31997R2005



Official Journal L 284 , 16/10/1997 P. 0011 - 0012


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2005/97

tad-9 ta’ Ottubru 1997

li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mill-Alġerija

IL-KUNSILL TA’L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Artikoli 16 u 17, u l-Anness B tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu ta’l-Alġerija [1], hawn taħt imsejjaħ ‘Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni’, jipprovdu arranġamenti speċjali għal importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li jaqa’ taħt il-Kodiċijiet NM 1509 u 1510, li jkun kollu kemm hu miksub mill-Alġerija u ittrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità;

Billi, għaż-żejt taż-żebbuġa li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 15091010, 15091090 u 15100010, l-arranġamenti speċjali jipprovdu tnaqqis ta’ rata fissa ta’ 0,7245 ECU għal kull 100 kilogramm mill-ġbir tat-taxxa applikabbli, li jirrappreżenta t-tnaqqis li hemm maħsub fl-Artikolu 16(1)(a) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni; billi, bil-kondizzjoni li l-Alġerija timponi taxxa fuq l-esportazzjoni, dawk l-arranġamenti jipprovdu tnaqqis ieħor ta’ dik it-taxxa ekwivalenti għall-ammont tat-taxxa speċjali, imma li ma jeċċedix l-14,60 ECU għal kull 100 kilogramm, li jirrappreżenta t-tnaqqis li hemm maħsub fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni u tnaqqis ta’ 14,60 ECU għal kull 100 kilogramm, li jirrappreżenta l-ammont addizzjonali li hemm maħsub fl-Anness B tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni;

Billi l-Ftehim dwar l-Agrikoltura milħuq waqt is-Serje ta’ negozjati multilaterata’l-Urugwaj dwar il-kummerċ [2] jipprovdi li t-taxxi varjabbli applikati fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli, għandhom jiġu mibdula b’dazji fissi mill-1 ta’Lulju 1995;

Billi t-tkomplija ta’l-arranġamenti titlob li jiġu adottati regoli ġodda ta’ implimentazzjoni u r-revoka tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Num. 1514/76 ta’l-24 ta’ Ġunju 1976 fuq l-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mill-Alġerija [3];

Billi, skond il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni, it-taxxa speċjali fuq l-esportazzjoni għandha tiġi riflessa fil-prezz taż-żejt taż-żebbuġa meta dan ikun importat ġewwa l-Komunità; billi, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’l-arranġamenti konċernati, għandhom jiġu adottati l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li t-taxxa titħallas tard kemm jista’ jkun meta ż-żejt jiġi importat;

Billi, jekk il-kondizzjonijiet preżenti ta’l-arranġamenti speċjali li hemm maħsuba fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jiġu emendati, b’mod partikulari fir-rigward ta’l-ammonti, jew jekk jiġi milħuq ftehim ġdid, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġi aġġustat dan ir-Regolament sabiex jiġu inkorporati dawk it-tibdiliet; billi għandu jkun hemm disposizzjoni sabiex dawk l-aġġustamenti jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 fuq it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni għas-suq taż-żjut u xaħmijiet [4];

Billi, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2146/95 [5], il-Kummissjoni introduċiet sistema awtonoma bħala miżura transizzjonali li tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 1997; billi dan ir-Regolament għandu għalhekk jibda jgħodd mill-1 ta’Lulju 1997,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni ta’l-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mill-Alġerija.

Artikolu 2

1. Ir-rata tad-dazju applikabbli għall-importazzjoni ġewwa l-Komunità ta’ żejt taż-żebbuġa li ma jkunx dak li jkun għadda minn proċess ta’ raffinar, li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 15091010, 15091090 u 15100010, miksub kollu kemm hu mill-Alġerija u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità, għandha titnaqqas b’ 0,7245 ECU għal kull 100 kilogramm.

2. Meta l-Alġerija timponi taxxa speċjali fuq l-esportazzjoni fuq dak iż-żejt taż-żebbuġa, miksub kollu kemm hu mill-Alġerija u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità, ir-rata tad-dazju għandha titnaqqas iżjed b’ammont ekwivalenti għat-taxxa speċjali imma li ma teċċedix l-14,60 ECU għal kull 100 kilogramm.

3. It-tnaqqis fir-rata tad-dazju li hemm maħsub fil-paragrafu 2 għandu jiġi applikat fuq l-importazzjoni kollha taż-żejt taż-żebbuġa fejn l-importatur ikun f’pożizzjoni li juri prova, meta jimporta ż-żejt, li l-prezz ta’l-importazzjoni jirrifletti wkoll it-taxxa speċjali fuq l-esportazzjoni.

Artikolu 3

1. Ir-rata tad-dazju applikabbli għall-importazzjoni ġewwa l-Komunità ta’ żejt taż-żebbuġa li ma jkunx dak li jkun għadda minn proċess ta’ raffinar, li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 15099000, miksub kollu kemm hu mill-Alġerija u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità, għandha titnaqqas b’4,661 ECU għal kull 100 kilogramm.

2. Ir-rata tad-dazju applikabbli għall-importazzjoni ġewwa l-Komunità ta’ żejt taż-żebbuġa li ma jkunx dak li jkun għadda minn proċess ta’ raffinar, li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 15099000, miksub kollu kemm hu mill-Alġerija u ttrasportat direttament minn dak il-pajjiż lejn il-Komunità, għandha titnaqqas b’8,754 ECU għal kull 100 kilogramm.

Artikolu 4

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 5

Meta l-kondizzjonijiet preżenti ta’l-arranġamenti speċjali previsti fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni jiġu emendati, b’mod partikulari fejn jirrigwarda l-ammonti, jew fejn jiġi milħuq ftehim ġdid, il-Kummissjoni għandha tadotta l-aġġustamenti li jirriżultaw neċessarji għal dan ir-Regolament skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 6

Ir-Regolament (KEE) Nru 1514/76 qiegħed b’dan jiġi mħassar.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata li tiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jgħodd mill-1 ta’Lulju 1997.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ottubru 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Delvaux-Stehres

[1] ĠU L 263, tas-27.9.1978, p. 2.

[2] ĠU L 336, tat-23.12.1994, p. 1.

[3] ĠU L 169, tat-28.6.1976, p. 24. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1900/92 (ĠU L 169, tal-11.7.1992, p. 1).

[4] ĠU L 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1581/96 (ĠU L 206, tas-16.8.1996, p. 11).

[5] ĠU L 215, tad-9.9.1995, p. 1.

--------------------------------------------------