31994L0022



Official Journal L 164 , 30/06/1994 P. 0003 - 0008
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 4 P. 0237
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 4 P. 0237


Id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-30 ta’ Mejju 1994

dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 57(2), l-ewwel u t-tieni sentenzi, l-Artikoli 66 u 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

Billi s-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha il-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi, persuni u kapital ikun assigurat; billi l-miżuri meħtieġa għandhom jiġu adottati għall-operazzjoni tiegħu;

Billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Settembru 1986 [4], il-Kunsill iddentifika bħala għan għall-istrateġija ta’ l-enerġija tal-Komunità u l-Istati Membri l-integrazzjoni akbar, ħielsa minn kull barriera għall-kummerċ, tas-suq intern ta’ l-enerġija biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista, jitnaqqsu l-ispejjeż u tittejjeb il-kompetittività ekonomika;

Billi l-Komunità tiddependi fil-parti l-kbira tagħha fuq l-importazzjonijiet għall-provvista tagħha ta’ idrokarburi; billi huwa konsegwentement rakkomandabbli li jiġi inkoraġġit il-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tar-riżorsi lokalizzati fil-Komunità;

Billi l-Istati Membri għandhom is-sovranità u drittijiet ta’ sovranità fuq ir-riżorsi ta’ idrokarburi fit-territorji tagħhom;

Billi l-Komunità hija firmatarja għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

Billi għandhom jittieħdu passi biex jiġi assigurat l-aċċess mhux diskriminatorju għal u t-twettiq ta’ l-attività jiet li jirrelataw mat-tħaffir, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi permezz ta’ kondizzjonijiet li jinkoraġġixxu aktar kompetizzjoni f’dan is-settur u b’hekk jiffavorixxu l-aħjar prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ riżorsi fl-Istati Membri u jirrinfurzaw l-integrazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija;

Billi, għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti regoli komuni biex jassiguraw li l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi jkunu miftuħa għall-entitajiet kollha li għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa; billi l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi pubblikati; billi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtorizzazzjonijiet jingħataw għandhom bl-istess mod ikunu magħrufa bil-quddiem mill-entitajiet kollha li jieħdu sehem f’dik il-proċedura;

Billi l-Istati Membri għandhom iżommu l-għażliet li jillimitaw l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attività jiet għal raġunijiet iġġustifikati mill-interess pubbliku u suġġetti għall-kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ kontribuzzjoni f’idrokarburi, bl-arranġamenti dettaljati ta’ l-imsemmija kontribuzzjoni għandha tkun stabbilita b’tali mod hekk li ma tfixkilx l-immaniġġar ta’ l-entitajiet; billi dawn l-għażliet għandhom jintużaw b’mod mhux diskriminatorju; billi, bl-eċċezzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet li jirrelataw ma’ l-użu ta’ din l-għażla, passi għandhom jittieħdu biex ikun evitat li jiġi impost fuq dawk l-entitajiet, kondizzjonijiet u obbligazzjonijiet li mhumiex ġustifikati mill-ħtieġa li din l-attività titwettaq sewwa; billi l-attività jiet ta’ l-entitajiet għandhom ikunu mmonitorjati biss sal-limitu meħtieġ biex tiġi assigurata l-konformità ma dawn l-obbligazzjonijiet u l-kondizzjonijiet;

Billi l-limitu taż-żoni koperti b’awtorizzazzjoni u t-tul ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu llimitati biex tiġi evitata r-riserva għal entità waħda id-dritt esklużiv għal żona li tista’ tkun ipprospettata, esplorata u msaħħla fi produzzjoni b’mod aktar effiċjenti minn diversi entitajiet;

Billi l-entitajiet ta’ l-Istati Membri għandhom igawdu f’pajjiżi terzi trattament komparabbli ma’ dak gawdut mill-entitajiet ta’ pajjiżi terzi fil-Komunità bis-saħħa ta’ din id-Direttiva; billi huwa meħtieġ li tkun stabbilita l-proċedura għal dan il-għan;

