31997L0007



Official Journal L 144 , 04/06/1997 P. 0019 - 0027


Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-20 ta' Mejju 1997

dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3] [4] fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fis-27 ta' Novembru 1996,

(1) Billi, in konnessjoni mal-kisba tal-miri tas-suq intern, għandhom jittieħdu miżuri għall-konsolidazzjoni gradwali ta' dak is-suq;

(2) Billi l-moviment ħieles ta' oġġetti u servizzi jaffettwa mhux biss is-settur tal-kummerċ iżda wkoll lill-individwi privati; billi jfisser li l-konsumaturi għandhom ikollhom aċċess għall-oġġetti u servizzi fi Stat Membru ieħor bl-istess termini li għandu l-poplu ta' dak l-Istat;

(3) Billi, għall-konsumaturi, il-bejgħ bejn il-fruntieri jista' jkun wieħed mill-aktar riżultati tanġibbli tat-tkomplija tas-suq intern, kif ġie innotat, inter alia, fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill bit-titolu "Lejn suq wieħed fid-distribuzzjoni"; billi hu essenzjali li l-ħidma mingħajr xkiel tas-suq intern għall-konsumaturi li jkunu jistgħu jinnegozjaw ma' negozju barra t-territorju tagħhom, anke jekk għandu sussidjarju fil-pajjiż fejn jirrisjedi l-konsumatur;

(4) Billi l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda qiegħda żżid in-numru ta' modi li bihom il-konsumaturi jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar offerti kullimkien fil-Komunità u biex jagħmlu l-ordnijiet; billi xi Stati Membri diġà ħadu miżuri differenti sabiex jipproteġu l-konsumaturi fir-rigward ta' bejgħ mill-bogħod, li għandu effett detrimentali fuq il-kompetizzjoni bejn in-negozji fis-suq intern; billi huwa meħtieġ għal dan il-għan li jiġi introdott fil-livell tal-Komunità sett minimu ta' regoli komuni f'dan il-qasam;

(5) Billi l-paragrafi 18 u 19 ta' l-Anness għar-resoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' April 1975 dwar programm preliminari tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal politika ta' protezzjoni u informazzjoni tal-konsumatur [5] jenfasizzaw il-ħtieġa li x-xerrejja ta' oġġetti jew servizzi jkunu protetti minn talbiet għall-ħlas għal oġġetti li ma ntalbux u minn metodi ta' bejgħ b'ħafna pressjoni;

(6) Billi l-paragrafu 33 tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill bit-titolu "Impetu ġdid għall-politika tal-protezzjoni tal-konsumatur", li kien approvat mir-resoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 1986 [6], jistqarr li l-Kummissjoni għandha tissottometti proposti li jirrigwadjaw l-użu ta' teknoloġiji ta' l-informatika ġodda li jippermettu lill-konsumaturi li jagħmlu l-ordnijiet ma' fornituri minn djarhom;

(7) Billi r-resoluzzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Novembru 1989 dwar prijoritajiet futuri sabiex terġa' tiġi varata l-politika tal-protezzjoni tal-konsumatur [7] issejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tagħti prijorità lill-oqsma li saret referenza għalihom fl-Anness għal dik ir-resoluzzjoni; billi dak l-Anness jirreferi għal teknoloġijiet ġodda li jinvolvu t-teleshopping; billi l-Kummissjoni rrispondiet għal dik ir-resoluzzjoni billi adottat pjan ta' azzjoni fuq tliet snin għall-politika tal-protezzjoni tal-konsumatur fil-Komunità Ekonomika Ewropea (1990-1992); billi dak il-pjan jipprovdi għall-adozzjoni ta' Direttiva;

(8) Billi l-lingwi użati għall-kuntratti mill-bogħod huma materja li tikkonċerna lill-Istati Membri;

(9) Billi l-kuntratti nnegozjati minn distanza jinvolvu l-użu ta' mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod jew aktar; billi d-diversi mezzi ta' komunikazzjoni jintużaw bħala parti minn bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta' proviżjoni ta' servizz li ma jinvolvux il-preżenza simultanja tal-fornitur u l-konsumatur; billi l-iżvilupp kontinwu ta' dawk il-mezzi ta' komunikazzjoni ma jippermettux li ssir lista li ma tkunx eżawrita iżda teħtieġ li jkunu ddefiniti l-prinċipji li huma validi anke għal dawk li għalissa m'humiex qegħdin jintużaw ħafna;

