31992L0051



Official Journal L 209 , 24/07/1992 P. 0025 - 0045


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE

tat-18 ta' Ġunju 1992

dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 49, 57(1) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1]; F'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi, skond l-Artikolu 8a tat-Trattat, is-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni u billi, skond l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat, l-abolizzjoni, bħal bejn l-Istati Membri, ta' l-ostakoli għall-moviment ħieles għal-persuni u s-servizzi tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità; billi, għal ċittadini ta' l-Istati Membri, dan ifisser b'mod partikolari l-possibbilità li tiġi segwita professjoni, kemm f'kapaċità ta' xogħol għal rasha kemm f'kapaċità ta' impjegat, fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih ikunu kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom;

(2) Billi, għal dawk il-professjonijiet li għat-twettiq tagħhom il-Komunità ma tkunx stabbiliet il-livell minimu neċessarju ta' kwalifika, l-Istati Membri jirriservaw l-għażla li jiffissaw dan il-livell bil-ħsieb li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom; billi, madankollu, ma jistgħux, mingħajr ma jinjoraw l-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikoli 5, 48, 52 u 59 tat-Trattat, jeħtieġu lil ċittadin ta' Stat Membru biex jakkwista dawk il-kwalifiki li ġeneralment huma jiddeterminaw biss b'referenza għal dawk maħruġa taħt is-sistemi nazzjonali proprji ta' edukazzjoni u taħriġ, meta l-persuna kkonċernata tkun diġà akkwistat il-kwalifiki kollha jew parti minnhom fi Stat Membru ieħor; billi, bħala riżultat, kull Stat Membru li fih tkun irregolata professjoni hu meħtieġ li jieħu kont tal-kwalifiċi meħuda fi Stat Membru ieħor u li jiddetermina jekk dawk il-kwalifiki jikkorrispondux għall-kwalikiki li l-Istat Membru kkonċernat jeħtieġ;

(3) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletazzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali ta' mill-inqas tul ta' tliet snin [4] tiffaċilita l-konformità ma' dawn l-obbligi; billi, madankollu, hija limitata għall-edukazzjoni ogħla;

(4) Billi, sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta' dawk l-attivitajiet professjonali kollha li fi Stat Membru ospitanti huma dipendenti fuq il-kompletazzjoni ta' ċertu livell ta' edukazzjoni u taħriġ, għandha tiġi introdotta sistema ġenerali oħra sabiex tikkumplimenta lil ta' l-ewwel;

(5) Billi s-sistema ġenerali kumplimentari għandha tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji u tkun magħmula mutatis mutandis mill-istess regoli bħas-sistema inizjali ġenerali;

(6) Billi din id-Direttiva mhijiex applikabbli għal dawk il-professjonijiet regolati li huma koperti b'Direttivi speċifiċi prinċipalment ikkonċernati bl-introduzzjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta' korsijiet ta' taħriġ kompletati qabel id-dħul għall-ħajja professjonali;

(7) Billi, barra minn hekk, lanqas ma hija applikabbli għal dawk l-attivitajiet koperti b'Direttivi speċifiċi maħsuba prinċipalment għall-introduzzjoni tar-rikonoxximent ta' kapaċitajiet tekniċi bbażati fuq l-esperjenza akkwistata fi Stat Membru ieħor; billi ċerti minn dawk id-Direttivi japplikaw biss għat-twettiq ta' attivitajiet fil-kapaċità ta' persuni li jaħdmu għal rashom; billi, sabiex jiġi żgurat illi t-twettiq ta' dawn l-attivitajiet bħala persuna impjegata ma jidħolx fl-iskop ta' din id-Direttiva, meta t-twettiq ta' l-istess attività kien ikun soġġett għal arranġamenti legali differenti ta' rikonoxximent li jiddependu fuq jekk kienet imwettqa f'kapaċità ta' persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata, dawk id-Direttivi għandhom isiru applikabbli għal persuni li jwettqu l-attivitajiet inkwistjoni bħala persuni impjegati;

(8) Billi s-sistema ġenerali kumplimentari hija għal kollox mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 48(4) u l-Artikolu 55 tat-Trattat;

(9) Billi din is-sistema kumplimentari għandha tkopri l-livelli ta' edukazzjoni u taħriġ mhux koperti bis-sistema ġenerali inizjali, jiġifieri dik li tikkorrispondi għal korsijiet oħrajn post-sekondarji ta' edukazzjoni u taħriġ, u edukazzjoni u taħriġ ieħor ekwivalenti, u dik li tikkorrispondi għal korsijiet sekondarji twal jew qosra, possibilment kumplimentati b'taħriġ jew esperjenza professjonali;