Billi din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet maħruġa wara d-data sa meta l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE tas-17 ta’ Settembru 1990 dwar il-proċeduri ta’ l-akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-baħar, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet [5] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-akkwist ta’ entitajiet li joperaw f’ibħra, is-setturi ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet [6] tapplika għal entitajiet fis-settur ta’ l-enerġija fir-rigward ta’ l-akkwist tagħhom ta’ provvisti, ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi; billi l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti alternattivi li għalihom jipprovdi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/531/KEE hija suġġetta b’mod partikolari għall-kondizzjoni li, fl-Istat Membru li jitlob l-applikazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw b’mod mhux diskriminatorju u trasparenti; billi l-Istat Membru li jwettaq din il-kondizzjoni mill-mument meta u sakemm ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva; billi huwa għalhekk meħtieġ li d-Direttiva 90/531/KEE tiġi emendata;

Billi l-Artikolu 36 tad-Direttiva 90/531/KEE jipprovdi għal reviżjoni fi żmien erba’ snin, fid-dawl ta’ l-iżviluppi li jikkonċernaw b’mod partikolari il-progress fil-ftuħ tas-suq u l-livell ta’ kompetizzjoni, fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Ir-reviżjoni fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tinkludi l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ idrokarburi;

Billi d-Danimarka tinsab f’sitwazzjoni speċjali, minħabba l-fatt li għandha d-dmir li tidħol f’negozjati dwar il-kontinwazzjoni possibbli ta’ l-attività jiet wara li tiskadi l-konċessjoni, maħruġa fit-8 ta’ Lulju 1962, li tikkonċerna ż-żoni li huma ċeduti wara t-8 ta’ Lulju 2012 u li d-Danimarka għandha għalhekk tingħata deroga dwar dawk iż-żoni,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-għanijiet ta’ din il-Direttiva:

1. "awtoritajiet kompetenti" tfisser l-awtoritajiet pubbliċi kif definiti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/531/KEE, li huma responsabbli għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni u/jew li jimmonitorjaw l-użu tagħha;

2. "entità" tfisser kull persuna naturali jew legali jew kull grupp ta’ dawk il-persuni li japplikaw għal, jew x’aktarx li japplikaw għal, jew li jkollhom awtorizzazzjoni;

3. "awtorizzazzjoni" tfisser kull liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew kuntrattwali jew strument maħruġ taħtha li bih l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jintitolaw entità li teżerċita, għaliha stess u fuq ir-riskju tagħha, dritt esklużiv li tipprospetta jew tesplora għal jew tipproduċi idrokarburi f’żona ġeografika. Awtorizzazzjoni tista’ tingħata għal kull attività separata jew għal diversi attività jiet fl-istess żmien;

4. "entità pubblika" tfisser intrapriża pubblika kif definita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 90/531/KEE.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li għandhom jintgħamlu disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u għal produzzjoni ta’ idrokarburi.

2. Kull meta żona tintgħamel disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ dawn l-attività jiet.

B’dana kollu, l-Istati Membri jistgħu jiċħdu, fuq il-bażi ta’ sigurtà nazzjonali, li jippermettu aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ dawn l-attività jiet lil xi entità li hija effettivament ikkontrollata minn pajjiżi terzi jew minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha interessati jistgħu jibgħatu applikazzjonijiet skond il-paragrafu 2 jew 3.

2. Din il-proċedura għandha tinbeda:

(a) jew fuq l-inizjattiva ta’ l-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ avviz li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ mill-anqas 90 jum qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet;

(b) jew permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni minn xi entità mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1). Entitajiet oħra interessati għandhom jkollhom perijodu ta’ mill-anqas 90 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni li fiha jkunu jistgħu jibgħatu applikazzjoni.

L-avviżi għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ awtorizzazzjoni, iż-żona jew iż-żoni ġeografiċi li parti minnhom jew kollha kemm huma, applikazzjoni tkun ġiet jew tkun tista’ ssir u d-data proposta jew il-limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni.

Meta tingħata preferenza għall-applikazzjonijiet minn entitajiet li huma persuni naturali jew legali waħdanija, l-avviż għandu hekk jispeċifika.

3. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjonijiet mingħajr ma jibdew il-proċedura permezz tal-paragrafu 2 ta’ fejn iż-żona li għaliha tintalab l-awtorizzazzjoni:

(a) hija disponibbli fuq bażi permanenti; jew

(b) kienet suġġetta għall-proċedura preċedenti skond il-paragrafu 2 li ma tkunx irriżultat fl-għoti ta’ awtorizzazzjoni; jew

(ċ) tkun intelqet minn entità u ma taqgħax awtomatikament taħt (a).

