31997L0009



Official Journal L 084 , 26/03/1997 P. 0022 - 0031


Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-3 ta’ Marzu 1997

dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 57(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku U Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni ta’ l-Istitut Monetarju Ewropew [3],

Filwaqt li jaġixxi bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [4] fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni nhar it-18 ta’ Diċembru 1996,

(1) Billi fl-10 ta’ Mejju 1993 il-Kunsill addotta d-Direttiva 93/22/KEE dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli [5]; billi dik id-Direttiva hija strument essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern għal ditti ta’ investiment;

(2) Billi d-Direttiva 93/22/KEE tistabbilixxi regoli prudenti li d-ditti ta’ l-investiment għandhom josservaw il-ħin kollu, inklużi r-regoli li l-iskop tagħhom huma li jipproteġu sakemm ikun possibbli d-drittijiet ta’ investitur fir-rigward ta’ flus jew strumenti li jappartjenu lilhom;

(3) Billi, madankollu, l-ebda sistema ta’ superviżjoni ma tista’ tipprovdi protezzjoni sħiħa, partikolarment meta atti ta’ frodi jkunu mwettqa;

(4) Billi l-protezzjoni ta’ l-investituri u l-manteniment ta’ fiduċja fis-sistema finanzjarja huma aspett importanti fit-twettieq u l-funzjonar xieraq tas-suq intern f’dan il-qasam; billi għal dak il-għan huwa għalhekk essenzjali li kull Stat Membru għandu jkollu skema ta’ kumpens għall-investitur li tiggarantixxi livell armonizzat minimu ta’ protezzjoni mill-anqas lejn l-investitur żgħir fil-każ li ditta ta’ l-investiment ma tkunx tista’ tilħaq l-obligazzjonijiet tagħha ma’ klijenti investituri;

(5) Billi investituri żgħar għandhom għalhekk ikunu jistgħu jixtru servizzi ta’ investiment minn fergħa ta’ ditti ta’ l-investiment fil-Komunità jew fuq il-bażi ta’ provvedimenti ta’ servizzi transfruntieri bil-kunfidenza bħalli kieku kienu ditti domestiċi ta’ l-investiment, fl-għarfien li livell minimu ta’ armonizzazzjoni ta’ protezzjoni għandu jkun disponibbli lilhom fil-każ li d-ditta ta’ l-investiment ma tkunx tista’ tlaħħaq ma’ l-obbligazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha ta’ l-investiment;

(6) Billi, fin-nuqqas ta’ din l-armonizzazzjoni minima, Stat Membru ospitanti jista’ jqis li jkun iġġustifikat, b’konsiderazzjoni ta’ protezzjoni lejn l-investitur, li jkun jeħtieġ sħubija fl-iskema tiegħu ta’ kumpens meta ditta ta’ l-investiment fil-Komunità topera permezz ta’ fergħa jew permezz tal-libertà li jkunu ipprovduti servizzi li jew jappartienu lejn l-ebda skema ta’ kumpens għall-investitur fl-Istat Membru tal-lokalità jew li tappartjeni għal skema li ma kienetx meqjusa li toffri protezzjoni ekwivalenti; billi dik il-ħtieġa tista’ tkun ta’ preġudizzju għall-operat tas-suq intern;

(7) Billi għalkemm il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri preżentament għandhom xi arranġamenti ta’ kumpens lejn l-investitur, dawk l-arranġamenti ma jkoprux ġeneralment id-ditti kollha ta’ l-investiment li jkollhom awtorizzazzjoni singola li hemm dispożizzjoni dwarha fid-Direttiva 93/22/KEE;

(8) Billi, għalhekk, kull Stat Membru għandu jkun meħtieġ li jkollu skema jew skemi ta’ kumpens għall-investitur li tagħhom kull ditta ta’ l-investiment bħal din għandha tkun parti; billi kull skema għandha tkopri flus u strumenti miżmuma minn ditta ta’ l-investiment b’konnessjoni ma’ l-operazzjonijiet ta’ l-investiment mill-investitur li, meta ditta ta’ l-investiment ma tkunx tista’ tlaħħaq ma’ l-obbligazzjonijiet tagħha lejn klijenti investituri, ma tkunx tista’ tingħata lura lil investitur; billi dan huwa kompletament mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-proċeduri applikabbli f’kull Stat Membru fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ likwidità jew xoljiment ta’ ditta ta’ l-investiment;

(9) Billi d-definizzjoni ta’ ditta ta’ l-investiment tinkludi istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ l-investiment; billi kull istituzzjoni ta’ kreditu bħal din għandha wkoll tkun meħtieġa li tappartjeni għal skema ta’ kumpens għall-investitur li tkopri n-negozju tagħha ta’ l-investiment; billi, madankollu, m’hemmx bżonn li jkun meħtieġ li l-istituzzjoni ta’ kreditu bħal din tkun tappartjeni għal żewġ skemi separati meta skema waħda tilħaq il-ħtiġijiet kemm ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija ta’ depożiti [6], billi, madankollu, fil-każ ta’ ditti ta’ l-investiment li huma l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tista’ f’ċerti każi tkun diffiċli biex tiddistingwixxi bejn depożiti koperti bid-Direttiva 94/19/KE u flus miżmuma b’konnessjoni man-negozju ta’ l-investiment; billi l-Istati Membri għandhom jitħallew li jiddeterminaw liema Direttiva għandha tkun applikabbli għal dawn il-pretensjonijiet;

(10) Billi d-Direttiva 94/19/KE tippermetti Stat Membru li jeżenta l-istituzzjoni ta’ kreditu mill-obligazzjoni li tappartjeni għal skema ta’ garanzija ta’ depożitu meta dik l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun tappartjeni għal skema li jipproteġi lill-istituzzjoni ta’ kreditu nnifisha u, partikolarment, tassigura likwidità; billi, meta l-istituzzjoni ta’ kreditu tappartjeni għal sistema bħal din tkun ukoll ditta ta’ l-investiment, Stat Membru għandu wkoll ikun imħolli, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, li jeżenta lilha mill-obligazzjonijiet li tappartjeni għal skema ta’ kumpens għall-investitur;