(10) Billi l-istess transazzjoni magħmula minn operazzjonijiet suċċessivi jew serje ta' operazzjonijiet separati fuq perjodu ta' żmien jistgħu jqajmu deskrizzjonijiet legali differenti skond il-liġi ta' l-Istati Membri; billi d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttivi ma jistgħux ikunu applikati b'mod differenti skond il-liġi ta' l-Istati Membri, suġġett għar-rikors lejn l-Artikolu 14; billi, għal dak il-għan, hemm raġuni għala għandu jkun ikkunsidrat li jkun hemm ta' l-inqas konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fil-ħin li ssir l-ewwel operazzjoni mil-lista ta' operazzjonijiet suċċessivi jew l-ewwel programm minn serje ta' operazzjonijiet separati fuq pejodu ta' żmien li jista' jkun ikkunsidrat li fforma wieħed sħiħ; sew jekk dik l-operazzjoni jew serje ta' operazzjonijiet huma s-suġġett ta' kuntratt wieħed jew kuntratti suċċessivi, separati;

(11) Billi l-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni għal distanzi twal m'għandux iwassal għal tnaqqis fl-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur; billi l-informazzjoni li hija meħtieġa li tintbagħat lill-konsumatur għad għandha tkun iddeterminata, ikun x'ikun il-mezz ta' komunikazzjoni użat; billi l-informazzjoni fornuta għandha tikkonforma wkoll mar-regoli relevanti tal-Komunità, b'mod partikolari dawk fid-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta' l-10 ta' Settembru 1984 rrelatata ma' l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw riklamar qarrieqi [8]; billi jekk isiru eċċezzjonijiet għall-obbligi li tkun ipprovduta l-informazzjoni, hija f'idejn il-konsumatur, fuq bażi diskrezzjonali, sabiex jitolbu ċerta informazzjoni bażika bħal ma huma l-identità tal-bejjiegħ, il-karatteristiċi ewlenin ta' l-oġġetti u s-servizzi u l-prezz tagħhom;

(12) Billi fil-każ ta' komunikazzjoni permezz tat-telefon, huwa xieraq li l-konsumatur jirċievi biżżejjed informazzjoni fil-bidu tal-konversazzjoni sabiex ikun jista' jiddeċiedi jekk ikomplix jew le;

(13) Billi l-informazzjoni mxerrda b'ċerti teknoloġiji elettroniċi ħafna drabi għandha natura effimera jekk ma tkunx riċevuta b'medium permanenti; billi l-konsumatur għandu b'hekk jirċievi avviż bil-miktub f'waqtu dwar l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-kuntratt isir sew;

(14) Billi l-konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt; billi għandha ssir dispożizzjoni kemm-il darba mhux speċifikat b'mod ieħor f'din id-Direttiva, għal dritt ta' irtirar mill-kuntratt; billi, jekk dan id-dritt għandu jkun aktar minn formali, l-ispejjeż, jekk hemm, li jitħallsu mill-konsumatur meta jeserċita d-dritt ta' rtirar għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż diretti involuti sabiex jirritorna l-oġġetti; billi dan id-dritt ta' rtirar għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-konsumatur skond il-liġijiet nazzjonali, b'rigward partikolari għar-riċevuta ta' prodotti u servizzi bil-ħsara jew ta' prodotti u servizzi li ma jaqblux mad-deskrizzjoni mogħtija fl-offerta ta' dawn il-prodotti u servizzi; billi jitħalla għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta' rtirar;

(15) Billi huwa xieraq ukoll li jkun preskritt limitu ta' żmien li fih għandu jsir il-kuntratt jekk dan m'huwiex speċifikat meta ssir l-ordni;

(16) Billi t-teknika promozzjonali li tinvolvi d-despatch ta' prodott jew il-provvista ta' servizz lill-konsumatur bi ħlas mingħajr talba minn qabel minn, jew bil-ftehim espliċitu ta', il-konsumatur ma jistax jiġi permess, kemm-il darba ma jkunx involut prodott jew servizz sostitut;

