31996D0191



Official Journal L 061 , 12/03/1996 P. 0031 - 0031


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-26 ta' Frar 1996

dwar il-konklużżjoni tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni ta' l-Alpi

(Konvenzjoni Alpina)

(96/191/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 130s (1) flimkien ma' l-Artikolu 228(2) u (3), l-ewwel sub-paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Kummissjoni kienet involuta, f'isem il-Komunità, fin-negozjati għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-Alpi (Konvenzjoni Alpina); billi dik il-Konvenzjoni kienet ġiet iffirmata f'isem il-Komunità fis-7 ta' Novembru 1991;

Billi l-konklużjoni tal-Konvenzjoni tifforma parti mill-involviment tal-Komunità fl-attivitajiet internazzjonali fuq il-protezzjoni tal-ambjent rakkommandat fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1992 għall-ħames Programm t'Azzjoni mill-Komunitajiet Ewropej dwar l-Ambjent;

Billi l-protezzjoni ta' l-Alpi hija sfida maġġuri għall-Istati Membri kollha minħabba l-problemi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi marbuta man-natura tal-qsim tal-fruntieri fl-erja ta' l-Alpi;

Billi il-Komunità għandha għalhekk tapprova din il-Konvenzjoni;

Billi, biex tippermetti d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni kemm jista' jkun malajr, huwa meħtieġ li l-Istati Membri li diġa` ffirmaw din il-Konvenzjoni għandhom jikkonkludu mill-aktar fis possibli r-ratifikazzjoni, l-aċċettazzjoni jew il-proċeduri għall-approvazzjoni tagħhom ta' din il-Konvenzjoni sabiex il-Komunità u dawk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifikazzjoni, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni tagħhom,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-Alpi (Konvenzjoni Alpina) hija hawnhekk approvata f'isem il-Komunitajiet Ewropej.

It-test ta' dil-Konvenzjoni huwa anness ma' din id- Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat illi jinnomina l-persuna(i) li jingħata(w) il-poter illi jiddepożita(w), f'isem il-Komunità, l-istrument ta' l-approvazzjoni mar-Repubblika ta' l-Awstrija skond l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Frar 1996.

F'Isem il-Kunsill

Il-President

W. Lucchetti

[1] ĠU C 278, tal-5.10.1994, p. 8.

[2] ĠU C 18, tat-23.1.1995, p. 426.

[3] ĠU C 110, tal-2.5.1995, p. 1.

--------------------------------------------------