(10) Billi, fejn f'ħafna mill-Istati Membri it-twettiq ta' professjoni regolata partikolari hija soġġetta għal jew taħriġ qasir ħafna jew għall-pussess ta' ċerti attributi personali jew biss tagħrif ġenerali, il-mekkaniżmi normali għar-rikonoxximent skond din id-Direttiva jistgħu ikunu ingombranti żżejjed; billi f'dawn il-każijiet għandu jkun hemm dispożizzjoni għal mekkaniżmi simplifikati;

(11) Billi għandu wkoll jittieħed kont tas-sistema ta' taħriġ professjonali fir-Renju Unit fejn l-istandards għal livelli ta' performance għall-attivitajiet professjonali kollha huma stabbiliti permezz tal-"Qafas Nazzjonali ta' Kwalifiki Professjonali";

(12) Billi f'xi Stati Membri jeżistu biss relattivament ftit professjonijiet regolati; billi, madankollu, t-taħriġ għal professjonijiet li mhumiex regolati jista' jkun hemm monitoraġġ speċifiku fuqu jew jiġi approvat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat; billi dan jipprovdi garanziji ekwivalenti għal dawk provduti f'konnessjoni ma' professjoni regolata;

(13) Billi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti għandhom jitħallew jiddeterminaw, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarj, ir-regoli ddettaljati neċessarji għall-implimentazzjoni tal-perjodu ta' addattament u t-test tal-kapaċità;

(14) Billi, ladarba tkopri żewġ livelli ta' edukazzjoni u taħriġ u ladarba s-sistema ġenerali inizjali tkopri t-tielet livell, is-sistema ġenerali kumplimentari għandha tistabbilixxi jekk u taħt liema kondizzjonijiet persuna fil-pussess ta' ċertu livell ta' edukazzjoni u taħriġ tista' twettaq, fi Stat Membru ieħor, professjoni li l-kwalifiki għaliha huma regolati f'livell differenti;

(15) Billi, għat-twettiq ta' ċerti professjonijiet, ċerti Stati Membri jeħtieġu l-pussess ta' diploma fis-sens tad-Direttiva 89/48/KEE, filwaqt li għall-istess professjoni Stati Membri oħrajn jeħtieġu l-kompletazzjoni ta' edukazzjoni jew taħriġ professjonali bi struttura differenti; billi ċerti tipi ta' edukazzjoni u taħriġ, filwaqt li ma jkunux ta' natura post-sekondarja ta' tul taż-żmien minimu fis-sens ta' din id-Direttiva, madankollu jirriżultaw f'livell professjonali paragunabbli u jħejju lill-persuna għal responsabbiltajiet u attivitajiet simili; billi din l-edukazzjoni u taħriġ għandhom għalhekk jitqiegħdu fi klassi ta' l-istess kategorija bħal dik ċertifikata b'diploma; billi din l-edukazzjoni u dan it-taħriġ huma varjati ħafna u din il-klassifika tista' tintlaħaq biss bl-elenkar tal-korsijiet inkwistjoni; billi din il-klassifika għandha, meta approprjat, tistabbilixxi r-rikonoxximent ta'ekwivalenza bejn din l-edukazzjoni u dan it-taħriġ u dik koperta bid-Direttiva 89/48/KEE; billi xi edukazzjoni u taħriġ għandhom ukoll jiġu klassifikati f'livell ta' diploma f'lista oħra;

(16) Billi, minħabba l-organizzazzjoni dejjem tinbidel ta' taħriġ professjonali, għandu jkun hemm proċedura sabiex jiġu emendati dawk il-listi;

(17) Billi, ladarba tkopri xogħlijiet li t-twettiq tagħhom huwa dipendenti fuq il-pussess ta' kwalifiki ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali f'livell sekondarju u ġeneralment teħtieġ kapaċitajiet manwali, is-sistema ġenerali kumplimentari għandha tipprovdi wkoll għar-rikonoxximent ta' dawn il-kwalifiki anke meta jkunu nkisbu biss permezz ta' esperjenza professjonali fi Stat Membru li ma jirregolax dawn il-professjonijiet;

(18) Billi l-iskop ta' din is-sistema ġenerali, bħall-ewwel sistema ġenerali, huwa li jiġu eliminati l-ostakoli għall-bidu u t-twettiq ta' professjonijiet regolati; billi x-xogħol imwettaq skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE tas-16 ta' Lulju 1985 dwar il-paragunabilità tal-kwalifiki ta' taħriġ professjonali bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea [5], filwaqt li jsegwi skop differenti mill-eliminazzjoni ta' ostakoli legali għal-libertà tal-moviment, jiġifieri dak li jtejjeb it-trasparenza tas-suq tax-xogħol, għandu jintuża, meta approprjat, fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, partikolarment meta jista' jipprovdi informazzjoni dwar is-suġġett, il-kontenut u t-tul taż-żmien tat-taħriġ professjonali;