(11) Billi livell minimu armonizzat ta’ kumpens ta’ ECU 20000 għal kull investitur għandha tkun suffiċjenti biex tipproteġi l-interessi ta’ l-investitur żgħir meta d-ditta ta’l-investiment ma tkunx tista’ tlaħħaq ma l-obbligazzjonijiet tagħha lejn il-klijenti ta’ l-investiment; billi għandu għalhekk jidher raġjonevoli li jkun eżiġit livell minimu armonizzat ta’ kumpens ta’ ECU 20000; billi, bħal fid-Direttiva 94/19/KE, dispożizzjonijiet transizzjonali limitati jistgħu jkunu meħtieġa biex jgħinu lill-iskemi ta’ kumpens ikunu in konformità ma’ dik il-figura la darba din tapplika ugwalment għal Stati Membri li, meta din id-Direttiva tkun adottata, ma jkollhomx skema bħal din;

(12) Billi l-istess figura kienet adottata fid-Direttiva 94/19/KE;

(13) Billi sabiex investituri jkunu mħeġġa jagħtu l-attenzjoni meħtieġa fl-għażla tagħhom ta’ ditti ta’ l-investiment għandu jkun raġjonevoli li Stati Membri jitħallew li jeħtieġu li l-investituri jerfgħu proporzjon ta’ xi telf; billi, madankollu, l-investitur għandu jkun kopert mill-anqas għal 90 % ta’ xi telf sakemm il-kumpens imħallas ikun anqas mill-minimu tal-Komunità;

(14) Billi ċerti skemi ta’ Stati Membri joffru livelli ta’ koperta għola mil-livell minimu armonizzat ta’ protezzjoni permezz ta’ din id-Direttiva; billi, madankollu, ma jidhirx li jkun mixtieq li jkun meħtieġ xi tibdil f’dawk l-iskemi f’dak ir-rigward;

(15) Billi ż-żamma fil-Komunità ta’ skemi li jipprovdu l-livelli ta’ koperta aktar għolja mill-minimu armonizzat jistgħu, fl-istess territorju, iwasslu għal disparitajiet fil-kumpens u kondizzjonijiet inugwali ta’ kompetizzjoni bejn ditti ta’ l-investiment u l-friegħi ta’ ditti minn Stati Membri oħra; billi, sabiex ikunu hemm kontra azzjoni għal dawk l-iżvantaġġi, friegħi għandhom ikunu awtorizzati li jissieħbu fl-iskemi tal-pajjiżi ospitanti tagħhom hekk li jkunu jistgħu joffru lid-depożitaturi magħhom l-istess koperta li huma offruti mill-iskemi tal-pajjiżi li fihom ikunu jinstabu; billi huwa għalhekk xieraq li, fir-rapport tagħha dwar l-applikar ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tindika il-limiti li dawk il-friegħi ikunu eżerċitaw dik l-għażla u xi diffikultajiet li huma jew l-iskemi ta’ kumpens għall-investitur jistgħu ikunu ltaqgħu magħhom fl-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; billi l-possibbiltà li skemi ta’ l-Istati Membri tal-lokalità jistgħu huma nnifishom joffru għal koperta supplementari bħal din, suġġett għal kundizzjonijiet li skemi bħal dawn jistgħu jistabbilixxu, mhumiex eliminati;

(16) Billi tfixkil fis-suq jista’ jinħoloq minn friegħi ta’ ditti ta’ l-investiment stabbiliti fi Stati Membri apparti minn Stati Membri ta’ l-oriġini li joffru livelli ta’ koperti għola minn dawk offruti minn ditti ta’ l-investiment awtorizzati fl-Istati Membri ospitanti tagħhom; billi mhux xieraq li l-livell ta’ l-iskop tal-koperta offruta minn skemi ta’ kumpens għandhom isiru strumenti ta’ kompetizzjoni; billi huwa għalhekk meħtieġ, mill-anqas matul il-perijodu inizjali, li jkun stipulat li la l-livell u l-anqas l-iskop tal-koperta offruti mill-iskema ta’ l-Istati Membri tal-lokalità lejn depożitaturi fi friegħi lokaliżżati fi Stat Membru ieħor m’għandhomx jeċċedu l-livell massimu u l-iskop offrut minn skema korrespondenti fl-Istat Membru ospitanti; billi disturbi f’xi suq għandhom ikunu riveduti f’data kmieni, fuq il-bażi ta’ l-esperjenza akkwistata fid-dawl ta’ żviluppi fis-settur finanzjarju;

(17) Billi Stat Membru għandu jkun jista’ jeskludi ċerti kategoriji ta’ l-investiment jew depożitaturi speċifikament elenkati, jekk huma ma jħossux li dawn ikunu jeħtieġu protezzjoni speċjali, mill-garanzija mgħotija bi skemi ta’ garanzija ta’ kumpens ta’ l-investitur;

(18) Billi wħud mill-Istati Membri għandhom skemi ta’ kumpens għal l-investitur taħt ir-responsabbiltà ta’ l-organiżazzjonijiet professjonali; billi fi Stati Membri oħra hemm skemi li kienu ġew stabbiliti u li huma rregolati fuq bażi statutorja; billi dik id-deversita ta’ status toħloq problema biss fir-rigward ta’ sħubija obligatorja fil- u ta’ esklużjoni minn skemi; billi huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu passi biex jillimitaw il-poteri ta’ skemi f’dak il-qasam;

