31997R1035



Official Journal L 151 , 10/06/1997 P. 0001 - 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/97

tat-2 ta' Ġunju, 1997,

li jwaqqaf Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 213 u l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

(1) billi l-Komunità għandha tirrispetta drittijiet fundamentali fit-tfassil u l-applikazzjoni tal-politika tagħha u fl-atti legali li hija tadotta; billi, b'mod partikolari, il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem tikkostitwixxi kondizzjoni għal-legalità ta' atti tal-Komunità;

(2) billi l-ġbir u l-analiżi ta' tagħrif oġġettiv, ta' min joqgħod fuqu u komparabbli dwar il-fenomeni tar-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-semitiżmu huma għalhekk meħtieġ fuq livell Komunitarju biex jingħata tagħrif sħiħ lill-Komunità dwar dawk il-fenomeni biex il-Komunità tkun tista' tħares l-obbligu li għandha li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u biex tkun tista' tqishom fit-tfassil u l-applikazzjoni tal-politika u ta' l-atti li tadotta fil-qasam tal-kompetenza tagħha;

(3) billi l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri saħqu kemm-il darba fuq l-importanza tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem;

(4) billi f'Dikjarazzjoni Konġunta tal-5 ta April, 1977 [4], il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni saħqu fuq "kemm iqisuha ta' importanza ewlenija l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali" u ddikjaraw illi "fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom u biex jilħqu l-għanijiet tal-Komunitajiet Ewropej huma jirrispettaw u ser jibqgħu jirrispettaw dawk id-drittijiet";

(5) billi fil-11 ta' Ġunju, 1986, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, meta ltaqgħu fil-Kunsill u fil-Kummissjoni, adottaw Dikjarazzjoni Konġunta fuq ir-razziżmu u l-ksenofobija [5] fejn saħqu dwar l-"importanza li jkun hemm tagħrif biżżejjed u oġġettiv u li ċ-ċittadini jsiru jafu bil-perikli tar-razziżmu u l-ksenofobija, u l-ħtieġa li jkun assigurat li l-atti u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni ma jitħallewx isiru jew jitrażżnu";

(6) billi fid-29 ta' Mejju, 1990, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, f'laqgħa tal-Kunsill, adottaw Riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija [6];

(7) billi fil-5 ta' Ottubru, 1995, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, f'laqgħa tal-Kunsill, adottaw Riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fl-oqsma ta' l-impjiegi u l-affarijiet soċjali [7], u fit-23 ta' Ottubru, 1995, adottaw Riżoluzzjoni dwar t-tweġiba tas-sistemi edukattivi għall-problemi tar-razziżmu u l-ksenofobija [8];

(8) billi fil-15 ta' Lulju, 1996, il-Kunsill, waqt li aġixxa skond l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, adotta Azzjoni Konġunta għal ħidma fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija [9];

(9) billi fit-23 ta' Lulju, 1996, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta l-Istati Membri, f'laqgħa tal-Kunsill, adottaw Riżoluzzjoni dwar is-Sena Ewropea Kontra r-Razziżmu (1997) [10];

(10) billi l-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Corfu fl-24 u fil-25 ta' Ġunju, 1994, iddeċieda li jżid l-isforzi biex jiddefinixxi, fuq il-livell ta' l-Unjoni Ewropea, strateġija globali maħsuba biex tiġġieled atti ta' razziżmu u vjolenza ksenofobika; billi għal dan il-għan il-Kunsill waqqaf Kummissjoni Konsultattiva biex tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

(11) billi l-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Cannes fis-26 u s-27 ta' Ġunju, 1995, talab lill-Kumitat Konsultativ biex jestendi x-xogħol tiegħu biex jistudja, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill ta' l-Ewropa, jekk jistax jitwaqqaf Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija;

(12) billi l-konklużjonijiet ta' l-istudju dwar jekk dan jistax isir ingħataw lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa ta' Firenze fil-21 u t-22 ta' Ġunju, 1996;

(13) billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa ta' Firenze, ġedded id-determinazzjoni ta' l-Unjoni li tiġġieled kontra r-razziżmu u l-ksenofobija bl-akbar rieda qawwija, u approva l-prinċipju li jsejjes it-twaqqif taċ-Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew;

