31992L0108



Official Journal L 390 , 31/12/1992 P. 0124 - 0126
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0129
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0129


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/108/KEE

ta' l-14 ta' Diċembru 1992 li temenda d-Direttiva 92/12/KEE dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti soġġetti għas-sisa u ż-żamma, moviment u monitoraġġ ta' tali prodotti u li temenda d-Direttiva 92/81/KEE

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi huwa neċessarju, sabiex tagħti l-effett sħiħ għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 92/12/KEE [4] li jkunu stipulati t-territorji ta' l-Istati Membri li għandhom jitqiesu bħala pajjiżi terzi għal skopijiet fiskali;

Billi, meta prodotti soġġetti għal sisa jintbagħtu bejn l-Istati Membri tramite l-pajjiżi EFTA, għandhom ikunu stipulati kondizzjonijiet speċifiċi dwar id-dikjarazzjoni li dawk il-prodotti għandhom jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' transitu tal-Komunità interna permezz ta' dokument wieħed amministrattiv;

Billi għandu jkun iċċarat li l-moviment intra-Komunitarju ta' prodotti soġġetti għar-rata żero ta' sisa li ma kinux rilaxxati għall-konsum għandu jseħħ ukoll bejn l-imħażen tat-taxxa;

Billi bidla fil-post tal-konsenja għandha titħalla permezz ta' modifikazzjoni tad-dokument amministrattiv mehmuż miegħu;

Billi, sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 1993, l-awtoritajiet ta' kull Stat Membru għandu jkollhom database eletroniku li jkun fih reġistru tal-magazziniera awtorizzati u reġistru ta' l-imħażen tat-taxxa;

Billi, sabiex il-proċeduri amministrattivi jkunu simplifikati, m'għandux jintuża dokument mehmuż fejn jintużaw proċeduri kompjuterizzati;

Billi għandu jintuża dokument mehmuż meta prodotti jkunu mċaqilqa taħt arranġamenti ta' sospensjoni bil-baħar jew bl-arju direttament minn port jew ajruport tal-Komunità għal ieħor;

Billi għandhom isiru disposizzjonijiet sabiex prodotti soġġetti għal sisa li huma koperti minn arranġamenti ta' sospensjoni fl-1992 għandhom ikunu taħt sospensjoni ta' sisa minn dak in-nhar 'il quddiem jekk l-arranġamenti tas-sospenjoni ma jitneħħewx;

Billi, fl-aħħar, sabiex tkun assigurata l-ħidma mingħajr problemi tad-disposizzjonijiet tal-Komunità dwar is-sisa ta' l-1 ta' Jannar 1993, id-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkuprar ta' talbiet riżultanti minn operazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' finanzjar tal-Fond Ewropew għall-Gwida u Garanzija Agrikola, u l-"levies" agrikoli u dazji tad-dwana, u f'dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-valur miżjud [5] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi ta' sisa fuq żjut minerali [6] hemm bżonn li jkunu emendati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/12/KEE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 5(2) għandu jinqara kif ġej:

"2. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar kwistjonijiet tad-dwana, meta prodotti jkunu soġġetti għal sisa:

- huma ġejjin minn, jew sejrin lejn, pajjiżi terzi jew territorji msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) u (3) jew il-Gżejjer tal-Kanal u jew qegħdin taħt proċedura tad-dwana Komunitarja li mhix ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa jew jitqiegħdu f'żona ħielsa jew maħżen ħieles,

jew

- jintbagħtu bejn Stati Membri tramite l-pajjiżi EFTA taħt il-proċedura Komunitarja interna ta' transitu billi jintuża d-Dokument Amministrattiv Uniku,

is-sisa fuqhom għandha titqies bħala sospiża.

