31992R0443



Official Journal L 052 , 27/02/1992 P. 0001 - 0006
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 19 P. 0150
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 19 P. 0150


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 443/92

tal-25 ta' Frar 1992

dwar l-għajnuna finanzjarja u teknika lill-, u ko-operazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Asja u l-Amerika Latina

IL-KUNSILL TAL-KOMNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tat-Trattat,

Wara li kkunsidra il-proposti mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni mill-Parlament Ewropew [2],

Billi l-Komunità kienet qed issegwi politika ta' finanzjament u kooperazzjoni teknika ma' l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-Asja u l-Amerika Latina (AAL) sa mill-1976 u, iktar riċenti bdiet ukoll kooperazzjoni ekonomika ma' dawn il-pajjiżi; billi dawn il-forom ta' kooperazzjoni huma parti minn politika ta' kooperazzjoni bħala strateġija ġenerali mal-pajjiż li qed jiżviluppaw fl-intier tagħhom, li tinkludi espansjoni tal-kummerċ tagħhom b'integrazzjoni f'sistema ta' kummerċ multilaterali, b'miżuri xierqa biex jittieħdu fi ħdan organizazzjonijiet internazzjonali relevanti u b'miżuri speċifiċi bħas-sistema tal-Komunità ta' preferenzi ġeneralizzati;

Billi l-proċess kurrenti tal-kostruzzjoni Ewropea u l-influwenza dejjem tikber tal-Komunità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mad-dinja kollha tiġġustifika il-kontinwazzjoni, fir-rigward xieraq tan-natura komplimentarja ta' l-azzjoni Komunitarja, ta' kooperazzjoni ekonomika vantaġjuża għal xulxin ma', u għajnuna għall-iżvilupp tal-Komunità ta', tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Asja u l-Amerika Latina, l-estensjoni ta' kooperazzjoni lill-pajjiżi oħrajn fiż-żewġ reġjuni, żieda fl-iffinanzjament ta' din il-politika u sforzi biex jassiguraw li huma iktar addattati għall-bżonnijiet lokali u nazzjonali f'kull reġjun;

Billi il-Kunsill Ewropew f'numru ta' okkażjonijiet ikkonferma ir-rieda politika tal-Komunità biex isaħħaħ il-koperazzjoni tagħha fir-reġjuni tad-dinja fejn il-livell ta' l-iżvilupp għadu inadekwat u biex jagħmel dan permezz ta żieda, koordinament u sforz min-naħat kollha mill-parti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha;

Billi l-Kunsill Ewropew, li ltaqa' fil-Lussemburgu fit-28 u fid-29 ta' Ġunju 1991, talab lill-Komunità u lill-membri tagħha, b'politika ta' kooperazzjoni tal-Komunità u billi tinkludi klawsoli fuq drittijiet tal-bniedem u fil-ftehim ekonomiċi u ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, attivament jippromovu drittijiet umani u l-parteċipazzjoni, mingħajr deskriminazzjoni, ta' l-individwi kollha jew gruppi fil-ħajja tas-soċjeta', billi iżżomm f'moħħok partikolarment ir-rwol tan-nisa;

Billi il-Parlament Ewropew eżamina il-materja fid-dettal f'numru ta' okkażjonijiet differenti u sejjaħ għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u għar-reviżjoni tal-leġislazzjoni preżenti biex tassigura li l-għajnuna hija iktar effiċjenti u iktar trasparenti;

Billi, fl-4 ta' Frar 1991, il-Kunsill adotta konklużjonijiet finali fuq linji ta' gwida għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-Asja u l-Amerika Latina, li jkopri partikolarment il-prijoritajiet u s-setturi għall-konsiderazzjoni u x-xewqa fiż-żieda tar-riżorsi biex ikunu allokati lilhom u tgħin programmar indikattiv għal terminu medju għal dawk ir-riżorsi li jridu jittieħdu;

Billi kemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jikkonfermaw oqsma ta' tradizzjoni ta' azzjoni, identifikaw prijoritajiet ġodda li għandhom x'jaqsmu, partikolarment, mal-ambjent, id-dimensjoni umana ta' l-iżvilupp u l-bżonn ta' kooperazzjoni ekonomika li sseħħ fl-interess komuni tal-Komunità u tal-pajjiżi sħab tagħha;