Stat Membru li jixtieq japplika dan il-paragrafu għandu fi żmien tliet xhur mill-addozzjoni ta’ din id-Direttiva jew, fil-każ ta’ l-Istati Membri li jkun għadhom ma introduċewx dawk il-proċeduri, mingħajr dewmien jirranġaw għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ avviż li jindika ż-żoni fit-territorju tagħhom li huma disponibbli permezz ta’ dan il-paragrafu u minn fejn jista’ jinkiseb tagħrif iddettaljat f’dan ir-rigward. Kull bidla sinnifikanti f’dan it-tagħrif għandha tkun suġġetta għal avviż addizzjonali. B’dana kollu, l-ebda applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni taħt dan il-paragrafu ma tista’ tiġi konsidrata jekk mhux wara l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż relevanti taħt dan it-test.

4. L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jekk u sa dak il-limitu li l-konsiderazzjonijiet ġeoloġiċi jew tal-produzzjoni jiġġustifikaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għal żoni lid-detentur ta’ l-awtorizazzjoni għal żona kontigwa. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jassiguraw li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet għal xi żona kontigwi oħra jkunu jistgħu jibgħatu applikazzjonijiet f’dak il-każ u li jingħataw żmien biżżejjed sabiex jagħmlu dan.

5. Dan li ġej m’għandux jiġi konsidrat bħala għotja ta’ awtorizzazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1:

(a) l-għoti ta’ awtorizzazzoni unikament minħabba bidla fl-isem jew pussess ta’ entità li jkollha awtorizzazzjoni eżiżtenti, bidla fil-komposizzjoni ta’ dik l-entità jew trasferiment ta’ l-awtorizzazzjoni;

(b) l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-entità li jkollha forma oħra ta’ awtorizzazzjoni meta il-pussess ta’ din l-awtorizzazzjoni ta’ l-aħħar timplika dritt għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni preċedenti;

(ċ) id-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti meħuda fil-qafas ta’ l-awtorizzazzjoni (sew jekk l-awtorizzazzjoni tkun ingħatat qabel id-data stabbilita fl-Artikolu 14 u anki jekk le) u li tirrigwarda l-bidu, l-interruzzjoni, il-prolongazzjoni jew it-twaqqif ta’ l-attività jiet jew il-prolungazzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni nnifisha.

6. Minkejja l-bidu tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iżommu l-għażla li jiċħdu li jagħtu awtorizzazzjonijiet, waqt li jassiguraw li din l-għażla ma tagħtix lok għal diskriminazzjoni bejn entitajiet.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li:

(a) jekk iż-żoni ġeografiċi ma jkunux delimitati fuq il-bażi ta’ diviżjoni ġeometrika preċedenti tat-territorju, il-firxa ta’ kull żona hija ddeterminata b’tali mod li ma teċċedix ż-żona ġġustifikata mill-aħjar eżerċizzju possibbli ta’ l-attività jiet mill punti di vista tekniċi w ekonomiċi. Fil-każi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija wara l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 3(2), kriterji oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti għal dan il-għan u għandhom jintgħamlu disponibbli għall-entitajiet qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet;

(b) it-tul ta’ l-awtorizzazzjoni m’għandux jeċċedi l-perijodu meħtieġ għat-twettiq ta’ l-attività jiet li dwarhom tkun ingħatat l-approvazzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jtawwlu l-awtorizzazzjoni meta t-tul stipulat ma jkunx biżżejjed biex tiġi mwettqa l-applikazzjoni f’dak il-każ u meta l-attività tkun twettqet skond l-awtorizzazzjoni;

(ċ) entitajiet li ma jżommux id-drittijiet esklużżivi fiż-żona ġeografika li dwarha jkunu rċevew l-awtorizzazzjoni għal itwal milli hu meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ l-attività jiet awtorizzati.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li:

1. l-awtorizzazzjonijiet jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji li jikkonċernaw, fil-każi kollha:

(a) il-kapaċita teknika u finanzjarja ta’ l-entitajiet; u

(b) il-mod li bih jipproponu li jipprospettaw, jesploraw u/jew iġibu fi produzzjoni iż-żona ġeografika f’dak il-każ;

u, fejn applikabbli:

(ċ) jekk l-awtorizzazzjoni tingħata għall-bejgħ, il-prezz li l-entità hija lesta li tħallas biex tikseb l-awtorizzazzjonijiet;

