obbligazzjoni għal perjodu qasir għall-azzjonist tat-tieni tranka, li dan għandu jitħallas lura meta jagħlaq il-kupun.

V. Bonds lineari

Bonds lineari huma, bħal dawk funġibbli, bonds maħruġa f'diversi tranki mill-istess linja, i.e. bl-istess rata ta' mgħax nominali kif ukoll dati identiċi għall-ħlas tal-kupuni u għall-ħlas lura meta dawn jimmaturaw.

Dawn huma karatterizzati bil-fatt li tranki ġodda jistgħu joħorġu diversi snin wara l-ewwel ħruġ. Dawn għalhekk joħorġu b'roħs u premia li jistgħu ikunu sinifikanti bħala riżultat ta' bidliet fir-rati ta' l-imgħax tas-suq fil-perjodu intermedju wara l-ewwel ħruġ.

Biex ikun hemm differenza bejn il-valur nominali u l-prezz tal-ħruġ (roħs jew premium) fiż-żmien li toħroġ it-tranka l-ġdida, għandha ssir distinzjoni bejn tranki maħruġa fi żmien tnax-il xahar ta' l-ewwel ħruġ, u tranki maħruġa wara tnax-il xahar.

Għal kull tranka maħruġa fit-tnax-il xahar wara l-ewwel ħruġ, id-differenza bejn il-valur nominali u l-prezz tal-ħruġ (roħs jew premium) għandha tkun trattata bħala qligħ/telf kapitali.

Għal kull tranka maħruġa wara t-tnax-il xahar ta' wara l-ewwel ħruġ, id-differenza bejn il-valur nominali u l-prezz tal-ħruġ (roħs jew premium) għandha tkun trattata bħala mgħax.

VI. Ċens finanzjarju

It-transazzjonijiet kollha ta' ċens għandhom ikunu trattati bħala ċens ta' tħaddim. Per eżempju, dan ifisser li unità istituzzjonali tbiegħ proprjetà jew attiv fiss ieħor u tikrieh bil-ħsieb li tikseb lura fi tmiem iċ-ċens (din l-operazzjoni, għalhekk, ikollha ħafna karatteristiċi ta' ċens finanzjarju). It-transazzjonijiet għandhom ikunu trattati bħala ċens tat-tħaddim. Għalhekk, ir-rikavat mill-bejgħ tal-proprjetà huwa reġistrat bħala rikavat li jnaqqas l-iżbilanċ. L-obbligazzjoni li tixtri lura l-attiv fi tmiem iċ-ċens hija obbligazzjoni kontinġenti li ma tkunx reġistrata f'dejn.

VII. Il-Klassifikazzjoni ta' entitajiet nazzjonali li jaħdmu f'isem il-KE (EAGGF eċċ.)

Dawk l-unitajiet istituzzjonali li jwettqu attività regolatorja tas-suq u jqassmu sussidji għandhom ikunu klassifikati kif ġej: jekk dawn l-entitajiet istituzzjonali ma jkunux jistgħu jinqasmu f'dawk li jagħmlu r-regolazzjoni tas-suq u f'dawk li jwettqu d-distribuzzjoni tas-sussidji, allura dawn l-unitajiet għandhom ikunu klassifikati fis-settur ġenerali tal-gvern jekk in-nefqa tagħhom li tkun saret fir-regolazzjoni tas-suq meta paragunata man-nefqa kollha tkun inqas minn 80 %.

VIII. Bdil tar-rati ta' l-imgħax u tal-munita

Fil-każ ta' bdil tar-rati ta' l-imgħax, il-ħlasijiet netti biss (irċevuti) ta' l-imgħax bejn iż-żewġ partijiet għall-bidla biss għandhom ikunu reġistrati.

Fil-każ ta' bdil ta' munita, kwalunkwe dejn li jkun għad fadal f'valuta barranija għandu jkun valutat skond ir-rata tal-kambju tas-suq u mhux skond ir-rata ta' kambju miftiehma fil-kuntratt tal-bidla.

IX. Fondi ta' pensjonijiet

Ċerti fondi ta' pensjonijiet li jiffinanzjaw benefiċċji l-aktar li huma fuq bażi ta' ħallas-hekk-kif-titlaq u sa ċertu punt fuq bażi ta' fond kapitali għandhom ikunu klassifikati fis-subsettur tal-fondi tas-sigurtà soċjali tal-gvern ġenerali.

Il-kriterji ta' klassifikazzjoni huma li dawn il-fondi huma unitajiet istituzzjonali, peress li dawn għandom sett sħiħ ta' kontijiet u awtonomija ta' deċiżjoni, u li huma jħallsu benefiċċji lill-assigurat mingħajr referenza lejn l-esponiment ta' riskju individwali, li jfisser li dawn l-iskemi ta' pensjoni ibbażati fuq impjieg huma strutturati fuq il-prinċipju ta' bilanċ finanzjarju kollettiv.

--------------------------------------------------