31994R1164



Official Journal L 130 , 25/05/1994 P. 0001 - 0013
Finnish special edition: Chapter 14 Volume 1 P. 0189
Swedish special edition: Chapter 14 Volume 1 P. 0189


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94

tas-16 ta' Mejju 1994

li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' Artikolu 130d tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, [1]

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew, [2]

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, [3]

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, [4]

Billi Artikolu 2 tat-Trattat jinkludi l-kompitu għall-promozzjoni tal-koeżjoni u s-solidarjetà ekonomika u soċjali fost l-Istati Membri bħala l-għanijiet essenzjali għall-iżvilupp u s-suċċess tal-Komunità; billi t-tisħiħ ta' din il-koeżjoni huwa msemmi fil-punt (j) ta' Artikolu 3 tat-Trattat bħala wieħed mill-attivitajiet tal-Komunità għall-iskopijiet stabbiliti f'Artikolu 2 tat-Trattat;

Billi Artikolu 130a tat-Trattat jipprovdi biex il-Komunità tiżviluppa u twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha, u jipprovdi b’ mod partikolari li jimmira biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni, u r-ritard tar-reġjuni l-inqas favoriti; billi l-azzjoni Komunitarja permezz tal-Fond ta' Koeżjoni għandha tappoġġa li jintlaħqu l-miri stabbiliti f'Artikolu 130a;

Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej f'Lisbona fis-26 u fis-27 ta' Ġunju, 1992, u f'Edinburgu fil-11 u fit-12 ta' Diċembru, 1992, li jikkonċernaw l-istabbiliment tal-Fond ta' Koeżjoni, stabbilew il-prinċipji li jirregolawh;

Billi l-promozzjoni ta'koeżjoni ekonomika u soċjali teħtieg azzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni, barra minn dik meħuda permezz tal-Fondi Strutturali, il-Bank Ewropew ta' Investiment u l-istrumenti l-oħra finanzjarji fl-oqsma tal-ambjent u l-infrastruttura tat-trasport ta' interess komuni;

Billi l-Protokoll dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jirriafferma l-kompitu Komunitarju tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u jispeċifika li Fond ta' Koeżjoni jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-proġetti fl-oqsma tal-ambjent u r-rettikolati trans-Ewropej fl-Istati Membri, soġġett għal żewġ kondizzjonijiet: l-ewwel, li huma jkollhom prodott gross nazzjonali (PGN) per capita ta' anqas minn 90 % tal-medja Komunitarja, u t-tieni, li jkollhom programm li jwassal għat-twettiq tal-kondizzjonijiet ta' konverġenza ekonomika kif stabbilit f'Artikolu 104ċ tat-Trattat; billi l-prosperità relattiva tal-Istati Membri hija l-aħjar stmata a bażi tal-PGN per capita, imkejjel f’ paritajiet ta' poter kontrattwali;

Billi biex jiġu sodisfatti l-kriterji ta' konverġenza, li huma prekondizzjoni sabiex wieħed jidħol fit-tielet stadju ta' unjoni ekonomika u monetarja, jeħtieġ sforz determinat mill-Istati Membri kkonċernati; billi, f'dan il-kuntest, l-Istati Membri kollha benefiċjarji għandhom jissottomettu lill-Kunsill programm ta' konverġenza maħsub għal dak l-iskop u jevitaw deficits eċċessivi tal-gvern;

Billi t-tieni subparagrafu ta' Artikolu 130d tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni qabel il-31 ta' Diċembru, 1993, sabiex tiġi provduta kontribuzzjoni finanzjarja għal proġetti fl-oqsma tal-ambjent u r-rettikolati trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport;

Billi Artikolu 129ċ (1) tat-Trattat jipprovdi illi l-Komunità tista’ tikkontribwixxi permezz tal-Fond ta' Koeżjoni għall-iffinanzjar ta' proġetti speċifiċi fl-Istati Membri fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport, waqt li tieħu kont tal-vijabilità ekonomika potenzjali tal-proġetti; billi proġetti finanzjati mill-Fond għandhom jiffurmaw parti mil-linji gwida ta' rettikolati trans Ewropej li ġew adottati mill-Kunsill inklużi dawk koperti mill-pjanijiet għal rettikolati trans-Ewropej approvati mill-Kunsill jew proposti mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi, madankollu, proġetti oħra ta' infrastruttura ta' trasport li jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri ta' Artikolu 129b tat-Trattat jiġu finanzjati sakemm il-Kunsill ikun adotta l-linji gwida approprjati;

Billi Artikolu 130r tat-Trattat jiddefinixxi l-miri u l-prinċipji Komunitarji fil-qasam tal-ambjent; billi l-Komunità tista’ tikkontribwixxi, permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, għal azzjonijiet maħsuba sabiex jissodisfaw dawk il-miri; billi, skond Artikolu 130s (5) tat-Trattat, u mingħajr preġudizzju għall-prinċipju li min iniġġeż għandu jħallas, il-Kunsill jista jiddeċiedi dwar assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Koeżjoni meta miżura bbażata fuq il-paragrafu 1 ta' dak Artikolu tinvolvi spejjeż meqjusa sproporzjonati għall-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru;

Billi l-prinċipji u l-miri għal żvilupp sostenibbli huma stabbiliti fil-programm Komunitarju ta' politika u azzjoni fir-rigward tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Frar, 1993 [5];

Billi għandu jinżamm bilanċ adattat bejn l-iffinanzjar għal proġetti ta' infrastruttura ta' trasport u l-iffinanzjar għal proġetti ambjentali;

Billi li l-Karta l-Ħadra tal-Kummissjoni dwar l-Impatt tat-Trasport fuq l-Ambjent ittenni l-ħtieġa ta' żvilupp ta' sistema ta' trasport li tirrispetta aħjar lill-ambjent li tieħu kont tal-ħtiġiet ta' żvilupp sostenibbli tal-Istati Membri;

Billi kwalunkwe kalkolu tal-ispiża tal-proġetti tal-infrastruttura ta' trasport għandu jinvolvi spejjeż ambjentali;

