31997L0026



Official Journal L 150 , 07/06/1997 P. 0041 - 0043


Id-Direttiva tal-Kunsill 97/26/KE

tat-2 ta' Ġunju 1997

li temenda d-Direttiva 91/439/KEE dwar il-liċenzji tas-sewqan

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 75 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummisjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi skond il-proċeduri stabiliti fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

(1) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan [4] tipprovdu li liċenzji nazzjonali tas-sewqan għandhom jinħarġu skond il-mudell tal-Komunità deskritt fl-Anness I jew Ia tiegħu, u li dawn għandhom jindikaw il-kondizzjonijiet li taħthom is-sewwieq jiġi awtorizzat li jsuq;

(2) Billi l-Annessi I u Ia jipprovdu xi informazzjoni jew restrizzjonijiet addizzjonali għandhom jiġu indikati f'forma kkodifikata;

(3) Billi l-kodiċijiet u sub-kodiċijiet li jgħoddu għall-kondizzjonijiet tal-ħruġ irregolati mid-Direttiva 91/439/KEE huma validi fil-Komunità kollha;

(4) Billi, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, azzjoni Komunitarja tkun meħtieġa biex tippermetti li l-liċenzji tas-sewqan ikunu mifhuma u rikonoxxuti reċiprokament, u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni billi jiġu evitati l-problemi prattiċi li se jaffaċċjaw is-sewwieqa, il-persuni involuti fil-ġarr, l-amministraturi u l-ispetturi li kieku l-Istati Membri kellhom jużaw kodiċijiet differenti;

(5) Billi għandu jkun hemm provediment għal proċedura ssimplifikata biex jiġu adattati l-aspetti tekniċi tal-kodiċijiet Komunitarji armonizzati mniżżla fl-Annessi I u Ia u biex jiġu adattati l-Annessi II u III mad-Direttiva 91/439/KEE;

(6) Billi, fl-interessi taċ-ċarezza u tal-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 rigward l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur b'żewġ jew tliet roti [5], l-opportunità offruta b'din l-emenda għandha tittieħed biex id-definizzjoni tat-terminu "mutur" issir konformi rigward il-veloċità skond id-disinn,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 91/439/KEE qed tiġi emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 3(3):

(a) fit-tieni inċiż, "50 km/s" se jinbidel u jsir "45 km/s";

(b) it-tielet inċiż se jinbidel ma' dan li ġej:

"- "mutur" ifisser kull vettura b'żewġ roti b'karozza fil-ġenb jew mingħajrha, mgħammra b'magna li jkollha l-kapaċità ċilindrika ta' aktar minn 50 cm3; jekk din tkun tat-tip tal-kombustjoni interna u/jew li jkollha l-veloċità massima skond id-disinn ta' aktar minn 45 km/s."

2. L-Artikoli li ġejjin se jiddaħħlu:

"L-Artikolu 7a

1. Suddiviżjoni tal-kodiċijiet Komunitarji armonizzati stabiliti fl-Annessi I u Ia għandhom jiġu definiti skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 7b, b'referenza partikolari għall-kodiċijiet 04, 05, 44 u 55.

Din il-proċedura għandha tiġi segwita wkoll biex jiġi deċiż jekk l-użu ta' ċerti suddiviżjonijiet tal-kodiċijiet Komunitarji armonizzati għandhomx, jekk ikun neċessarju, isiru obbligatorji.

2. L-emendi neċessarji biex jiġu adattati l-partijiet ta' l-Annessi I u Ia li jikkonċernaw il-kodiċijiet armonizzati u l-Annessi II u III għall-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 7b.

L-Artikolu 7b

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat għal-liċenzji tas-sewqan, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-kumitat', magħmul minn rappreżentanti ta" l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fi żmien stipulat li l-president jista' jistabilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġol-kumitat għandhom ikunu jiswew skond il-mod stabilit f'dak l-Artikolu. Il-president ma jistax jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

(b) Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq quddiem il-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, meta jagħlaq il-perjodu ta' tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni."