(19) Billi l-investitur għandu jkun ikkumpensat mingħajr dewmien eċċessiv la darba il-validità tat-talba tiegħu tkun ġiet stabbilita; billi l-iskema ta’ kumpens innifisha għandha tkun tista’ tistabbilixxi perijodu xieraq għal preżentazzjoni ta’ talbiet; billi, madankollu, il-fatt li perijodu bħal dak ikun skada ma jistax ikun invokat kontra l-investitur li għal raġuni valida ma jkunx seta jippreżenta t-talba tiegħu fil-limitu ta’ żmien imħolli;

(20) Billi l-informazzjoni lejn l-investituri dwar arranġamenti ta’ kumpens hija element essenzjali għal protezzjoni ta’l-investitur; billi l-Artikolu 12 tad-Direttiva 93/22/KEE kienet teħtieġ li d-ditti ta’ l-investiment li jinfurmaw lill-investituri, qabel ma jagħmlu negozju magħhom, tal-possibbiltà ta’ l-applikar ta’ skemi ta’ kumpens; billi, għalhekk, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi regoli dwar l-infurmar lejn dawk li jkollhom l-intenzjoni li jinvestu, rigward l-iskemi ta’ kumpens li jkopru in-negozju tagħhom ta’ l-investiment;

(21) Billi, madankollu, l-użu mhux irregolat fir-reklamar ta’ referenzi lejn l-ammont u l-iskop ta’ skema ta’ kumpens jista’ jaffetwa l-istabbilita tas-sistema finanzjarja jew tal-fiduċja ta’ l-investitur; billi Stati Membri għandhom għalhekk jeżiġu regoli biex jillimitaw referenzi bħal dawk;

(22) Billi bi prinċipju, din id-Direttiva teħtieġ li kull ditta ta’ l-investiment tissieħeb fi skema ta’ kompens lejn l-investitur; billi d-Direttivi li jirregolaw id-dħul ta’ xi ditta ta’ l-investiment li jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha f’pajjiż li mhux membru, u partikolarment id-Direttiva 93/22/KEE, li tippermetti l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk, u suġġetti għal liema kundizzjonijiet, jippermettu li l-friegħi ta’ dawk id-ditti ta’ l-investiment li joperaw fit-territorji tagħhom; billi dawk il-friegħi m’għandhomx igawdu mill-libertà li jipprovdu servizzi permezz tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat, l-anqas id-dritt ta’ stabbiliment fi Stati Membri apparti minn dawk li fihom ikunu stabbiliti; billi, għalhekk, Stat Membru ospitanti dawn il-friegħi għandu jiddeċiedi kif japplika il-prinċipji ta’ din id-Direttiva lejn dawk il-friegħi bi qbil ma l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/22/KEE u mal-ħtieġa li jkunu protetti l-investituri u żżamma ta’ l-integrità tas-sistema finanzjarja; billi huwa essenzjali li l-investituri f’dawk il-friegħi ikunu kompletament konxji bl-arranġamenti ta’ kumpens li jaffetwawhom;

(23) Billi mhux indispensabbli, f’din id-Direttiva, li jkunu armoniżżati skemi ta’ kumpens lejn min jagħmel investiment għandhom ikunu iffinanzjati, meqjus, min-naħa l-waħda, li l-ispiża tal-finanzjament ta’ dawn l-iskemi trid tintrefa’, bi prinċipju, mid-ditti ta’ l-investiment innifishom u, min-naħa l-oħra, l-kapaċità finanzjarja ta’ dawn l-iskemi għandha tkun ipproporzjonata għar-responsabbiltajiet tagħhom; billi dan m’għandux, madankollu, ifixkel l-istabbilita tas-sistema finanzjarja ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

(24) Billi din id-Direttiva ma tistax tirriżulta filli Stat Membru jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu li jkunu responsabbli fir-rigward ta’ l-investituri jekk huma jkunu assiguraw li skema waħda jew aktar ta’ kumpens jew protezzjoni ta’ l-investituri skond il-kundizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva li kienu ġew introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti;

(25) Billi, b’konklużjoni, grad minimu ta’ armonizzazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kumpens lejn l-investituri hija meħtieġa għat-twettieq tas-suq intern ta’ ditti ta’ l-investiment la darba dan jagħmilha possibli għall-investituri li jagħmlu negozju ma’ dawk id-ditti b’aktar fiduċja, speċjalment ditti minn Stati Membri oħra, u jagħmila possibbli li jkunu evitati d-diffikultajiet maħluqa mill-Istati Membri ospitanti billi japplikaw ir-regoli nazzjonali ta’ protezzjoni lill-investitur li ma jkunux ikkoordinati fil-livell tal-Komunità; billi d-Direttiva tal-Komunità li torbot hija biss l-istrument xieraq għall-akkwist ta’ l-objettivi mixtieqa fin-nuqqas ġenerali ta’ l-arranġamenti ta’ kumpens lejn l-investitur li jkunu korrespondenti għal koperta mogħtija mid-Direttiva 93/22/KEE; billi din id-Direttiva taffetwa biss l-armonizzazzjoni minima meħtieġa, tippermetti li l-Istati Membri jippreskribu koperta akbar jekk huma hekk jixtiequ u tagħti lejn l-Istati Membri il-latitudni meħtieġa fir-rigward ta’ l-organizzazzjonijiet u l-finanzjament ta’ skemi ta’ kumpens lejn l-investituri,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1. "ditta ta’ l-investiment" għandha tfisser id-ditta ta’ l-investiment kif definita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/22/KEE

- awtorizzata bi qbil ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/22/KEE,

jew

- awtorizzata bħala l-istituzzjoni ta’ kreditu bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE [7] u d-Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE [8], li l-awtorizzazzjoni tagħha tkopri waħda jew aktar mis-servizzi ta’ l-investiment elenkati fis-Sezzjoni A ta’ l-Anness tad-Direttiva 93/22/KEE;