(19) Billi l-korpi professjonali u l-istabbilimenti ta' edukazzjoni u taħriġ professjonali għandhom, meta approprjat, jiġu kkonsultati jew ikunu involuti b'mod xieraq fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

(20) Billi, bħas-sistema inizjali, din is-sistema, billi ssaħħaħ id-dritt ta' ċittadin Komunitarju li juża l-kapaċitajiet tax-xogħol tiegħu f'kull Stat Membru, tissupplimenta u ssaħħaħ id-dritt tiegħu li jakkwista dawn il-kapaċitajiet kull fejn jixtieq;

(21) Billi ż-żewġ sistemi għandhom jiġu evalwati, wara ċertu perjodu ta' applikazzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk jaħdmux b'mod effiċjenti u, b'mod partikolari, kif jistgħu t-tnejn jittejbu,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

Definizzjonijiet

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) diploma: kull prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew kull sett ta' din il-prova;

- li tkun ingħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dan l-Istat,

- li turi li t-titolari jkun ikkompleta b'suċċess:

(i) jew kors post-sekondarju ta' xort' oħra minn dak imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48/KEE, ta' mill-inqas sena tul ta' żmien jew ta' tul taż-żmien ekwivalenti fuq bażi part-time, li waħda mill-kondizzjonijiet tad-dħul għalih tkun, bħala regola ġenerali, il-kompletazzjoni b'suċċess tal-kors sekondarju meħtieġ sabiex jintlaħaq id-dħul f'università jew f'edukazzjoni ogħla, kif ukoll it-taħriġ professjonali li jista' jkun meħtieġ b'żieda għal dak il-kors post-sekondarju;

(ii) jew wieħed mill-korsijiet ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Anness Ċ, u

- li juri li t-titolari għandu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata f'dak l-Istat Membru,

sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ ċertifikati b'din il-prova ittieħdu prinċipalment fil-Komunità, jew barra mill-Komunità fi stabbilimenti tat-tagħlim li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru, jew li t-titolari tagħhom għandu tliet snin esperjenza professjonali ċċertifikata mill-Istat Membru li rrikonoxxa prova ta' pajjiż terz ta' edukazzjoni u taħriġ.

Dan li ġej għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal diploma fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu: kull prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew kull sett ta' din il-prova mogħti minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk jingħata mal-kompletazzjoni b'suċċess ta' edukazzjoni u taħriġ irċevuti fil-Komunità u rikonoxxuti minn awtorità kompetenti f'dan l-Istat Membru bħala ta' livell ekwivalenti u jekk tagħti l-istess drittijiet fir-rigward tal-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata f'dak l-Istat Membru;

(b) ċertifikat: kull prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew kull sett ta' prova bħal din:

- li jkun ingħata minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, innominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dak l-Istat,

- li turi illi t-titolari wara li jkun segwa kors sekondarju, jkun ikkompleta:

jew kors ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ ta' xort' oħra mill-korsijiet imsemmija fil-punt (a) provduti fi stabbiliment ta' edukazzjoni jew taħriġ jew fuq il-post tax-xogħol, jew in kombinazzjoni fi stabbiliment edukattiv jew tat-taħriġ u fuq il-post tax-xogħol, u kkumplimentat, meta approprjat, bil-prattika ta' prova jew professjonali meħtieġa in addizzjoni għal dan il-kors,

jew il-prattika ta' prova jew professjonali meħtieġa in addizzjoni għal dan il-kors sekondarju, jew

- li juri illi t-titolari, wara li jkun segwa kors sekondarju ta' natura teknika jew professjonali jkun ikkompleta, meta neċessarju,

jew kors ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ kif imsemmi fl-inċiż preċedenti,

jew il-prattika ta' prova jew professjonali meħtieġa b'żjieda ma' dan il-kors sekondarju ta' natura teknika jew professjonali u

- li juri illi t-titolari għandu l-kwalifiċi professionali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata f'dak l-Istat Membru,

sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ awtentikati b'din il-prova kienu riċevuti l-aktar fil-Komunità, jew barra l-Komunità fi stabbilimenti ta' tagħlim li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru, jew it-titolari tagħhom għandu sentejn esperjenza professinali ċertifikata mill-Istat Membru li rrikonoxxa l-prova ta' pajjiż terz ta' edukazzjoni u taħriġ.