Billi, fid-dawl tal-impenn mill-Istati Membri konċernati sabiex ma jnaqqsux l-isforzi tagħhom li jagħmlu investiment fl-oqsma tal-protezzjoni tal-ambjent u l-infrastruttura ta' trasport, il-prinċipju tal-addizzjonalità fis-sens ta' Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta' Investiment u l-instrumenti finanzjarji l-oħra eżistenti [6], ma japplikax għall-Fond ta' Koeżjoni;

Billi, skond Artikolu 198e tat-Trattat, il-Bank Ewropew ta' Investiment (BEI) għandu jiffaċilita l-iffinanzjar ta' investimenti flimkien ma’ assistenza mill-istrumenti finanzjari Komunitarji l-oħra;

Billi huwa neċessarju li tiġi koordinata azzjoni meħuda fl-oqsma tal-ambjent u tar-rettikolati tal-infrastruttura tat-trasport trans-Ewropej permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, il-Fondi Strutturali, il-BEI u l-instrumenti finanzjarji l-oħra sabiex titjieb l-effettività tal-assistenza Komunitarja;

Billi bil-ħsieb, b’ mod partikolari, i jiġu megħjuna l-Istati Membri fil-preparazzjoni tal-proġetti tagħhom, il-Kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tassigura li jkun hemm l-appoġġ tekniku neċessarju disponibbli għalihom, partikolarment sabiex ikun hemm kontribuzzjoni għall-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-proġetti;

Billi, partikolarment sabiex jiġi assigurat valur għall-flus, għandu jsir studju dettaljat qabel l-impenn tar-riżoris Komunitarji sabiex jiġi assigurat li dawn iħallu benefiċċji soċjo-ekonomiċi skond ir-riżorsi mħaddma;

Billi l-assistenza mill-Fond ta' Koeżjoni għandha tkun konsistenti mal-politiki Komunitarji, inkluża l-protezzjoni ambjentali, it-trasport, ir-rettikolati trans-Ewropej, il-kompetizzjoni u għoti ta' kuntratti pubbliċi; billi l-protezzjoni ambjentali tinkludi l-istima tal-impatt ambjentali;

Billi għandha ssir dispożizzjoni għal allokazzjoni ndikattiva tar-riżorsi globali disponibbli għal impenn bejn l-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata l-preparazzjoni tal-proġetti;

Billi għandha ssir dispożizzjoni, flimkien ma’ Artikolu 104ċ (6) tat-Trattat, għal forma ta' kondizzjonalità fl-għoti ta' assistenza finanzjarja;

Billi huwa neċessarju, mogħtija l-ħtiġiet tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, li tiġi pprovduta rata għolja ta' assistenza;

Billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni ta' assistenza mill-Fond, għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-identifikazzjoni tal-istadji ta' proġetti li jistgħu jiġu kkunsidrati teknikament u finanzjarjament separati, u biex il-proġetti jinġabru flimkien, jekk neċessarju;

Billi għandu jkun possibli li wieħed jagħżel assistenza mill-Fond jew b’ pagamenti annwali jew għall-proġett kollu; u billi skond il-prinċipju stabbilit fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Edinburgu, fil-11 u fit-12 ta' Diċembru, 1992, pagamenti wara avvanz inizjali għandhom ikunu marbutin mill-qrib u b'mod trasparenti mal-progress lejn il-kompletazzjoni tal-proġetti;

Billi l-poteri u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni li jikkonċernaw il-kontroll finanzjarju fuq l-operazzjonijiet tal-Fond għandhom jiġu speċifikati;

Billi, fl-interessi ta' amministrazzjoni sewwa tal-Fond ta' Koeżjoni, għandha ssir dispożizzjoni għal metodi effettivi ta' valutazzjoni, monitoraġġ u kontroll ta' operazzjonijiet Komunitarji, li jispeċifikaw il-prinċipji li jirregolaw il-valutazzjoni, li jiddefinixxu n-natura ta' u r-regoli li jirregolaw il-monitoraġġ, u li jistabbilixxu l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta' sorveljanza u kif japplikaw, u li tgħid x'għandu jsir meta jkun hemm irregolaritajiet jew nuqqas tat-tħaris ta' waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija meta għajnuna mill-Fond tkun ġiet approvata;

Billi għandu tiġi provduta informazzjoni adegwata, inter alia, fil-forma ta' rapport annwali;

Billi għandha ssir dispożizzjoni biex tingħata pubbliċità adegwata lill-assistenza Komunitarja mill-Fond ta' Koeżjoni;

Billi l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal sejħiet għal offerti pubbliċi li jikkonċernaw proġetti li jirċievu assistenza mill-Fond, għandha ssemmi l-assistenza;

Billi sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għandhom jiġu definiti fl-Anness II; billi sabiex tiġi assigurata l-flessibiltà neċessarja fl-applikazzjoni tagħhom, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jkun jista, jekk neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza ggwadanjata, jemenda dawk id-dispożizzjonijiet;

Billi dan ir-Regolament għandu, mingħajr interruzzjoni, jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 792/93 tat-30 ta' Marzu, 1993, li jistabbilixxi strument finanzjarju ta' koeżjoni [7],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-definizzjoni u l-għan

1. Il-Fond ta' Koeżjoni, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "il-Fond" huwa hawnhekk stabbilit.

2. Il-Fond għandu jikkontribwxxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità u għandu jopera skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’ dan ir-Regolament.

3. Il-Fond jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta':

- proġetti, jew

- stadji ta' proġett li huma teknikament u finanzjarjament indipendenti, jew

- gruppi ta' proġetti marbutin ma’ strateġija viżibbli li jiffurmaw ġabra waħda koerenti.

Artikolu 2

Il-Qasam ta' applikazzjoni

1. Il-Fond għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti li jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fl-oqsma tal-ambjent u r-rettikolati tal-infrastruttura tat-trasport trans-Ewropej fi Stati Membri li jkollhom prodott gross nazzjonali (PGN) per capita, imkejjel f’ paritajiet ta' poter kontrattwali, ta' inqas minn (90 %) tal-medja Komunitarja li jkollhom programm li jwassal biex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta' konverġenza ekonomika msemmija f'Artikolu 104ċ tat-Trattat.

2. Sa l-aħħar tal-1999, biss l-erba’ Stati Membri li bħalissa jissodisfaw il-kriterju li jirrigwarda l-PGN per capita msemmi fil-paragrafu 1 għandhom ikunu eliġibbli għal assistenza mill-Fond. Dawk l-Istati Membri huma l-Greċja, Spanja, l-Irlanda u l-Portugall.