(d) jekk, wara evalutazzjoni permezz tal-kriterji (a), (b) u, fejn applikabbli, (ċ), żewġ applikazzjonijiet jew aktar ikollhom mertu ndaqs, kriterji oħra relevanti u mhux diskriminatorji, biex issir għażla finali minn dawk l-applikazzjonijiet.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu kont, meta jagħmlu l-apprezzament ta’ l-applikazzjonijiet, ta’ xi nuqqas ta’ effiċjenza u responsabbiltà murija mill-applikanti fit-tħaddim ta’ xi awtorizzazzjonijiet preċedenti;

Meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu l-kompożizzjoni ta’ entità li lilha jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni, għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

Meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu l-kompożizzjoni ta’ entità li lilha jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni, għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

Il-kriterji għandhom jitħejjew u jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel il-bidu tal-perijodu għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet. L-Istati Membri li jkunu diġà ppubblikaw il-kriterji fil-ġurnali uffiċjali tagħhom jistgħu jillimitaw il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal referenza tal-pubblikazzjoni fil-ġurnali uffiċjali tagħhom. B’dana kollu, kull tibdil fil-kriterji għandu jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej;

2. il-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju jew it-terminazzjoni ta’ l-attività li tapplika għal kull tip ta’ awtorizzazzjoni bis-saħħa tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fiż-żmien tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet, sew jekk ikunu fl-awtorizzazzjoni jew ikunu waħda mill-kondizzjonijiet li għandha tiġi aċċettata qabel l-għoti ta’ dik l-awtorizzazzjoni, ikunu stabbiliti u magħmula disponibbli għall-entitajiet interessati f’kull żmien. Fil-każ li għalih jipprovdi l-Artikolu 3(2)(a), jistgħu jitgħamlu disponibbli biss mid-data li tibda minn meta l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jistgħu jintbagħtu;

3. xi tibdiliet magħmula fil-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet fil-korsa tal-proċedura huma nnotifikati lejn l-entitajiet interessati kollha;

4. il-kriterji, il-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet li għalihom jirreferi dan l-Artikolu jkunu applikati b’mod mhux diskriminatorju;

5. kull entità li l-applikazzjoni tagħha għall-awtorizzazzjoni ma tintlaqax għandha, jekk l-entità hekk tkun tixtieq, tiġi avżata bir-raġunijiet għad-deċiżjoni.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 5(2) u l-obbligazzjonijiet dettaljati għall-użu ta’ awtorizzazzjoni speċifika jkunu ġġustifikati esklużżivament mill-ħtieġa li jiġi assigurat it-twettiq xieraq ta’ l-attivitajiet fiż-żona li għaliha tintalab l-awtorizzazzjoni, bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 u bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ kontribuzzjoni f’idrokarburi.

2. L-Istati Membri jisgħu, sal-limitu ġġustifikat mis-sigurtà nazzjonali, mis-sigurtà pubblika, mis-saħħa pubblika, mis-sigurtà ta’ trasport, mill-protezzjoni ta’ l-ambjent, mill-protezzjoni ta’ riżorsi bioloġiċi u teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storku jew arkeoloġiku, mis-sigurtà ta’ stallazzjonijiet u tal-ħaddiema, mill-immaniġġar ippjanat tar-riżorsi idrokarburi (per eżempju r-rata li biha l-idrokarburi jkunu eżawriti jew l-ottimizzazzjoni ta’ l-akkwist tagħhom) jew il-ħtieġa li jiġi assigurat l-introjtu tat-taxxa, jimponu kondizzjonijiet u ħtiġijiet dwar l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

3. Ir-regoli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1, inkluża kull ħtieġa għall-parteċipazzjoni ta’ l-Istat, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’tali mod li jassiguraw li l-indipendanza ta’ l-immaniġġar ta’ l-entitajiet tinżamm.