2. "negozju ta’ l-investiment" għandu jfisser xi servizz ta’ l-investiment kif definit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/22/KEE u s-servizz li hemm referenza għalih fil-punt 1 tas-Sezzjoni Ċ ta’ l-Anness ta’ dik id-Direttiva,

3. "strumenti" għandhom ifissru l-istrumenti elenkati fis-Sezzjoni B ta’ l-Anness tad-Direttiva 93/22/KEE;

4. "investitur" għandu jfisser xi persuna li tkun fdat il-flus jew strumenti lid-ditta ta’ l-investiment b’konnessjoni ma’ negozju ta’ l-investiment;

5. "fergħa" għandha tfisser il-post tan-negozju li jkun parti minn ditta ta’ l-investiment, li ma jkollha l-ebda personalità legali u li tipprovdi servizzi ta’ l-investiment li dwarhom id-ditta ta’ l-investiment tkun ġiet awtorizzata; il-postijiet tan-negozju stabbiliti fl-istess Stat Membru minn ditta ta’ l-investiment bl-uffiċċini ewlenija fi Stat Membru ieħor għandha tkun meqjusa bħala fergħa waħdanija;

6. "negozju ta’ l-investiment konġunt" għandu jfisser negozju ta’ l-investiment imwettaq fl-ismijiet ta’ tnejn jew aktar persuni jew li fuqhom tnejn jew aktar persuni jkollhom drittijiet li jeżerċitaw permezz ta’ firma ta’ wieħed jew aktar minn dawk il-persuni;

7. "awtoritajiet kompetenti" għandha tfisser l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 93/22/KEE; dawk l-awtoritajiet jistgħu, jekk xieraq, ikunu dawk definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/30/KEE tas-6 t’April 1992 dwar is-superviżjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq bażi ikkonsolidata [9].

L-Artikolu 2

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar skemi ta’ kumpens lejn l-investitur jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti. Ħlief fiċ-ċirkostanzi maħsuba fit-tieni subparagrafu u fl-Artikolu 5(3), l-ebda ditta ta’ l-investiment awtorizzata f’dak l-Istat Membru ma tista’ twettaq negozju ta’ l-investiment sakemm hi ma tkunx tappartjeni għal skema bħal dik.

Stat Membru jista, madankollu, jeżenta lill-istituzzjoni ta’ kreditu, li dwarha din id-Direttiva hija applikabbli, mill-obbligazzjoni li tkun tappartjeni għal skema ta’ kumpens lejn l-investitur meta dik l-istituzzjoni ta’ kreditu diġà tkun eżentata permezz ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/19/KE mill-obligazzjonijiet li tappartjeni għal skema ta’ garanzija ta’ depożitu, basta li dik il-protezzjoni u l-informazzjoni mogħtija lejn id-depożitaturi tkun ukoll mogħtija lill-investituri fuq l-istess termini u investituri b’hekk igawdu l-istess protezzjoni mill-anqas ekwivalenti għal dik mogħtija minn skemi ta’ kumpens lejn l-investitur.

Xi Stat Membru li jutiliżża minn din l-għażla għandu jinform lill-Kummissjoni kif jeħtieġ; għandu partikolarment, jiżvela l-karatteristiċi tas-sistemi protettivi f’dak il-każ u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu koperti bihom għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, kif ukoll ta’ xi tibdil sussegwenti għall-informazzjoni fornuta. Il-Kummissjoni għanda tinforma lill-Kunsill dwar dan.

2. Skema għandha tipprovdi koperta għall-investituri bi qbil ma’ l-Artikolu 4 meta jew:

- l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li fl-opinjoni tagħhom li ditta ta’ investiment tkun tidher, għal dak iż-żmien, għal raġunijiet direttament irrelatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji, li ma tkunx tista’ tlaħħaq ma’ l-obligazzjonijiet tagħha li joriġinaw mill-pretensjonijiet ta’ l-investituri u li ma jkolliex prospett fil-qrib li tkun tista’ tagħmel dan,

jew

- awtorità ġudizjarja tkun ħarġet digriet, għal raġunijiet direttament relatati maċ-ċirkustanzi finanzjarji tad-ditta ta’ l-investiment, li jkollu l-effet li jissospendi l-abbiltà ta’ l-investituri li jkunu jistgħu jagħmlul talbiet kontra tagħha,

liema minnhom tkun l-aktar kmieni.

Koperta għandha tkun ipprovduta għal talbiet li joriġinaw min-nuqqas tad-ditta ta’ l-investiment li tkun tista:

- tħallas lura flejjes dovuti minnha jew li jappartienu lill-investituri u miżmuma f’isimhom b’konnessjoni man-negozju ta’ l-investiment,

jew

- treġġa lura lill-investuri xi strumenti li jappartienu lilhom u miżmuma, amministrati jew immaneġjati f’isimhom b’konnessjoni man-negozju ta’ l-investiment,

bi qbil mal-kondizzjonijiet legali u kontrattwali kif applikabbli.

3. Xi talba permezz tal-paragrafu 2 fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu li, f’dak l-Istat Membru partikolari, tkun suġġetta kemm għal din id-Direttiva kif ukoll għad-Direttiva 94/19/KE għandha tkun indirizzata minn dak l-Istat Membru lejn skema permezz ta’ waħda jew oħra minn dawk id-Direttivi bħal ma dak l-Istat Membru jħoss li jkun xieraq. L-ebda talba m’għandha tkun eliġibli għal kumpens għal aktar minn darba skond dawk id-Direttivi.

4. L-ammont tat-talba ta’ l-investitur għandha tkun ikkalkolata bi qbil mal-kundizzjonijiet legali u kontrattwali, partikolarment dawk li jikkonċernaw ir-rikumpens jew il-kontro-talbiet, li huma applikabbli għal assessjar, fid-data tad-determinazzjoni jew tad-digriet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, ta’ l-ammont tal-flus jew tal-valur, iddeterminati meta jkun possibbli b’referenza lejn il-valur tas-suq, ta’ l-istrumenti li jappartienu lill-investitur li d-ditta ta’ investiment ma tkunx tista’ tħallas lura jew traġġa lura.

