31997R2007



Official Journal L 284 , 16/10/1997 P. 0015 - 0016


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/97

tad-9 ta’ Ottubru 1997

li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li ġej mil-Libanu.

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu [1], hawn taħt msejjaħ "Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni", jipprovdi għal arranġamenti speċjali għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1509 u 1510, li jkun kollu miksub mil-Libanu u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità;

Billi, għaż-żejt taż-żebbuġa li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 15091010, 15091090 u 15100010, l-arranġamenti speċjali jipprovdu għal tnaqqis ta’ rata fissa ta’ 0,7245 ECU għal kull 100 kilogramm mill-ġbir tat-taxxa applikabbli, li jirrappreżenta t-tnaqqis li hemm maħsub fl-Artikolu 18(1)(a) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni; billi, bil-kondizzjoni li l-Libanu jimponi taxxa fuq l-esportazzjoni, dawk l-arranġamenti jaħsbu għal tnaqqis ieħor ta’ dik it-taxxa ekwivalenti għall-ammont tat-taxxa speċjali, imma li ma jeċċedix ECU 5,796 għal kull 100 kilogramm, li jirrappreżenta t-tnaqqis li hemm maħsub fl-Artikolu 18(1)(b) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni;

Billi l-Ftehim dwar l-Agrikoltura milħuq waqt is-Serje ta’ negozjati multilaterali ta’ l-Urugwaj dwar il-kummerċ [2] jagħmel kondizzjoni li t-taxxi li jvarjaw applikati fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli, għandhom jiġu mibdula b’dazji fissi mill-1 ta’ Lulju 1995;

Billi t-tkomplija bl-arranġamenti titlob li jiġu adottati regoli ġodda ta’ implimentazzjoni u r-revoka tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1620/77 tat-18 ta’ Lulju 1977 fuq l-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mil-Libanu [3];

Billi, skond il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, it-taxxa speċjali fuq l-esportazzjoni għandha tiġi riflessa fil-prezz taż-żejt taż-żebbuġa meta dan ikun importat ġewwa l-Komunità; billi, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ l-arranġamenti konċernati, għandhom jiġu adottati l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat illi t-taxxa titħallas l-aktar tard meta ż-żejt ikun impurtat;

Billi, jekk il-kondizzjonijiet preżenti ta’ l-arranġamenti speċjali li hemm maħsuba fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jiġu emendati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-ammonti, jew jekk jiġi milħuq ftehim ġdid, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġi aġġustat dan ir-Regolament sabiex jiġu inkorporati dawk it-tibdiliet; billi għandu jkun hemm disposizzjoni sabiex dawk l-aġġustamenti jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 fuq it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u xaħmijiet [4];

Billi, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2146/95 [5], il-Kummissjoni introduċiet sistema awtonoma bħala miżura transizzjonali li tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 1997; billi dan ir-Regolament għandu għalhekk jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 1997,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mil-Libanu.

Artikolu 2

1. Ir-rata tad-dazju applikabbli għall-importazzjoni ġewwa l-Komunità ta’ żejt taż-żebbuġa li m’huwiex dak li jkun għadda minn proċess ta’ raffinar, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 15091010, 15091090 u 15100010, miksub kollu kemm hu mil-Libanu u ittrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità, għandha titnaqqas b’ECU 0,7245 għal kull 100 kilogramm.

2. Fejn il-Libanu jimponi taxxa speċjali fuq l-esportazzjoni fuq dak iż-żejt taż-żebbuġa, miksub kollu kemm hu mil-Libanu u ittrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità, ir-rata tad-dazju għandha titnaqqas aktar b’ammont ekwivalenti għat-taxxa speċjali imma li ma teċċedix ECU 5,796 għal kull 100 kilogramm.

3. It-tnaqqis fir-rata tad-dazju li hemm maħsub fl-paragrafu 2 għandu jiġi applikat fuq l-importazzjoni kollha taż-żejt taż-żebbuġa fejn l-importatur ikun f’pożizzjoni li juri prova, meta jimporta ż-żejt, li l-prezz ta’ l-importazzjoni jirrifletti wkoll it-taxxa speċjali fuq l-esportazzjoni.

Artikolu 3

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 4

Fejn il-kondizzjonijiet preżenti ta’ l-arranġamenti speċjali li hemm maħsuba fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jkunu emendati, b’mod partikolari fejn jirrigwarda l-ammonti, jew fejn jiġi milħuq ftehim ġdid, il-Kummissjoni għandha taddotta l-aġġustamenti li jirriżultaw neċessarji għal dan ir-Regolament skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 5

Ir-Regolament (KEE) Nru 1620/77 huwa b’dan irrevokat.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 1997.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ottubru 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Delvaux-Stehres

[1] ĠU L 267, tas-27.9.1978, p. 2.

[2] ĠU L 336, tat-23.12.1994, p. 1.

[3] ĠU L 181, tal-21.7.1977, p. 4.

[4] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66. Regolament hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1581/96 (ĠU L 206, tas-16.8.1996, p. 11).

[5] ĠU L 215, tad-9.9.1995, p. 1.

--------------------------------------------------