3. Fl-Anness I(2), fil-paġna 4 tal-liċenzja, u fl-Anness Ia(2), fil-paġna 2 tal-liċenzja, il-punt (a)(12), l-ewwel inċiż għandu jinbidel ma' dan li ġej:

"- il-kodiċijiet minn 01 sa 99: il-kodiċijiet Komunitarji armonizzati

01 Il-korrezzjoni tal-vista

02 L-għajnuna għas-smiegħ/għall-komunikazzjoni

03 Il-prosteżi/l-ortożi tar-riġlejn u d-dirgħajn

04 Bil-kondizzjoni li jkun hemm ċertifikat mediku validu

05 Is-sewqan ikun suġġett għal restrizzjonijiet minħabba raġunijiet mediċi

10 It-trasmissjoni mmodifikata

15 Il-klaċċ immodifikat

20 Is-sistemi tal-brejk immodifikati

25 Is-sistemi ta' l-aċċeleratur immodifikati

30 Is-sistemi kkombinati tal-brejk u ta' l-aċċeleratur immodifikati

35 Is-sistemi tal-kontroll immodifikati

40 It-tmun immodifikat

42 Il-mera/il-mirja ta' wara mmodifikata/i

43 Il-maqgħad tas-sewwieq immodifikat

44 Il-modifiki tal-muturi

45 Il-kombinazzjonijiet tal-muturi biss

50 Ristrett għal numru speċifiku ta' vettura/chassis

51 Ristrett għal tabella tar-reġistrazzjoni speċifika ta' vettura/

55 Il-kombinazzjonijiet ta' modifiki ta' vetturi

70 Skambju ta' liċenzja Nru... maħruġ minn… (id-distintiv ta' l-UNECE fil-każ ta' pajjiż terz)

71 Id-duplikazzjoni tal-liċenzja Nru... (Id-distintiv ta' l-UNECE fil-każ ta' pajjiż terz)

72 Ristrett ghall-vetturi tal-kategorija A li ghandhom kapacità cilindrika massima ta' 125 cm3 u qawwa massima ta' 11 kW (A1)

73 Ristrett għall-vetturi tal-kategorija B għall-muturi bi tlieta jew erba' roti (B1)

74 Ristrett għall-vetturi tal-kategorija Ċ li l-massa massima awtorizzata tagħhom ma tkunx ta' aktar minn 7500 kg (Ċ1)

75 Ristrett għall-kategorija ta' vetturi D b'mhux aktar minn 16-il post għall-passiġieri, minbarra l-post tas-sewwieq (D1)

76 Ristrett għall-vetturi tal-kategorija Ċ li l-massa massima awtorizzata tagħhom ma taqbiżx is-7500 kg (Ċ1), mehmużin ma' karru li l-massa massima awtorizzata tiegħu ma tkunx aktar minn 750 kg, basta l-massa massima tat-tren hekk ifformat ma tkunx aktar minn 12000 kg u li l-massa massima awtorizzata tal-karru ma tkunx taqbeż il-massa bla tagħbija tal-vettura li tirmonka (Ċ1 + E)

77 Ristrett għall-vetturi tal-kategorija D b'mhux aktar minn 16-il post għall-passiġġieri, eskluż il-post tas-sewwieq (D1), mehmużin ma' karru li l-massa massima awtorizzata tiegħu li taqbeż is-750 kg, basta (a) il-massa massima awtorizzata tat-tren tal-vetturi b'hekk ma taqbiżx it-12000 kg u l-massa massima awtorizzata tal-karru ma taqbiżx il-massa mhux bit-tagħbija tat-tren li jirmonka u (b) li l-karru ma jintużax biex iġorr il-passeġieri (D1 + E)

78 Ristrett għall-vetturi bi trasmissjoni awtomatika (l-Anness II, 8.1.1, it-tieni paragrafu)

79 (…) Ristrett għall-vetturi li jikkonformaw ma' l-ispeċifikazzjonijiet indikati fil-parentesi, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva."

L-Artikolu 2

1. Wara li kkonsultaw il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-1 ta' Jannar 1998. Huma għandhom immedjatament jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn referenza ta' din ix-xorta fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir referenza bħal din għandhom jiġu stabiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma għandhom jadottaw fil-kamp irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit- 2 ta' Ġunju 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Van Mierlo

[1] ĠU C 110, tas-16.4.1996, p. 7, u ĠU C 31, tal-31.1.1997, p. 3.

[2] ĠU C 204, tal-15.7.1996, p. 20.

[3] L-opinjoni li ngħatat fil-5 ta' Settembru 1996 (ĠU C 277, tat-23.9.1996, p. 15), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1996 (ĠU C 69, tal-5.3.1997, p. 7) u d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' April 1997 (ĠU C 132, tat-28.4.1997).

[4] ĠU L 237, ta' l-24.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/47/KE (ĠU L 235, tas- 17.9.1996,).

[5] ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 72. Id-Direttiva kif ġiet emendata bl-Att ta' l-1994 dwar l-Adeżjoni.

--------------------------------------------------