L-Artikolu 3

Talbiet li joriġinaw minn transazzjonijiet li b’konnessjoni magħhom kien hemm konvizzjoni kriminali għal ħasil ta’ flus kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop ta’ ħasil ta’ flus [10], għandhom ikunu esklużi minn xi kumpens permezz ta’ skemi ta’ kumpens għall-investitur.

L-Artikolu 4.

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-iskemi jipprovdu koperta ta’ mhux anqas minn ECU 20000 għal kull investitur fir-rigward ta’ talbiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(2).

Sal-31 ta’ Diċembru 1999 l-Istati Membri li fihom, meta din id-Direttiva tkun addottata, il-koperta tkun ta’ anqas minn ECU 20000, jistgħu iżommu dik il-koperta aktar baxxa, basta li din ma tkunx ta’ anqas minn ECU 15000. Dik l-għażla għandha wkoll tkun disponibbli għall-Istati Membri li dwarhom id-dispożizzjonijiet transizzjonali tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19/KE ikunu applikabbli.

2. Stat Membru jista’ jipprovdi li ċerti investituri jkunu esklużi mill-koperta minn skemi jew li jingħataw koperta aktar baxxa. Dawk l-esklużjonijiet għandhom ikunu kif elenkati fl-Anness I.

3. Dan l-Artikolu m’għandux jipprekludi iż-żamma jew l-addottazzjoni tad-dispożizzjonijiet li joffru koperta għola u aktar komprensiva għall-investituri.

4. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-koperta li hemm dispożizzjoni dwarha fil-paragrafu 1 jew dik li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 3 għal persentaġġ speċifikat ta’ talba minn investitur. Il-persentaġġ kopert għandu, madankollu, jkun egwali għal jew jeċċedi 90 % tat-talba sakemm l-ammont li għandu jkun imħallas permezz ta’ l-iskema ma jkunx anqas minn ECU 20000.

L-Artikolu 5

1. Jekk ditta ta’ l-investiment li tkun meħtieġa bl-Artikolu 2(1) li tappartjeni għal skema ma tissodisfax l-obligazzjonijiet mitfuha fuqha bħala membru ta’ dik l-iskema, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu innotifikati u, b’kooperazzjoni ma’ l-iskema ta’ kumpens, għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, inklużi l-imposizzjoni ta’ penalitajiet, biex jassiguraw li d-ditta ta’ l-investiment tilħaq l-obligazzjonijiet tagħha.

2. Jekk dawk il-miżuri jonqsu milli jassiguraw konformità minn naħa tad-ditta ta’ l-investiment, l-iskema tista’, meta l-liġi nazzjonali tippermetti l-esklużjoni ta’ membru, bil-kunsens espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti, tagħti mhux anqas minn 12-il xhar avviż ta’ l-intenzjoni tagħha li teskludi d-ditta ta’ l-investiment mis-sħubija ta’ l-iskema. L-iskema għandha tibqa tipprovdi koperta permezz tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(2) fir-rigward tan-negozju ta’l-investiment imwettaq matul dak il-perijodu. Jekk, meta jiskadi l-perijodu ta’ l-avviż, id-ditta ta’ l-investiment ma tkunx konformi ma l-obligazzjonijiet tagħha, l-iskema ta’ kumpens tista’, għal darba oħra takwista l-kunsens espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li jeskluduha.

3. Meta l-liġi nazzjonali tippermetti, u bil-kunsens espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jkunu harġu l-awtorizzazzjoni tagħhom, ditta ta’ l-investiment eskluża minn skema ta’ kumpens għal investitur tista’ tibqa’ li tipprovdi s-servizzi ta’ l-investiment jekk, qabel ma tkun eskluża, hi tkun għamlet arranġamenti alternattivi li jassiguraw li investituri jgawdu livell li jkun mill-anqas ekwivalenti bħal dak offrut mill-iskema uffiċjalment magħrufa u li jkollu l-karatteristiċi ekwivalenti għal dawk ta’ dik l-iskema.

4. Jekk ditta ta’ l-investiment li l-esklużjoni tagħha tkun proponuta permezz tal-paragrafu 2 ma tkunx tista’ tagħmel arranġamenti alternattivi li jkunu konformi mal-kundizzjonijiet imposti fil-paragrafu 3, allura l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni tagħhom, għandhom jirrevokawha minnufih.

L-Artikolu 6

Wara t-tneħħija ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ ditta ta’ l-investiment, koperta permezz tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(2) għandha tibqa’ tkun ipprovduta fir-rigward tan-negozju ta’ investiment imwettaq saż-żmien ta’ dik it-tneħħija.

L-Artikolu 7

1. Skemi ta’ kumpens lejn l-investitur introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti fi Stat Membru bi qbil ma l-Artikolu 2(1) għandha tkopri lill-investituri fil-friegħi stabbiliti mid-ditti ta’ l-investiment fi Stati Membri oħra.

Sal-31 ta’ Diċembru 1999 la l-livell u l-anqas l-iskop, inkluż il-persentaġġ, tal-koperta ipprovduta m’għandha teċċedi l-livell massimu jew l-iskop tal-koperta offruta mill-iskema ta’ kumpens korrespondenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti. Qabel dik id-data, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar il-bażi ta’ l-esperjenza akwistata fl-applikar ta’ dan is-subparagrafu u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 94/19/KE li hemm referenza għaliha hawn fuq u għandha tikkonsidra l-ħtieġa li tibqa b’dawk id-dispożizzjonijiet. Jekk xieraq, il-Kummissjoni tista’ tissottometti proposta għal Direttiva lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill, bil-għan ta’ l-estenzjoni tal-validità tagħhom.