(17) Billi l-prinċipji msemmija fl-Artikoli 8 u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali ta' l-4 ta' Novembru 1950 japplikaw; billi d-dritt tal-konsumatur għall-privatezza, b'mod partikolari rigward il-libertà minn ċerti mezzi ta' komunikazzjoni li jindaħlu b'mod partikolari, għandhom ikunu magħrufa; billi għal dan il-għan għandhom ikunu stipulati limiti dwar l-użu ta' dawn il-mezzi; billi l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu effettivament lil dawk il-konsumaturi, li ma jixtiqux li jkunu kkuntattjati tarmite ċerti mezzi ta' komunikazzjoni, kontra dawn il-kuntatti, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji partikolari disponibbli għall-Konsumatur skond il-leġislazzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni ta' data personali u privatezza;

(18) Billi huwa importanti li r-regoli minimi ta' l-irbit li jinsabu f'din id-Direttiva jkunu ssupplimentati fejn xieraq b'arranġamenti voluntarji fost in-negozjanti kkonċernati, in konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 92/295/KEE tas-7 ta' April 1992 dwar il-kodiċi ta' prattika għall-protezzjoni tal-konsumaturi rigward ta' kuntratti nnegozjati mill-bogħod [9];

(19) Billi fl-interess ta' protezzjoni ottima għall-konsumatur huwa importanti li l-konsumaturi jkunu infurmati b'mod sodisfaċenti dwar id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u dwar il-kodiċijiet ta' prattika li jistgħu jeżistu f'dan il-qasam;

(20) Billi nuqqas ta' konformità ma' din id-Direttiva tista' tagħmel il-ħsara mhux biss lill-konsumaturi iżda wkoll lill-kompetituri; billi għal dan il-għan jistgħu jsiru dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-korpi pubbliċi jew lir-rappreżentanti tagħhom, jew organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandhom interess leġittimu li jieħdu azzjoni, sabiex josservaw l-applikazzjoni tiegħu;

(21) Billi huwa importanti, bl-iskop li konsumatur jiġi protett, li tkun indirizzata l-kwistjoni ta' ilmenti bejn il-fruntieri malli din tkun viabbli; billi l-Kummissjoni ppubblikat fl-14 ta' Frar 1996 pjan ta' azzjoni dwar l-aċċess tal-konsumatur għall-ġustizzja u l-arranġamenti ta' argumenti tal-konsumaturi fis-suq intern; billi dak il-pjan ta' azzjoni jinkludi inizjattivi speċifiċi sabiex ikunu promossi proċeduri barra mill-qorti; billi ġew issuġġeriti kriterji oġġettivi sabiex tkun żgurata l-kredibbiltà ta' dawk il-proċeduri u ssir dispożizzjoni għall-użu ta' formoli ta' talbiet standardizzati (L-Anness III);

(22) Billi fl-użu ta' teknoloġiji ġodda l-konsumatur m'għandux kontroll fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni użata; billi huwa meħtieġ għalhekk li jkun ipprovdut li l-piż tal-prova għandu jaqa' fuq il-fornitur;

(23) Billi hemm riskju li, f'ċerti każi, il-konsumatur jista' jkun imċaħħad mill-protezzjoni skond din id-Direttiva tramite dispożizzjoni tal-liġi ta' pajjiż li m'huwiex membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt; billi għal dan il-għan għandhom ikunu inklużi dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva sabiex jevitaw dak ir-riskju;

(24) Billi Stat Membru jista' jipprojbixxi, fl-interess ġenerali, in-negozju fit-territorju tiegħu ta' ċerti oġġetti u servizzi tramite kuntratti mill-bogħod; billi dik il-projbizzjoni għandha tikkonforma mar-regoli tal-Komunità; billi diġà hemm dispożizzjoni għal dawn il-projbizzjonijiet, notevolment in rigward ta' prodotti mediċinali, fid-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet imsemmija mil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jikkonċernaw l-insegwiment ta' attivitajiet tax-xandir tat-televiżjoni [10] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/28/KEE tal-31 ta' Marzu 1992 dwar ir-riklamar ta' prodotti mediċinali għall-użu uman [11],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Oġġettiv