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħal ċertifikat, fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu: kull prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew kull sett ta' din il-prova mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk hija mogħtija mal-kompletazzjoni b'suċċess ta' edukazzjoni u taħriġ riċevuti fil-Komunità u rikonoxxuti minn awtorità kompetenti fi Stat Membru bħala ta' livell ekwivalenti u jekk tagħti l-istess drittijiet fir-rigward tal-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata f'dak l-Istat Membru;

(ċ) ċertifikat ta' kompetenza: kull prova ta' kwalifika:

- li tiċċertifika l-edukazzjoni u t-taħriġ li ma jiffurmawx parti minn sett li jikkostitwixxi diploma fis-sens tad-Direttiva 89/48/KEE jew diploma jew ċertifikat fis-sens ta' din id-Direttiva, jew

- mogħtija wara stima tal-kwalitajiet personali, il-kapaċitajiet jew it-tagħrif li huwa kkunsidrat essenzjali li l-applikant ikollu għat-twettiq ta' professjoni minn awtorità nnominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru, mingħajr prova meħtieġa ta' edukazzjoni u taħriġ preċedenti;

(d) Stat Membru ospitanti: kull Stat Membru li fih ċittadin ta' Stat Membru japplika sabiex iwettaq professjoni soġġett għar-regolamenti f'dak l-Istat Membru, ta' xort' oħra mill-Istat li fih akkwista l-prova tiegħu ta' edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta' kompetenza jew l-ewwel wettaq il-professjoni inkwistjoni;

(e) professjoni regolata: l-attività professjonali regolata jew il-firxa ta' attivitajiet li jikkostitwixxu din il-professjoni fi Stat Membru;

(f) attività professjonali regolata: attività professjonali li l-bidu jew it-twettiq tagħha, jew waħda mill-modi ta' twettiq tagħha fi Stat Membru, hija soġġetta, direttament jew indirettament, permezz ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta' prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta' kompetenza. Dan li ġej b'mod partikolari għandu jikkostitwixxi mod ta' twettiq ta' attività professjonali regolata:

- it-twettiq ta' attività taħt titolu professjonali, sa fejn l-użu ta' dan it-titolu jkun riservat għat-titolari ta' prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta' kompetenza regolat bil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi:

- it-twettiq ta' attività professjonali li għandha x'taqsam mas-saħħa, safejn ir-remunerazzjoni u/jew ir-rimbors għal din l-attività huma soġġetti, permezz ta' arranġamenti nazzjonali, għas-sigurtà soċjali għall-pussess ta' prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew ċertifikat ta' kompetenza.

Fejn l-ewwel subparagrafu ma japplikax, attività professjonali għandha titqies bħala attività professjonali regolata jekk tkun segwita mill-membri ta' assoċjazzjoni jew ta' organizzazzjoni li l-iskop tagħhom huwa li, inpartikolari, jippromwovu u jżommu standard għoli fil-qasam professjonali kkonċernat u li, biex jintlaħaq dak l-iskop, hija rikonoxxuta f'forma speċjali minn Stat Membru u:

- tagħti prova ta' edukazzjoni u taħriġ lill-membri tagħha,

- tassigura li l-membri tagħha jirrispettaw ir-regoli ta' kondotta professjonali li tippreskrivi, u

- tikkonferixxi fuqhom id-dritt li jużaw titolu professjonali jew ittri deskrittivi, jew li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi għal dik l-edukazzjoni u taħriġ.

Kull meta Stat Membru jagħti r-rikonoxximent imsemmi fit-tieni subparagrafu lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' dak is-subparagrafu, għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan;

(g) edukazzjoni u taħriġ regolati: kwalunkwe edukazzjoni u taħriġ li:

- jkunu speċifikament diretti lejn it-twettiq ta' professjoni msemmija, u

- jinkludu kors jew korsijiet kumplimentati, meta approprjat, b'taħriġ professjonali jew bi prattika ta' prova jew professjonali, li l-istruttura u l-livell tagħhom huma ddeterminati bil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dak l-Istat Membru jew li jkun hemm monitoraġġ fuqhom jew ikunu approvati mill-awtorità nnominata għal dak l-iskop;

(h) esperjenza professjonali: it-twettiq attwali u legali fi Stat Membru tal-professjoni kkonċernata;

(i) il-perjodu ta' adattament: it-twettiq ta' professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti taħt ir-responsabbiltà ta' membru kwalifikat ta' dik il-professjoni, liema perjodu ta' prattika sorveljata huwa possibilment akkumpanjat b'iktar edukazzjoni u taħriġ. Dan il-perjodu ta' prattika sorveljata għandu jkun is-suġġett ta' stima. Ir-regoli dettaljati li jirregolaw il-perjodu ta' addattament u l-istima tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti.

