31996L0047



Official Journal L 235 , 17/09/1996 P. 0001 - 0005


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/47/KE

tat-23 ta' Lulju 1996

li temenda d-Direttiva 91/439/KEE dwar il-liċenzi tas-sewqan

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxi b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar il-liċenzi tas-sewqan [4] tipprovdi li għandhom jiġu introdotti liċenzi nazzjonali tas-sewqan b'konformità mal-mudell tal-Komunità deskritt fl-Anness I tagħha;

Billi għandu jiġi introdott mudell alternattiv sabiex jittieħed kont tal-prattiċi eżistenti u sabiex jissodisfa x-xewqat ta' ċerti Stati Membri;

Billi, fil-kuntest tar- rikonoxximent reċiproku tal-liċenzi, jeħtieġ li tiġi żġurata l-kompatibilità u l-interoperabilità ta' liċenzi bħal dawn madwar il-Komunità kollha; billi, għal dan il-għan, għandha tiġi evitata l-introduzzjoni fuq bażi individwali tat-teknoloġija tal-kompjuter fil-mudell tal-liċenza tal-Komunità, filwaqt li minkejja dan, għandu jitħalla spazju fuqha għall-introduzzjoni possibbli aktar tard ta' xi microchip jew apparat simili tal-kompjuter;

Billi l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jkunu jistgħu idaħħlu, f'post partikolari, tagħrif mhux relatat ma' l-amministrazzjoni tal-liċenza tas-sewqan jew mas-sigurtà fuq it-triq bil-kondizzjoni li skrizzjonijiet bħal dawn huma soġġetti għall-ftehim speċifiku bil-miktub tad-detentur;

Billi, fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi tal-mudell tal-liċenza tas-sewqan tal-Komunità, din id-Direttiva tapplika l-"approċċ il-ġdid" lejn l-armonizzazzjoni teknika billi tistabbilixxi qafas ġenerali għall-karatteristiċi filwaqt li tħalli l-ħtiġiet dettaljati għal proċeduri ta' standardizzazzjoni industrijali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 91/439/KEE qiegħda b'hekk tiġi emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(3) għandhom jiġu emendati billi tiġi miżjuda "jew xi" wara "L-Anness I";

2. Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 2:

"4. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill f'dan ir-rigward, il-liċenzi mudell tas-sewqan speċifikati fl-Annessi I u Ia ma jistax ikun fihom xi apparat elettroniku kompjuterizzat."

3. Għandu jiġi miżjud l-Anness Ia kif definit fl-Anness ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

1. Wara li jikkonsultaw il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Lulju 1996. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Lulju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 21, tal-25.1.1996, p. 4 u ĠU C 54, tat-3.2.1996, p. 5.

[2] ĠU C 301, tat-13.11.1996, p. 22 u ĠU C 204, tal-15.7.1996, p. 20.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 1995 (ĠU C 323, ta' l-4.12.1995, p.109), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 1996 (ĠU C 120, ta' l-24.4.1996, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ġunju 1996 (ĠU C 181, ta' l-24.6.1996, p. 16).

[4] ĠU L 237, ta' l-24.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 94/72KE (ĠU L 337, ta' l-24.12.1994, p. 86).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS Ia

ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAL-LIĊENZA MUDELL TAS-SEWQAN TAL-KOMUNITÀ

(Alternattiva għall-mudell fl-Anness I)

1. Il-karatteristiċi fiżiċi tal-karta tal-liċenza mudell tas-sewqan tal-Komunità għandhom ikunu skond l-ISO 7810 u l-ISO 7816-1.

Il-metodi ta' ttestjar tal-karatteristiċi tal-liċenzi tas-sewqan bil-għan li tiġi kkonfermata l-konformità tagħhom ma' l-istandards internazzjonali għandhom ikunu skond l-ISO 10373.

2. Il-liċenza għandu jkollha żewġ naħat.

L-ewwel paġna għandu jkollha:

(a) il-kliem "Liċenza tas-Sewqan" stampati b'ittri kbar fil-lingwa jew lingwi ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenza;

(b) l-isem ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenza (mhux obbligatorju);

(ċ) il-marka distintiva ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenza, stampata fin-negattiv f'rettangolu ikħal u mdawwar b'ċirku ta' tnax-il stilla safra; il-marki distintivi għandhom ikunu kif ġej:

B : Il-Belġju

DK : Id-Danimarka

D : Il-Ġermanja

GR : Il-Greċja

E : Spanja

F : Franza

IRL : L-Irlanda

I : L-Italja

L : Il-Lussemburgu

NL : L-Olanda

A : L-Awstrija

P : Il-Portugall

FIN : Il-Finlandja

S : L-Iżvezja

RU : Ir-Renju Unit;

(d) informazzjoni speċifika dwar il-liċenza maħruġa, innumerata kif ġej:

1. il-kunjom tad-detentur;

2. l-isem(ismijiet) ieħor(oħra) tad-detentur;

3. id-data u l-post tat-twelid;

4. (a) id-data ta' ħruġ tal-liċenza;

(b) id-data ta' għeluq tal-liċenza, jew sing jekk il-liċenza hija valida indefinittivament;

(ċ) l-isem ta' l-awtorità li toħroġ il-liċenza (tista' tiġi stampata fuq paġna 2);

(d) numru differenti minn dak taħt l-intestatura 5, għal għanijiet amministrattivi (mhux obbligatorju);

5. in-numru tal-liċenza;

6. ir-ritratt tad-detentur;

7. il-firma tad-detentur;