3. Fir-rigward tal-kriterju tal-PGN imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jibqgħu ikunu eliġibbli għal assistenza mill-Fond, sakemm, wara reviżjoni ta' nofs is-sena 1996, il-PGN tagħhom jibqa’ taħt id-90 % tal-medja Komunitarja. Kull Stat Membru eliġibbli, li l-PGN tiegħu jaqbeż l-għatba ta' 90 % f’ dak il-ħin għandu jitlef l-intitolament tiegħu għal assistenza mill-Fond għal proġetti ġodda jew, fil-każ ta' proġetti mportanti maqsuma f’ ħafna stadji, teknikament u finanzjarjament separati, għal stadji ġodda ta' proġett.

Artikolu 3

Miżuri eliġibbli

1. Il-Fond jista’ jipprovdi assistenza għal li ġej:

- proġetti ambjentali li jikontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri ta' Artikolu 130r tat-Trattat, inklużi proġetti li jirriżultaw minn miżuri adottati skond Artikolu 130s tat-Trattat u, b’ mod partikolari, proġetti in linja mal-prijoritajiet konferiti fuq il-politika ambjentali Komunitarja bil-Ħames Programm ta' Politika u Azzjoni fir-rigward tal-Ambjent u Żvilupp Sostenibbli,

- proġetti ta' infrastruttura tat-trasport ta' interess komuni finanzjati minn Stati Membri, li huma identifikati fil-kwadru tal-linji gwida msemmija f'Artikolu 129ċ tat-Trattat; madankollu, proġetti oħra ta' infrastruttura fit-trasport li jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri ta' Artikolun 129b tat-Trattat jistgħu jiġu finanzjati sakemm linji gwida approprjati jkunu ġew adottati mill-Kunsill.

2. L-Assistenza tista’ tingħata wkoll għal:

- studji preliminari li jkollhom x’ jaqsmu ma’ proġetti eliġibbli, inklużi dawk neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom;

- miżuri tekniċi ta' sostenn, partikolarment:

(a) miżuri orizzontali bħalma huma studji komparattivi sabiex jistmgħu l-impatt ta' assistenza Komunitarja;

(b) miżuri u studji li jikkontribwixxu għal stima, monitoraġġ jew valutazzjoni ta' proġetti, u sabiex tissaħħaħ u tiġi assigurata l-koordinazzjoni u l-konsistenza ta' proġetti, partikolarment il-konsistenza tagħhom ma’ politiki Komuniatrji oħra;

(ċ) miżuri u studji li jgħinu sabiex isiru l-aġġustamenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta' proġetti.

Artikolu 4

Riżorsi finanzjarji

Għall-perjodu bejn l-1993 u l-1999, ir-riżorsi totalidisponibbli għal impenn għall-Fond taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru 792/93, kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali tad-29 ta' Ottubru, 1993, għandhom ikunu ta' 15,150 miljun ECU bil-prezzijiet tal-1992.

Il-perspettivi finanzjarji stabbiliti fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli għal kull sena tal-perjodu taħt ir-Regolamenti msemmija fl-ewwel paragrafu huma kif ġej:

1993 : 1500 miljun ECU,

1994 : 1750 miljun ECU,

1995 : 2000 miljun ECU,

1996 : 2250 miljun ECU,

1997 : 2500 miljun ECU,

1998 : 2550 miljun ECU,

1999 : 2600 miljun ECU.

Artikolu 5

Allokazzjoni indikattiva

Allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi totali tal-Fond għandha ssir abbażi ta' kriterji preċizi u oġġettivi, prinċipalment il-popolazzjoni, PGN per capita u l-area tas-superfiċi; hija għandha tieħu kont ukoll ta' fatturi oħra soċjo-ekonomiċi bħal defiċjenzi fl-infrastruttura tat-trasport.

L-allokazzjoni ndikativa tar-riżorsi totali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dawk il-kriterji hija stabbilita f'Anness 1.

Artikolu 6

Assistenza kondizzjonali

1. Fil-każ li l-Kunsill jiddeċiedi, skond Artikolu 104ċ (6) tat-Trattat, li jeżisti defiċit eċċessiv tal-gvern fi Stat Membru, u jekk dik id-deċiżjoni ma tiġix abrogata skond Artikolu 104ċ (12) tat-Trattat fi żmien sena jew fi kwalunkwe perjodu ieħor speċifikat biex jiġi korrett id-defiċit f’ rakkomandazzjoni taħt Artikolu 104ċ (7), l-ebda proġetti ġodda jew, fil-każ ta' proġetti kbar multi-stadji, ebda stadji ġodda ta' proġett m'għandhom jiġu finanzjati minn dak il-Fond għal dak l-Istat Membru.

2. B'eċċezzjoni, fil-każ ta' proġetti li jeffettwaw direttament aktar minn Stat Membru wieħed, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jiddiferixxi s-sospensjoni tal-iffinanzjar.

3. Is-Sospensjoni tal-iffinanzjar m’ għandhiex tidħol fis-seħħ inqas minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

4. Is-sospensjoni tal-iffinanzjar għandha tieqaf meta l-Kunsill, skond Artikolu 104ċ (12) tat-Trattat, jabroga d-deċiżjoni tiegħu adottata skond Artikolu 104ċ (6) tat-Trattat.

Artikolu 7

Ir-Rata ta' assistenza

1. Ir-rata ta' assistenza Komunitarja mogħtija mill-Fond għandha tkun minn 80 % sa 85 % tan-nefqa pubblika jew ekwivalenti, inkluż kull infiq minn korpi li l-attivitajiet tagħhom isiru fil-kwadru amministrattiv jew ġuridiku li permezz tagħhom jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għal korpi pubbliċi.

Ir-rata attwali ta' assistenza għandha tiġi ffissata skond it-tip ta' operazzjoni li għandha titwettaq.

2. Meta tingħata assistenza għal proġett li jiġġenera d-dħul, l-ammont tal-infiq li fuqu hu bbażat il-kalkolu ta' assistenza mill-Fond għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, b’ kont meħud ta' dħul meta jikkostitwixxi dħul nett sostanzjali għal promoturi u b’ kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat Membru benefiċjarju.