Madankollu, meta l-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet huma suġġetti għall-parteċipazzjoni ta’ l-Istat fl-attivitajiet u meta persuna legali tkun ġiet f’data bl-immaniġġar ta’ din il-parteċipazzjoni jew meta l-Istat innifsu jimmaniġġa l-parteċipazzjoni, la l-persuna legali u lanqas l-Istat m’għandhom jinżammu milli jassumu d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet assoċjati ma’ dik il-parteċipazzjoni, ekwivalenti għall-importanza tal-parteċipazzjoni b’dan li l-persuna legali jew l-Istat m’għandhomx ikunu parti għat-tagħrif lanqas li jeżerċitaw xi drittijiet ta’ vot fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw is-sorsi ta’ akkwist għall-entitajiet, li l-persuna legali jew l-Istat flimkien ma’ xi entità jew entitajiet pubbliċi m’għandhomx jeżerċitaw dritt ta’ maġġoranza tal-vot fuq deċiżjonijiet oħra u li xi vot mill-Istat jew mill-persuna legali għandu jkun ibbażat esklussivament fuq prinċipji ta’ trasparenza, oġġettività u nuqqas ta’ diskriminazzjoni, u m’għandhomx ifixklu deċiżjonijiet manaġerjali ta’ l-entità milli jkunu bbażati fuq prinċipji normali tal-kummerċ.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti m’għandux ifixkel lill-persuna legali jew lill-Istat milli jopponu deċiżjoni mid-detenturi ta’ l-awtorizzazzjoni li ma tkunx tirrispetta l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet, speċifikati fl-awtorizzazzjoni, dwar il-politika ta’ tnaqqis u l-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-Istat.

L-għażla li tkun opposta deċiżjoni għandha tkun eżerċitata b’mod mhux diskriminatorju, partikolarment dwar deċiżjonijiet ta’ investiment u sorsi tal-provvista ta’ entitajiet. Meta il-parteċipazzjoni ta’ l-Istat membru fl-attivitjiet hija mmaniġġata minn persuna legali li żżomm ukoll l-awtorizzazzjonijiet, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi arranġamenti li jeħtieġu li l-persuna legali żżomm kontijiet separati għar-rwol kummerċjali u r-rwol tagħha ta’ mmaniġġar tal-parteċipazzjoni ta’ l-Istat u li tiggarantixxi li ma jkun hemm ebda kurrent ta’ tagħrif mill-parti tal-persuna legali responsabbli għall-immaniġġar tal-parteċipazzjoni ta’ l-Istat da parti tal-persuna legali li żżomm l-awtorizzazzjonijiet fid-dritt tagħha stess. B’dana kollu, meta il-parti tal-persuna legali responsabbli għall-immaniġġar tal-parteċipazzjoni ta’ l-Istat tingaġġa l-parti tal-persuna legali li żżomm l-awtorizzazzjonijiet bħala konsulent, din ta’ l-ewwel tista’ tagħmel disponibbli kull tagħrif li huwa meħtieġ għax-xogħol ta’ konsulenza li għandu jitwettaq. Id-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet kollha li dwarhom it-tagħrif jirrelata għandhom ikunu avżati bil-quddiem b’liema tagħrif għandu jingħata b’dan il-mod u għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex iqajmu oġġezzjonijiet.

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-immonitorjar ta’ l-entitajiet permezz ta’ awtorizzazzjoni jkun illimitat għal dak meħtieġ biex tiġi assigurata l-konformità mal-kondizzjonijiet, mal-ħtiġijiet u mal-obbligazzjonijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1. B’mod partikolari, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li ebda entità ma tkun meħtieġa, b’xi liġi, regolament jew ħtieġa amministrattiva, jew b’xi ftehim jew impenn, li tipprovdi tagħrif dwar is-sorsi intenzjonati jew attwali ta’ ksib, ħlief fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet kompetenti u esklużżivament bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 36 tat-Trattat.

L-Artikolu 7

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw jew li jinsabu f’awtorizzazzjonijiet individwali u għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(5)(b) id-dispożizzjonijiet legali, regolatorji u amministrattivi li jirriżervaw għal entità waħda id-dritt li jinkisbu awtorizzazzjonijiet f’żona ġeografika speċifika fit-territorju ta’ l-Istat Membru għandhom jiġu aboliti mill-Istati Membri konċernati qabel l-1 ta’ Jannar 1997.

L-Artikolu 8

1. L-Istati Membri jistgħu javżaw lill-Kummissjoni b’kull diffikultà ġenerali li jiltaqgħu magħha, de jure jew de facto, mill-entitajiet fl-aċċess għal jew fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet dwar prospettar, esplorazzjoni għal u l-produzzjoni ta’ idrokarburi f’pajjiżi terzi, li jkunu nġiebu għall-attenzjoni tagħhom. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-konfidenzjalità kummerċjali tiġi rrispettata.