L-istatus li jgawdu fl-Istat Membru ospitanti mill-persuna li tkun għaddejja mill-perjodu ta' prattika sorveljata, b'mod partikolari fil-materja tad-dritt ta' residenza kif ukoll ta' l-obbligi, d-drittijiet u l-benefiċċji soċjali, l-allowances u r-remunerazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat Membru skond il-liġi Komunitarja applikabbli;

(j) it-test tal-kapaċità: test limitat għat-tagħrif professjonali ta' l-applikant, magħmul mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti bl-iskop li tiġi stmata l-abilità ta' l-applikant li jwettaq professjoni regolata f'dak l-Istat Membru.

Sabiex dan it-test ikun jista' jitwettaq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista tas-suġġetti li, fuq il-bażi ta' paragun bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa fl-Istat Membru u dik riċevuta mill-applikant, ma jkunux koperti bil-prova ta' edukazzjoni u taħriġ fil-pussess ta' l-applikant. Dawn is-suġġetti jistgħu jkopru kemm tagħrif teoretiku kemm kapaċitajiet prattiċi għat-twettiq tal-professjoni.

Dan it-test tal-kapaċità għandu jieħu kont tal-fatt li l-applikant huwa professjonist ikkwalifikat fl-Istat Membru ta' l-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn ikun ġej. Għandu jkopri suġġetti li għandhom jintgħażlu minn dawk fil-lista msemmija fit-tieni subparagrafu, li t-tagħrif tagħhom huwa essenzjali għat-twettiq tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti. It-test jista' jinkludi wkoll tagħrif tar-regoli professjonali applikabbli għall-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. L-applikazzjoni dettaljata tat-test tal-kapaċità għandha tiġi ddeterminata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat.

L-istatus fl-Istat Membru ospitanti ta' l-applikant li jixtieq jipprepara lilu nnifsu għat-test tal-kapaċità f'dak l-Istat għandu jiġi ddeterminat mill-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat, skond il-liġi Komunitarja applikabbli.

IL-KAPITOLU II

Qasam ta' l-applikazzjoni

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta' Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti fil-kapaċità ta' persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

Din id-Direttiva la għandha tapplika għal professjonijiet li jkunu s-suġġett ta' Direttiva speċifika li tistabbilixxi l-arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi mill-Istati Membri, u lanqas għal attivitajiet koperti bid-Direttiva elenkata fl-Anness A.

Id-Direttivi elenkati fl-Anness B għandhom ikunu applikabbli għat-twettiq bħala persuna impjegata ta' l-attivitajiet koperti b'dawk id-Direttivi.

IL-KAPITOLU III

Is-sistema għal rikonoxximent meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ il-pussess ta' diploma fis-sens ta' din id-Direttiva jew tad-Direttiva 89/48/KEE

L-Artikolu 3

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 89/48/KEE, meta, fi Stat Membru ospitanti, l-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta' diploma, kif definit f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 89/48/KEE, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta, fuq bażi ta' kwalifiki mhux adegwati, li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini proprji tiegħu:

(a) jekk l-applikant ikollu d-diploma, kif definit f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 89/48/KEE, meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; jew

(b) jekk l-applikant ikun wettaq il-professjoni inkwistjoni full-time għal sentejn, jew għal perjodu ekwivalenti fuq bażi part-time, tul l-10 snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni fis-sens ta' jew l-Artikolu 1(e) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (f) ta' din id-Direttiva jew l-Artikolu 1(ċ) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 89/48/KEE, u jippossjedi prova ta' edukazzjoni u taħriġ li:

- ingħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dak l-Istat, u

- jew turi li t-titolari jkun temm b'suċċess kors post-sekondarju, ta' xort' oħra minn dak imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48/KEE, ta' mill-inqas tul ta' sena, jew ta' tul ekwivalenti fuq bażi part-time, b'waħda mill-kondizzjonijiet tad-dħul li, bħala regola ġenerali, tkun il-kompletazzjoni b'suċċess tal-kors sekondarju meħtieġ sabiex jinkiseb id-dħul f'università jew f'edukazzjoni ogħla, kif ukoll kull taħriġ professjonali li huwa parti integrali minn dak il-kors post-sekondarju,

- jew tiċċertifika edukazzjoni u taħriġ regolati msemmija fl-Anness D, u

- tkun ippreparat lit-titolari għat-twettiq tal-professjoni tiegħu.

Madanakollu, is-sentejn esperjenza professjonali msemmija fuq jistgħu ma jkunux meħtieġa meta l-prova ta' edukazzjoni u taħriġ fil-pussess ta' l-applikant u msemmija f'dan il-punt tingħata mal-kompletazzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ regolati.