Billi għandu jsir provvediment għall-iffinanzjar ta' l-għajnuna li għalih issir referenza f'dan ir-Regolament u għajnuna oħra lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-Asja u l-Amerika Latina;

Billi ammont ta'2750 miljun ECU huwa meqjus meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' l-għajnuna koperta b'dan ir-Regolament u ta' għajnuna oħra lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-Asja u l-Amerika Latina għall-perjodu inizjali ta' ħames snin (1991–1995);

Billi l-ammont meqjus meħtieġ għall-perjodu ta' finanzjar 1991-1992, taħt il-perspettiva finanzjarja presenti, hi ta'1069,8 miljun ECU;

Billi l-ammonti li għandhom ikunu impenjati għall-iffinanzjar matul il-perjodu 1993 sa l-1995 għandhom ikunu nkluż fl-istruttura finanzjarja eżistenti tal-Komunità u billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-Asja u l-Amerika Latina għandhom jingħataw l-istess prijorità fil-budget għall-1993 sa l-1995 kif kienu fil-perjodu 1991 sa l-1992;

Billi il-volum ta' l-għajnuna tal-Komunità għall-perjodu wara l-1995 għandu jkun stabilit skond il-proċeduri eżistenti;

Billi ir-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni ta' l-għajnuna finanzjarja u teknika lil, u kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-Asja u l-Amerika Latina għandha tkun stabbilita;

Billi huwa meħtieġ li jitħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 442/81 tas-17 ta' Frar 1981 dwar l-għajnuna teknika u finanzjarja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li m'humiex assoċjati [3];

Billi it-Trattat ma jaħsibx għall-poteri speċifiċi ta' azzjoni għall-addottazzjoni ta' dan ir-Regolament, għajr dawk li jinsabu fl-Artikolu 235,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Komunità għandha tkompli u twessa' l-koperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-Asja u l-Amerika Latina, minn hawn 'il quddiem irrriferuti bħala "l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta'AAL", li m'humiex firmatorji tal-Konvenzjoni ta' Lomé u ma jibbenefikawx mill-politika ta' koperazzjoni tal-Komunità ma' pajjiżi terzi Mediterranji. Din il-koperazzjoni, li għandha tkun b'żieda ma' l-għajnuna mill-Istati Mebri, għandha tinvolvi għajnuna finanzjarja u ta' żvilupp tekniku u koperazzjoni ekonomika. F'dan il-kuntest, il-Komunità għandha torbot l-iżjed importanza lill-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, appoġġ għall-proċess ta' demokratizazzjoni, gvernar tajjeb, protezzjoni ambjentali, liberalizazzjoni fil-kummerċ, u tisħiħ tad-dimensjoni kulturali, permezz ta' żieda fid-djalogu fuq politika, ekonomija u materji soċjali mnedija fl-interess ta' xulxin.

Artikolu 2

L-iskop tal-politika ta' żvilupp u koperazzjoni għandu jkun l-iżvilupp uman.

Konxju li rispett ta', u l-eżerċizju ta', drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali u prinċipji demokratiċi huma prekondizjonijiet għal żvilupp soċjali u ekonomiku reali u li jibqa', il-Komunità għandha tagħti aktar appoġġ lill-pajjiżi l-aktar kommessi għal dawn il-prinċipji, partikolarment għal inizjattivi biex ipoġġihom fil-prattika.

Fil-każ ta' vjolazzjonijet persistenti u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u prinċipji demokratiċi, il-komunità tista' temenda jew anki' tissospendi l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni ma' l-Istati ikkonċernati billi tillimita l-koperazzjoni għall-attivitajiet ta' benefiċċju dirett għal dawk is-sezzjonijet tal-popolazzjoni fil-bżonn.