"Proġett li jiġgenera d-dħul" tfisser:

- infrastrutturi li l-użu tagħhom jinvolvi piżijiet imħallsa direttament mill-utenti,

- investimenti produttivi fis-settur tal-ambjent.

3. L-Istati Membri benefiċjarji jistghu jissottomettu proposti għal studji preparatorji u miżuri tekniċi ta' sostenn.

4. Studji preliminari u miżuri tekniċi ta' sostenn, inklużi dawk meħuda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jistgħu jiġu finanzjati f’ każijiet eċċezzjonali b’ 100 % tan-nefqa totali.

In-nefqa totali mwettqa skond dan il-paragrafu ma tistax taqbeż 0.5 % tal-allokazzjoni totali għall-Fond.

Artikolu 8

Il-Koordinazzjoni u l-kompatibilità ma’ politiki Komunitarji.

1. Proġetti finanzjati mill-Fond għandhom ikunu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, skond l-istrumenti adottati in segwitu tagħhom u skond politiki Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, ir-rettikolati trans-Ewropej, il-kompetizzjoni u l-għoti ta' kuntratti pubbliċi.

2. Il-Kummissjoni għandha tassigura koordinazzjoni u konsistenza bejn proġetti meħuda skond dan ir-Regolament, u miżuri meħudin b’ kontribuzzjonijiet mill-budget Komunitarju, mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mill-istrumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.

Artikolu 9

Il-Kumulazzjoni u s-sovrappożizzjoni.

1. L-ebda partita ta' nefqa ma tista’ tibbenefika kemm mill-Fond u kemm mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija, mill-Fond Soċjali Ewropew, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-istrument finanzjarju ta' gwida għas-sajd .

2. L-assistenza kombinata tal-Fond u għajnuna Komunitarja oħra għal proġett m'għandhomx jeċċedu 90 % tan-nefqa totali li tirrelata għal dak il-proġett.

Artikolu 10

L-approvazzjoni ta' proġetti.

1. Il-proġetti li għandhom jiġu finanzjati mill-Fond għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni bi ftehim ma’ l-Istat Membru benefiċjarju.

2. Għandu jinżamm bilanċ tajjeb bejn proġetti fil-qasam tal-ambjent u proġetti li jirrelataw għall-infrastruttura ta' trasport. Dan il-bilanċ għandu jieħu kont ta' Artikolu 130s (5) tat-Trattat.

3. Applikazzjonijiet għal assistenza għal proġetti taħt Artikolu 3(1) għandhom jiġu sottomessi mill-Istat Membru benefiċjarju. Proġetti, inklużi gruppi ta' proġetti relatati, għandhom ikunu ta' skala suffiċjenti li jkollhom impatt sinifikanti fil-qasam ta' protezzjoni ambjentali jew fit-titjib ta' rettikolati tal-infrastruttura tat-trasport trans-Ewropej. F'kull każ, in-nefqa totali ta' proġetti jew gruppi ta' proġetti ma tistax fil-prinċipju tkun anqas minn 10 miljun ECU. Proġetti jew gruppi ta' proġetti li jqumu anqas minn hekk jistgħu jiġu approvati f'każijiet ġustifikati kif dovut.

4. L-applikazzjonijiet għandhom jikkontjenu l-informazzjoni li ġejja: il-korp responsabbli għall-implimentazzjoni, għan-natura tal-investiment u għad-deskrizzjoni tiegħu, l-ispejjeż u l-post, inkluż, meta applikabbli, indikazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni li jinstabu fuq l-istess assi tat-trasport, orarju għall-implimentazzjoni tax-xogħol, analiżi tal-benefiċċju mill-ispiża, inklużi l-effetti diretti u indiretti fuq l-impieg, informazzjoni li tippermetti li jiġi stmat impatt possibbli fuq l-ambjent, informazzjoni dwar kuntratti pubbliċi, il-pjan ta' finanzjament inkluża, meta possibbli, informazzjoni dwar il-vijabilità ekonomika tal-proġett, u l-iffinanzjar totali li l-Istat Membru qiegħed ifittex mill-Fond u kull fonti Komunitarja oħra.

Għandhom ukoll jikkontjenu l-informazzjoni kollha rilevanti sakemm il-prova meħtieġa li l-proġetti jikkonformaw mar-Regolament u mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 5, u partikolarment il-fatt li hemm benefiċċji ekonomiċi u soċjali għal żmien medju jaqblu mar-riżorsi involuti.

5. Il-kriterji li ġejjin għandhom jiġu applikati sabiex jassiguraw il-kwalità għolja ta' proġetti:

- il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tagħhom għal żmien medju, li għandhom jaqblu mar-riżori wżati; għandha ssir stima fid-dawl ta' analiżi tal-benefiċċju tal-ispejjeż,

- il-prijoritajiet stabbiliti mill-Istati Membri benefiċjarji;

- il-kontribuzzjoni li l-proġetti jistgħu jagħtu għall-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji fuq l-ambjent u fuq ir-rettikolati trans-Ewropej,

- il-kompatibilità ta' proġetti ma’ politiki Komunitarji u l-konsistenza tagħhom ma’ miżuri oħra Komunitarji strutturali,

- l-istabbiliment ta' bilanċ approprjat bejn l-oqsma tal-ambjent u l-infrastruttura tat-trasport.

6. Soġġett għal Artikolu 6, u għad-disponibilità ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-għotja ta' assistenza mill-Fond sakemm il-ħtiġiet ta' dan Artikolu huma sodisfatti, bħala regola ġenerali fi żmien tlett xhur minn meta l-applikazzjoni tkun ġiet riċevuta. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-approvazzjoni ta' proġetti, stadji ta' proġetti jew gruppi ta' proġetti relatati, għandhom jiddeterminaw l-ammont ta' sostenn finanzjarju u jistabbilixxu pjan ta' finanzjament flimkien mad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġetti.

7. Id-dettalji ewlenin tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finanzjarji.

1. L-approprjazzjonijiet ta' impenn iskritti fil-budget għandhom jingħataw abbażi tad-deċiżjonijiet li japprovaw il-miżuri kkonċernati, skond Artikolu 10.