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħala prova ta' edukazzjoni u taħriġ imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt: kull prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew kull sett ta' din il-prova mogħti minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jew jingħataw mal-kompletazzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ irċevuti fil-Komunità u li jkunu rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru bħala ta' livell ekwivalenti, sakemm l-Istat Membru l-ieħor u l-Kummissjoni jkunu ġew innotifikati b'dan ir-rikonoxximent.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru ospitanti mhuwiex meħtieġ japplika dan l-Artikolu meta l-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata jkunu soġġetti fil-pajjiż tiegħu għall-pussess ta' diploma kif definit fid-Direttiva 89/48/KEE, meta waħda mill-kondizzjonijiet għall-ħruġ tagħha tkun il-kompletazzjoni ta' kors post-sekondarju ta' iktar minn erba' snin.

L-Artikolu 4

1. Minkejja l-Artikolu 3, l-Istat Membru ospitanti jista' jeħtieġ ukoll illi l-applikant:

(a) jipprovdi prova ta' esperjenza professjonali, meta t-tul ta' edukazzjoni u taħriġ muri b'sostenn għall-applikazzjoni tiegħu, kif stabbilita fil-punti (a) u (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3, jkun ta' mill-inqas sena inqas minn dak meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti. F'dan il-każ, il-perjodu ta' esperjenza professjonali meħtieġa ma jistax jaqbeż:

- darbtejn in-nuqqas fit-tul taż-żmien ta' edukazzjoni u taħriġ meta n-nuqqas jirrelata għall-kors post-sekondarju u/jew għal perjodu ta' prattika bi prova imwettqa taħt il-kontroll ta' persuna professjonali ta' sorveljanza u li jintemm b'eżami,

- in-nuqqas meta in-nuqqas jirrelata għal prattika professjonali akkwistata bl-assistenza ta' membru kwalifikat tal-professjoni kkonċernata.

Fil-każ ta' diplomi fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(a), it-tul ta' edukazzjoni u taħriġ rikonoxxuti bħala ta' livell ekwivalenti għandhom jiġu stabbiliti rigward-edukazzjoni u t-taħriġ definiti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1(a).

Meta jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet, għandha titqies l-esperjenza professjonali msemmija fil-punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3.

F'kull każ, l-esperjenza professjonali meħtieġa ma tistax taqbeż erba' snin.

Madanakollu, l-esperjenza professjonali ma tistax tkun meħtieġa minn applikant titolari ta' diploma li tiċċertifika kors post-sekondarju kif imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(a) jew diploma kif definita fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48/KEE li jixtieq iwettaq il-professjoni tiegħu fi Stat Membru ospitanti li jeħtieġ il-pussess ta' diploma jew prova ta' edukazzjoni u taħriġ li jiċċertifikaw wieħed mill-korsijiet ta' edukazzjoni u taħriġ kif imsemmija fl-Annessi Ċ u D;

(b) itemm perjodu ta' addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu test ta' kapaċità meta:

- il-materji teoretiċi u/jew prattiċi koperti bl-edukazzjoni u t-taħriġ li jkun irċieva kif stabbiliti fil-punti (a) u (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3 ivarjaw sostanzjalment minn dawk koperti bid-diploma, kif definit f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 89/48/KEE, meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, jew

- fil-każ imsemmi fil-punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3, il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tinkludi attività waħda jew iktar professjonali li ma tiffurmax parti mill-professjoni regolata fl-Istat Membru li joriġina jew jiġi minnu l-applikant u dik id-differenza tikkorrispondi għal edukazzjoni u taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji teoretiċi u/jew prattiċi li jvarjaw sostanzajalment minn dawk koperti bid-diploma, kif definit f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 89/48/KEE, ippreżentata mill-applikant, jew

- fil-każ imsemmi fil-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3, il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tinkludi attività professjonali waħda jew iktar li ma jiffurmawx parti mill-professjoni mwettqa mill-applikant fl-Istat Membru li minnu joriġina jew li minnu jiġi, u dik id-differenza tikkorrispondi għal edukazzjoni u taħriġ speċifiċi meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji teoretiċi u/jew prattiċi li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti bil-prova ta' edukazzjoni u taħriġ ippreżentata mill-applikant.

Jekk l-Istat Membru jkollu jagħmel użu minn din il-possibbilità, għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn perjodu ta' addattament u test ta' kapaċità. Meta l-Istat Membru ospitanti, li jeħtieġ diploma kif definita fid-Direttiva 89/48/KEE jew f'din id-Direttiva jkun bi ħsiebu jintroduċi derogi mid-dritt ta' l-applikant li jagħżel, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

B'deroga mit-tieni subparagrafu ta' dan il-punt, l-Istat Membru ospitanti jista' jirriserva d-dritt li jagħżel bejn il-perjodu ta' addattament u t-test tal-kapaċità jekk

- hija involuta professjoni li t-twettiq tagħha jeħtieġ tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħha d-dispożizzjoni ta' parir u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija karatteristika essenzjali u kostanti ta' l-attività professjonali, jew