Artikolu 3

Il-pajjiżi kollha ta' l-ALA li qed jiżviluppaw għandhom ikunu eleġibbli għall-għajnuna finanzjarja u teknika u koperazzjoni ekonomika. Ir-reċipjenti ta' l-għajnuna u l-isħab fil-koperazzjoni jista' jinkludu mhux biss Stati u reġjuni imma awtoritajiet diċentralizzati, organizazzjonijet diċentralizzati, aġenziji pubbliċi, komunitajiet lokali u tradizjonali, istituti privati u operaturi, inklużi koperattivi u organizazzjonijiet li m'humiex governattivi. Il-bżonnijet u l-prijoritajiet ta' kull pajjiż u kull reġjun għandu jittieħed kont tagħhom meta tingħata l-għajnuna koperta b'dan ir-Regolament.

Għajnuna finanzjarja u teknika.

Artikolu 4

Għajnuna finanzjarja u teknika għandha tkun primarjament indirizzata lejn is-sezzjonijet l-aktar fqar tal-popolazzjoni u l-ifqar pajjiżi fiż-żewġ reġjuni, bl-implimentazzjoni tal-programmi u proġetti fi kwalunkwe' setturi li l-għajnuna tal-Komunità hija probabli li jkollha rwol importanti. B'mod partikolari, miżuri għandhom ikunu implimentati fl-oqsma fejn ir-riżorsi domestiċi, ekonomiċi, u umani huma diffiċli biex timmobilizza, imma huma ta' importanza strateġika jew għall-iżvilupp tal-pajjiżi ikkonċernati jew għall-komunità internazzjonali bħala sħiħa.

Artikolu 5

Għajnuna finanzjarja u teknika għandha tagħti prijorita' lis-settur rurali li qed jiżviluppa u jtejjeb il-livell ta' sigurta fl-ikel. F'dan ir-rigward, l-integrar ta' għajnuna ta' l-ikel f'instrumenti ta' żvilupp oħrajn jista' jgħin din il-forma ta' għajnuna biex jintlaħaq r-rwol speċifiku tagħha u l-oġġettivi. Appoġġ tal-Komunità għas-settur rurali għandu ukoll jinkludi miżuri fi bliet żgħar li jservu inħawi rurali, biex jippromovu l-impjiegi. It-titjib ta' l-ambjent ekonomiku, legali u soċjali għas-settur privat, inklużi impriżi żgħar u ta' daqs medju, jeħtieġ ukoll jittieħed kont tagħhom.

Protezzjoni ta' l-ambjent u r-riżorsi naturali, u żvilupp sostenibbli, għandhom ikunu prijoritajiet fit-tul. 10 %, li hija l-medja mwieżna għar-riżorsi finanzjarji meħtieġa ta' l-għajnuna, għall-perjodu 1991 sa l-1995, għandhom jitwarbu għall-proġetti speċifikament immirati għall-protezzjoni ta' l-ambjent, b'mod partikolari għall-foresti tropikali.

Iżjed minn hekk, konsiderazzjoni għandha tingħata fl-operazzjonijiet kollha għall-protezzjoni ambjentali u r-riżorsi naturali.

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-miżuri biex tiġi miġġielda d-droga. Koperazzjoni tal-Komunità mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-ALA biex jippromovu l-ġlieda kontra d-drogi għandha tkun imsaħħa fuq bażi ta' djalogu fil-kuntest iżjed ġenerali ta' l-Iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi produtturi u l-koperazzjoni tagħhom mal-Komunità Ewropea. Din il-koperazzjoni għandha tkopri miżuri involuti kemm umanitarji kif ukoll għajnuna ta' l-iżvilupp.

Id-dimensjoni umana ta' l-iżvilupp għandha tkun preżenti fl-oqsma kollha ta' l-azzjoni, meta tqis il-għan ta' din il-forma ta' koperazzjoni.

Id-dimensjoni kulturali ta' l-iżvilupp hemm bżonn li tibqa' għan konstanti fl-attivitajiet kollha u l-programmi li magħhom il-Komunità hi assoċjata.

L-Għajnuna għalhekk għandha tkun allokata kif mistħoq, inter alia, lill-proġetti speċifiċi għat-tixrid tad-demokrazija, iggvernar tajjeb u drittijiet tal-bniedem.