Meta l-livell jew l-iskop, inkluż il-persentaġġ, tal-koperta offruta mill-Istat Membru ospitanti, skema ta’ kumpens lejn l-investitur li teċċedi l-livell jew l-iskop ta’ koperta ipprovduta mill-Istat Membru li fih id-ditta ta’ investiment tkun awtorizzata, l-Istat Membru ospitanti għandu jassigura li jkun hemm skema uffiċjalment rikonoxxuta fit-territorju tiegħu li fiha fergħa tista’ volontarjament tissieħeb sabiex tissuplementa l-kopertura li l-investituri tagħha diġà jkunu jgawdu bis-saħħa tas-sħubija ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ta’ l-iskema.

Jekk il-fergħa tissieħeb fi skema bħal dik, din l-iskema għandha tkun dik li tkopri il-kategorija ta’ l-istituzzjoni li lilha il-fergħa tkun tappartjeni jew li l-aktar mill-qrib tkun tikkorrespondi fl-Istat Membru ospitanti.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kondizzjonijiet objettivi u ġeneralment applikabbli jkunu stabbiliti li jirrigwardjaw is-sħubija ta’ friegħi fl-iskemi kollha ta’ kumpens lejn l-investitur. Id-dħul għandu jkun ikkondizjonat bit-twettieq mill-fergħa ta’ l-obligazzjonijiet relevanti tas-sħubija, inklużi partikolarment il-pagament ta’ xi kontribuzzjonijiet u miżati oħra. L-Istati Membri għandhom jimxu mal-prinċipji ta’ gwida stabbiliti fl-Anness II fl-implementazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

2. Jekk fergħa li tkun eżerċitat l-għażla ta’ sħubija volontarja permezz tal-paragrafu 1 ma tkunx tilħaq l-obligazzjonijiet tagħha bħala membru fi skema ta’ kumpens lejn l-investitur, l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu innotifikati u, b’kooperazzjoni ma’ l-iskema ta’ kumpens, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li l-fergħa tilħaq l-obligazzjonijiet imsemmija qabel.

Jekk dawn il-miżuri jonqsu milli jassiguraw il-konformità tal-fergħa ma’ l-obligazzjonijiet li hemm referenza għalihom f’dan l-Artikolu, wara perijodu xieraq ta’ avviż ta’ mhux anqas minn 12-il xhar, l-iskema ta’ kumpens tista, bil-kunsens ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħarġu l-awtorizzazzjoni, li jeskludu l-fergħa. Negozju ta’ l-investiment imwettaq qabel id-data ta’ l-esklużjoni għandu jibqa’ jkun kopert wara dik id-data bl-iskema ta’ kumpens li dwarha il-fergħa kienet membru voluntarju. L-investituri għandhom ikunu infurmati bit-tneħħija tal-kopertura supplementari u bid-data li fiha din ikollha effett.

L-Artikolu 8

1. Il-kopertura li hemm dispożizzjoni dwarha fl-Artikolu 4(1), (3) u (4) għandha tkun applikabbli għal talbiet aggregati mill-investitur dwar l-istess ditta ta’ l-investiment permezz ta’ din id-Direttiva irrispettivament min-numru ta’ kontijiet, il-munita u l-lokalità fil-Komunità.

L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jipprovdu li fondi f’munita apparti minn dawk ta’ l-Istati Membri u ta’ l-ecu, jkunu esklużi mill-kopertura jew li jkunu suġġetti għal kopertura aktar baxxa. Din l-għażla m’għandiex tkun applikabbli għal strumenti.

2. Is-sehem ta’ kull investitur fin-negozju konġunt ta’ l-investiment għandu jkun meqjus fil-kalkolu tal-kopertura li hemm dispożizzjoni dwarha fl-Artikolu 4(1), (3) u (4).

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċjali, talbiet għandhom ikunu maqsuma ugwalment fost l-investituri.

L-Istati Membri jistghu jipprovdu li talbiet f’negozju konġunt ta’ l-investiment li għalih tnejn jew aktar persuni jkunu intitolati bħala membri ta’ sħubija ta’ negozju, assoċjazzjoni jew gruppi ta’ natura simili, mingħajr l-ebda personalità legali, jistgħu, għall-iskop li jkunu ikkalkolati l-limiti li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-Artikolu 4(1), (3) u (4), jkunu aggregati u ttrattati bħall kieku joriġinaw minn investiment magħmul minn investitur wieħed.

3. Meta l-investitur ma jkunx assolutament intitolat għal somom jew titoli miżmuma, il-persuna li tkun assolutament intitolata li tirċievi il-kumpens, basta li dik il-persuna kienet jew tista’ tkun identifikata qabel id-data tad-determinazzjoni jew id-digriet li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2(2).

Jekk tnejn jew aktar persuni jkunu assolutament intitolati, is-seħem ta’ kull wieħed permezz ta’ l-arranġamenti li suġġett għalihom is-somom huma amministrati għandhom ikunu meqjusa meta l-limiti li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-Artikolu 4(1), (3) u (4) ikunu ikkalkolati.

Din id-dispożizzjoni m’għandiex tkun applikabbli għall-intrapriżi ta’ l-investiment kollettiv.

L-Artikolu 9

1. L-iskema ta’ kumpens għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tinforma lill-investituri tad-determinazzjoni jew tad-digriet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(2) u, jekk dawn għandhom ikunu ikkumpensati, li tikkumpenshom malajr kemm jista’ jkun possibbli. Din tista’ tistabbilixxi perijodu li fih l-investituri jkunu meħtieġa li jissottomettu l-pretensjonijiet tagħhom. Dak il-perijodu ma jistax ikun anqas minn ħames xhur mid-data tad-determinazzjoni jew tad-digriet imsemmija hawn fuq jew mid-data li fiha id-determinazzjoni jew id-digriet ikun sar pubbliku.