Fil-każijiet koperti mit-tieni inċiż ta' l-ewwel subparagrafu:

- kaxxa 33 tad-dokument amministrattiv uniku għandha timtela bil-kodiċi CN xieraq;

- għandu jkun indikat b'mod ċar fil-kaxxa 44 tad-dokument amministrattiv uniku li hu involut it-trasport ta' prodotti soġġetti għal sisa;

- kopja ta' "kopja 1"; tad-dokument amministrattiv uniku għandha tinżamm mill-konsenjatur;

- kopja debitament annotata ta' "kopja 5"; tad-dokument amministrattiv uniku għandha tintbagħat lura lill konsenjatur mill-konsenjatarju.";

2. fl-Artikolu 7(2), il-kliem "maħsub għat-trasport" għandu jinbidel bil-kliem "jew maħsub għal trasport fi Stat Membru ieħor";

3. L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a) is-subparagrafu li jmiss għandu jiżdied mal-paragrafu 1:

"Id-disposizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw għal moviment intra-Komunitarju ta' prodotti soġġetti għal rata żero ta' sisa li ma kinux rilaxxati għall-konsum";

(b) il-paragrafu li jmiss għandu jiżdied:

"5. Magazzinier ta' kunsinna awtorizzat jew l-aġent tiegħu jista' jemenda d-dokument amministrattiv mehmuż biex jindika post alternattiv ta' kunsinna. L-awtorità kompetenti ta' kunsinna għandha tkun notifikata immedjatament u l-post il-ġdid ta' kunsinna għandu jkun indikat immedjatament fuq wara tad-dokument amminsitrattiv mehmuż.";

4. fit-Titolu III, għandu jiżdied l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 15a

1. Sa mhux iktar tard mill-1 ta' April 1993, l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha żżomm database elettroniku li għandu jkun fih reġistru tal-persuni li huma maggazzineri jew kummerċjanti awtorizzati reġistrati għal għanijiet ta' sisa kif ukoll reġistru ta' dak il-bini li huwa awtorizzat bħala mħażen tat-taxxa.

2. Ir-reġistru għandu jkollu t-tagħrif li ġej:

(a) in-numru ta' identifikazzjoni maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti f'dak li jirrigwarda l-persuna jew bini;

(b) l-isem u l-indirizz tal-persuna jew fond;

(ċ) il-kategorija ta' oġġetti li jistgħu jinżammu jew riċevuti mill-persuna jew f'dak il-fond;

(d) l-indirizz ta' l-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jkunu kkuntattjati għal tagħrif ulterjuri;

(e) id-data tal-ħruġ u, fejn xieraq, id-data tal-waqfien ta' validità tan-numru ta' identifikazzjoni.

3. It-tagħrif deskritt fil-paragrafi 1 u 2 (a), (b), (c) u (d) għandhom ikunu kkomunikati lill-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru. F'dawk il-każijiet fejn it-tagħrif deskritt fil-paragrafu 2 (e) ma jkunx komunikat awtomatikament, għandu jingħata fuq talba speċifika ta' kull Stat Membru. Kull data għandha tintuża biss biex tidentifika l-awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni ta' persuna jew fond.

4. L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tassigura li persuni involuti fil-moviment intra-Komunitarju ta' prodotti soġġetti għal sisa jitħallew jiksbu konferma tat-tagħrif miżmum skond it-termini ta' dan l-Artikolu.

5. Kull tagħrif ikkomunikat f'kwalunkwe forma skond dan l-Artikolu għandu jkun ta' natura kunfidenzjali. Għandu jkun kopert mill-obbligazzjoni tas-sigriet professjonali u għandu jgawdi t-tħaris estiż għal tagħrif simili taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li rċevih.

6. Bħala deroga mill-paragrafu 5, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li qed jipprovdi t-tagħrif għandha tippermetti l-użu tiegħu għal għanijiet oħra fl-Istat Membru ta' l-awtorità li għamlet it-talba, jekk, taħt il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba, it-tagħrif jista' jintuża fl-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba għal għanijiet simili.";