(14) billi biex din il-ħidma ta' ġbir u analiżi ta' tagħrif dwar razziżmu, ksenofobija u anti-semitiżmu titwettaq sewwa u b'mod indipendenti kemm jista' jkun, u biex jinżammu l-kuntatti mill-qrib mal-Kunsill ta' l-Ewropa, jeħtieġ li jitwaqqaf korp awtonomu, iċ-Ċentru Ewropew dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija (iċ-Ċentru), fuq livell tal-Komunità, b'personalità ġuridika tiegħu;

(15) billi l-fenomeni tar-razziżmu, ksenofobija u anti-semitiżmu jiġbru fihom ħafna aspetti kumplessi u minsuġin sewwa ma' xulxin li bi tqila tifridhom; billi, b'riżultat ta' dan, il-ħidma ġenerali taċ-Ċentru għandha tkun il-ġbir u l-analiżi ta' tagħrif dwar bosta oqsma ta' attività tal-Komunit; billi l-ħidma taċ-Ċentru ser tikkonċentra fuq oqsma fejn tagħrif sewwa dwar dawk il-problemi huwa partikolarment meħtieġ għall-Komunità fix-xogħol tagħha;

(16) billi r-razziżmu u l-ksenofobija huma fenomeni li jitfaċċaw fil-livelli kollha tal-Komunità: lokali, reġjonali, nazzjonali u Komunitarji, u għalhekk it-tagħrif li jinġabar u li jkun analizzat fuq il-livell tal-Komunità jista' jkun ta' użu għall-awtoritajiet ta' l-Istati Membri fit-tfassil u l-applikazzjoni ta' miżuri fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom;

(17) billi għalhekk iċ-Ċentru ser jagħmel ir-riżultati tal-ħidma tiegħu disponibbli kemm għall-Komunità kif ukoll għall-Istati Membri;

(18) billi, fl-Istati Membri, hemm għadd ta'organizzazzjonijiet magħrufa li jistudjaw ir-razziżmu u l-ksenofobija;

(19) billi l-kordinazzjoni tar-riċerka u l-ħolqien ta' xibka ta' organizzazzjonijiet għandhom isaħħu l-użu u l-effetti ta' dan ix-xogħol;

(20) billi, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni u biex l-affarijiet ma jidħlux f'xulxin u ma jkunx hemm duplikazzjoni ta' xogħol, dak li għandu jagħmel iċ-Ċentru hu mistenni li jkollu kuntatti mill-qrib mal-Kunsill ta' l-Ewropa, li għandu esperjenza kbira f'dan il-qasam, kif ukoll koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet oħra fl-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali li huma kompetenti fl-oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-fenomeni tar-razziżmu u l-ksenofobija;

(21) billi ċ-Ċentru nnifsu ser ikun jista' jiddeċiedi fuq arranġamenti amministrattivi għal koperazzjoni ma' dawk l-organizzazzjonijiet; billi, min-naħa l-oħra, hija l-Komunità li tilħaq, f'isem iċ-Ċentru, ftehim mal-Kunsill ta' l-Ewropa bil-għan li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn dan ta' l-aħħar u ċ-Ċentru; billi l-istess ser japplika biex jintlaħaq ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jew ma' pajjiżi terzi kull ftehim li jista' jkun meħtieġ biex iċ-Ċentru jagħmel ix-xogħol tiegħu;

(22) billi l-ħarsien ta' data personali li ċ-Ċentru jipproċessa u jiskambja għandu jkun assigurat skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru, 1995, dwar il-ħarsien ta' individwi dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment ħieles ta' l-istess data [11];

(23) billi ċ-Ċentru għandu jgawdi l-aqwa awtonomija fit-twettiq tax-xogħol tiegħu;

(24) billi l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni biex tisma' u tiddeċiedi, skond klawsola ta' arbitraġġ, tilwim dwar ir-responsabbilà kuntrattwali taċ-Ċentru, kif ukoll tilwim dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali taċ-Ċentru; billi l-Qorti għandha wkoll ikollha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar azzjonijiet miġjuba kontra ċ-Ċentru skond il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 tat-Trattat;

(25) billi dan ir-Regolament jista', jekk jixraq, ikun addattat meta jiskadi fi żmien tlett snin, bil-għan li jkun deċiż jekk ix-xogħol taċ-Ċentru għandux jew le jinbidel jew tkun estiż, l-aktar minħabba tibdil li jista' jkun hemm fis-setgħat tal-Komunità;