L-oġġettiv ta' din id-Direttiva hu li jkunu approssimati l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kuntratti mill-bogħod bejn il-konsumaturi u l-fornituri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(1) "kuntratt mill-bogħod" ifisser kull kuntratt li jikkonċerna oġġetti jew servizzi konklużi bejn fornitur u konsumatur fi skema ta' bejgħ mill-bogħod organizzat jew proviżjoni ta' servizzi magħmul mill-fornitur, li, għall-għanijiet tal-kuntratt, jagħmel użu esklussiv ta' mezz wieħed jew aktar ta' komunikazzjoni mill-bogħod sal-ħin li l-kontratt ikun konkluż;

(2) "konsumatur" ifisser kull persuna naturali li, f'kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qiegħed jaġixxi għall-għanijiet li m'humiex parti mis-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu;

(3) "fornitur" ifisser kull persuna naturali jew legali li, f'kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qiegħed jaġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tiegħu;

(4) "mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod" ifisser kull mezz li, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-fornitur u l-konsumatur, jista' jintuża għall-konklużjoni ta' kuntratt bejn dawk il-partijiet.

Lista indikattiva tal-mezzi koperti minn din id-Direttiva tinsab fl-Anness I;

(5) "operatur ta' mezz ta' komunikazzjoni" jfisser kull persuna pubblika jew privata naturali jew legali li s-sengħa, negozju jew professjoni tagħha tinvolvi l-għemil ta' mezz wieħed jew aktar ta' komunikazzjoni mill-bogħod disponibbli għall-fornituri.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet

1. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal kuntratti:

- relatati ma' servizzi finanzjarji, lista li mhijiex eżawrjenti hija mogħtija fl-Anness II,

- konklużi permezz ta' makni tal-bejgħ awtomatiċi jew bini kummerċjali awtomatizzati,

- konklużi ma' operaturi tat-telekomunikazzjonijiet tramite l-użu ta' telefonijiet pubbliċi bil-ħlas,

- konklużi għall-kostruzzjoni u bejgħ ta' proprjetà immobbli jew li jirrelataw ma' drittijiet oħra ta' proprjetà immobbli, ħlief għall-kiri,

- konklużi f' bejgħ bl-irkant.

2. L-Artikoli 4, 5, 6 u 7 (1) m'għandhomx japplikaw:

- għal kuntratti għall-forniment ta' affarijiet ta' l-ikel, xorb jew oġġetti oħra maħsuba għall-konsum ta' kuljum fornuti sad-dar tal-konsumatur, sar-residenza jew sal-post tax-xogħol tiegħu minn roundsmen regolari,

- għal kuntratti għall-provvista ta' akkomodazzjoni, ta' trasport, ta' servizzi ta' forniment ta' l-ikel jew divertiment, fejn il-fornitur jobbliga, meta l-kuntratt ikun konkluż, li jipprovdi dawn is-servizzi f'data speċifika jew fi żmien perjodu speċifiku; eċċezzjonalment, fil-każ ta' okkażjonijiet ta' divertiment li jsiru fuq barra, il-fornitur jista' jirriserva d-dritt li ma japplikax l-Artikolu 7(2) f'ċirkustanzi speċifiċi.

Artikolu 4

Informazzjoni minn qabel

1. Il-konsumatur għandu jkun ipprovdut fi żmien adekwat qabel il-konklużjoni ta' kull kuntratt mill-bogħod, bl-informazzjoni li ġejja:

(a) l-identità tal-fornitur, u fil-każ ta' kuntratti li jeħtieġu ħlas minn qabel, l-indirizz tiegħu;

(b) il-karatteristiċi ewlenin ta' l-oġġetti jew servizzi;

(ċ) il-prezz ta' l-oġġetti jew servizzi li jinkludi t-taxxi kollha;

(d) spejjeż ta' kunsinna, fejn xieraq;

(e) l-arranġament għall-ħlas, kunsinna jew performance;

(f) l-eżistenza ta' dritt ta' irtirar, ħlief fil-każijiet li saret referenza għalihom fl-Artikolu 6(3);

(g) l-ispiża għall-użu tal-mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod, fejn hu kkalkulat altru mir-rata bażika;

(h) il-perjodu li fih l-offerta jew il-prezz jibqa' validu;

(i) fejn xieraq, id-dewmien minimu ta' kuntratt fil-każ ta' kuntratti għall-forniment ta' prodotti jew servizzi li għandu jsir b'mod permanenti jew b'mod rikorrenti.