Il-fatt li dak il-perijodu jkun skada ma jistax, madankollu, ikun invokat mill-iskema sabiex iċċaħħad kopertura lill-investitur li ma jkunx seta jinsisti fil-waqt dwar id-dritt tiegħu ta’ kumpens.

2. L-iskema għandha tkun f’qagħda li tħallas it-talba ta’ l-investitur malajr kemm jista’ jkun possibbli u mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta tkun ġiet stabbilita l-eliġibilità u l-ammont tat-talba.

F’ċirkostanzi kompletament eċċezzjonali u f’każi speċjali skema ta’ kumpens tista’ tagħmel applikazzjoni lejn l-awtoritajiet kompetenti għal estenzjoni tal-limitu taż-żmien. L-ebda estenzjoni bħal din ma tista’ teċċedi tliet xhur.

3. Independentament mill-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, meta depożitatur jew xi persuna intitolata lejn jew interessata fin-negozju ta’ l-investiment tkun ġiet akkużata b’offiża li toriġina minn jew b’relazzjoni mal-money laundering kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/308/KEE, l-iskema ta’ kumpens tista’ tissospendi l-pagament sakemm ikun hemm verdett mill-qorti.

L-Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-ditta ta’ l-investiment tagħmel disponibbli lejn l-investituri attwali u lejn dawk li jkollhom l-intenzjoni li jinvestu, l-informazzjoni meħtieġa għal identifikazzjoni ta’ l-iskema ta’ kumpens lejn l-investitur li tagħha d-ditta ta’ l-investiment jew il-friegħi tagħha fil-Komunità huma membri, jew f’xi arranġament alternattiv li hemm dispożizzjoni dwaru fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) jew l-Artikolu 5(3). L-investituri għandhom ikunu nfurmati bid-dispożizzjonijiet ta’ l-iskema ta’ kumpens lejn l-investitur jew b’xi arranġament alternattiv applikabbli, inkluż l-ammont u l-iskop tal kopertura offruta mill-iskema ta’ kumpens u xi regoli stabbiliti mill-Istat Membru bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(3). Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli f’manjera faċli u komprensibbli.

Informazzjoni għandha wkoll tingħata fuq talba rigward il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kumpens u l-formalitajiet li għandhom ikunu mwettqa biex ikun akwistat il-kumpens.

2. L-informazzjoni li hemm dispożizzjoni dwarha fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli fil-manjiera preskritta mil-liġi nazzjonali fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fih il-fergħa tkun stabbilita.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jillimitaw l-użu fir-reklamar ta’ l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 sabiex ma jħallux li dan l-użu jaffetwa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew tal-fiduċja ta’ l-investitur. Partikolarment, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu dak ir-reklamar għal referenza fattwali lejn l-iskema li magħha ditta ta’ l-investiment tkun tappartieni.

L-Artikolu 11

1. Kull Stat Membru għandu jivverifika jekk friegħi stabbiliti minn ditta ta’ l-investiment li l-uffiċċju ewlieni tagħha jkun il-barra mill-Komunità jkollhomx kopertura ekwivalenti għal dik preskritta f’din id-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ din il-kopertura, Stat Membru jista’, suġġett għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/22/KEE, jistipula li l-friegħi stabbiliti minn ditta ta’ l-investiment li l-uffiċċju ewlieni tagħha jkun il-barra mill-Komunità, għandha tissieħeb fi skemi ta’ kumpens għall-investitur li jkunu operabbli fit-territorju tiegħu.

2. Investituri attwali jew li jkollhom l-intenzjoni li jinvestu fi friegħi stabbiliti bħala ditta ta’ l-investiment li l-uffiċċju ewlieni tagħha jkun il-barra mill-Komunità għandhom ikunu ipprovduti minn dik id-ditta ta’ investiment bl-informazzjoni kollha relevanti li tikkonċerna l-arranġamenti ta’ kumpens li jkopru dawk l-investimenti.

3. L-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2 għandha tkun disponibbli bil-manjiera preskritta mill-liġi nazzjonali u fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li fih il-fergħa tkun stabbilita u għandha tkun abbozzata f’għamla ċara u komprensibbli.

L-Artikolu 12

Mingħajr preġudizzju għal xi drittijiet oħra li huma jista’ jkollhom permezz tal-liġi nazzjonali, skemi li jagħmlu l-pagamenti permezz ta’ kumpens lejn l-investitur għandhom ikollhom id-dritt ta’ subrogazzjoni lejn id-drittijiet ta’ l-investituri fi proċedimenti ta’ likwidazzjoni għal ammonti ekwivalenti tal-pagamenti tagħhom.

L-Artikolu 13

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-drittijiet ta’ l-investituri għal kumpens jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni mill-investitur kontra l-iskema ta’ kumpens.

L-Artikolu 14

Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, flimkien, fejn xieraq, ma’ proposti għar-reviżjoni tagħha.

L-Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu b’effett il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Settembru 1998. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenzi bħal dik fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li jagħmlu referenzi bħal dawk għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 16

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 93/22/KEE għandu jkun imħassar b’effett mid-data li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 15(1).

L-Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol b’effett fil-jum tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Marzu 1997.

Għall Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

M. De Boer

[1] ĠU C 321, tas-27.11.1993, p. 15 u ĠU C 382, tal-31.12.1994, p. 27.

[2] ĠU C 127, tas-7.5.1994, p. 1.

[3] L-Opinjoni mogħtija fit-28 ta’ Lulju 1995.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’April 1994(ĠU C 128, tad-9.5.1994, p. 85), Il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 1995 (ĠU C 320, tat-30.11.1995, p. 9) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 1996 (ĠU C 96, ta’ l-1.4.1996, p. 28). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 1997 u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 1997 (ĠU C 85, tas-17.3.1997).