(26) billi s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 213 tat-Trattat biex jinġabar u jkun analizzat tagħrif dwar diversi oqsma ta' attività fil-Komunità ma jippermettux li tagħrif bħal dan jinġabar minn korp speċjalizzat u awtonomu b'personalità ġuridika tiegħu; billi l-Artikolu 235 għandu għalhekk ikun użat bħala l-bażi legali għat-twaqqif ta' korp bħal dan u biex it-tagħrif ikun jista' jintbagħat lill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u lill-Istati Membri,

Adotta dan ir-regolament:

Artikolu 1

Qed ikun b'dan imwaqqaf Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew dwar Razziżmu u Ksenofobija (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "iċ-Ċentru").

Artikolu 2

Għan u ħidmiet

1. L-għan ewlieni taċ-Ċentru huwa li jipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha, l-iktar fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(3), b'data oġġettiva, ta' min joqgħod fuqha u komparabbli fuq livell Ewropew dwar il-fenomeni tar-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-semitiżmu biex tgħinhom jieħdu miżuri u jfasslu strateġija ta' azzjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza.

2. Iċ-Ċentru għandu jistudja kemm huma kbar u kif żviluppaw il-fenomeni u l-manifestazzjonijiet ta' razziżmu, ksenofobija u anti-semitiżmu, janalizza l-kawżi, il-konsegwenzi u l-effetti tagħhom, u jeżamina eżempji ta' prattika tajba fil-konfront tagħhom. Għal dawn l-għanijiet, biex jagħmel din il-ħidma, iċ-Ċentru għandu:

(a) jiġbor, jirreġistra u janalizza tagħrif u data, inkluża data li tirriżulta minn riċerka xjentifika mgħoddija lilu minn ċentri ta' riċerka, Stati Membri, istituzzjonijiet tal-Komunità, organizzazzjonijiet internazzjonali - partikolarment dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1) - u organizzazzjonijiet mhux governattivi;

(b) iġib il-koperazzjoni bejn dawk li jipprovdu tagħrif u jiżviluppa politika biex isir użu tad-databases tagħhom flimkien biex jinġieb 'il quddiem, fejn jixraq, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, tqassim fil-wisa' tat-tagħrif tagħhom;

(ċ) jagħmel riċerka u stħarriġ xjentifiċi, studji ta' tħejjija u studji ta' fattibilità, fejn jixraq, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Meta jagħmel dan, iċ-Ċentru għandu jqis studji diġa eżistenti u attivitajiet oħra (konferenzi, seminars, riċerka kontinwa, pubblikazzjonijiet) speċjalment ta' dawk iċ-ċentri u organizzazzjonijiet li magħhom għandu kuntatt fin-Network Ewropew ta' Tagħrif dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija (Raxen), biex ma jħallix li jkun hemm duplikazzjoni u biex jiggarantixxi kemm jista' jkun l-aħjar użu ta' riżorsi. Għandu wkoll jorganizza laqgħat għal esperti u, kull meta jkun meħtieġ, iwaqqaf gruppi ta' ħidma ad hoc;

(d) iwaqqaf riżorsi ta' dokumentazzjoni miftuħa għall-pubbliku, jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' attivitajiet ta' informazzjoni u jmexxi 'l quddiem riċerka xjentifika;

(e) jifformula konklużjonijiet u opinjonijiet għall-Komunità u għall-Istati Membri tagħha;

(f) jiżviluppa metodi biex itejjeb il-komparabilità, l-oġġettività u l-affidabilità tad-data fuq livell tal-Komunità billi jwaqqaf indikaturi u kriterji li jtejbu l-konsistenza tat-tagħrif;

(g) jippubblika rapport annwali fuq is-sitwazzjoni dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija fil-Komunità, billi jagħti prominenza lil eżempji ta' prattika tajba, u lill-attivitajiet ta' l-istess Ċentru;

(h) iwaqqaf u jikkordina n-Network Ewropew ta' Tagħrif dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija (Raxen), li jkun magħmul mit-taqsima prinċipali taċ-Ċentru, li għandu jikkopera ma' ċentri ta' riċerka ta' universitajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u ċentri speċjalizzati mwaqqfa minn organizzazzjonijiet fl-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 7;