2. L-informazzjoni li saret referenza għaliha fil-paragrafu 1, l-għan kummerċjali tagħha għandha tkun ċara, għandha tkun ipprovduta b'mod ċar u li jinftiehem f'kull mod xieraq għall-mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod użata, b'rigward xieraq, b'mod partikolari, għall-prinċipji ta' buona fede fi transazzjonijiet kummerċjali, u l-prinċipji li jiggvernaw il-protezzjoni ta' dawk li ma jistgħux, skond il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri, li jagħtu l-kunsens tagħhom, per eżempju l-minorenni.

3. Barra minn hekk, fil-każ ta' komunikazzjoni bit-telefon, l-identità tal-fornitur u l-għan kummerċjali tas-sejħa għandha tkun ċara espliċitament fil-bidu ta' kull konversazzjoni mal-konsumatur.

Artikolu 5

Konferma ta' l-informazzjoni bil-miktub

1. Il-konsumatur għandu jirċievi konferma bil-miktub jew konferma f'medium ieħor li jservi li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih ta' l-informazzjoni li saret referenza għaliha fl-Artikolu 4(1)(a) sa (f), f'ħin f'waqtu waqt l-esekuzzjoni tal-kuntratt, u l-aktar tard fil-ħin tal-kunsinna fejn huma kkonċernati l-oġġetti li m'humiex ser jiġu kkunsinnati lil terzi partijiet, kemm-il darba l-informazzjoni diġà ngħatat lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt bil-mikub jew fuq medium ieħor li jservi li jkun disponibbli u aċċessibbli għalih.

F'kull eventwalità għandu jkun ipprovdut dan li ġej:

- informazzjoni bil-miktub dwar il-kondizzjonijiet u proċeduri għall-eserċizzju tad-dritt ta' irtirar, fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 6, li jinkludu l-każijiet li saret referenza għalihom fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6(3),

- l-indirizz ġeografiku tal-post tal-kummerċ tal-fornitur li fih il-konsumatur jista' jibgħat xi ilmenti,

- informazzjoni dwar servizzi li jingħataw wara l-bejgħ u garanziji li jeżistu,

- il-konklużjoni biex jiġi kkanċellat il-kuntratt, fejn ikun ta' dewmien li m'huwiex speċifikat jew dewmien ta' aktar minn sena.

2. Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għas-servizzi li jsiru tramite l-użu ta' mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod, fejn huma fornuti f'okkażjoni waħda biss u l-kont jintbagħat mill-operatur tal-mezz ta' komunikazzjoni.

Madankollu, il-konsumatur għandu fil-każijiet kollha jkun jista' jikseb l-indirizz ġeografiku tal-post tal-kummerċ tal-fornitur li fih jista' jibgħat xi ilmenti.

Artikolu 6

Dritt ta' irtirar

1. Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta' mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista' jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni.

L-unika kont li jista' jingħata lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta' irtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati.

Il-perjodu għall-eżerċizzju ta' dan id-dritt għandu jibda:

- fil-każ ta' oġġetti, mill-ġurnata li l-konsumatur jirċiviehom fejn l-obbligi stabbilit fl-Artikolu 5 ikunu intlaħqu,

- fil-każ ta' servizzi, mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt jew mill-jum li fihom jintlaħqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5 jekk intlaħqu wara l-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm dan il-perjodu ma jaqbiżx il-perjodu ta' tliet xhur li saret referenza għalih fis-subparagrafu li ġej.

Jekk il-fornitur naqas li jonora l-obbligi imposti fl-Artikolu 5, il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

Il-perjodu għandu jibda:

- fil-każ ta' oġġetti, mill-jum li fih il-konsumatur jirċievihom,

- fil-każ ta' servizzi, mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt.

