31993L0074



Official Journal L 237 , 22/09/1993 P. 0023 - 0027
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 52 P. 0145
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 52 P. 0145


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/74/KEE

tat-13 ta’ Settembru 1993

dwar l-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal għanijiet nutrijenti partikolari

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropeja, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għal għanijiet partikolari tan-nutriment qegħdin jilagħbu parti importanti fid-dieta ta’ l-annimali tal-gost; billi dawn il-prodotti huma wżati wkoll fit-tkabbir tal-bhejjem produttivi ta’ l-oqsma;

Billi, f’uħud mill-Istati Membri, il-għalf kopert b’din id-Direttiva diġà jitqiegħdu fis-suq hekk illi jiġbdu l-attenzjoni ta’ l-utenti dwar il-kompożizzjoni partikolari tagħhom;

Billi għandha tiġi stabbilita definizzjoni komuni għall-prodotti interessati; billi din id-definizzjoni trid tipprovdi illi l-prodotti ppreżentati kif maħsuba għalbiex jilħqu ċerti ħtiġiet tan-nutriment irid ikollhom kompożizzjoni speċifika u/jew iridu jiġu ffabbrikati billi jintużaw metodi speċjali; billi huwa essenzjali li jiġi stabbilit il-prinċipju illi dan il-għalf irid jiġi magħruf biċ-ċar wieħed mill-ieħor, fil-karatteristiċi u fil-għanijiet tiegħu, kemm mill-għalf ordinarju u kemm mill-għalf immedikat;

Billi l-kompożizzjoni u t-tħejjija tal-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment irid ikun iddisinjat b’mod speċjali għalbiex jilħaq il-ħtiġiet partikolari tan-nutriment tal-kategoriji ta’ l-annimali tal-gost jew tal-bhejjem produttivi ta’ l-oqsma illi l-proċess tagħhom ta’ l-assimilazzjoni, l-assorbiment jew il-metaboliżmu jista’ jiġi ddanneġġjat għal ftit taż-żmien jew iddanneġġjat temporanjament jew b’mod irriversibbli;

Billi, meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti r-regoli għat-tqegħid fis-suq tal-għalf maħsub għal għanijiet partikolari nazzjonali, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat illi dan il-għalf ikollu effett benefiċjali fuq l-annimali li jibilgħuh; billi l-għalf irid għalhekk ikun dejjem tal-kwalità li jista’ jiġi kkummerċjat; billi għalhekk la jrid jippreżenta perikolu għas-saħħa ta’ l-annimali jew ta’ l-ambjent u lanqas ma jitqiegħed fis-suq b’manjiera x’aktarx qarrieqa;

Billi din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra Komunitarji dwar il-għalf, u b’mod partikolaru għar-regoli li japplikaw għall-għalf kompost;

Billi l-utent tal-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment jeħtieġ illi jiġi pprovvdut b’tagħrif eżatt u li jkun fih tifsira;

Billi sabiex il-għalf jiġi magħruf minn bejn il-għalf li jilħaq il-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva u bejn għalf ieħor, espressjoni waħdiena ta’ kwalifika, "dietetiku", trid takkumpanja d-deskrizzjoni tal-għalf;

Billi, bħal fil-każ tal-għalf ordinarju, għandhom jiġu ddikjarati mill-inqas il-livelli tal-kostitwenti analitiċi li jkollhom effett dirett fuq il-kwalità tal-għalf; billi għandha ssir dispożizzjoni għad-dikjazzjoni ta’ ċerti kostitwenti analitiċi miżjuda li jagħtu lill-għalf il-proprjetajiet dietetiċi tiegħu;

Billi l-produtturi kollha tal-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment irid ikollu l-għażla li jindika fuq it-tikketta ċerti partikolaritajiet ta’ ħtieġa għall-utent;

Billi mhux meħtieġ illi l-provvista tal-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment ikun bla ħsara għall-preżentazzjoni ta’ preskrizzjoni veterinarja ġaladarba dawn il-prodotti ma fihom l-ebda sustanza kimika fit-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE tas-26 ta’ Jannar 1965 dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġijiet, ir-regolamenti jew l-azzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti mediċinali ppatentjati [4], iżda, sabiex jiġi żgurat l-użu approprjat tal-għalf b’karattru speċifiku ħafna, l-utent għandu jiġi mwissi illi jkun mixtieq li titfittex l-opinjoni ta’ speċjalista qabel ma jintuża;

Billi, madankollu, għall-għalf iddisinjat sabiex jissodisfa l-ħtiġiet nutrijenti ta’ l-annimali bi proċessi ta’ dannu mhux irriversibbli fl-assimilazzjoni, l-assorbiment jew il-metaboliżmu jew li jkunu fi stat patoloġiku li jeħtieġ is-sorveljanza medika, għandha tiġi pprovvduta l-possibbiltà li jiġu stabbiliti regoli addizzjonali tat-tikkettjar li jipprovdu illi għandha tingħata rakkommandazzjoni lill-utent sabiex jitlob l-opinjoni minn qabel ta’ veterinarju minflok ir-rakkommandazzjoni ġenerali li jikkonsulta speċjalista;