- meta l-Istat Membru ospitanti jagħmel l-aċċess għall-professjoni jew it-twettiq tagħha soġġetti għall-pussess ta' diploma kif definit fid-Direttiva 89/48/KEE, b'waħda mill-kondizzjonijiet għall-għoti tagħha li tkun il-kompletazzjoni ta' kors postsekondarju ta' mill-inqas tliet snin jew perjodu ekwivalenti fuq bażi part-time u l-applikant jippossjedi jew diploma kif definit f'din id-Direttiva jew prova ta' edukazzjoni u taħriġ fis-sens tal-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3 u mhux kopert bl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 89/48/KEE.

2. Madanakollu, l-Istat Membru li jospita ma jistax japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 (a) u (b) kumulattivament.

IL-KAPITOLU IV

Is-sistema għar-rikonoxximent meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ il-pussess ta' diploma u l-applikant ikun it-titolari ta' ċertifikat jew ikun irċieva edukazzjoni u taħriġ korrispondenti.

L-Artikolu 5

Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata jkunu soġġetti għall-pussess ta' diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta, fuq bażi ta' kwalifiki inadegwati, li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru li jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini proprji tiegħu:

(a) jekk l-applikant ikollu ċ-ċertifikat meħtieġ fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq ta' l-istess professjoni fit-territorju tiegħu, u dan iċ-ċertifikat ikun ingħata fi Stat Membru; jew

(b) jekk l-applikant ikun wettaq l-istess professjoni full-time għal sentejn matul l-10 snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax din il-pofessjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 1(e) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1(f), u jkun jkollu prova ta' edukazzjoni u taħriġ:

- li tkun ingħatat minn aworità kompetenti fi Stat Membru, innominata skondi il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dak l-Istat, u

- li turi illi t-titolari, wara li jkun wettaq kors sekondarju, ikun ikkompleta:

jew kors ta' edukazzjoni jew taħriġ professjonali ta' xort'oħra mill-korsijiet imsemmija fil-punt (a), sakemm fi stabbiliment ta' l-edukazzjoni jew tat-taħriġ jew fuq il-post tax-xogħol, jew f'kombinazzjoni fi stabbiliment edukattiv jew ta' taħriġ u fuq il-post tax-xogħol u kkumplimentat, meta approprjat, bil-prattika ta' prova jew professjonali li hija parti integrali ta' dak il-kors ta' taħriġ,

jew il-prattika ta' prova jew professjonali li hija parti integrali ta' dak il-kors sekondarju, jew

- li turi illi t-titolari, wara li jkun wettaq kors sekondarju ta' natura teknika jew professjonali ikun ikkompleta, meta neċessarju,

jew kors ta' edukazzjoni jew taħriġ professjonali kif imsemmi fl-inċiż preċedenti,

jew il-perjodu tal-prattika tal-prova jew dik professjonali li huwa parti integrali minn dan il-kors sekondarju ta' natura teknika jew professjonali u

- li tkun ippreparat lit-titolari għat-twettiq ta' din il-professjoni.

Madankollu, is-sentejn ta' esperjenza professjonali msemmija fuq ma jistgħux ikunu meħtieġa meta l-prova ta' edukazzjoni u taħriġ f'idejn l-applikant u msemmija f'dan il-punt tingħata mal-kompletazzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ regolati.

Madanakollu, l-Istat Membru ospitanti jista' jeħtieġ li l-applikant jgħaddi minn perjodu ta' addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu test ta' kapaċità. L-Istat Membru ospitanti għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn perjodu ta' addattament u test ta' kapaċità.

Meta l-Istat Membru jkollu l-intenzjoni jintorduċi derogi mid-dritt ta' l-applikant li jagħżel, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

IL-KAPITOLU V

Is-sistema għar-rikonoxximent meta Stat Membru ospitanti jeħtieġ il-pussess ta' ċertifikat

L-Artikolu 6

Meta, fl-Istat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata jkunu soġġetti għall-pussess ta' ċertifikat, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta, fuq bażi ta' kwalifiki inadegwati, li tawtorizza lil ċittadin ta' Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini proprji tiegħu:

(a) jekk l-applikant ikollu diploma, kif definit f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 89/48/KEE, jew iċ-ċertifikat meħtieġ fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; jew

(b) jekk l-applikant ikun wettaq il-professjoni inkwistjoni full-time għal sentejn jew għal perjodu ekwivalenti fuq bażi pat-time matul il-10 snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, fis-sens ta' Artikolu 1(e) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1(f), u jkun fil-pussess ta' prova ta' edukazzjoni u taħriġ:

- li tkun ingħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' dak l-Istat, u