Iżjed minn hekk, attenzjoni trid tingħata biex tassigura mhux biss li titbdil miġjub mill-proġetti u l-programmi ma għandux kwalunkwe' effetti detrimentali fuq il-pozizzjoni u r-rwol tan-nisa, imma li, għal kuntrarju, miżuri speċifiċi, jew anke' proġetti huma addottati biex iżżid il-parteċipazzjoni attiva tagħhom, fuqbazi egwali, fil-proċess produttiv u fir-riżultati tiegħu, u fl-attivitajiet soċjali u it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Attenzjoni speċjali għandha ukoll tingħata lill-protezzjoni tat-tfal.

Minoritajiet etniċi jeħtieġu attenzjoni speċjali b'miżuri maħsuba biex itejbu il-kundizzjonijiet ta' l-għajxien tagħhom filwaqt li jirrispettaw l-identita' kulturali tagħhom.

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-kwestjonijet demografiċi, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu maż-żieda fil-popolazzjoni.

Għajnuna tal-Komunità għall-iżvilupp ta' proġetti u programmi għandha tagħti akkont tal-makro-ekonomija u problemi settorali u operazzjonijiet ta' favur liema għandhom effett fuq l-istruttura tat-tfassil ta' l-ekonomija, u l-iżvilupp tal-politika settorali u l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet. Biex iżżid l-effettivita' u takkwista sinerġijja ikbar, għandhom jiġu mfittxija djalogu u koperazzjoni ma' l-istituzzjonijiet internazzjonali relevanti u finanzjarji bilaterali.

Appoġġ għall-istituzzjonijiet nazzjonali ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex isaħħu il-kapaċità tagħhom biex jimmaniġjaw il-politika ta' l-iżvilupp u l-proġetti, jirrapreżentaw qasam ta' azzjoni li x'aktarx jassumi rwol strateġiku fil-proċess ta' l-iżvilupp.

Il-manteniment ta' djalogu sostenibbli bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Komunità huwa element importanti f'dan il-kuntest.

Koperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ikkonsidrata bħala qasam ta' prijorita' għall-għajnuna finanzjarja u teknika, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

- koperazzjoni fuq l-ambjent,

- l-iżvilupp ta' kummerċ intra-reġjonali,

- it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet reġjonali,

- appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali u l-istabbeliment ta' politika konġunta u attivitajiet fost pajjiżi li qed jiżviluppaw,

- komunikazzjonijiet reġjonali, partikolarment fir-rigward ta' standards, networks u servizzi, inklużi t-telekomunikazzjonijiet,

- riċerka,

- taħriġ,

- żvilupp rurali u sigurtà fl-ikel,

- koperazzjoni fl-isfera tal-enerġijja.

Parti mill-għajnuna tista' tintuża għar-ri-abilitazzjoni u r-rikostruzzjoni wara diżastri ta' kull tip u għall-miżuri ta' prevenzjoni ta' diżastri.

Artikolu 6

Għajnuna finanzjarja u teknika, għandha tkun estiża għal pajjiżi tal-ALA li qed jiżviluppaw relattivament aktar avvanzati, b'mod partikolari f'dawn l-oqsma speċifiċi u każijiet:

- it-tixrid ta' demokrazija u drittijiet umani,

- prevenzjoni ta' diżastri naturali u r-rikostruzzjoni fl-eventwalità tagħhom,

- il-ġlieda kontra d-drogi,

- ir-riżorsi ambjentali u naturali,

- tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet, speċjalment awtoritajiet pubbliċi,

- skemi pilota biex jgħinu partikolarment lill-populazzjoni li m'hix privileġġata biżżejjed speċjalment f'konnurbazzjonijiet kbar,

- koperazzjoni reġjonali u integrazzjoni, b'attenzjoni speċjali tingħata lil koperazzjoni reġjonali u skemi ta' integrazzjoni li jħallu sħab flimkien jingħaqdu bejn pajjiżi fqar u relattivament avvanzati.

Koperazzjoni ekonomika.