2. Assistenza relatata mal-proġetti msemmija f'Artikolu 3(1), għandha bħala regola ġenerali tingħata b’ pagamenti annwali. Madankollu, f’ każijiet approprjati, il-Kummissjoni tista’ tagħti l-ammont totali ta' assitenza mogħtija meta tadotta d-deċiżjoni li tagħti l-assistenza.

3. Nefqa fis-sens ta' Artikolu 7(1) m'għandiex titqies eliġibbli għal assistenza mill-Fond jekk tkun saret mill-Istat Membru benefiċjarju qabel id-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-applikazzjoni rilevanti.

4. Pagamenti magħmula wara avvanz inizjali għandhom ikunu marbuta mill-qrib u b’ mod trasparenti, mal-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-proġetti jsiru.

5. Il-Pagamenti għandhom isiru f’ecus u għandhom ikunu soġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'Anness II.

Artikolu 12

Kontrolli finanzjarji.

1. Sabiex tiġi garantita kompletazzjoni b’ suċċess tal-proġetti finanzjati mill-Fond, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji:

- sabiex jivverifikaw fuq bażi regolari li l-operazzjonijiet finanzjati mill-komunità twettqu kif suppost,

- sabiex jipprevjenu irregolaritajiet u jieħdu azzjoni kontrihom;

- sabiex jirkupraw kwalunkwe ammonti mitlufa bħala riżultat ta' irregolarità jew negliġenza. Ħlief meta l-Istat Membru u/jew l-awtorità ta' implimentazzjoni jipprovdu prova li ma kienux responsabbli ghall-irregolarità jew għan-negliġenza, l-Istat Membru għandu jkun responsabbli fl-alternattiva għar-rimbors ta' kwalunkwe somom imħallsa meta mhux dovut.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dawk l-iskopijiet, u, b’ mod partikolari, għandhom jinnotifikaw lill-kummissjoni bid-deskrizzjoni tas-sistemi ta' amministrazzjoni u kontroll stabbiliti sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-operazzjonijiet. Huma għandom regolarment jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-progress ta' proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. F'dak il-kuntest, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jassiguraw li l-informazzjoni skambjata tibqa kunfidenzjali.

3. Stati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni kull rapport nazzjonali ta' kontroll fuq il-proġetti kkonċernati.

4. Mingħajr preġudizzju għall-kontrolli mwettqa minn Stati Membri skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għal Artikolu 188a tat-Trattat jew għal kull spezzjoni magħmula abbażi ta' Artikolu 209(ċ) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’, permezz tal-uffiċjali jew l-aġenti tagħha, tagħmel kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli fuq kampjuni, fir-rigward ta' proġetti finanzjati mill-Fond, u tista’ teżamina l-arranġamenti u l-miżuri ta' kontroll stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dak l-iskop.

5. Kid jifħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan Artikolu, u għandha tinforma b’ dan lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 13

Stima, monitoraġġ u valutazzjoni.

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw illi hemm monitoraġġ u valutazzjoni effettivi fuq l-implimentazzjoni ta' proġetti taħt dan ir-Regolament. Il-proġetti għandhom jiġu aġġustati abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ u tal-valutazzjoni.

2. Sabiex tiġi assigurata l-effettività ta' assistenza Komunitarja, il-Kummissjoni u l-Istati Membri benefiċjarji għandhom, f’ kooperazzjoni mal-BEI meta approprjat, iwettqu stima u valutazzjoni sistematika ta' proġetti.

3. Meta tkun riċevuta talba għal assistenza u qabel l-approvazzjoni ta' proġett, il-Kummissjoni għandha twettaq stima dettaljata sabiex tistma l-konsistenza tal-proġett mal-kriterji stabbiliti f'Artikolu 10(5). Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-BEI sabiex jikkontribwixxi għall-istima ta' proġetti kif neċessarju.

4. Matul l-implimentazzjoni tal-proġetti u wara l-kompletazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri benefiċjarji għandhom jivvalutaw il-mod li bih twettqu u l-impatt potenzjali u attwali tal-implimentazzjoni tagħhom sabiex jiġi stmat jew l-objettivi oriġinali jistgħu jintlaħqu jew jekk intlaħqux. Din il-valutazzjoni għandha, inter alia, tindirizza l-impatt ambjentali tal-proġetti, in konformità mar-regoli Komunitarji eżistenti.

5. Fl-għażla ta' applikazzjonijiet individwali għal assistenza, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tar-riżultati ta' stimi u valutazzjonijiet magħmula skond dan l-Artikolu.

6. Ir-regoli dettaljati għall-monitoraġġ u valutazzjoni, kif previst fil-paragrafu 4, għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjonijiet li japprovaw il-proġetti.

Artikolu 14

L-Informazzjoni u l-pubbliċità.

1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Fond, għall-iskopijiet ta' kontroll u l-opinjoni tagħhom, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Il-Parlament Ewropew għandu jaghti opinjoni dwar ir-rapport malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar kif applikat l-osservazzjonijiet kontenuti fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-Istati Membri huma informati bl-attivitajiet tal-Fond.

2. L-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni ta' miżura li tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond għandhom jassiguraw li tingħata pubbliċitá adegwata lill-miżura bl-iskop li:

- il-pubbliku in ġenerali isir konxju mir-rwol li tiżvolġi l-Komunità f’ relazzjoni mal-miżura,

- benefiċjarji potenzjali u organizzazzjonijiet professjonali isiru konxji mil-possibiltajiet li toffri dik il-miżura,

L-Istati Membri għandhom jassiguraw, b’ mod partikolari, illi jitwaħħlu tabelli direttament viżibbli li juru perċentwali tal-ispiża totali ta' proġett partikolari li qiegħed jiġi ffinanzjat mill-Komunità, flimkien mal-logo tal-Komunità, u li rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom sehem kif imiss fl-attivitajiet pubbliċi l-aktar importanti konnessi mal-Fond.

Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-inizjattivi meħuda taħt dan il-paragrafu.

3. Mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar informazzjoni u pubbliċità, għandha tinforma b'dan lill-Parlament Ewropew u għandha tippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 15

L-Implimentazzjoni

Id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament huma stabbiliti f’Anness II ma’ hawnhekk.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finali u transitorji

1. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 130d tat-Trattat, għandu jerġa jeżamina dan ir-Regolament qabel it-tmiem tal-1999.