Jekk l-informazzjoni li saret referenza għaliha fl-Artikolu 5 hija fornuta waqt dan il-perjodu ta' tliet xhur, il-perjodu ta' sebat ijiem tax-xogħol li sar referenza għalih fl-ewwel subparagrafu għandu jibda minn dak il-ħin.

2. Fejn id-dirtt ta' irtirar ġie eserċitat mill-konsumatur skond dan l-Artikolu, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas.

L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta' l-oġġetti.

Dan ir-rimborż għandu jsir kemm jista’ jkun malajr u f'kull każ fi żmien 30 jum.

3. Kemm-il darba l-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, il-konsumatur ma jistax jerżerċita d-dritt ta' rtirar li hemm ipprovdut għalih fil-paragrafu 1 dwar kuntratti:

- għall-provvista ta' servizzi jekk tkun bdiet l-esekuzzjoni tagħhom, bil-ftehim tal-konsumatur, qabel it-tmiem tal-perjodu tas-sebat ijiem tax-xogħol li sar referenza għalih fil-paragrafu 1,

- għall-forniment ta' oġġetti jew servizzi li l-prezz tagħhom jiddependi fuq tibdil fis-suq finanzjarju li ma jistax ikun ikkontrollat mill-fornitur,

- għall-forniment ta' oġġetti magħmulin skond l-ispeċifikazzjonijiet li jkun ta l-konsumatur jew ikunu kjarament personalizzati jew li, minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux jingħataw lura jew li jistgħu jiddeterjoraw jew jiskadu malajr ħafna,

- għall-forniment ta' audio jew video recordings jew software tal-kompjuter li tneħħilhom is-siġill mill-konsumatur,

- għall-forniment ta' gazzetti, perjodiċi u magazins,

- għal servizzi ta' logħob u lotteriji.

4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li:

- jekk il-prezz ta' l-oġġetti jew servizzi huwa kopert parzjalment jew kollu bi kreditu mogħti mill-fornitur, jew

- jekk il-prezz huwa kollu jew parzjalment kopert minn kreditu mogħti lill-konsumatur minn terza persuna abbażi ta' ftehim bejn it-terza persuna u l-fornitur,

il-ftehim ta' kreditu għandu jitħassar, mingħajr ebda penali, jekk il-konsumatur jeserċita d-dritt tiegħu li jirtira mill-kuntratt skond il-paragrafu 1.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli ddettaljati għat-tħassir tal-ftehim dwar il-kreditu.

Artikolu 7

Eżekuzzjoni

1. Kemm-il darba l-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, il-fornitur għandu jeżegwixxi l-ordni fi żmien massimu ta' 30 ġurnata mill-jum li jiġi wara dak li fih il-konsumatur ikun bagħat l-ordni tiegħu lill-fornitur.

2. Fejn fornitur jonqos milli jeżekwixxi n-naħa tiegħu tal-kuntratt għal raġunijiet li l-oġġetti jew is-servizzi ordnati m'humiex disponibbli, il-konsumatur għandu jkun informat dwar din is-sitwazzjoni u għandu jkun jista' jikseb rimborż ta' kull ammont li jkun ħallas kemm jista' jkun malajr u fi kwalinkwe każ fi żmien 30 jum.

3. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jisħqu li l-fornitur jista’ jipprovdi lill-konsumatur b'oġġetti jew servizzi ta' kwalità u prezz ekwivalenti sakemm din il-possibbiltà kienet ipprovduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt jew fil-kuntratt.

Il-konsumatur għandu jkun mgħarraf dwar din il-possibbiltà f'manjiera ċara u li tinftiehem.

L-ispiża tar-ritorn ta' l-oġġetti wara l-eżerċitu tad-dritt ta' irtirar għandha, f'dan il-każ titħallas mill-fornitur, u l-konsumatur għandu jkun mgħarraf dwar dan.

F'dawn il-każijiet il-forniment ta' oġġetti jew servizzi ma jistax jinftiehem li jikkostitwixxu bejgħ b'inerzja skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9.