8. il-post ta' residenza permanenti, jew indirizz postali (mhux obbligatorju);

9. (sotto)kategorija(kategoriji) ta' vettura(vetturi) li d-detentur huwa intitolat isuq (il-kategoriji nazzjonali għandhom jiġu stampati b'tipa differenti mill-kategoriji armonizzati);

(e) il-kliem "Mudell tal-Komunitajiet Ewropej" fil-lingwa(lingwi) ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenza u l-kliem "Liċenza tas-Sewqan" fil-lingwi l-oħra tal-Komunità, stampati bir-roża biex jiffurmaw l-isfond tal-liċenza:

Permiso de Conducción

Kørekort

Führerschein

Άδεια Οδήγηοης

Driving Licence

Ajokortti

Permis de conduire

Ceadúnas Tiomána

Patente di guida

Rijbewijs

Carta de Condução

Körkort;

(f) Referenzi tal-kulur:

ikħal : ikħal rifless ta' ħafna tonalitajiet,

isfar : isfar ta' ħafna tonalitajiet.

It-tieni paġna għandu jkollha:

(a) 9. (sotto)kategorija(kategoriji) ta' vettura(vetturi) li d-detentur huwa intitolat isuq (il-kategoriji nazzjonali għandhom jiġu stampati b'tipa differenti mill-kategoriji armonizzati);

10. id-data ta' l-ewwel ħruġ ta' kull (sotto)kategorija (din id-data għandha tiġi rripetuta fuq il-liċenza l-ġdida f'każ li tiġi sostitwita jew mibdula sussegwentement);

11. id-data ta' l-iskadenza ta' kull (sotto)kategorija;

12. tagħrif addizzjonali/restrizzjoni(jiet), f'forma ta' kodiċi, quddiem is-(sotto)kategorija affettwata.

Il-kodiċi għandhom ikunu kif ġej:

il-kodiċi 1-99 : kodiċi armonizzati tal-Komunità,

il-kodiċi 100 u aktar : kodiċi nazzjonali validi biss għas-sewqan fit-territorju ta' l-Istat Membru li ħareġ il-liċenza.

Fejn xi kodiċi japplika għas-(sotto)kategoriji kollha li għalihom tkun inħarġet il-liċenza, dan jista jiġi stampat taħt il-kolonni 9,10 u 11;

13. fl-implimentazzjoni tal- paragrafu 3(a) ta' dan l-Anness, l-ispazju riżervat għal xi skrizzjoni possibbli mill-Istat Membru ospitanti ta' tagħrif essenzjali għall-amministrazzjoni tal-liċenza;

14. spazju riżervat għal xi skrizzjoni possibbli mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenza ta' informazzjoni essenzjali għall-amministrazzjoni tal-liċenza jew relatata mas-sigurtà fuq it-triq (mhux obbligatorju). Jekk l-informazzjoni jkollha x'taqsam ma' xi wieħed mill-intestaturi definiti f'dan l-Anness, għandha tkun preċeduta min-numru ta' l-intestatura msemmija.

Bil-ftehim speċifiku bil-miktub tad-detentur, informazzjoni li ma tkunx relatata ma' l-amministrazzjoni tal-liċenza tas-sewqan jew mas-sigurtà fuq it-triq tista' tiġi miżjuda ukoll f'dan l-ispazju; żjieda bħal din ma għandhiex tibdel b'xi mod l-użu tal-mudell bħala liċenza tas-sewqan.

(b) spjegazzjoni tal-punti numerati li jidhru fuq il-paġni 1 u 2 tal-liċenza (ta' l-inqas il-punti 1,2,3,4 (a), 4(b), 4(ċ), 5, 10, 11 u 12).

Jekk xi Stat Membru jixtieq jagħmel id-daħliet f'xi lingwa nazzjonali għajr waħda mil-lingwi li ġejjin: Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola jew Svediża, dan għandu jifformola verżjoni tal-liċenza b'żewġ lingwi u juża waħda mil-lingwi msemmija hawn fuq, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Anness.

(ċ) għandu jiġi riżervat spazju fuq il-mudell tal-liċenza tal-Komunità li fih ikun jagħmilha possibbli li jiddaħħal xi microchip jew apparat simili tal-kompjuter.

3. Dispożizzjonijiet speċjali

(a) Fejn id-detentur ta' liċenza tas-sewqan maħruġa minn xi Stat Membru f'konformità ma' dan l-Anness ikollu r-residenza normali tiegħu f'xi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru jista' jdaħħal fil-liċenza informazzjoni li hija essenzjali għall-amministrazzjoni tagħha, sakemm idaħħal ukoll din it-tip ta' informazzjoni fil-liċenzi li joħroġ u sakemm jibqa' biżżejjed spazju għal dan il-għan.

(b) Wara li jikkonsultaw il-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jżidu kuluri jew marki, bħalma huma bar codes, simboli nazzjonali u elementi ta' sigurtà, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Anness.

Fil-kuntest tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzi, il-bar code ma jistax ikollha tagħrif ieħor għajr dak li jista' diġà jinqara fuq il-liċenza tas-sewqan jew li huwa essenzjali fil-proċess tal-ħruġ tal-liċenza.

LIĊENZA TAS-SEWQAN MUDELL TAL-KOMUNITÀ

+++++ TIFF +++++

Paġna 1

+++++ TIFF +++++

Paġna 2

KAMPJUN TAL-LIĊENZA TAS-SEWQAN MUDELL TAL-KOMUNITÀ

Liċenza Belġjana (bħala informazzjoni)

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

"

--------------------------------------------------