2. Mad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 792/93.

3. Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni ta' miżuri approvati mill-Kummissjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 792/93 applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, li għandu konsegwentement japplika wara għal dawk il-miżuri.

4. Applikazzjonijiet ippreżentati fil-kwadru tar-Regolament (KEE) Nru 792/93 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jibqgħu validi sakemm dawn l-applikazzjonijiet jiġu supplimentati, meta neċessarju, sabiex jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament f’ mhux iktar minn xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' danir-Regolament.

Artikolu 17

Id-dħul fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta' Mejju 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

Th. Pangalos

[1] ĠU Ċ 39, tad- 9.2.1994, p. 6.

[2] Kunsens mogħti fil-5 ta' Mejju, 1995 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU Ċ 133, tas- 16.5.1994.

[4] Opinjoni mogħtija fil-5 ta' April, 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU Ċ 138, tas- 17.5.1993, p. 1.

[6] ĠU L 374, tal-31.12.1988, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2082/93, (ĠU L 193, tal-31.7.1993, p. 20).

[7] ĠU L 79, tal-1.4.1993, p. 74.

--------------------------------------------------

ANNESS I

ALLOKAZZJONI INDIKATTIVA TAR-RIŻORSI TOTALI TAL-FOND TA' KOEŻJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI BENEFIĊJARJI

Spanja : 52 % sa 58 % tat-total,

il-Greċja : 16 % sa 20 % tat-total,

il-Portugall : 16 % sa 20 % tat-total,

l-Irlanda : 7 % sa 10 % tat-total.

--------------------------------------------------

ANNESS II

DISPOSIZZJONIJIET TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu A

Deskrizzjoni ta' stadji jew gruppi ta' proġetti.

1. Il-Kummissjoni tista’, bi ftehim ma’ l-Istat Membru benefiċjarju, tiġbor flimkien proġetti u tiddeskrivi teknikament u finanzjament l-istadji separati ta' proġett bl-iskop li tingħata assistenza.

2. Stadju jista’ wkoll ikopri studji preliminari, prattikabbli u tekniċi meħtieġa biex jitwettaq proġett.

Artikolu B

Valutazzjoni ex-ante.

1. Il-Kummissjoni għandha teżamina applikazzjonijiet għal assistenza sabiex tivverifika b’ mod partikolari li l-mekkaniżmi amministrattivi u finanzjarji huma adegwati għall-implimentazzjoni effettiva tal-proġett

2. Skond Artikolu 13(3), il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-proġetti sabiex tiddetermina l-impatt antiċipat tagħhom f’ termini tal-miri tal-Fond, kwantifikat bl-użu ta' indikaturi approprjati. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja, kif stabbilit f'Artikolu 10(4), inklużi r-riżultati ta' studji ta' prattikabilità u stimi ex-ante, sabiex din l-istima tkun effettiva kemm jista’ jkun.

Artikolu C

Impenji.

1. L-Impenji tal-budget għandhom isiru abbażi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw il-miżuri kkonċernati (il-proġett, l-istadju tal-proġett, il-grupp ta' proġetti, l-istudju jew il-miżura teknika ta' sostenn). L-Impenji għandhom ikunu validi għal perjodu determinat bin-natura tal-miżura u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tagħha.

2. Impenji tal-budget fir-rigward ta' assistenza moghija lil proġetti, stadji ta' proġetti jew gruppi ta' proġetti għandhom jitwettqu b’ wieħed minn żewġ modi:

(a) impenji fir-rigward tal-proġetti msemmija f’Artikolu 3(1) li għandhom jitwettqu tul perjodu ta' sentejn jew iktar għandhom, bħala regola ġenerali u soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (b), jiġu effettwati f’ pagamenti annwali.

L-impenji fir-rigward tal-ewwel pagament annwali għandhom isiru meta d-deċiżjoni li tagħti assistenza Komunitarja tiġi adottata mill-Kummissjoni. Impenji fir-rigward ta' pagamenti sussegwenti annwali għandhom ikunu bbażati fuq il-pjan inizjali jew rivedut ta' finanzjament għall-proġett u dwar il-progress magħmul fl-implimentazzjoni tiegħu;

(b) għal proġetti li għandhom jitwettqu tul perjodu ta' inqas minn sentejn jew meta l-assistenza Komunitarja hija inqas minn 40 miljun ECU, l-ammont totali ta' assistenza jista’ jingħata meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni biex tagħti assistenza Komunitarja.

3. Fil-każijiet tal-istudji u tal-miżuri tekniċi ta' sostenn imsemmija f'Artikolu 3(2), l-assistenza għandha tingħata meta l-Kummissjoni tapprova l-miżura kkonċernata.

4. L-arranġamenti għal impenji għandhom jiġu speċifikati fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw il-miżuri kkonċernati.

Artikolu D

Pagamenti

1. Il-pagamenti ta' assistenza finanzjarja għandhom isiru, skond l-impenji korrispondenti tal-budget, lill-awtorità jew lill-korp maħtur għall-iskop fl-applikazzjoni sottomessa mill-Istat Membru benefiċjarju kkonċernat. Il-Pagamenti jistgħu jieħdu l-forma jew ta' avvanzi jew ta' pagamenti intermedji jew ta' pagamenti ta' bilanċi fir-rigward ta' infiq attwalment involut.

2. Meta l-assistenza Komunitarja tingħata skond Artikolu Ċ (2) (a), il-pagamenti għandhom isiru kif ġej:

(a) avvanz sa 50 % tal-ammont tal-ewwel pagament annwali mogħti għandu jitħallas meta d-deċiżjoni li tagħti assistenza Komunitarja hija adottata;

(b) pagamenti intermedji jistgħu jitħallsu sakemm il-proġett ikun qiegħed jipprogressa b’ mod sodisfaċenti lejn kompletazzjoni u mill-inqas ikunu saru żewġ terzi tal-infiq li jirrelata għall-pagament preċedenti.