(i) jiffaċilita u jinkoraġġixxi li jkunu organizzati regolarment diskussjonijiet madwar mejda jew laqgħat ta' korpi konsultattivi permanenti oħra eżistenti fl-Istati Membri, bis-sehem ta' l-imsieħba soċjali, ċentri ta' riċerka u rappreżentanti ta' awtoritajiet pubbliċi kompetenti u persuni u korpi oħra li jkollhom x'jaqsmu fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. Iċ-Ċentru għandu jqis ir-riżultati tad-diskussjonijiet nazzjonali madwar mejda jew ta' korpi konsultattivi permanenti oħra eżistenti fir-rapport annwali tiegħu fuq is-sitwazzjoni dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija fil-Komunità.

Artikolu 3

Metodi ta' xogħol u oqsma ta' ħidma

1. Iċ-Ċentru għandu jwettaq il-ħidma tiegħu skond il-kompetenzi tal-Komunitajiet u skond l-għanijiet adottati fil-programm annwali tiegħu u billi jqis sewwa r-riżorsi finanzjarji li jkollu.

2. Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, iċ-Ċentru għandu, biex ma jħallix li jkun hemm duplikazzjoni, iqis ħidmiet li jkunu diġa saru mill-istituzzjonijiet tal-Komunità u minn istituzzjonijiet, korpi u organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali oħra, partikolarment il-Kunsill ta' l-Ewropa, u għandu jassigura li, permezz ta' koperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill ta' l-Ewropa, jagħti valur miżjud.

3. It-tagħrif u d-data li jkollhom jinġabru u jiġu pproċessati, ir-riċerki xjentifiċi, stħarriġ u studji li jkollhom isiru jew li jkunu nkuraġġiti li jsiru għandhom ikunu skond il-kobor, l-iżvilupp, il-kawżi u l-effetti tal-fenomeni tar-razziżmu u ksenofobija, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

(a) il-moviment ħieles tal-persuni fil-Komunità;

(b) informazzjoni u xandir televiżiv u mezzi tal-massa u mezzi ta' komunikazzjoni;

(ċ) edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u żgħażagħ;

(d) politika soċjali inkluż l-impjiegi;

(e) moviment ħieles ta' oġġetti;

(f) kultura.

Artikolu 4

Network Ewropew dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija (Raxen)

1. Biex in-Network imsemmi fl-Artikolu 2(2)(h) ikun jista' jitwaqqaf malajr u sewwa kemm jista' jkun, l-Istati Membri għandhoim jibagħtu liċ-Ċentru lista taċ-ċentri u organizzazzjonijiet li jafu bihom kif imsemmi f'dak l-Artikolu.

2. Meqjusa l-lista msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru għandu jistieden lill-organizzazzjonijiet kompetenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-fenomeni tar-razziżmu u l-ksenofobija jew dawk l-organizzazzjonijiet li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-analiżi ta' dawk il-fenomeni, biex jissieħbu f'Raxen.

3. Iċ-Ċentru jista' jidħol f'relazzjonijiet kuntrattwali, partikolarment f'arranġamenti sotto-kuntrattwali, ma' l-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, biex jitlestew xogħlijiet li jista' jafdalhom.

Iċ-Ċentru jista wkoll jidħol f'relazzjonijiet kuntrattwali, fuq bażi ad hoc u għal xogħlijiet speċifiċi, ma' korpi li mhumiex imsieħba f'Raxen.

L-allokazzjoni ta' dawn ix-xogħlijiet għandha tidher fil-programm annwali taċ-Ċentru.

Artikolu 5

Ħarsien u kunfidenzalità ta' data personali

1. Iċ-Ċentru jista' jiġbor data personali biss biex jagħmel ix-xogħol tiegħu skond kif imsemmi f'dan ir-Regolament. Iċ-Ċentru għandu japplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE għall- ipproċessar u skambju ta' data personali taħt dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, regoli li jwettqu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu adottati, partikolarment dawk dwar id-drittijiet ta' individwi interessati, il-kunfidenzalità u s-sigurtà ta' l-ipproċessar, il-ħarsien xieraq għaż-żamma ta' l-anonimità tad-data qabel ma tixxandar, u s-sorveljanza interna ta' l-ipproċessar.