Artikolu 7

Koperazzjoni ekonomika, mfassla biex isservi l-interessi reċiproki tal-Komunità u tal-pajjiżi msieħba, għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ta' l-AAL billi tgħinhom jibnu il-kapaċità istituzzjonali tagħhom biex jinħoloq ambjent iktar favorevoli għall-investiment u l-iżvilupp u tagħmel l-iżjed possibli mill-prospetti li jinfetħu bit-tkabbir tal-kummerċ internazzjonali, inkluż is-suq uniku Ewropew, billi iżżid ir-rwol tan-negozjanti, teknoloġija u t-tagħrif mill-Pajjiżi Membri kollha, partikolarment fis-settur privat u fl-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Kooperazzjoni ekonomika għandha tkun immirata partikolarment lejn l-istabbeliment ta' klima ta' kunfidenza tal-pajjiżi li jappoġġjaw li jsegwu politika makro-ekonomika u stutturali li hija miftuħa għall-kummerċ u l-investiment u tikkontribwixxi għal trasferiment teknolġiku, b'mod partikolari billi tipproteġi drittijiet tal-propjetà intelletwali.

Artikolu 8

Koperazzjoni ekonomika għandha tinkludi tlett setturi:

1. Titjib tal-potenzjal xjentifiku u teknoloġiku u ta' l-ambjent soċjali, kulturali in ġenerali permezz ta' skemi ta' taħriġ u t-trasferiment ta' "know how". Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, inkluża dik il-koperazzjoni fil-qasam ta' programmi ta' teknoloġija għolja, tista' takkwista benefiċċju wkoll mill-implimentazzjoni ta' l-istruttura multi-annwali tal-programm tar-riċerka u mid-dispożizzjoni ta'l-Artikolu 130N tat-Trattat. Koperazzjoni ekonomika għandha tkun direttata prinċipalment għall-eżekuttivi, nies li jieħdu d-deċiżjonijiet ekonomiċi u instructors u għandha tkopri kull qasam ekonomiku, tekniku, u xjentifiku, b'mod partikolari l-enerġijja, l-ekoloġija industrijali w urbana u t-teknoloġijja tas-servizzi. Għandha tippromovi r-rabta bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċentri ta' riċerka fuq iż-żewġ naħat u tieħu kont tal-kapaċità tagħhom fl-akkwist rapidu ta'know how u t-teknoloġijja moderna li tista tkun dissemminata fil-pajjiż reċipjent;

2. Titjib ta' l-istruttura istituzzjonali, li għandha tmur id f'id ma' djalogu iktar fil-qrib mas-sħab, biex tinħoloq klima ekonomika, leġislattiva, amministrattiva u soċjali li tikkontribwixxi iżjed għall-iżvilupp;

3. Appoġġ għall-impriżi, per eżempju permezz tal-promozzjoni tal-kummerċ, it-taħriġ u skemi ta' għajnuna teknika, billi tistabilixxi kuntatti bejn impriżi u skemi biex tiffaċilita koperazzjoni bejniethom.

Koperazzjoni reġjonali għandha tkun meqjusa bħala settur importanti għall-koperazzjoni ekonomika, b'mod partikolari fir-rigward ta':

- koperazzjoni fuq l-industrija ekoloġika,

- kummerċ intra-reġjonali,

- istituzzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika,

- politika reġjonali,

- komunikazzjonijiet, inklużi telekomunikazzjonijiet,

- riċerka u taħriġ,

- koperazzjoni fl-isfera ta' enerġijja,

- koperazzjoni industrijali.

Implimentazzjoni tal-proċeduri

Artikolu 9

Għajnuna finanzjarja u teknika u nefqa fuq il-koperazzjoni ekonomika għandha tkun ipprovduta l-aktar f'forom ta' għotjiet iffinanzjati mill-estemi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Fejn hu possibli, programm indikattiv ta' ħames snin għandu jkun imwaqqaf għal kull għan, pajjiż jew, jekk hu xieraq, reġjun.

Ko-finanzjament ma' l-Istati Membri jew donaturi oħrajn għandu jkun imfittex b'koordinament ikbar. In-natura Komunitarja ta' l-għajnuna għandha tkun miżmuma.