Soġġett għal (ċ), kull pagament ta' dan it-tip ma jistax jeċċedi 50 % tal-ammont ta' kull pagament annwali mogħti;

(ċ) l-ammont totali tal-pagamenti magħmula taħt (a) u (b) għall-pagamenti kollha ma jistax jeċċedi 80 % tal-assistenza totali mogħtija. Din il-perċentwali tista’ tżdied għal 90 % għal proġetti mportanti u f'każijiet ġustifikati;

(d) il-bilanċ tal-assistenza Komunitarja għandu jitħallas sakemm:

- il-proġett, l-istadju tal-proġett jew il-grupp ta' proġetti ikunu twettqu skond il-miri tiegħu;

- l-awtorità jew il-korp maħtura msemmija fil-paragrafu 1 jissottomettu applikazzjoni għal pagament lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-kompletazzjoni fiżika tal-proġett, tal-istadju tal-proġett jew tal-grupp ta' proġetti;

- ir-rapport finali msemmi f'Artikolu F (4) jiġi sottomess lill-Kummissjoni;

- l-Istat Membru jiċċertifika lill-Kummissjoni li l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni għall-pagament u fir-rapport hija korretta.

3. Meta l-impenn isir skond Artikolu Ċ (2) (b), il-pagament għandu jsir kif ġej:

(a) l-avvanz imħallas wara d-deċiżjoni jista’ jkun sa 50 % tal-assistenza li tirrelata għall-infiq ippjanat fl-ewwel sena kif muri fil-pjan ta' finanzjament approvat mill-Kummissjoni;

(b) pagamenti intermedji ulterjuri jistgħu isiru sakemm il-proġett jipprogressa b’ mod sodisfaċenti lejn il-kompletazzjoni u mill-inqas żewġ terzi tal-infiq li jirrelata għall-pagament preċedenti, u l-infiq kollu li jirrelata għal pagamenti preċedenti, jkunu saru.

Soġġett għas-subparagrafu (ċ), kull wieħed minn dawk il-pagamenti jista’ jammonta sa 50 % tal-assistenza li tirrelata għall-infiq ippjanat għas-sena in kwistjoni, kif muri fil-pjan inizjali jew rivedut ta' finanzjament approvat mill-Kummissjoni;

(ċ) l-ammont totali tal-pagamenti msemmija taħt is-subparagrafi (a) u (b) ma jistax jeċċedi 80 % tal-assistenza totali mogħtija;

(d) il-bilanċ ta' assistenza Komunitarja għandu jitħallas sakemm:

- il-proġett, l-istadju tal-proġett, jew il-grupp ta' proġetti, ikunu twettqu skond il-miri tiegħu;

- l-awtorità jew il-korp maħtura msemmija fil-paragrafu 1 jissottomettu applikazzjoni għal pagament lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-kompletazzjoni tal-proġett, tal-istadju tal-proġett jew tal-grupp ta' proġetti;

- ir-rapport finali msemmi f'Artikolu F (4) huwa sottomess lill-Kummissjoni;

- l-Istat Membru jiċċertifika lill-Kummissjoni li l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni għal pagament u fir-rapport hija korretta.

4. L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li jkollhom is-setgħa li joħorġu ċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafi 2 (d) u 3 (d).

5. Il-Pagament għandu jsir lill-awtorità jew lill-korp maħtura mill-Istat Membru, bħala regola ġenerali sa mhux aktar tard minn xagħrejn mill-irċevuta ta' applikazzjoni ammessibbli għal pagament.

6. Fil-każ tal-istudji u l-miżuri oħra msemmija f'Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-proċeduri approprjati ta' pagament.

Artikolu E

L-użu tal-ecu

1. Applikazzjonijiet għal assistenza, flimkien mal-pjan rilevanti ta' finanzjament għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni f’ecus jew fil-munita nazzjonali.

2. L-ammonti ta' assistenza u l-pjanijiet ta' finanzjament approvati mill-Kummissjoni għandhom jiġu espressi f’ecus.

3. Dikjarazzjonijiet ta' nfiq l-applikazzjonijiet korrispondenti ta' pagament għandhom jiġu espressi f’ecus jew fil-munita nazzjonali.

4. Il-Pagamenti ta' assistenza finanzjarja mill-Kummissjoni għandhom isiru f'ecus lill-awtorità maħtura mill-Istat Membru sabiex tirċievi dawn il-pagamenti.

Artikolu F

Il-Monitoraġġ

1. Il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom jassiguraw monitoraġġ effettiv ta' implimentazzjoni ta' proġetti Komunitarji finanzjati in parti mill-Fond. Il-Monitoraġġ għandu jtiwettaq permezz ta' proċeduri ta' rapport miftiehma konġuntement, kontrolli ta' kampjuni u l-istabbiliment ta' kumitati ad hoc.

2. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq b’referenza għall-indikaturi fiżiċi u finanzjarji. L-indikaturi għandhom jirrelataw għall karattru speċifiku tal-roġett u l-miri tiegħu. Għandhom jiġu rranġati b tali mod li juru:

- l-istadju milħuq fl-irċevuta fir-rigward tal-pjan u l–għanijiet oriġinarjament stabbiliti;

- il-progress milħuq minn naħa tal-amministrazzjoni u kwalunkwe problemi relatati.

3. Għandhom jiġu stabbiliti kumitati ta' monitoraġġ b'arranġament bejn l-Istat Membru konċernat u l-Kummissjoni.

L-awtoritajiet jew il-korpi maħtura mill-Istat Membru, mill-Kummissjoni u, meta approprjat, mill-BEI, għandhom jiġu rappreżentati fil-kumitati.

Meta awtoritajiet reġjonali u lokali huma kompetenti għall eżekuzzjoni ta' proġett u, meta approprjat, meta huma direttament ikkonċernati bi proġett għandhom ukoll jiġu rappreżentati f’ dawn il-kumitati.

4. Għall kull proġett, l-awtorità jew il-korp maħtura għall-iskop mill-Istat Membru għandhom jissottomettu rapporti ta' progress lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-aħar ta' kull sena kompleta ta' implimentazzjoni. Għandu jiġi sottomess rapport finali lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-kompletazzjoni tal-proġett jew tal-istadju tal-proġett.

5. Abbażi tar-riżultati ta' monitoraġġ, u b’ kont meħud tal-kummenti tal-kumitat ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-ammonti u l-kondizzjonijiet biex tingħata assistenza kif inizjalment approvat, kif ukoll il-pjan ta' finanzjament maħsub, jekk neċessarju fuq proposta mill-Istat Membru.

