31997D0292



Official Journal L 048 , 19/02/1997 P. 0013 - 0015


Id-Deċiżjoni Nru 292/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-19 ta’ Diċembru 1996

dwar iż-żamma tal-liġijiet nazzjonali li jipprojibixxu l-użu ta’ ċerti addittivi fil-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel speċifiċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 89/107/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-addittivi ma’ l-ikel għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 3a tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189 b tat-Trattat [4],

Billi r-regoli dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-addittivi m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri fl-1 ta’ Jannar 1992 li jipprojibixxu l-użu ta’ ċerti addittivi f’ċerti oġġetti speċifiċi ta’ l-ikel ikkunsidrati bħala tradizzjonali u prodotti fit-territorju tagħhom;

Billi l-lista ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel ikkunsidrati bħala tradizzjonali għandha titfassal fuq il-bażi tan-notifiki mibgħuta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Lulju 1994; billi, madanakollu, iridu jiġu kkunsidrati n-notifiki mibgħuta mill-Istati Membri ġodda wara din id-data;

Billi, madanakollu, l-iskop ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni mhux li tiddefenixxi l-karattru tradizzjonali ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; billi, b’mod partikolari, il-karattru tradizzjonali ma jiġix stabbilit sempliċiment bi projibizzjoni dwar l-użu ta’ l-addittivi f’dawn il-prodotti;

Billi, madanakollu, għandu jitqies kemm hija sinifikanti l-projibizzjoni legali fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992 dwar l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittivi fil-prattiċi ġenerali tal-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; billi għandhom jinżammu l-karatteristiċi partikolari ta’ ċerti metodi tal-produzzjoni; billi għandha titqies il-prattika ġusta fl-operazzjonijiet kummerċjali li jinvolvu dawn il-prodotti u ta’ l-interessi tal-konsumaturi qabel ma tista’ tingħata l-awtorizzazzjoni sabiex tinżamm il-projibizzjoni dwar l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittivi;

Billi d-denominazzjoni ta’ prodott bħala prodott tradizzjonali li għalih Stat Membru jista’ jżomm il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu trid tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 [5] u (KEE) Nru 2082/92 [6] dwar id-denominazzjoni ta’ l-oriġini u dwar iċ-ċertifikati tal-karattru speċifiku rispettivament;

Billi d-Direttiva 89/107/KEE u d-direttivi speċifiċi jawtorizzaw biss l-addittivi li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-bniedem; billi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika ma tistax għalhekk tkun kriterju li jiggarantixxi l-projibizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti addittivi f’ċerti oġġetti ta’ l-ikel speċifiċi kkunsidrati bħala tradizzjonali;

Billi, fil-prinċipju, il-projibizzjoni ta’ l-użu ta’ ċerti addittivi m’għandhiex twassal għad-diskriminazzjoni rigward l-addittivi l-oħra li jappartjienu għall-istess kategorija kif riferit fl-Anness I mad-Direttiva 89/107/KEE u għalhekk m’għandhiex taffettwa l-armonizzazzjoni Komunitarja;

Billi, fl-interess tat-trasparenza, għandhom jiġu identifikati l-projbizzjonijiet dwar l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittiv f’ċerti kategoriji ta’ oġġetti ta’ l-ikel li l-Istati Membri jistgħu jżommu b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/107/KEE u mid-Direttivi speċifiċi 94/35/KE [7], 94/36/KE [8] u 95/2/KE [9];

Billi l-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-moviment liberu ta’ merkanzija m’għandhomx jitqiegħdu f’perikolu jew mill-awtorizzazzjoni għaż-żamma tal-liġijiet nazzjonali jew għal kull regolament dwar it-tikkettjar sabiex jiddistingwu dawn il-prodotti minn oġġetti simili ta’ l-ikel; billi għalhekk iridu jinżammu l-moviment liberu u t-tqegħid fil-fabbrikazzjoni tas-suq fl-Istati Membri kollha ta’ oġġetti simili ta’ l-ikel ikkunsidrati bħala tradizzjonali jew mhux tradizzjonali, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/107/KEE u skond il-kondizzjonijiet speċifikati fih, l-Istati Membri elenkati fl-Anness huma hawnhekk awtorizzati li jżommu fil-leġislazzjoni tagħhom il-projbizzjoni dwar l-użu ta’ ċerti kategoriji ta’ addittivi fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel elenkati f’dan l-Anness.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 u (KEE) Nru 2082/92.