2. Ir-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Iċ-Ċentru jista' ma jipproċessax data personali qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-regoli u sakemm ma' titwaqqafx u tibda taħdem awtorità ta' sorveljanza skond kif imfisser fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE.

Sakemm tinħatar awtorità bħal din jew awtoritajiet imwaqqfa għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, dak li jagħmel iċ-Ċentru dwar regoli għall-ħarsien ta' data għandu jkun taħt is-sorveljanza ta' l-Ombudsman skond kif imsemmi fl-Artikolu 138e tat-Trattat, fil-qafas tad-doveri mogħtija lilu b'dak it-Trattat.

3. Sad-data tat-twettiq tad-Direttiva 95/46/KE, fejn, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jibagħtu jew jirċievu data personali, huma għandhom japplikaw il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom dwar il-ħarsien ta' data għall-ipproċessar ta' data bħal dik.

Sad-data hawn fuq imsemmija, Stat Membru li jkun bagħat data liċ-Ċentru, jista' jsib oġġezzjoni li dik id-data tintbagħat lil Stat Membru ieħor jew jara li dak li jintbagħat jitħares permezz ta' kondizzjonijiet, jekk min jirċievi d-data mibgħuta għall-ipproċessar ma jagħtix garanzija ta' standard ta' ħarsien ta' data ekwivalenti għal dak imsemmi fid-Direttiva 95/46/KE.

F'kull każ, data personali miġbura miċ-Ċentru u mibgħuta minnu lill-Komunità jew lill-Istati Membri ma għandhiex titqiegħed ġo fajl u wara tintuża minn dawn ta' l-aħħar b'mod li ma jkunx jaqbel ma' l-għanijiet li għalihom iċ-Ċentru jkun ġabarha.

4. Stati Membri u korpi nazzjonali li jikkoperaw maċ-Ċentru m'għandhom ikunu taħt l-ebda obbligu li jagħtu tagħrif ikklassifikat bħala kunfidenzali skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 6

Personalità u kapaċità legali

Iċ-Ċentru għandu jkollu personalità ġuridika. Huwa għandu jgawdi, f'kull Stat Membru, kapaċità legali l-aktar estensiva kif mogħtija lil persuni legali skond il-liġijiet tagħhom. Partikolarment, huwa jista' jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jista' wkoll ikun parti fi proċeduri legali.

Artikolu 7

Koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali

1. Sabiex jgħinuh jagħmel ix-xogħol tiegħu, iċ-Ċentru għandu jikkopera ma' organizzazzjonijiet fl-Istati Membri jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, governattivi jew mhux governattivi kompetenti fil-qasam tal-fenomeni razzisti u ksenofobiċi.

2. L-arranġamenti amministrattivi għall-koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

3. Iċ-Ċentru għandu jikkordina l-attivitajiet tiegħu ma' dawk tal-Kunsill ta' l-Ewropa, partikolarment dwar il-programm tiegħu ta' ħidma skond l-Artikolu 8(3)(a). Għal dan l-għan, il-Komunità għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 228 tat-Trattat, tagħmel ftehim, f'isem iċ-Ċentru, mal-Kunsill ta' l-Ewropa biex ikun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn dan ta' l-aħħar u ċ-Ċentru. Dan il-ftehim għandu jinkludi l-ħatra mill-Kunsill ta' l-Ewropa ta' persuna biex joqgħod fil-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru.

Jekk tintwera l-ħtieġa li jsiru ftehim ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jew ma' pajjiżi terzi biex iċ-Ċentru jagħmel ix-xogħol tiegħu sewwa, il-Komunità għandha, skond l-istess proċedura msemmija hawn fuq, tagħmel ftehim bħal dawn f'isem iċ-Ċentru.

Artikolu 8

Bord tat-Tmexxija

1. Il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru għandu jkun magħmul minn persuna indipendenti maħtura minn kull Stat Membru, persuna indipendenti maħtura mill-Parlament Ewropew, persuna indipendenti maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa skond l-Artikolu 7(3), u minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom ikunu persuni ta' esperjenza rilevanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u fl-analiżi tal-fenomeni razzisti, ksenofobiċi u anti-semitiċi.

Kull membru għandu jkollu deputat maħtur bl-istess mod.