2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel il-31 ta’ Diċembru 1994, u perjodikament wara dan, dwar is-sitwazzjoni ta’ entitajiet f’pajjiżi terzi u fuq l-istat ta’ xi negozjati magħmula skond il-paragrafu 3 ma’ dawk il-pajjiżi jew fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

3. Kull meta l-Kummissjoni tistabbilixxi, jew fuq il-bażi tar-rapporti li għalihom jirreferi l-paragrafu 2 jew fuq il-bażi ta’ tagħrif ieħor, li xi pajjiż terz ma’ jkunx qiegħed jagħti lill-entitajiet tal-Komunità, fir-rigward ta’ aċċess għal jew fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 1, trattament komparabbli ma’ dak li l-Komunità tagħti lill-entitajiet ta’ dak il-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tibgħat proposti lill-Komunità għall-mandat li japplika għal negozjati bil-ħsieb li jinkisbu opportunitajiet kompetittivi li jkunu komparabbli għall-entitajiet tal-Komunità. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

4. Fiċ-ċirkostanzi deskritti fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’ f’kull żmien tipproponi li l-Kunsill jawtorizza lil xi Stat Membru wieħed jew aktar li jiċħad awtorizzazzjoni lil xi entità li tkun effettivament ikkontrollata mill-pajjiż terz ikkonċernat u/jew miċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel dik il-proposta fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba minn xi Stat membru.

Il-Kunsill għandu jaġixxi kemm jista’ jkun malajr b’maġġoranza kwalifikata.

5. Miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tal-Komunità taħt xi ftehim internazzjonali li jirregola l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ prospettar, esplorazzjoni għal u produzzjoni ta’ idrokarburi.

L-Artikolu 9

Kull Stat Membru għandu jippubblika u jikkomunika lejn il-Kummissjoni rapport ta’ kull sena li għandu jinkludi tagħrif dwar iż-żoni ġeografiċi li jkunu nfetħu għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni, awtorizzazzjonijiet mogħtija, entitajiet li jżommu awtorizzazzjonijiet u l-kompożizzjoni tagħhom u l-estimi tar-riżervi li jinsabu fit-territorju tiegħu.

Din id-dispożizzjoni m’għandhix timplika xi obbligazzjoni għall-Istati Membri li jippubblikaw tagħrif kummerċjali ta’ natura konfidenzjali.

L-Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 1995, bl-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien b’kull tibdil sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti u xi emendi għaliha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva tapplika għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija mid-data mniżżla fl-Artikolu 14.

L-Artikolu 12

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/531/KEE:

"5. Fir-rigward ta’ l-esplojtazzjoni taż-żoni ġeografiċi għall-għan ta’ l-ipprospettar għal jew għall-estrazzjoni ta’ żejt jew gass, il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw kif ġej mid-data li fiha l-Istat Membru kkonċernat ikun sar konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u mad-Direttiva tal-Kunsill 94/22/KE tat-30 ta’ Mejju dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi [7]:

(a) il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li jissodisfaw b’effett minn dik id-data mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3;

(b) b’effett minn dik id-data, l-Istat Membru li għalih jirreferi l-paragrafu 4 għandu jkun meħtieġ li jikkomunika biss id-dispożizzjonijiet li jirrelataw dwar il-konformità mal-kondizzjonijiet li għalihom jirreferu l-paragrafi 2 u3."

L-Artikolu 13

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3 u 5 m’għandhomx japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet ġodda mogħtija mid-Danimarka qabel il-31 ta’ Diċembru 2012, dwar iż-żoni li huma ċeduti fit-8 ta’ Lulju 2012 malli tiskadi l-awtorizzazzjoni maħruġa fit-8 ta’ Lulju 1962. L-awtorizzazzjonijiet il-ġodda għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ oġġettività u mhux diskriminazzjoni.

B’konsegwenza, dan l-Artikolu m’għandux joħloq xi preċedent għall-Istati Membri.

L-Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Lulju 1995. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 15

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil — Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 16

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-30 ta’ Mejju 1994.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

E. Klepsch

Għall-Kunsill

Il-President

C. Simitis

[1] ĠU C 139, tat-2.6.1992, p. 12.

[2] ĠU C 19, tal-25.1.1993, p. 128.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fit-18 ta’ Novembru 1992 (ĠU C 337, tal-21.12.1992, p. 145). Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1993 (ĠU C 101, tad-9.4.1994, p. 14) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU C 241, tal-25.9.1986, p. 1.

[5] ĠU L 297, tad-29.10.1990, p. 1.

[6] ĠU L 199, tad-9.8.1993, p. 84.

[7] ĠU L 164, tat-30.6.1994, p. 3.

--------------------------------------------------