31996D0103

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 1996 li temenda l-Kapitolu 14 ta' l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE li tippreskrivi l-ħtiġiet għas-saħħa ta' l-annimali u għas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunitá ta' prodotti mhux soġġetti għall-ħtiġiet imsemmija preskritti fir-regoli Komunitarji speċifiċi li hemm referenza dwarhom fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, rigward il-patoġeni, mad-Direttiva 90/425/KEETest b'relevanza ŻEE

Official Journal L 024 , 31/01/1996 P. 0028 - 0030
CS.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
ET.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
HU.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
LT.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
LV.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
MT.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
PL.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
SK.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425
SL.ES Chapter 3 Volume 18 P. 423 - 425


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-25 ta' Jannar 1996

li temenda l-Kapitolu 14 ta' l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE li tippreskrivi l-ħtiġiet għas-saħħa ta' l-annimali u għas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunitá ta' prodotti mhux soġġetti għall-ħtiġiet imsemmija preskritti fir-regoli Komunitarji speċifiċi li hemm referenza dwarhom fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, rigward il-patoġeni, mad-Direttiva 90/425/KEE

(Test b'relevanza ŻEE)

(96/103/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 92/118/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tippreskrivi l-ħtiġiet għas-saħħa ta' l-annimali u għas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunitá ta' prodotti mhux soġġetti għall-ħtiġijiet imsemmija stabbiliti fir-regoli Komunitarji speċifiċi li hemm referenza dwarhom fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, rigward il-patoġeni, mad-Direttiva 90/425/KEE [1], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 95/339/KE [2], u b'mod partikolari t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 15 tagħha,

Billi l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet preskritti rriżultat f'diffikultajiet fil-kummerċ u l-importazzjoni tad-demel, partikolarment għar-raba' f'żoni tal-fruntiera; billi fid-dawl ta' l-esperjenza l-ħtiġiet li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni tad-demel għandhom għalhekk jiġu emendati;

Billi l-kummerċ fi u l-importazzjoni ta' demel mhux ipproċessat jista' jnissel il-mard fl-annimali; billi l-kummerċ fi u l-importazzjoni ta' demel ta' ċerti speċi ta' l-annimali għandu għalhekk jiġi pprojbit;

Billi permezz tal-kondizzjonijiet speċifiċi ħafna, b'dana kollu, il-kummerċ f'ċerti tipi ta' demel għandu jiġi awtorizzat; billi dan il-kummerċ għandu jiġi effettwat bis-sorveljanza ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri;

Billi fl-interess taċ-ċarezza l-Kapitolu 14 ta' l-Anness I tad-Direttiva 92/118/KEE għandu jiġi miktub mill-ġdid;

Billi l-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu 14 ta' l-Anness I mad-Direttiva 92/118/KEE huwa hawnhekk mibdul fit-test ta' l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-2 ta' Frar 1996.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 25 Jannar 1996.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 62, tal-15. 3. 1993, pġ. 49.

[2] ĠU L 200, ta’ l-24. 8. 1995, pġ. 36.

--------------------------------------------------

ANNESS

"KAPITOLU 14

Id-Demel

Għall-iskopijiet ta' dan il-Kapitolu, demel ifisser kwalunkwe ħmieġ u/jew urina ta' annimali bid-difer maqsum fi tnejn, tar-razza taż-żwiemel u/jew tjur, bi jew mingħajr żibel, u guano.

I. Id-Demel mhux ipproċessat

A. Il-kummerċ fid-demel mhux ipproċessat

1. (a) Il-kummerċ fid-demel mhux ipproċessat ta' l-ispeċi kollha għajr it-tjur jew tar-razza taż-żwiemel huwa pprojbit, apparti milli għad-demel:

- minn żona li m'hijiex soġġetta għal restrizzjonijiet minħabba xi marda serja li tittieħed, u

- intiż għat-tifrix, taħt is-sorveljanza ta' l-awroritajiet kompetenti, fuq art li tifforma parti minn biċċa raba' waħda li tinsab fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera bejn żewġ Stati Membri;

(b) B'dana kollu, b'deroga għal (a), Stat Membru jista' jagħti l-approvazzjoni speċifika għall-introduzzjoni fit-territorju tiegħu:

- ta' demel intiż għall-ipproċessar ġo stabbiliment approvat speċifikament mill-awtoritajiet kompetenti għal dik ir-raġuni bil-ħsieb li jiġu mmanifatturati l-prodotti li hemm referenza dwarhom fi II hawn taħt. Fl-approvazzjoni ta' dawn l-istabbilimenti, l-oriġini tad-demel għandu jiġi meqjus, jew

- ta' demel intiż għat-tifrix fuq xi raba'. Dan it-tip ta' kummerċ jista' jsir biss bil-kunsens ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kemm ta' l-oriġini kif ukoll tad-destinazzjoni. Meta jingħata l-kunsens, għandhom jiġu meqjusa b'mod partikolari l-oriġini tad-demel, id-destinazzjoni tiegħu u s-saħħa ta' l-annimali u konsiderazzjonijiet ta' salvagward.

F'dawn il-każi id-demel għandu jiġi akkumpanjat b'ċertifikat tas-saħħa li huwa konformi mal-mudell stipulat fil-proċedura li tinsab fl-Artikolu 18.

2. Il-kummerċ fid-demel mhux ipproċessat tat-tjur huwa suġġett għall-kondizzjonijiet segwenti:

(a) id-demel għandu joriġina minn żona li m'hijiex soġġetta għal restrizzjonijiet minħabba l-marda ta' Newcastle jew ta' l-influwenza ta' l-għasafar;

(b) b'żieda, id-demel mhux ipproċessat tal-merħliet tat-tjur li huma mlaqqma kontra l-marda ta' Newcastle m'għandhomx jintbagħtu f'xi reġjun li kiseb l-istatus ta' mingħajr tilqim kontra l-marda Newcastle bi qbil ma' l-Artikolu 12 (2) tad-Direttiva 90/539/KEE;

(ċ) id-demel għandu jiġi akkumpanjat b'ċertifikat tas-saħħa li huwa konformi mal-mudell stipulat fil-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 18.

3. Il-kummerċ fid-demel mhux ipproċessat taż-żwiemel ma jkunx soġġett għall-ebda kondizzjonijiet għas-saħħa ta' l-annimali.

B. L-importazzjoni tad-demel mhux ipproċessat

L-importazzjoni tad-demel mhux ipproċessat huwa soġġett għall-kondizzjonijiet segwenti:

1) id-demel għandu jissoddisfa, skond l-ispeċi kkonċernata, il-ħtiġiet permezz ta' A (1) (a) imsemmija fuq;

2) id-demel għandu jiġi akkumpanjat b'ċertifikat kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 10.

II. Id-demel ipproċessat u l-prodotti pproċessati mid-demel

Il-fertilizzanti organiċi kollha jridu jkunu trattati biex ikun assigurat li l-prodott ikun ħieles mill-patoġeni.

A. Il-kummerċ fid-demel ipproċessat u fil-prodotti pproċessati mid-demel huma soġġetti għall-kondizzjonijiet segwenti:

1) għandhom joriġinaw minn stabbiliment li huwa approvat mill-awtoritajiet kompetenti;

2) għandhom:

- ikunu ħielsa mis-salmonella (m'hemmx salmonella f'25 g ta' prodott ittrattat),

- ikunu ħielsa minn enterobacteriaceae (ibbażat fuq l-għadd aerobiku tal-batterji: < 1000 cfu għal kull gramma tal-prodott trattat,

- ikunu soġġetti għal riduzzjoni fil-batterji li jiffurmaw l-ispori u l-formazzjoni tas-sustanzi velenużi (tossiċi);

3) għandhom ikunu maħżuna b'tali mod li, meta jiġu pproċessati, ikun impossibbli li jiġu kkontaminati jew li jkun hemm xi infezzjoni sekondarja jew umdità.

Għandhom għalhekk ikunu maħżuna fi:

- fosos li jkunu ssiġillati sew u li jkunu insulati, jew

- pakketti li jkunu ssiġillati kif suppost (boroż tal-plastik jew 'boroż kbar').

B. L-importazzjoni tad-demel ipproċessat u tal-prodotti tad-demel ipproċessat hija soġġetta għall-kondizzjonijiet segwenti:

1) għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet permezz ta' A t'hawn fuq;

2) għandom jiġu akkumpanjati b'ċertifikat kif hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 10.

III. Guano

Il-kummerċ fi u l-importazzjoni tal-'guano' ma humiex soġġetti għal ebda kondizzjonijiet dwar is-saħħa ta' l-annimali."

--------------------------------------------------