2. L-ismijiet tal-membri u d-deputati membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni biex ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-ħatra tagħhom għandha tkun għal tlett snin, u tista' tiġġedded darba. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jaħtar il-President u Viċi-President tiegħu u l-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv kif imsemmija fl-Artikolu 9.

Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija, jew fl-assenza tiegħu, id-deputat tiegħu, għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfuħa. Il-President għandu jivvota. Il-persuna maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa tista' ma tivvotax dwar deċiżjonijiet imsemmija fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 3.

3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għat-tmexxija taċ-Ċentru. Partikolarment, huwa għandu:

(a) jistabilixxi l-programm annwali tal-ħidma taċ-Ċentru skond il-mezzi finanzjarji tiegħu u r-riżorsi disponibbli; dan il-programm jista' jkun rivedut meta jkun meħtieġ matul is-sena;

(b) jadotta r-rapport annwali taċ-Ċentru u l-konklużjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu u jibgħathom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni; għandu jara li r-rapport annwali jkun ippubblikat;

(ċ) jaħtar id-Direttur taċ-Ċentru;

(d) jadotta l-abbozz ta' l-estmi finanzjarji u ta' l-estmi finanzjarji annwali finali taċ-Ċentru;

(e) japprova l-kontijiet u jillibera lid-Direttur.

4. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċeduri. Il-Bord għandu jiltaqa', meta msejjaħ mill-President tiegħu, mill-inqas darbtejn fis-sena.

Artikolu 9

Bord Eżekuttiv

1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Bord tat-Tmexxija, il-Viċi-President u mhux aktar minn tliet membri oħra tal-Bord tat-Tmexxija, magħduda l-persuna maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa u r-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jissorvelja x-xogħol taċ-Ċentru, jissorvelja t-tħejjija u l-eżekuzzjoni ta' programmi u jħejji l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bl-għajnuna tad-Direttur taċ-Ċentru. Il-Bord Eżekuttiv għandu wkoll jagħmel kull xogħol mogħti lilu mill-Bord tat-Tmexxija, skond ir-regoli ta' proċedura ta' dan ta' l-aħħar.

Artikolu 10

Direttur

1. Iċ-Ċentru għandu jitmexxa minn Direttur maħtur mill-Bord tat-Tmexxija wara proposta mill-Kummissjoni għal perjodu ta' erba' snin, li jista jiġġedded.

2. Id-Direttur għandu jkun responsabbli għal:

(a) it-twettiq tax-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2);

(b) it-tħejjija u twettiq tal-programm annwali ta' l-attivitajiet taċ-Ċentru;

(ċ) it-tħejjija tar-rapport annwali, il-konklużjonijiet u l-opinjonijiet kif imsemmi f'dan ir-Regolament;

(d) kulma għandu x'jaqsam mal-persunal u ma' l-amministrazzjoni ta' kuljum.

3. Id-Direttur għandu jkun responsabbli ta' xogħlu lejn il-Bord tat-Tmexxija u għandu jattendi għal-laqgħat tiegħu u għal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

4. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku taċ-Ċentru.

Artikolu 11

Persunal

1. Il-persunal taċ-Ċentru għandu jkun suġġett għar-Regolamenti u Regoli li japplikaw għal uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Iċ-Ċentru għandu jeżerċita fir-rigwrad tal-persunal tiegħu is-setgħat mgħoddija lill-awtorità tal-ħatra.

3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli xierqa ta' implimentazzjoni.

Artikolu 12

Budget

1. Għandhom isiru l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ taċ-Ċentru għal kull sena finanzjarja, li tkun bħal dik kalendarja, u dawn għandhom jiddaħħlu fil-budget taċ-Ċentru.

2. Sa mhux iktar tad mill-15 ta' Frar ta' kull sena, id-Direttur għandu jagħmel l-abbozz preliminari tal-budget għas-sena finanzjarja li jmiss. L-abbozz preliminari tal-budget għandu jkopri l-ispejjeż tat-tmexxija u l-programm ta' ħidma maħsuba għas-sena finanzjarja ta' wara. Id-Direttur għandu jibgħat l-abbozz preliminari, flimkien ma' pjan organiku, lill-Bord tat-Tmexxija.