Artikolu 10

1. Finanzjar ta' l-għajnuna tal-Komunità li għaliha issir referenza fl-Artikolu 9 għandha tkopri il-perjodu ta' ħames snin (1991-1995).

2. L-ammont ta' finanzjar tal-Komunità meqjus meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' l-għajnuna għandu jkun ta' 2750 milju ECU, 10 % ta' liema għandu jkun allokat għall-ambjent, speċjalment għall-protezzjoni ta' foresti tropikali. Ammont ta' 1069,8 miljun ECU għandu jkun mwarrab għall-użu speċjali għall-perjodu 1991-1992 taħt il-perspettiva finanzjarja għall-1988–1992.

Għall-perjodu 1993-1995, l-ammont jkun inkluż fl-istruttura finanzjarja tal-Komunità fis-seħħ dak iż-żmien.

3. L-awtorità tal-budget għandha tiddetermina l-approprijazzjonijiet disponibbli għal kull sena finanzjarja, b'kont jittieħed tal-prinċipji ta' immaniġjar finanzjarju sod li għalih issir referenza f'l-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. Għall-perjodu sussegwenti kopert b'dan ir-Regolament, l-ammont ta' għajnuna għandu jkun determinat skond il-proċeduri li kienu fis-seħħ dak iż-żmien.

Artikolu 11

Għajnuna finanzjarja u teknika għandha tkopri l-ispejjeż kollha ta' muniti barranin u spejjeż lokali għat-twettieq tal-proġetti u programmi, inklużi, meta meħtieġ, programmi integrati u proġetti settorali.

Spejjeż ta' manteniment u biex topera operazzjonijiet ta' koperazzjoni ekonomika, programmi ta' taħriġ u riċerka u proġetti ta' żvilupp u programmi jistgħu, b'mod partiklolari, jkunu koperti. Madanakollu, ħlief għal taħriġ u programmi ta' riċerka, dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu koperti biss fl-istadju ta' tnedija u f'ammonti li jonqsu gradwalment.

Sforzi sistematiċi għandhom isiru biex jinstabu kontribuzzjonijiet, partikolarment f'forma finanzjarja, minn sħab (pajjiżi, komunitajiet lokali, impriżi, riċipjenti individwali) fil-limiti tal-possibilitajiet tagħhom u skond in-natura ta' kull operazzjoni.

Il-pagament ta' taxxi, dazji, u ħlasijiet, u x-xiri ta' l-art, għandu jkun eskluż mill-iffinanzjament tal-Komunità.

Spejjeż ta'studji w użu fil-qasir u fit-tul ta' esperti biex jgħinu lir-riċipjent u l-Kummissjoni fit-tfassil tal-politika ġenerali, li jidentifikaw u jippreparaw operazzjonijiet u sorveljar u evalwazzjoni tagħhom għandhom normalment jkunu koperti mill-fondi tal-Komunità, jew bħala parti mill-iffinanzjament ta' l-operazzjonijiet individwali jew separatament.

Artikolu 12

1. Parti mill-għajnuna finanzjarja u teknika u koperazzjoni ekonomika għandha titwarrab għall-miżuri biex tiffaċċja ma' ċirkostanzi eċezzjonali, b'mod partikolari proġetti biex jippromovu rikostruzzjoni fl-evantwalita' ta' diżastri, u biex tilqa' prijoritajiet li ma jidrux, partikolarment fejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet umani jew kundizjonijiet politiċi oħrajn ma ħallewx l-għajnuna tal-Komunita biex tingħata qabel. Ammont ta', fl-iktar, 15 % għandu jkun pprovdut għal dan il-għan meta l-awtorità tal-budget taddotta l-approprijazzjonijiet annwali.

2. Kwalunkwe' ammont mhux allokat ekwivalenti għall-porzjon ta'15 % ta' l-approprijazzjonijiet annwali għandu jkun rilaxxat fil-31 ta' Lulju ta' l-istess sena biex ikun allokat f'xi mod ieħor.

Artikolu 13

Parteċipazzjoni fl-inviti biex jintefgħu offerti u ta' xiri u kuntratti oħrajn għandhom ikunu miftuħa f'termini ndaqs għall-persuni jew il-persuni legali kollha ta' l-Istati Membri.

