31997R2027



Official Journal L 285 , 17/10/1997 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97

tad-9 ta' Ottubru 1997

dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189(ċ) tat-Trattat [3],

(1) Billi, fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa meħtieġ li jitjieb il-livell ta' protezzjoni tal-passiġġieri involuti f'inċidenti ta' l-ajru;

(2) Billi r-regoli dwar responsabbilità fl-eventwalità ta' inċidenti huma irrregolati mill-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli li Jirrrigwardaw it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, ffirmata f'Varsavja fit-12 ta' Ottubru 1929, jew dik il-Konvenzjoni kif emendata fl-Aja fit-28 ta' Settembru 1955 u l-Konvenzjoni magħmula fi Gwadalajara fit-18 ta' Settembru 1961, liema minnhom hija applikabbli kull wieħed minn hawn 'il quddiem irriferut bħala, kif applikabbli, "il-Konvenzjoni ta' Varsavja"; billi l-Konvenzjoni ta' Varsavja hija applikata mad-dinja kollha għall-benefiċċju kemm tal-passiġġieri u dawk li jġorru bl-ajru;

(3) Billi l-limitu stabbilit fuq ir-responsabbilità mill-Konvenzjoni ta' Varsavja huwa baxx iżżejjed mill-istandards soċjali u ekonomiċi tal-lum u ta' spiss iwassal għal azzjonijiet legali twal li jagħmlu ħsara għad-dehra tat-trasport bl-ajru; billi bħala riżultat l-Istati Membri żiedu f'manjiera varja l-limitu tar-responsabbilità, b'hekk iwasslu għal termini u kundizzjonijiet differenti ta' trasport fis-suq ta' l-avjazzjoni interna;

(4) Billi b'żieda ma' dan il-Konvenzjoni ta' Varsavja tapplika biss għat-trasport internazzjonali; billi, fis-suq ta' l-avjazzjoni interna, id-distinzjoni bejn trasport nazzjonali u internazzjonali ġiet eleminata; billi huwa għalhekk xieraq li jkun hemm l-istess livell u natura ta' responsabbilità kemm fit-trasport nazzjonali u internazzjonali;

(5) Billi reċenzjoni u reviżjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Varsavja imissha ilha li saret u tkun tirrappreżenta, fl-aħħar mill-aħħar, tweġiba iżjed uniformi u applikabbli, fuq livell internazzjonali, għas-suġġett tar-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti; billi sforzi biex jiżdiedu l-limiti tar-responsabbilità imposta mill-Konvenzjoni ta' Varsavja għandha tkompli b'negozjati fuq livell multilaterali;

(6) Billi, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, azzjoni fuq livell Komunitarju hija mixtieqa sabiex tinkiseb armonizzazzjoni fil-qasam ta' responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru u tista' sservi bħala linja ta' gwida għall-protezzjoni aħjar tal-passiġġieri fuq skala globali;

(7) Billi huwa xieraq li jitneħħew il-limiti monetarji kollha fuq responsabbilità fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta' Varsavja jew kull limiti oħrajn legali jew kontrattwali, skond ix-xejriet preżenti fuq livell internazzjonali;

(8) Billi, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-vittmi ta' inċidenti ma jkunux ikkumpensati, trasportaturi bl-ajru tal-Komunità m'għandhomx, fir-rigward ta' xi talba li toriġina minħabba f'mewt, ferita jew feriti oħra fil-ġisem ta' passiġġier skond l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta' Varsavja, jagħmlu użu minn kwalunkwe difiża permezz ta' l-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni ta' Varsavja sa ċertu limitu;

(9) Billi trasportaturi bl-ajru tal-Komunità jistgħu jkunu eżonerati mir-responsabbilità tagħhom f'każijiet ta' negliġenza kontributorja mill-passiġġier ikkonċernat;

(10) Billi huwa meħtieġli jiġu ċċarati l-obbligazzjonijiet ta' dan ir-Regolament fid-dawl ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-liċenzjar ta' trasportaturi bl-ajru [4]; billi, f'dan ir-rigward, trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għandhom ikunu assigurati sa ċertu limitu stabbilit f'dan ir-Regolament;

(11) Billi trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għandhom ikunu dejjem intitolati li jagħmlu talba kontra terzi persuni;

(12) Billi pagamenti bil-quddiem immedjati jistgħu jassistu konsiderevolment lejn il-passiġġieri feruti jew lejn il-persuni naturali intitolati għal kumpens biex ilaħħqu ma' l-ispejjeż ta' wara inċident ta' l-ajru;

