31996D0391



Official Journal L 161 , 29/06/1996 P. 0154 - 0155


Deċiżjoni tal-kunsill

tat-28 ta’ Marzu 1996

li tippreskrivi serje ta’ miżuri immirati għall-ħolqien ta’ kuntest iktar favorevoli għall-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej fis-settur ta’ l-enerġija

(96/391/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 129d tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [4],

Billi l-ħolqien ta’ kuntest iktar favorevoli għall-iżvilupp ta’ networks ta’ enerġija trans-Ewropej hija parti tal-linji wiesgħa ta’ miżuri fit-tifsira ta’ l-Artikolu 129ċ tat-Trattat u huwa provdut fid-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 1996 li jippreskrivi serje ta’ linji ta’ gwida fuq in-networks ta’ enerġija trans-Ewropej [5];

Billi, biex ikun ikkompletat is-suq intern fl-enerġija, għandhom ikunu inkorportati miżuri fi strateġija globali ta’ l-enerġija li ma’ tispeċifikax biss il-kriterji ewlenin u l-oġġettivi tal-Komunità f’dan il-qasam imma tiddefinixxi aktar partikolarment il-kondizzjonijiet għall-liberalizzazzjoni tas-suq fil-prodotti ta’ l-enerġija;

Billi t-twaqqif u l-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej fis-settur ta’ l-enerġija għandhom jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-provista ta’ l-enerġija u għalhekk jikkontribwixxu rata għola ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi akbar u tittejjeb il-kompettività ta’ l-ekonomijia Ewropea;

Billi l-ħolqien ta’ dak il-kuntest aktar favorevoli għandu jkun immirat l-aktar biex jipprovdi stimolu għall-kooperazzjoni teknika bejn l-entitajiet responsabbli għan-networks u għall-faċiltazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni applikati għall-proġetti ta’ network fl-Istati Membri biex jitnaqqas id-dewmien;

Billi, biex titħaffef ir-realizzazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni identifikati bid-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE, jeħtieġ li l-Komunità tkun provduta bil-possibbilità ta’ appoġġ ta’ l-isforzi finanzjarji magħmula favur dawn il-proġetti skond ir-Regolament tal-Kunsill li jippreskrivi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Komunità fil-qasam ta’ networks trans-Ewropej;

Billi l-istrumenti l-oħra finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-Komunità, bħal Fondi Strutturali, il-Fond Ewropew ta’ Investiment, appoġġ mill-Bank ta’ Investiment Ewropew u programmi favur pajjiżi terzi, jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni, f’xi kazijiet deċiżivi, għar-realizzazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni identifikati bid-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tidentifika l-azzjoni li għandha tittieħed biex jinħoloq kuntest aktar favorevoli għar-realizzazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni fir-rigward ta’ networks ta’ enerġija trans-Ewropej u għall-interoperabbilità ta’ dawn in-networks fuq skala mifruxa mal-Komunità kollha.

Artikolu 2

1. Biex ikun hemm kontribuzzjoni għall-kuntest aktar favorevoli għall-iżvilupp ta’ networks ta’ enerġija trans-Ewropej, il-Komunità tagħti l-akbar importanza għall-miżuri li ġejjin u għandha tħeġġiġhom kif meħtieġ:

- ir-realizzazzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni teknika bejn l-entitajiet responsabbli għan-networks trans-Ewropej involuti fil-funzjonament propju ta’ l-interkonnessjonijiet Ewropej msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE,

- kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta’ konsultazzjonijiet reċiproċi biex tkun faċilitata l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-proġetti fuq networks ta’ enerġija trans-Ewropej biex jitnaqqas id-dewmien.

2. Il-Kummissjoni għandha, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri konċernati, tieħu l-inizjattivi rilevanti għall-promozzjoni tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kuntest aktar favorevoli għall-iżvilupp ta’ networks ta’ enerġija trans-Ewropej, il-Komunità:

1 tista’ tipprovdi appoġġ finanzjarju bħala parti mill-azzjoni fuq in-networks ta’ l-enerġija trans Ewropej. Dawn il-miżuri għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill li jippreskrivi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Komunità fil-qasam tan-networks trans-Ewropej;

2 għandhom iqisu l-proġetti ta’ interess komuni identifikati fid-DEĊIŻJONI Nru 1254/96/KE fl-għoti ta’ għajnuna mill-Fondi tagħha, l-istrumenti u programmi finanzjarji applikabbli għal dawk in-networks, fit-termini tar-regoli u l-iskopijiet tagħhom stess.

Artikolu 4

Fl-implimentazzjoni ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 9(2) u (3) ta’ dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Kull sentejn il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fuq l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, li għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fit-28 ta’ Marzu 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Clo

[1] ĠU C 72, ta’ l-10.3.1994, p. 15.

[2] ĠU C 195, tat-18.7.1994, p. 33.

[3] ĠU C 217, tas-6.8.1994, p. 26.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 1995 (ĠU C 151, tad-19.6.1995, p. 232), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU C 216, tal-21.8.1995, p. 38) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 1995 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] Ara paġna 147 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------