Fir-rigward ta' għajnuna finanzjarja u teknika, parteċipazzjoni bħal din għandha tkun normalment estiża għall-Istat reċipjent u tista' tkun estiża ukoll, każ b'każ, lill-pajjiżi oħrajn li qed jiżviluppaw.

F'każijiet eċcezzjonali li huma verament ġustifikati, pajjiżi ta' oriġini oħrajn jistgħu jitħallew għal komponenti speċifiċi.

Artikolu 14

Proġetti ta' għajnuna u programmi li għalihom l-iffinanzjar tal-Komunità jeċċedi mijun ECU, u kwalunkwe' modifikazzjonijiet sostanzjali u tixrid possibli ta' proġetti u programmi li jeċċedu 20 % tal-ammont inizjalment miftiehiem, għandhom ikunu addottati skond il-proċedura mfassla fl-Artikolu 15(3).

L-istess proċedura għandha tkun segwita għall-addozzjoni ta' l-atti meħtieġa biex tistabilixxi:

- linji ta' gwida multi-annwali indikattivi li japplikaw lill-pajjiżi sħab prinċipali,

- l-oqsma ta' koperazzjoni skond is-suġġett jew is-settur.

Artikolu 15

1. Il-Kummissjoni għandha tamministra l-għajnuna finanzjarja u teknika u l-koperazzjoni ekonomika.

2. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ippresedut mir-rappresentant tal-Kummissjoni.

3. Ir-rappresentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz ta' miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'limitu taż-żmien li l-president jista' jiddetermina skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza kif esiġta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' Deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġ li jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappresentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu mogħbbija bil-manjiera mfassla f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri maħsuba jekk huma skond l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba m'humiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tkun mogħtija, l-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li għandha x'taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, fuq l-iskadenza ta' perjodu ta' xahar, il-Kunsill ma jkun aġixxa, il-miżuri proposti għandhom ikunu addottati mill-Kummissjoni.

4. Fuq bażi regolari, għall-inqas darba f'sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri kwalunkwe' informazzjoni li hi għandha fuq setturi magħrufa, proġetti u operazjonijiet li jista' jkunu megħjuna taħt dan ir-Regolament.

5. B'żieda, koordinazzjoni bejn l-iskemi ta' koperazzjoni tal-Komunità u skemi bilaterali meħuda mill-Istati Membri għandhom jiġu mwettqa f'dan il-Kumitat, permezz ta' skambju ta' informazzjoni.

Artikolu 16

Il-kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rapprort għandu juri ir-riżultati ta' l-implimentazzjoni tal-estemi fir-rigward tal-impenji u l-pagamenti u jippreżenta proġetti u programmi iffinanzjati matul is-sena. Ir-rapport għandu jkollu, sa kemm hu possibli, informazzjoni fuq il-fondi mpenjati fuq livell nazzjonali matul l-istess sena finanzjarja. Għandu jkollu wkoll informazzjoni speċifika, dettaljata (impriżi, nazzjonalità, eċċ.) fuq kuntratti mogħtija għall-implimentazzjoni tal-proġetti u l-programmi.

B'żieda, fl-aħħar ta' kull perjodu ta' ħames snin il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport komprensiv li jagħti r-riżultati ta' evalwazzjoni regolari meħuda biex turi mhux biss kif il-proġetti u l-programmi jkunu ġew implimentati imma ukoll il-parir li jinżammu jew jiġu emedati l-linji ta' gwida.

Artikolu 17

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 442/81 qed jiġi b'hekk mħassar.

2. Kwalunkwe' referenza għar-Regolament mħassar għandha tkun meqjusa li hija referenza għal dan r-Regolament.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Frar 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Vitor Martins

[1] ĠU C 119, ta' l-4.5.1991, p. 6 uĠU C 284, tal-31.10.1991, p. 4.

[2] ĠU C 267, ta' l-14.10.1991, p. 35.

[3] ĠU L 48, tal-21.2.1981, p. 8.

--------------------------------------------------