(13) Billi r-regoli dwar in-natura u l-limitazzjoni ta' responsabbiltà fl-eventwalità ta' mewt, korriment jew feriti oħra tal-ġisem li jkun sofra minnhom passiġġier jifformaw parti mit-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasport fil-kuntratt tat-trasport ta' l-ajru bejn dak li jġorr u passiġġier; billi, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, dawk li jġorrru minn pajjiżi terzi għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri adegwatament dwar il-kundizzjonijiet ta' trasport tagħhom;

(14) Billi huwa xieraq u meħtieġ li l-limiti monetarji espressi f'dan ir-Regolament ikunu riveduti sabiex jittieħed akkont ta' l-iżviluppi ekonomiċi u l-iżviluppi f'fora internazzjonali;

(15) Billi l-Organizzazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) hija preżentement okkupata f'reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Varsavja; billi sakemm joħroġ ir-riżultat ta' din ir-reviżjoni, azzjonijiet fuq bażi temporanja mill-Komunità għandhom itejbu l-protezzjoni tal-passiġġieri; billi l-Kunsill għandu jirrivedi dan ir-Regolament malajr kemm jista' jkun possibbli wara r-reviżjoni mill-ICAO,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet ta' trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fir-rigward tal-responsabbilità fl-eventwalità ta' inċidenti lejn il-passiġġieri għal danni sostnuti fl-eventwalità ta' mewt jew korriment ta' passiġġier jew ta' xi ferita oħra tal-ġisem sofferta minn passiġġier, jekk l-inċident li kkawża d-danni sostnuti hekk seħħ fuq l-inġenju ta' l-ajru jew ma tul ta' xi waħda mill-ħidmiet ta' imbarkazzjoni jew żbarkar.

Dan ir-Regolament jiċċara wkoll uħud mill-ħtiġiet ta' assigurazzjoni għal trasportaturi bl-ajru tal-Komunità.

B'żieda ma dan, dan ir-Regolament jistabbilixxi ftit mill-ħtiġiet dwar l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta minn trasportaturi bl-ajru stabbiliti barra l-Komunità li joperaw lejn, minn, jew fi ħdan il-Komunità.

L-Artikolu 2

1. Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

(a) "trasportatur bl-ajru" għandha tfisser impriża tat-trasport ta' l-ajru b'liċenzja valida ta' ħidma;

(b) "trasportatur bl-ajru tal-Komunità" għandha tfisser dak li jġorr bl-ajru li jkollu liċenzja valida mogħtija minn Stat Membru bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92;

(ċ) "persuna intitolata għall-kumpens" għandha tfisser passiġġier jew kull persuna intitolata għal talba fir-rigward ta' dak il-passiġġier, skond liġijiet applikabbli;

(d) "eku" għandha tfisser l-unità ta' kont fit-tħejjija ta' l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat;

(e) "SDR" għandha tfisser Dritt ta' Ġbir Speċjali kif definita mill-Fond Monetarju Internazzjonali;

(f) "Konvenzjoni ta' Varsavja" għandha tfisser il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli li Jittrattaw it-Trasport bl-Ajru Internazzjonali, ffirmata fit-12 ta' Ottubru 1929, jew il-Konvenzjoni ta' Varsavja kif emendata fl-Aja fit-28 ta' Settembru 1955 u l-Konvenzjoni supplimentari mal-Konvenzjoni ta' Varsavja magħmula fi Gwadalajara fit-18 ta' Settembru 1961 — liema minnhom tkun applikabbli għall-kuntratt tat-trasport tal-passiġġieri, flimkien ma' l-istrumenti internazzjonali kollha li jissupplimentaw, u li huma assoċjati magħha, u li huma fis-seħħ.

2. Il-kunċetti li jinsabu f'dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk użati fil-Konvenzjoni ta' Varsavja.

L-Artikolu 3

1. (a) Ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għal danni sostnuti fl-eventwalità ta' mewt, korriment jew xi feriti oħrajn tal-ġisem minn passiġġier fl-eventwalità ta' inċident m'għandhiex tkun soġġetta għal xi limitu finanzjarju, kemm jekk tkun definita minn liġi, konvenzjoni jew kuntratt.

(b) L-obbligazzjoni ta' assigurazzjoni stabbbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92 għandha tkun mifhuma li teħtieġ li trasportatur bl-ajru tal-Komunità għandu jkun assigurat sal-limitu tar-responsabbiltà meħtieġa permezz tal-paragrafu 2 u wara dan sa livell raġonevoli.

2. Għal xi danni sas-somma ekwivalenti f'eku ta' 100000 SDR, it-trasportatur bl-ajru tal-Komunità m'għandux jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu billi jipprova li hu u l-aġenti tiegħu ikunu ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ħsara jew li kien impossibbli għalih jew għalihom li jieħdu miżuri bħal dawk.

3. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, jekk it-trasportatur bl-ajru tal-Komunità jipprova li d-danni kienu kkawżati minn, jew kienu kkontribwiti minn, negliġenza tal-passiġġier ferut jew mejjet, dak li jitrasporta jista' jkun eżonerat kompletament jew parzjalment mir-responsabbiltà tiegħu skond il-liġi applikabbli.

L-Artikolu 4

Fl-eventwalità ta' mewt, korriment jew xi ferita oħra tal-ġisem soffruta minn passiġġier fl-eventwalità ta' inċident, xejn f'dan ir-Regolament m'għandu

(a) jimplika li trasportatur bl-ajru tal-Komunità huwa l-uniku parti responsabbli biex iħallas id-danni; jew

(b) jirrestrinġi xi drittijiet ta' trasportatur bl-ajru tal-Komunità li jfittex kontribuzzjoni jew indennità minn xi parti oħra skond il-liġi applikabbli.

L-Artikolu 5

1. It-trasportatur bl-ajru tal-Komunità għandu mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ mhux iżjed tard minn ħmistax-il ġurnata wara li l-identità tal-persuna naturali intitolata għall-kumpens tkun ġiet stabbilita, jagħmel tali pagamenti bil-quddiem kif ikun meħtieġ biex jilqa' għal-ħtiġiet ekonomiċi immedjati fuq bażi proporzjonata mat-tbatija sofferta.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, pagament bil-quddiem m'għandux ikun anqas mill-ekwivalenti f'eku ta' 15000 SDR għal kull passiġġier fl-eventwalità ta' mewt.

3. Pagament bil-quddiem m'għandux jikkostitwixxi rikonoxximent ta' responsabbiltà u jista' jkun impatti kontra kull somom sussegwenti mħallsin fuq il-bażi ta' responsabbbilità ta' trasportatur bl-ajru tal-Komunità, imma ma jkunux ritornabbli, ħlief fil-każijiet preskritti fl-Artikolu 3(3) jew fiċ-ċirkostanzi meta sussegwentement ikun ippruvat li l-persuna li tkun irċeviet il-pagament bil-quddiem tkun ikkawżat, jew ikkontribwixxiet għad-danni b'negliġenza jew ma kenetx il-persuna intitolata għall-kumpens.

L-Artikolu 6

1. Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 3 u 5 għandhom ikunu inklużi fil-kundizzjonijiet tat-trasport ta' trasportatur bl-ajru tal-Komunità.

2. Informazzjoni adegwata dwar id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 3 u 5 għandhom, fuq talba, jkunu disponibbli lejn il-passiġġieri fl-aġenziji ta' trasportaturi bl-ajru tal-Komunità, fl-aġenziji tal-vjaġġi u fil-postijiet taċ-check-in u f'postijiet ta' bejgħ. Id-dokument tal-biljett jew ekwivalenti għandu jkollu sommarju tal-ħtiġiet f'lingwa sempliċi u li tiftiehem.

3. Trasportaturi bl-ajru stabbiliti barra l-Komunità li joperaw lejn, minn jew fi ħdan il-Komunità u li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikoli 3 u 5 għandhom jinfurmaw espressament u kjarament lill-passiġġieri dwar dan, fil-ħin tax-xiri tal-biljett fl-aġenziji ta' trasportaturi, fl-aġenziji tal-vjaġġi jew fil-postijiet taċ-check-in li jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru. Trasportaturi bl-ajru għandhom jipprovdu l-passiġġieri b'forma li telenka l-kundizzjonijiet tagħhom. Il-fatt li limitu ta' responsabbbiltà biss ikun indikat fuq id-dokument tal-biljett jew ekwivalenti m'għandux jikkostitwixxi informazzjoni sufffiċjenti.

L-Artikolu 7

Mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament li, inter alia, jikkunsidra l-iżviluppi ekonomiċi u l-iżviluppi f'sitwazzjonijiet internazzjonali. Dan ir-rapport jista' jkun akkumpanjat minn proposti għal reviżjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sena wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-9 ta' Ottubru 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Delvaux-Stehres

[1] ĠU C 104, ta' l-10.4.1996, p. 18 u ĠU C 29, tat-30.1.1997, p. 10.

[2] ĠU C 212, tat-22.7.1996, p. 38.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 1996 (ĠU C 320, tat-28.10.1996, p. 30), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Frar 1997 (ĠU C 123, tal-21.4.1997, p. 89) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 1997 (ĠU C 182, tas-16.6.1997).

[4] ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.

--------------------------------------------------