31998D0258



Official Journal L 118 , 21/04/1998 P. 0001 - 0002


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-16 ta’ Marzu, 1998

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar miżuri sanitarji biex jipproteġu s-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali fin-negozju ta’ annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali

(98/258/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 228(2) ta’ dan,

Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar miżuri sanitarji li jipproteġu s-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali fin-negozju ta’ annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali jipprovdi mezz adegwat għat-tqegħid fil-prattika tad-disposizzjonijiet tal-Ftehim tal-WTO dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji rigward miżuri tas-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali;

Billi l-Ftehim jikkontribwixxi biex jiffaċilita l-kummerċ bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali minn rikonoxximent progressiv ta’ l-ekwivalenza ta’ miżuri sanitarji, ir-rikonoxximent ta’ l-istat ta’ saħħa ta’ l-annimali, l-applikazzjoni ta’ reġjonaliżmu u t-titjib ta’ komunikazzjoni u koperazzjoni;

Billi huwa xieraq li jsiru disposizzjonijiet għal proċedura li tistabbilixxi koperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti;

Billi l-Ftehim għandu jkun approvat għan-nom tal-Komunità,

IDDEĊIEDA LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar miżuri sanitarji biex jipproteġu s-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali fin-negozju ta’ annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali huwa hawnhekk approvat għan-nom tal-Komunità

It-test tal-Ftehim u l-Annessi tiegħu huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim biex jorbot il-Komunità.

Artikolu 3

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż dak rigward laħam frisk u garanziji ta’ prodotti bbażati fuq il-laħam ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 72/462/KEE [1], għandhom ikunu stabbiliti flimkien mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni, megħjuna mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt li għalih jirreferi l-Artikolu 14(1) tal-Ftehim.

Il-pożizzjoni tal-Komunità għal rigward il-materji li għandhom ikunu ttrattati mill-Kumitat Konġunt għandhom ikunu stabbiliti fl-organi adegwati tal-Kunsill, fi qbil mad-disposizzjonijiet tat-Trattat.

Emendi għall-Annessi tal-Ftehim li huma r-riżultat tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Konġunt għandhom jkunu adottati skond il-proċedura li għaliha hemm disposizzjoni fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 72/462/KEE.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Hija tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, 16 ta’ Marzu, 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Cunningham

[1] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/79/KE (ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 31).

--------------------------------------------------