31997L0069



Official Journal L 343 , 13/12/1997 P. 0019 - 0024


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 97/69/KE

tal-5 ta’ Diċembru

li tadatta għall-progress tekniku għat-tlieta w għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’sustanzi perikolużi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’sustanzi perikolużi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/56/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill [2], u partikolarment l-Artikolu 28 tagħha,

Billi l-Anness I tad-Direttiva 67/548/KEE għandu lista ta’ sustanzi perikolużi, flimkien ma’ dettalji tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar fir-rigward ta’ kull sustanza jew grupp ta’ sustanzi;

Billi studji fil-laboratorju wrew li ċerti fibri vitrużi (silikat) magħmula mill-bniedem għandhom effetti kanċeroġeniċi; billi l-istħarriġ epidemjoloġiku qajjem tħassib dwar l-effetti fuq is-saħħa minn fibri vitrużi (silikat) magħmula mill-bniedem;

Billi l-lista ta’ sustanzi perikolużi misjuba fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva għandha għalhekk tkun adattata u mkabbra, partikolarment biex tinkludi ċerti fibri vitrużi (silikat) magħmula mill-bniedem; billi għalhekk jeħtieġ li tkun emendata d-Daħla għall-Anness I biex tinkludi noti u dettalji dwar l-identifikazzjoni, il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ta’ fibri vitrużi (silikat) magħmula mill-bniedem;

Billi fl-istat ta’ għarfien kurrenti, jidher ġustifikat taħt ċerti ċirkostanzi li jkunu esklużi xi fibri vitrużi (silikat) magħmula mill-bniedem mill-klassifikazzjoni bħala kanċeroġenu; billi din il-possibbilità għandha tkun riveduta fid-dawl ta’ żviluppi xjentifiċi u tekniċi, partikolarment fil-qasam ta’ l-ittestjar tal-kanċeroġeniċità;

Billi t-taqsira ‘KEE’ tidher f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi I u VI tad-Direttiva 67/548/KEE;

Billi l-Artikolu Ġ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biddel il-kliem ‘Komunità Ekonomika Ewropea’ bil-kliem ‘Komunità Ewropea’; billi t-taqsira ‘KEE’ għandha għalhekk tinbidel bit-taqsira ‘KE’ fid-dispożizzjonijiet fuq imsemmija;

Billi d-Direttiva 96/56/KE emendat l-Artikoli 21 u 23 tad-Direttiva 67/548/KEE kif xieraq u tippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi perikolużi li t-tikketti tagħhom ikollhom ‘numru KEE’ u l-kliem ‘tikketta KEE’ sal-31 ta’ Diċembru 2000;

Billi l-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Adattament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi għat-Tneħħija ta’ Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ fis-Sustanzi u Preparazzjonijiet Perikolużi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 67/548/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Anness I qed jiġi emendat kif ġej:

(a) Il-ħames paragrafu tal-kapitolu li jismu ‘Nomenklatura’ tad-Daħla jinbidel bit-test li ġej:

"L-Artikolu 23(2)(a) jeħtieġ li għal sustanzi li jidhru fl-Anness I, l-isem tas-sustanza li għandu jintuża fuq it-tikketta għandha tkun waħda mill-indikazzjonijiet mogħtija fl-Anness. Għal ċerti sustanzi, żdiedet aktar informazzjoni fil-paranteżi kwadri biex tgħin fl-identifikazzjoni tas-sustanza. Din l-informazjoni addizzjonali m’għandhiex għalfejn tkun inkluża fit-tikketta.";

(b) Nota A fid-Daħla tinbidel bit-test li ġej:

"Nota A:

L-isem tas-sustanza għandu jidher fuq it-tikketta fil-forma ta’ waħda mill-indikazzjonijiet mogħtija fl-Anness I (ara l-Artikolu 23(2)(a)).

Fl-Anness I, kultant tintuża deskrizzjoni ġenerali bħal "… komposti "jew "… imluħa";. F’dan il-każ, il-manifattur jew kull persuna oħra li tqiegħed fis-suq din is-sustanza hija meħtieġa li tiddikjara fuq it-tikketta l-isem korrett, waqt li jitqies sew il-kapitolu "Nomenklatura"; tad-Daħla:

Eżempju għal BeCl2: beryllium chloride.";

(ċ) In-Noti Q u R li ġejjin huma miżjuda mad-Daħla:

"Nota Q:

Il-klassifikazzjoni bħala kanċeroġenu m’għandhiex għalfejn tapplika jekk jista’ jintwera li s-sustanza tissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

- test ta’ bijopersistenza fuq żmien qasir bl-inalazzjoni wera li l-fibri itwal minn 20 μm għandhom nofs ħajja miżuna ta’ anqas minn 10 ijiem, jew

- test ta’ bijopersistenza b’instillazjoni intratrakeali wera li l-fibri itwal minn 20 μm għandhom nofs ħajja miżuna ta’ anqas minn 40 jum jew

- test xieraq intra-peritoneali ma wera l-ebda evidenza ta’ kanċeroġeniċità eċċessiva, jew

- in-nuqqas ta’ patoġenoċità rilevanti jew bidliet neoplastiċi f’test fit-tul xieraq ta’ inalazzjoni.

Nota R:

Il-klassifikazzjoni bħala kanċeroġenu m’għandhiex għalfejn tapplika għall-fibri li d-dijametru ġeometriku tagħhom medju miżun fir-rigward tat-tul b’anqas minn żewg żbalji standard huwa aktar minn 6 μm";

(d) L-iskrizzjonijiet fl-Anness f’din id-Direttiva jiġu miżjuda;

(e) Ir-riferenzi kollha tan-‘numru KEE’ jinbidlu bin-‘numru KE’.

2. L-Anness VI hu emendat kif ġej:

(a) Ir-riferenzi kollha tan-‘numru KEE’ jinbidlu bin-‘numru KE’.

(b) Ir-riferenzi kollha tat-‘tikketta KEE’ jinbidlu bit-‘tikketta KE’.

Artikolu 2

Matul il-perjodu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-iżviluppi xjentifiċi u tadotta miżuri biex tħassar jew temenda n-Nota Q.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Diċembru 1988 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. Minkejja l-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi li t-tikketti tagħhom ikollhom il-kliem ‘numru KEE’ jew il-kliem ‘tikketta KEE’ sal-31 ta’ Diċembru 2000.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-5 ta’ Diċembru 1977.

Għall-Kummissjoni

Ritt Bjerregaard

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1.

[2] ĠU L 236, tat-18.9.1996, p. 35.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------