Billi għandha wkoll tiġi mfassla lista pożittiva fil-livell Komunitarju dwar l-użi maħsuba għall-għalf ta’ l-annimali għal għanijiet partikolari tan-numtriment, li tindika l-użu preċiż tagħhom, il-karatteristiċi essenzjali tan-nutriment, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji jew bil-għażla u l-ħtiġiet speċjali tat-tikkettjar; billi, filwaqt li tinżamm fil-moħħ l-importanza ta’ din il-lista sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva, din il-lista għandha tiġi adottata fi żmien f’waqtu;

Billi t-tqegħid fis-suq tal-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva ma jrid ikun bla ħsara għall-ebda restrizzjoni għal raġunijiet ta’ kontenut, metodi tal-fabbrikazzjoni, preżentazzjoni jew tikkettjar;

Billi, fil-każijiet meta prodott jippreżenta riskju għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-bniedem jew għall-ambjent, għandha ssir dispożizzjoni għal kull Stat Membru li jitlob illi l-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet approprjati, fuq raġunijiet iġġustifikati;

Billi, fil-każijiet meta l-Kunsill jagħti l-poteri lill-Kummssjoni għalbiex tapplika r-regoli stabbiliti rigward il-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment, għandha tiġi pprovvduta proċedura għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti tal-Għalf stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 70/372/KEE [5];

Billi jrid jiġi żgurat l-ispezzjoni ffettiv tal-għalf masub għal għanijiet partikolari tan-numtriment; billi f’ċerti ċirkostanzi l-mezzi tas-soltu għad-dispożizzjoni tas-servizzi ta’ l-ispezzjon jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jippermettu l-verifika illi għalf attwalment jippossjiedi l-proprjetajiet partikolari tan-nutriment attribwiti lilu; billi għandu għalhekk jiġi pprovvdut illi, fejn meħtieġ, il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq tal-prodott għandha tassisti lis-servizz ta’ l-ispezzjon fid-dmirijiet tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu illi l-għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment jista jitqiegħed fis-suq biss jekk:

- iwettaq il-kondizzjonijiet riferiti fl-Artikolu 3,

- ikun ittikkettjat skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5,

- l-użu maħsub għalih jiġi inkluż fil-lista mfassla skond l-Artikolu 6 u jwettaq id-dispożizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din il-lista.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin:

(a) ‘għalf’għandu jfisser il-prodotti ta’ oriġini mill-ħxejjex ta’ l-ikel jew mill-annimali fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippriservati, u l-prodotti dderivati mill-proċessar industrijali tagħhom, u s-sustanzi organiċi jew inorganiċi, użati għal rashom jew f’taħlitiet, sewwa jekk ikun fihom l-addittivi u sewwa jekk le, sabiex jitimgħu lill-annimal bil-fomm;

(b) ‘għalf kompost’ għandu jfisser taħlitiet tal-prodotti ta’ oriġini mill-ħxejjex ta’ l-ikel jew mill-annimali fl-istat oriġinali tagħhom, friski jew ippriservati, u l-prodotti dderivati mill-proċess industrijali tagħhom, jew ta’ sustanzi organiċi jew inorganiċi, sewwa jekk ikun fihom l-addittivi u sewwa jekk le, għat-tmigħ bil-fomm lill-annimali fil-għamla ta’ għalf kompletat jew għalf komplimentari;

(ċ) ‘għalf maħsub għal għanijiet partikolari tan-nutriment’ għandu jfisser għalf kompost li, bis-saħħa tal-kompożizzjoni partikolari tiegħu jew il-metodu tal-fabbrikazzjoni, jista’ jingħaraf sewwa kemm mill-għalf ordinarju u kemm mill-prodotti ddefiniti fid-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE tas-26 ta’ Marzu 1990 li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tħejjija, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-għalf immedikat fil-Komunità [6], u jiġi ppreżentat kif maħsub sabiex jilħaq ħtiġiet speċifiċi tan-nutriment;

(d) ‘għan partikolari tan-nutriment’ għandu jfiser il-għan li jissodisfa l-ħtiġiet speċifiċi tan-nutriment ta’ ċerti annimali tal-gost jew tal-bhejjem produttivi fuq l-oqsma li l-proċess ta’ l-assimilazzjoni, l-assorbiment u l-metaboliżmu tagħhom jista’ jiġi jew iddanneġġjat temporanjament jew iddanneġġjat b’mod irriversibbli u għalhekk ikunu kapaċi li jidderivaw benefiċċju mill-inġestjoni tal-għalf approprjat skond il-kondizzjoni li jkunu fiha.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi n-natura tal-kompożizzjoni tal-għalf riferit fl-Artikolu 1(1) tkun hekk illi l-prodott ikun approprjat għall-għan maħsub tan-nutriment.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tapplika, bla ħsara għad-disposizjonijiet speċifiċi stabbiliti fiha, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar:

(a) il-għalf kompost;

(b) l-addittivi fil-għalf;

(ċ) is-sustanzi u l-prodotti mhux fin-nutriment ta’ l-annimali;

(d) ċerti prodotti wżati fin-nutriment ta’ l-annimali.