Artikolu 8

Ħlas bil-card

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu miżuri xierqa sabiex jippermettu lil konsumatur:

- jitlob li jitħassar pagament fejn il-card tiegħu tkun intużat b'mod qarrieqi in konnessjoni ma' kuntratti mill-bogħod koperti minn din id-Direttiva,

- fl-eventwalità ta' użu qarrieqi, li jerġa' jiġi akkreditat bl-ammonti mħallsa jew li jingħatawlu lura.

Artikolu 9

Inertia selling

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex:

- jipprojbixxu l-forniment ta' oġġetti jew servizzi lil konsumatur mingħajr ma jkunu ġew ordnati mill-konsumatur minn qabel, fejn dan il-forniment jinvolvi talba għall-ħlas,

- jeżentaw lill-konsumatur mid-dispożizzjoni ta' kull konsiderazzjoni f'każijiet ta' forniment li jsir meta ma jkunx mitlub, in-nuqqas ta' risposta ma jikkostitwixxix kunsens.

Artikolu 10

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod

1. L-użu tal-mezzi li ġejjin mill-fornitur jeħtieġu l-kunsens minn qabel tal-konsumatur:

- sistema ta' sejħa awtomatika mingħajr l-intervenzjoni umana (makna li ssejjaħ b'mod awtomatiku),

- facsimile machine (fax).

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod, altru minn dawk li saret referenza għalihom fil-paragrafu 1, li jippermettu komunikazzjonijiet individwali jistgħu jintużaw biss fejn m'hemm l-ebda oġġezzjoni ċara mill-konsumatur.

Artikolu 11

Rikors ġudizzjarju jew amministrattiv

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adekwati u effettivi sabiex jiżguraw konformità ma' din id-Direttiva fl-interessi tal-konsumaturi.

2. Il-mezzi li saret referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li bihom korp wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin, kif stabbilit mil-liġi nazzjonali, jista'/jistgħu jieħu/jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jiġu applikati:

(a) korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b) organizzazzjonijiet tal-konsumatur li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tal-konsumaturi;

(ċ) organizzazzjonijiet professjonali li għandhom interess leġittimu li jaġixxu.

3. (a) L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-piż ta' prova li jikkonċerna l-eżistenza ta' informazzjoni minn qabel, konferma bil-miktub, konformità mal-limiti taż-żmien jew kunsens tal-konsumatur jista' jitqiegħed fuq il-fornitur.

(b) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-fornituri u operaturi tal-mezzi ta' komunikazzjoni, fejn jistgħu jagħmlu dan, jieqfu mill-prattiċi li ma jikkonformawx mal-miżuri adottati skond din id-Direttiva.

4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal sorveljanza volontarja minn korpi li jirregolaw lilhom infushom għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u r-rikors lil dawn il-korpi għall-ftehim ta' argumenti għandhom jiżdiedu mal-mezzi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 12

Natura kontraenti

1. Il-konsumatur ma jistax jirrinunzja d-drittijiet mogħtija lilu mit-trasposizzjoni ta' din id-Direttiva f'liġi nazzjonali.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva minħabba l-għażla tal-liġi ta' pajjiż li m'huwiex membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta' l-aħħar għandu konnessjonijiet mat-territorju ta' Stat Membru jew aktar.

Artikolu 13

Regoli tal-Komunità

1. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu safejn m'hemmx dispożizzjonijiet partikolari fir-regoli tal-liġi tal-Komunità li tirregola ċerti kuntratti mill-bogħod fit-totalità tagħhom.

2. Billi regoli speċifiċi tal-Komunità fihom disposizzjonjijiet li jirregolaw ċerti aspetti biss ta' forniment ta' oġġetti jew proviżjoni ta' servizzi, dawk id-dispożizzjonijiet, aktar milli d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi tal-kuntratti mill-bogħod.

Artikolu 14

Klawsola minima

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumatur. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta' kuntratti mill-bogħod, b'kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat.

Artikolu 15

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn tliet snin wara li tidħol fis-seħħ.

Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni immedjatament.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri li saret referenza għalihom fil-paragrafu 1, dawn għandhom ikollhom fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza mera jiġu ppublikati uffiċjalment.

Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

4. Mhux aktar tard minn erba' snin wara li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, akkumpanjat minn proposta għar-reviżjoni tagħha jekk xieraq.