5. L-Artikolu 18(1) huwa emendat kif ġej:

"1. Minkejja l-użu possibbli ta' proċeduri kompjuterizzati, il-prodotti kollha soġġetti għal sisa li jiċċaqalqu taħt arranġamenti ta' sospensjoni ta' dazju bejn Stati Membri, inkluż ċaqliq bil-baħar jew bl-ajru direttament minn port jew ajruport tal-Komunità għal ieħor, għandhom ikollhom mehmuż dokument kompletat mill-konsenjatur. Dan id-dokument jista' jew ikun dokument amministrattiv jew dokument kummerċjali. Il-forma u l-kontenut ta' dan id-dokument, u l-proċedura li għandha tkun segwita fejn l-użu huwa oġġettivament mhux xieraq, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 24.";

6. is-sentenza li ġejja għandha tiżdied bħala s-sentenza finali ta' l-Artikolu 20(3):

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitrattaw kull ksur jew irregolarità u jimponi pieni effettivi.";

7. fl-Artikolu 22(2)(b), il-frażi "kopert mid-dokument speċifikat fl-Artikolu 18(1)" għandha tinbidel mal-frażi "skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu III.";

8. l-Artikolu li ġej għandu jiżdied mat-Titolu VII:

"Artikolu 26a

Prodotti soġġetti għal sisa li jaqgħu taħt arranġament ta' sospensjoni minbarra kif speċifikat fl-Artikoli 5(2) u 18 (1) qabel Jannar 1993 u li ma ntemmux, għandhom jitqiesu, wara dik id-data, li jaqgħu taħt sospensjoni ta' sisa.

Meta s-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel subparagrafu tinvolvi arranġamenti ta' sospensjoni ta' transitu Komunitarju intern, id-disposizzjonijiet viġenti fil-perjodu meta l-prodotti tqiegħdu taħt dawn l-arranġamenti għandhom ikomplu japplikaw matul il-perjodu meta dawn il-prodotti jkunu taħt dawn l-arranġamenti, li għandhom ikunu determinati skond id-disposizzjonijiet imsemmija.

Meta s-sitwazzjoni msemmija tinvolvi arranġamenti ta' sospensjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u l-formalitajiet taħt liema jintemmu l-arranġamenti ta' sospensjoni wara l-1 ta' Jannar 1993.";

9. l-Artikolu li ġej għandu jiżdied fit-Titolu VII:

"Artikolu 30a

Id-Direttiva 76/308/KEE hija emendata kif ġej:

1. It-Titolu għandu jinbidel b'dan li ġej:

"Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn operazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' finanzjar tal-Fond Ewropew ta' Gwida u Garanzija Agrikola, u l-imposti agrikoli u dazji tad-dwana, u f'dak li jirrigwarda l-valur tat-taxxa fuq il-valur miżjud u ċerti dazji tas-sisa."

2. fl-Artikolu 2

(a) l-ittra "(e)" tinbidel ma' l-ittra "(f)"

(b) il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt

"(d)"

:

"(e) id-dazji tas-sisa li ġejjin:

- dazju tas-sisa fuq tabakk immanifatturat,

- dazju tas-sisa fuq alkoħol u xorb alkoħoliku,

- dazju tas-sisa fuq żjut minerali."

'"

Artikolu 2

Id-Direttiva 92/81/KEE hi emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 2(1):

- is-subparagrafu (b) għandu jinqara kif ġej:

"(b) prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 270710, 270720, 270730, 270750, 27079100, 27079911 u 27079919",

- is-subparagrafu (g) għandu jitħassar.

2. L-Artikolu 8(8) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"8. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jagħtu effett għal eżenzjonijiet jew riduzzjonijiet fir-rata ta' sisa msemmija f'dan l-Artikolu billi jirrifondu s-sisa mħallsa."

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1992. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom mehmuża tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali riferenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testijiet tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-14 ta' Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Lamont

[1] ĠU C 283, tal-31.10.1992, pġ. 8.

[2] Opinjoni mogħtija fl-20 ta' Novembru 1992 (għad mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fl-24 ta' Novembru 1992 (għad mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 76, tat-23.3.1992, pġ. 1.

[5] ĠU L 73, tad-19.3.1976, pġ. 18. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 79/1071/KEE (ĠU L 331, tas-27.12.1979, pġ. 10).

[6] ĠU L 316, tal-31.10.1992, pġ. 12.

--------------------------------------------------