Artikolu 5

B’żieda mad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 79/373/KEE of 2 April 1979 dwar it-tqegħid is-suq tal-għalf kompost [7] l-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi:

1. l-indikazzjonijiet addizzjonali li ġejjin jidhru fl-ispazju pprovvdut bil-għan tal-pakkeġġjar, fuq il-kontenitur jew fuq it-tabella tal-għalf riferita fl-Artikolu 1(1):

(a) l-espressjoni ta’ kwalifika ‘dietetiku’ flimkien mad-deskrizzjoni tal-għalf;

(b) l-użu preċiż, jiġifieri l-użu partikolari tan-nutriment;

(ċ) l-indikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tan-nutriment tal-għalf;

(d) id-dikjarazzjonijiet stabbiliti fil-kolonna 4 fl-Anness li jirrigwardaw il-għan partikolari tan-nutriment;

(e) it-tul taż-żmien irrakkommandat għall-użu tal-għalf.

L-indikazzjonijiet riferiti fil-punti (a) sa (e) iridu jikkonformaw mal-kontenut tal-lista ta’ l-użi maħsuba fl-Anness u d-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti skond l-Artikolu 6(b);

2. jistgħu jiġu forniti indikazzjonijiet oħra għajr dawk riferiti fil-paragrafu 1 fl-ispazju pprovvdut għal dan il-għan, safejn u sakemm ikunu koperti bl-Artikolu 6(a);

3. mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5e tad-Direttiva 79/373/KEE, it-tikkettjar tal-għalf kif riferit fl-Artikolu 1(1) jista’ jagħmel referenza għal kondizzjoni speċifika patoloġika safejn u sakemm din il-kondizzjoni tikkorrespondi mal-għan tan-nutriment stabbilit fil-lista ta’ l-użi mfassla skond l-Artikolu 6(a);

4. it-tikketta jew l-istruzzjonijiet għall-użu tal-għalf riferit fl-Artikolu 1(1) iridu jġorru l-indikazzjoni ‘Huwa rrakkommandat illi titifittex l-opinoni ta’ speċjalista qabel l-użu.’

Madankollu, jista’ jiġi pprovvdut fil-lista ta’ l-użi maħsuba fl-Anness illi din id-dikjarazzjoni għandha tiġi mibdula għal għalf speċifiku tan-nutriment b’rakkommandazzjoni li titlob l-opinjoni minn qabel ta’ veterinarju;

5. id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5c (5) tad-Direttiva 79/373/KEE għandhom japplikaw ukoll għall-għalf riferit fl-Artikolu 1(1) u maħsub għal annimali oħra għajr l-annimali tal-gost;

6. it-tikkettjar tal-għalf riferit fl-Artikolu 1(1) jista’ wkoll jagħti prominenza lill-preżenza jew lil-livell baxx ta’ kostitwent analitiku jew iktar li jkunu essenzjali għad-deskrizzjoni tal-għalf. F’dawn il-każijiet, il-livell minimu jew massimu tal-kostitwenti analitiċi espressi bħala perċentwal tal-piż tal-għalf iridu jkunu indikati biċ-ċar fil-lista tal-kostitwenti analitiċi ddikjarati;

7. -espressjoni ta’ kwalifika ‘dietitiku’ għandha tiġi rriservata biss għall-għalf riferit fl-Artikolu 1(1).

Espressjonijiet oħra ta’ kwalifika għajr ‘dietitiku’ għandhomn jiġu pprojbiti fit-tikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ dan il-għalf;

8. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5c (3) tad-Direttiva 79/373/KEE, id-dikjarazzjoni ta’ l-ingredjenti tista’ ssir fil-għamla ta’ raggruppament tal-kategorija ta’ numru ta’ ingredjenti, saħansitra meta tkun meħtieġa d-dikjarazzjoni ta’ ċerti ingredjenti skond l-isem speċifiku tagħhom sabiex jiġu ġġustifikati l-karatteristiċi nutrijenti tal-għalf.