Artikolu 16

Informazzjoni għall-konsumatur

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jinfurmaw lill-konsumatur dwar il-liġi nazzjonali li tintroduċi din id-Direttiva u għandhom jinkoraġġixxu, fejn xieraq, lill-organizzazzjonijiet professjonali li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-kodiċijiet ta' prattika tagħhom.

Artikolu 17

Sistemi ta' lmenti

Il-Kummissjoni għandha tistudja l-vijabbiltà li tistabbilixxi mezz effettiv li tieħu ħsieb l-ilmenti tal-konsumaturi rigward bejgħ mill-bogħod.

Fi żmien sentejn wara li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati ta' l-istudji, akkumpanjati jekk xieraq bi proposti.

Artikolu 18

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ dak in-nhar li tkun ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Mejju 1997.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

J. Van Aartsen

[1] ĠU C 156, tat-23.6.1992, p. 14 uĠU C 308, tal-15.11.1993, p. 18.

[2] ĠU C 19, tal-25.1.1993, p. 111.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 1993 (ĠU C 176, tat-28.6.1993, p.95), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 1995 (ĠU C 288, tat-30.10.1995, p.1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 1995 (ĠU C 17, tat-22.1.1996, p. 51).

[4] Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 1997 u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Jannar 1997.

[5] ĠU C 92, tal-25.4.1975, p. 1.

[6] ĠU C 167, tal-5.7.1986, p. 1.

[7] ĠU C 294, tat-22.11.1989, p. 1.

[8] ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 19.

[9] ĠU L 156, ta' l-10.6.1992, p. 21.

[10] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23.

[11] ĠU L 113, tat-30.4.1992, p. 13.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Mezzi ta' komunikazzjoni koperti mill-Artikolu 2(4)

- Materja stampata mhix indirizzata

- Materja stampata indirizzata

- Ittra standard

- Riklamar fil-medja bil-formola ta' l-ordni

- Katalgu

- Telefon b'intervenzjoni umana

- Telefon mingħajr intervenzjoni umana (makna li ssejjaħ b'mod automatiku, awdjo-test)

- Radju

- Videophone (telefon bl-iskrin)

- Videotex (mikrokompjuter u skrin tat-televiżjoni) b'keyboard jew skrin li jaħdem billi jintmiss

- Electronic mail

- Facsimile machine (fax)

- Televiżjoni (teleshopping).

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Servizzi ffinanzjari fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 3(1)

- Servizzi ta' investiment

- Operazzjonijiet ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni

- Servizzi bankarji

- Operazzjonijiet relatati ma' negozji f'futuri jew għażliet.

Dawn is-servizzi jinkludu b'mod partikolari:

- servizzi ta' investiment li saret referenza għalihom fl-Anness għad-Direttiva 93/22/KEE [1]; servizzi ta' impriżi ta' investiment kollettiv,

- is-servizzi koperti mill-attivitajiet suġġett għal għarfien mutwali li saret referenza għalihom fl-Anness għad-Direttiva 89/646/KEE [2];

- operazzjonijiet koperti mill-attivitajiet ta' assigurazzjoni u riassikurazzjoni li saret referenza għalihom f

- l-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/239/KEE [3]

- l-Anness għad-Direttiva 79/267/KEE [4],

- Direttiva 64/225/KEE [5],

- Direttivi 92/49/KEE [6] u 92/96/KEE [7].

[1] ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27.

[2] ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 1. Direttiva emendata mid-Direttiva 92/30/KEE (ĠU L 110, tat-28.4.1992, p. 52).

[3] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3. Direttiva emendata l-aħħar bid-Direttiva 92/49/KEE (ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1).

[4] ĠU L 63, tat-13.3.1979, p. 1. Direttiva emendata l-aħħar bid-Direttiva 90/619/KEE (ĠU L 330, tad-29.11.1990, p. 50).

[5] ĠU C 56, ta' l-4.4.1964, p. 878/64. Direttiva emendata l-aħħar bl-Att ta' Aċċessjoni ta' l-1973.

[6] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1.

[7] ĠU L 360, tad-9.12.1992, p. 1.

--------------------------------------------------