L-Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta’ Diċembru 1996.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

K. Hänsch

Għall-Kunsill

Il-President

S. Barrett

[1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 27. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 94/34/KE (ĠU L 237, ta’ l-10.9.1994, p. 1).

[2] ĠU C 134, ta’ l-1.6.1995, p. 20 u ĠU C 186, tas-26.6.1996, p. 7.

[3] ĠU C 301, tat-13.11.1995, p. 43

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fis-16 ta’ Jannar 1996 (ĠU C 32, tal-5.2.1996, p. 21.) pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 1996 (ĠU C 315, ta’ l-24.10.1996, p. 18.) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 1996 (ĠU C 347, tat-18.11.1996). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 1996.

[5] ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

[6] ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 9. Regolament kif emendat bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

[7] ĠU L 237, ta’ l-10.9.1994, p. 3.

[8] ĠU L 237, ta’ l-10.9.1994, p. 13.

[9] ĠU L 61, tat-18.3.1995, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-PRODOTTI LI GĦALIHOM L-ISTATI MEMBRI KKONĊERNATI JISTGĦU JŻOMMU L-PROJIBIZZJONI TA’ ĊERTI KATEGORIJI TA’ ADDITTIVI

L-Istat Membru | L-Oġġetti ta’ l-ikel | Il-Kategoriji ta’ l-addittivi li jistgħu jibqgħu jiġu ristretti |

Il-Ġermanja | Il-Birra tradizzjonali Ġermaniża ("Bier nach deutschem Reinheitsgebot gebraut") | Kollha għajr il-gassijiet propellanti |

Il-Greċja | Il-"Feta" | Kollha |

Franza | Il-Ħobż tradizzjonali Franċiż | Kollu |

Franza | It-Tartufi tradizzjonali Franċiżi ppriservati | Kollha |

Franza | Il-Bebbux tradizzjonali Franċiż ippriservat | Kollha |

Franza | Il-Priservijiet mill-wiżż u l-papri tradizzjonali Franċiżi ("confit") | Kollha |

L-Awstrija | Il-"Bergkäse" tradizzjonali Awstrijaka | Kollha għajr il-priservijiet |

Il-Finalndja | Il-"Mämmi" tradizzjonali Finlandiż | Kollu għajr il-priservijiet |

L-Isvezja Il-Finlandja | Il-Ġuleppi tal-frott tradizzjonali Svediżi u Finlandiżi | Il-Kuluri |

Id-Danimarka | Il-"Kødboller" tradizzjonali Daniż | Il-Priservijiet u l-kuluri |

Id-Danimarka | Il-"Leverpostej" tradizzjonali Daniż | Il-Priservijiet (ta’ xorta oħra mill-aċidu sorbiku) u l-kuluri |

Spanja | Il-"Lomo embuchado" tradizzjonali Spanjol | Kollu għajr il-priservijiet u l-antiossidanti |

L-Italja | Is-"Salame cacciatore" tradizzjonali Taljan | Kollu għajr il-priservijiet, l-antiossidanti, l-oġġetti li jtejbu t-togħma u l-gassijiet għall-ippakkjar |

L-Italja | Il-"Mortadella" tradizzjonali Taljana | Kollha għajr għall-priservijiet, l-antiossidanti, l-aġenti għall-aġġustament tal-pH, l-oġġetti li jtejbu t-togħma, l-istabilizzanti, u l-gass għall-ippakkjar |

L-Italja | Il-"Cotechino e zampone" tradizzjonali Taljan | Kollha għajr għall-priservijiet, l-antiossidanti, l-aġenti għall-aġġustament tal-pH, l-oġġetti li jtejbu t-togħma, l-istabilizzanti, u l-gass għall-ippakkjar |

--------------------------------------------------