3. Id-dħul u l-ħruġ murija fil-budget għandhom ikunu f'bilanċ.

4. Id-dħul taċ-Ċentru għandu, mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, jinkludi:

(a) sussidju mill-Komunità, imdaħħal taħt titolu speċifiku fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (sezzjoni tal-"Kummissjoni");

(b) ħlasijiet meħuda għal servizzi mogħtija;

(ċ) kull kontribuzzjoni finanzjarja mingħand l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7;

(d) kull kontribuzzjoni finanzjarja voluntarja mill-Istati Membri.

5. L-infiq taċ-Ċentru għandu jinkludi s-salarju tal-persunal, spejjeż amministrattivi u infrastrutturali, spejjeż ta' tmexxija u nfiq rigward kuntratti konklużi ma' l-istituzzjonijiet jew korpi, l-imsieħba ta' Raxen, u pajjiżi terzi.

6. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-abbozz tal-budget u jibagħtu lill-Kummissjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-estimi korrispondenti ta' sussidji li għandhom jiddaħħlu fl-abbozz tal-budget ġenerali preliminari tal-Komunitajiet Ewropej, u tibgħathom lill-Kunsill skond l-Artikolu 203 tat-Trattat.

7. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-budget finali taċ-Ċentru qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, billi jaġġustah fejn ikun meħtieġ mas-sussidju tal-Komunità u r-riżorsi l-oħra taċ-Ċentru.

8. Id-Direttur għandu jwettaq il-budget taċ-Ċentru.

9. Il-kontroll tal-flejjes kommessi u l-ħlas tal-ħruġ kollu taċ-Ċentru u l-aċċertament u l-ħlas tad-dħul kollu taċ-Ċentru għandhom isiru mill-Kontrollur Finanzjarju tal-Kummissjoni.

10. Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, id-Direttur għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Qorti ta' l-Awdituri il-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollu taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja li tkun għaddiet.

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha teżamina dawn il-kontijiet skond l-Artikolu 188ċ tat-Trattat.

11. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jillibera lid-Direttur fit-twettiq tal-budget.

12. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni u mal-Qorti ta' l-Awdituri, jadotta d-dispożizzjonijiet finanzjarji interni waqt li jispeċifika partikolarment l-arranġamenti għall-formazzjoni u t-twettiq tal-budget taċ-Ċentru.

Artikolu 13

Is-servizz ta' traduzzjoni meħtieġ biex iċ-Ċentru jitħaddem għandu, fil-prinċipju, jingħata miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għal korpi ta' l-Unjoni Ewropea imwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 2965/94 [12].

Artikolu 14

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għaċ-Ċentru.

Artikolu 15

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali taċ-Ċentru għandha tkun regolata mill-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni skond il-klawsoli ta' arbitraġġ li jkun hemm f'kuntratt magħmul miċ-Ċentru.

2. F'każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, iċ-Ċentru għandu, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kull ħsara kawżata miċ-Ċentru jew mill-impjegati tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'tilwim dwar kumpens għal ħsara bħal din.

3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'azzjonijiet miġjuba kontra ċ-Ċentru skond il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 173 tat-Trattat.

Artikolu 16

Arraġamenti ta' rappurtaġġ

Matul it-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar il-progress ta' l-attivitajiet taċ-Ċentru, flimkien ma' proposti, jekk ikun xieraq, biex jinbidel jew biex ikun estiż ix-xogħol tiegħu, meqjus, partikolarment, l-iżvilupp tas-setgħat tal-Komunità fil-qasam tar-razziżmu u l-ksenofobija.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tad-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-post fejn ser ikollu s-sede ċ-Ċentru.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 2 ta' Ġunju, 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Van Mierlo

[1] ĠU C 78, tat-12.3.1987, p. 15.

[2] ĠU C 132, ta' l-4.28.1997.

[3] ĠU C 158, tas-26.5.1997, p. 9.

[4] ĠU C 103, tas-27.4.1977, p. 1.

[5] ĠU C 158, tal-25.6.1986, p. 1.

[6] ĠU C 157, tas-27.6.1990, p. 1.

[7] ĠU C 296, ta' l-10.11.1995, p. 13.

[8] ĠU C 312, tat-23.11.1995, p. 1.

[9] ĠU L 185, ta' l-24.7.1996, p. 5.

[10] ĠU C 237, tal-15.8.1996, p. 1.

[11] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[12] ĠU L 314, tas-7.12.1994, p. 1.

--------------------------------------------------