[5] ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27.

[6] ĠU L 135, tal-31.5.1994, p. 5.

[7] L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1977 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u s-segwiment tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 322, tas-17.12.1977, p. 30). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/646/KEE (ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 1).

[8] It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE tal-15 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u s-segwiment tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li temenda d-Direttiva 77/780/KEE (ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/30/KEE (ĠU L 110, tat-28.4.1992, p. 52).

[9] ĠU L 110, tat-28.4.1992, p. 52.

[10] ĠU L 166, tat-28.6.1991, p. 77.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

LISTA TA' ESKLUŻJONIJIET LI HEMM REFERENZA GĦALIHA FL-ARTIKOLU 4(2)

1. L-investituri professjonali u istituzzjonali, inklużi:

- ditti ta' l-investiment kif definiti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/22/KEE,

- l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE,

- l-istituzzjonijiet finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 89/646/KEE,

- l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni,

- l-intrapriżi ta' l-investiment kollettiv,

- il-fondi tal-pensjoni u ta' l-irtirar.

L-investituri professjonali u istituzzjonali l-oħra.

2. L-istituzzjonijiet supra-nazzjonali, awtoritajiet tal-gvern u awtoritajiet ċentrali amministrattivi.

3. L-awtoritajiet provinċjali, reġjonali, lokali u muniċipali.

4. Id-Diretturi, l-amministraturi u l-membri li huma personalment responsabbli għal ditti ta' l-investiment, persuni li jkollhom 5 % jew aktar tal-kapital ta' dawk id-ditti ta' l-investiment, persuni responsabbli għat-twettieq ta' l-awditjar statutorju tad-dokumenti tal-kontijiet ta' ditti ta' l-investiment u l-investituri bi status simili f'ditti oħta fl-istess grupp bħal dik id-ditta.

5. Qraba fil-qrib u partijiet terzi li jaġixxu f'isem l-investituri li hemm referenza għalihom fil-punt 4.

6. Ditti oħra fl-istess grupp.

7. L-investituri li għandhom ir-responsabbiltà għal jew li jkunu ħadu vantaġġ minn ċerti fatti li jirrigwardjaw ditta ta' l-investiment li tkun ħolqot il-bidu tad-diffikultajiet finanzjarji tad-ditta jew li tkun ikkontribwiet għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

8. Il-kumpaniji li huma ta' ċertu daqs hekk li ma jkollhomx permess li jħejju balance sheet imqassra bis-saħħa ta' l-Artikolu 11 tar-Raba Direttiva tal-Kunsill (78/660/KEE) tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji [1].

[1] ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, p. 11. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/8/KE(ĠU L 82, tal-25.3.1994, p. 33).

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IL-PRINĊIPJI TA' GWIDA

(li hemm referenza għalihom fil-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1))

Meta fergħa tapplika biex tissieħeb ġewwa Stat Membru ospitanti fi skema għal kopertura supplementari, l-iskema ta' l-Istat Membru ospitanti għandha fuq bażi bilaterali stabbilita ma' l-iskema ta' l-Istat Membru tal-lokalità, tistabbilixxi regoli xierqa u proċeduri għal pagament ta' kumpens lejn id-depożitaturi ta' dik il-fergħa. Dawn il-prinċipji li ġejjin għandhom ikunu applikabbli kemm għat-tħejjija ta' dawk il-proċeduri u fit-tħejjija tal-qafas tal-kundizzjonijiet tas-sħubija applikabbli lejn dik il-fergħa (bħal ma' hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(1)):

(a) l-iskema ta' l-Istat Membru ospitanti għandha żżomm id-drittijiet kollha sabiex timponi l-objettivi tagħha u r-regoli applikati lejn ditti ta' l-investiment parteċipanti; għandha tkun tista' teħtieg il-provvediment ta' l-informazzjoni relevanti u li jkollha d-dritt li tivverifika dik l-informazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tal-lokalità;

(b) l-iskema ta' l-Istat Membru ospitanti għandha tissodisfa l-pretensjonijiet għal kumpens supplimentari wara li tkun ġiet infurmata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti tad-determinazzjoni jew tad-digriet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(2). L-iskema ta' l-Istat Membru ospitanti għandha żżomm id-drittijiet kollha sabiex tivverifika l-intitolar ta' l-investitur skond in-normi u l-proċeduri tagħha qabel ma jitħallas il-kumpens supplementari;

(ċ) l-skemi ta' l-Istat Membru ospitanti u ta' l-Istat Membru tal-lokalità għandhom jikkooperaw bis-sħiħ ma' xulxin sabiex jassiguraw li d-depożitaturi jirċievu kumpens mingħajr dewmien fl-ammonti korretti. Partikolarment, huma għandhom jifthiemu dwar l-eżistenza ta' kontro-talbiet li jistgħu jagħtu bidu għal xi rikumpens permezz ta' waħda mill-iskemi li jaffettwaw il-kumpens imħallas lill-investituri b'kull skema;

(d) l-iskemi ta' Stat Membru ospitanti għandhom ikunu intitolati li jimponu ħlasijiet fuq friegħi għal kopertura supplementari fuq bażi xierqa billi jittieħed akkont tal-kopertura li tkun ingħatat fondi mill-iskema ta' l-Istat Membru tal-lokalità. Biex tiffaċilita l-imponiment ta' ħlasijiet, l-iskema ta' l-Istat Membru ospitanti għandha tkun intitolata li tassumi li r-responsabbiltajiet tagħha fiċ-ċirkostanzi kollha għandhom ikunu llimitata għall-eċċess tal-kopertura li hi tkun offriet fuq il-kopertura offruta mill-Istat Membru tal-lokalità independentament minn jekk l-Istat Membru tal-lokalità attwalment iħallasx xi kumpens fir-rigward ta' talbiet minn investituri fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti.

--------------------------------------------------