Artikolu 6

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9:

(a) għandha tiġi stabbilita lista ta’ l-użi maħsuba skond l-Anness mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1994. Din il-lista għandu jkun fiha:

- l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 5(1)(b), (ċ), (d) u (e), u

- meta approprjat, l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 5(2) u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(4);

(b) jistgħu jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet riferiti fil-(a), li jinkludu t-tolleranzi applikabbli;

(ċ) il-miżuri adottati skond il-(a) u l-(b) jistgħu jiġu mmodifikati, wara l-iżviluppi fil-għerf xjentifiku u tekniku.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-għalf kif riferit fl-Artikolu 1(1) ma jkunx, għal raġunijiet li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, bla ħsara għal restrizzjonijiet oħra tat-tqegħid fis-suq għajr dawk ipprovvduti f’din id-Direttiva.

Artikolu 8

1. Meta Stat Membru jistabbilixxi illi l-użu ta’ għalf kif riferit fl-Artikolu 1(1) jew l-użu tiegħu fil-kondizzjonijiet stabbiliti jippreżenta riskju għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-bniedem jew għall-ambjent, għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għadha tiftaħ malajr kemm jista’ jkun il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 bil-ħsieb li tadotta kull miżura approprjata.

Artikolu 9

1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu trid tiġi segwita, il-President għandu jirreferi l-materja lill-Kumitat Permanenti tal-Għalf, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, fil-limitu taż-żmien li l-President jista’ jistabilixxi skond l-urgenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat rigward id-deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri ġewwa l-Kumitat għandhom jiġu ppeżati kif iprovvdut f’dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tippreżenta lill-Kunsill proposta li jkollha x’taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, ma’ l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni għajr jekk il-Kunsill ikun iddeċieda kontra dawn il-miżuri b’maġġoranza sempliċi.

Artikolu 10

Sabiex jippermettu l-ispezzjon uffiċjali tal-għalf kif riferit fl-Artikolu 1(1), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li ġejjin:

1. l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-ispezzjon uffiċjali matul il-fabbrikazzjoni jew it-tqegħid fis-suq, għall-inqas bit-teħid tal-kampjuni. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva;

2. meta approprjat, l-awtorità kompetenti għandha tingħata l-poteri li teħtieġ illi l-persuna responsabli mit-tqegħid fis-suq tal-prodott tipproduċi l-informazzjoni u t-tagħrif li jistabbilixxu l-konformità tal-għalf ma’ din id-Direttiva

Jekk din l-informazzjoni tkun ġiet ippubblikata f’għamla aċċesibbli bla xkiel, tkun biżżejjed referenza għall-pubblikazzjoni.

Artikolu 11

Id-Direttivi li ġejjin huma hawnhekk emendati kif speċifikat:

1. dan li ġej għandu jiġi miżjud ma’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 74/63/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1973 dwar il-fissar tal-livelli massimi permessi għas-sustanzi u l-prodotti fil-għalf mhux mixtieqa

[8]

:

"(f) il-għalf għal għanijiet partikolari tan-nutriment;"

2. fid-Direttiva 79/373/KEE:

(a) dan li ġej għandu jiġi miżjud ma’ l-Artikolu 1(2):

"(h) il-għalf għal għanijiet partikolari tan-nutriment;"

(b) l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5e għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"— jista’ ma jkunx iddisinjat sabiex jindika l-preżenza jew il-kontenut tal-kostitwenti analitiċi l-oħra għajr dawk li d-dikjarazzjoni tagħhom hija pprovvduta fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttuiva jew fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/74/KEE tat-13 ta’ Settembru 1993 dwar il-għalf maħsub għal għanijie partikolari tan-nutriment [9];"

3. dan li ġej għandu jiġu miżjud ma’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE tat-30 ta’ Ġunju 1982 li tirrigwarda ċerti prodotti wżati fin-nutriment ta’ l-annimali

[10]

:

"(f) il-għalf għal għanijiet partikolari tan-nutriment;."

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalihom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttuva mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1995. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu r-referenzi għal din id-Direttiva jew għandhom jakkumpanjawhom b’dawn ir-referenzi fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-manjiera li biha għandhom isiru dawn ir-referenzi.

Artikolu 13

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Settembru 1993.

Għall-Kunsill

Ph. Maystadt

Il-President

[1] ĠU C 231, tad-9.9.1992, p. 6.

[2] ĠU C 21, tal-25.1.1993, p. 73.

[3] ĠU C 73, tal-15.3.1993, p. 25.

[4] ĠU C 22, tad-9.2.1965, p. 369/65.

[5] ĠU L 170, tat-3.8.1970, p. 1.

[6] ĠU L 92, tas-7.4.1990, p. 42.

[7] ĠU L 86, tas-6.4.1979, p. 30.

[8] ĠU L 38, tal-11.2.1974, p. 31.

[9] ĠU L 237, tat-22.9.1993, p. 23.

[10] ĠU L 213, tal-21.7.1982, p. 8.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------