6. Għal effettività akbar tal-Fond, il-Kummissjoni għandha tassigura li meta l-Fond huwa amministrat tingħata attenzjoni partikolari lit-trasparenza tal-amministrazzjoni.

7. L-arranġamenti ta' monitoraġġ għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw il-proġetti.

Artikolu G

Kontrolli

1. Qabel jitwettaq kontroll fuq il-post, il-Kummissjoni għandha tagħti notifika lill-Istat Membru konċernat bil-ħsieb li tiġi ottenuta l-assistenza kollha neċessarja. Kontrolli fuq il-post mill-Kummissjoni mingħajr notifika għandhom ikunu soġġetti għal ftehim milħuq skond ir-Regolament Finanzjarju. Uffiċjali jew aġenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jieħdu sehem fil-kontrolli.

Il-Kummissjoni tista’ teħtieġ lill-Istat Membru kkonċernat iwettaq kontroll fuq il-post biex jivverifika il-korrettezza tal-applikazzjonijiet ta' pagament. Uffiċjali jew aġenti tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-kontrolli, u għandhom jagħmlu hekk jekk l-Istat Membru kkonċernat jitlob hekk.

Il-Kummissjoni għandha tassigura li kwalunkwe kontroll li twettaq isir b'mod koordinat sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet ta' kontrolli fir-rigward tal-istess suġġett tul l-istess perjodu. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom immedjatament jiskambjaw kull informazzjoni relevanti li tikkonċerna r-riżultati tal-kontrolli mwettqa.

2. Il-korp u l-awtoritajiet responsabbli għandhom iżommu disponibbli għall-Kummissjoni id-dokumenti kollha ta' sostenn li jirrigwardaw l-infiq dwar kull proġett għal perjodu ta' tliet snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' proġett.

Artikolu H

It-tnaqqis, is-sospensjoni u l-ikkanċellar ta' assistenza.

1. Jekk l-implimentazzjoni ta' miżura tidher li ma tiġġustifikax parti jew l-intier tal-assistenza allokata, il-Kummissjoni ghandha tikkontrolla l-każ b'mod xieraq, u b’ mod partikolari titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet jew lill-korpi maħtura minnu biex jimplimentaw il-miżura sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’ perjodu speċifikat.

2. Wara l-kontroll imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tikkanċella assistenza fir-rigward tal-miżuri kkonċernati jekk il-kontroll jiżvela irregolarità jew nuqqas ta' konformità ma’ waħda mill-kondizzjonijiet fid-deċiżjoni sabiex tingħata assistenza, u b’ mod partikolari kull bidla sinifikanti li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-miżura li għalihom ma nġjiebitx approvazzjoni Komunitarja.

Kull kumulazzjoni mhux dovuta għandha tikkawża l-irkupru ta' somom imħallsa meta mhux dovut.

3. Kull somma li għandha tiġi rkuprata minħaba intitolament dovut għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Imgħax minħabba ripagament tard għandhom jintalbu skond ir-regoli li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu I

Kuntratti pubbliċi

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, notifiki mibgħuta għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jispeċifikaw dawk il-proġetti li għalihom tkun saret applikazzjoni jew ingħatat assistenza Komunitarja.

Artikolu J

Informazzjoni

L-Informazzjoni li għandha tingħata fir-rapport annwali previst f’Artikolu 14 għandha tkun kif stabbilit fl-Anness ma’ dan l-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-organizzazzjoni ta' laqgħa ta' informazzjoni ma’ l-Istati Membbi kull sitt xhur.

Artikolu K

Reviżjoni.

Jekk neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza ggwadanjata, il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi fuq maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness.

--------------------------------------------------

Anness għal Anness II.

Ir-rapport annwali għandu jipprovdi informazzjoni dwar li ġej:

1. assistenza finanzjarja mogħtija u mħallsa mill-Fond, b’rendikont annwali mill-Istat Membru u skond it-tip ta’ proġett (ambjent jew trasport);

2. l-impatt ekonomiku u soċjali tal-Fond fl-Istati Membri u dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni;

3. sommarju ta’ informazzjoni dwar il-programmi implimentati fl-Istati Membri benefiċjarji sabiex jiġu sodisfatti l-kondizzjonijeit ta’ konverġenza ekonomika msemmija f’Artikolu 104ċ tat-Trattat u dwar l-applikazzjoni ta’ Artikolu 6 tar-Regolament;

4. informazzjoni dwar il-konklużjonijiet li tasal għalihom il-Kummissjoni, fir-rigward tas-sospensjoni ta’ finanzjament, minn deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, bħal dawk imsemmija f’Artikolu 6(1) u (2);

5. il-kontribuzzjoni li l-Fond ikun ta lill-isforzi tal-Istati Membri benefiċjarji sabiex jimplimentaw il-politika ambjentali Komunitarja u sabiex jissaħħu r-rettikolati trans-Ewropej tal-infrastruttura tat-trasport; il-bilanċ bejn proġetti fil-qasam tal-ambjent u proġetti li jirrelataw għall-infrastruttura tat-trasport;

6. stima dwar il-kompatibilità ta’ operazzjonijiet tal-Fond ma’ politiki Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi;

7. il-miżuri meħuda sabiex jiġu assigurati koordinazzjoni u konsistenza bejn proġetti finanzjati mill-Fond u miżuri finanzjati b’ kontribuzzjonijiet mill-budget Komunitarju, mill-Bank Ewropew ta’ Investiment (BEI) u mill-istrumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.

8. l-isforzi ta’ investiment tal-Istati Membri benefiċjarji fl-oqsma ta’ protezzjoni ambjentali u l-infrastruttura tat-trasport;

9. l-istudji preparatorji u l-miżuri tekniċi ta’ sostenn finanzjati, inkluża speċifikazzjoni tat-tipi ta’ dawn l-istudji u miżuri;

10. ir-riżultati ta’ stima, monitoraġġ u valutazzjoni ta’ proġetti, inkluża informazzjoni dwar kull aġġustament ta’ proġetti sabiex jaqblu mar-riżultati tal-istima, monitoraġġ u valutazzjoni;

11. il-kontribuzzjoni tal-BEI għall-valutazzjoni tal-proġetti;

12. sommarju ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati ta’ kontrolli mwettqa, irregolaritajiet misjuba u proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji fi progress.

--------------------------------------------------