- li turi illi t-titolari jkunu temmu b'suċċess kors post-sekondarju ta' xort' oħra minn dak imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48/KEE, ta' mill-inqas sena jew ta' żmien ekwivalenti fuq bażi part-time, b'waħda mill-kondizzjonijiet tad-dħul li tkun, bħala regola ġenerali, il-kompletazzjoni ta' kors sekondarju meħtieġ biex jiġi meħud dħul f'università jew f'edukazzjoni ogħla, kif ukoll kull taħriġ professjonali li huwa parti integrali ta' dak il-kors post-sekondarju, jew

- li turi illi t-titolari, wara li jkun wettaq kors sekondarju, ikun ikkompleta:

jew kors ta' edukazzjoni jew taħriġ għal professjoni ta' xort'oħra mill-korsijiet imsemmija fil-punt (a), ipprovduti fi stabbiliment edukattiv jew fuq il-post tax-xogħol, jew f'kombinazzjoni fi stabbiliment edukattiv u fuq il-post tax-xogħol u kkumplimentat, meta approprjat, bi prattika ta' prova jew professjonali li hija parti integrali minn dak il-kors ta' taħriġ,

jew il-prattika tal-prova jew professjonali li hija parti integrali ta' dak il-kors sekondarju, jew

- li turi illi t-titolari, wara li jkun wettaq kors sekondarju ta' natura teknika jew professjonali ikun ikkompleta, meta neċessarju,

jew kors ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ għal professjoni kif imsemmija fl-inċiż preċedenti,

jew il-perjodu ta' prattika ta' prova jew dik professjonali li huwa parti integrali minn dak il-kors sekondarju ta' natura teknika jew professjonali u

- li jkun ipprepara lit-titolari għat-twettiq ta' din il-professjoni.

Madanakollu, is-sentejn ta' esperjenza professjonali msemmija fuq ma jistgħux ikunu meħtieġa meta l-prova ta' edukazzjoni u taħriġ fil-pussess ta' l-applikant u msemmija f'dan il-punt tingħata mal-kompletazzjoni ta' jew edukazzjoni u taħriġ regolati.

(ċ) jekk l-applikant li ma jippossjedi ebda diploma, ċertifikat jew prova oħra ta' edukazzjoni u taħriġ fis-sens ta' l-Artikolu 3(b) jew tal-punt (b) ta' dan l-Artikolu jkun wettaq il-professjoni inkwistjoni full-time għal tliet snin konsekutivi, jew għal perjodu ekwivalenti fuq bażi part-time, matul l-10 snin preċedenti fi Stat ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni fis-sens ta' l-Artikolu 1 (e) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1(f).

Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħall-prova ta' edukazzjoni u taħriġ imsemmija taħt (b) fl-ewwel subparagrafu: kull prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew kull sett ta' din il-prova mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk tingħata mal-kompletazzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ riċevuti fil-Komunità u hija rikonoxxuta minn dak l-Istat Membru bħala ta' livell ekwivalenti, sakemm l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni jkunu ġew innotifikati b'dan ir-rikonoxximent.

L-Artikolu 7

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-Istat Membru ospitanti jista' wkoll jeħtieġ lill-applikant:

(a) jikkompleta perjodu ta' addattament li ma jaqbiżx is-sentejn jew li jieħu test ta' kapaċità meta l-edukazzjoni u t-taħriġ li jkun irċieva skond il-punti (a) jew (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5 jirrelata għal materji teoretiċi jew prattiċi li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti biċ-ċertifikat meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti, jew meta jkun hemm differenzi fl-oqsma ta' attività kkaratterizzati fl-Istat Membru ospitanti b'edukazzjoni u taħriġ speċifiċi li jirrelataw għal materji teoretiċi jew prattiċi li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mix-xhieda tal-kwalifiki formali ta' l-applikant.

Fil-każ li l-Istat Membru li josopita jagħmel użu minn din il-possibbilità, għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn perjodu ta' addattament u test ta' kapaċità. Meta l-Istat Membru ospitanti li jeħtieġ ċertifikat ikollu l-intenzjoni li jintroduċi derogi fir-rigward tad-dritt ta' applikant li jagħżel, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14;

(b) jgħaddi minn perjodu ta' addattament li ma jaqbiżx sentejn jew jieħu test ta' kapaċità meta, fil-każ imsemmi fil-punt (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6, ma jkunx fil-pussess ta' diploma, ċertifikat jew prova oħra ta' edukazzjoni u taħriġ. L-Istat Membru ospitanti jista' jirriserva d-dritt li jagħżel bejn perjodu ta' addattament u test ta' kapaċità.

IL-KAPITOLU VI

Sistemi speċjali għar-rikonoxximent ta' kwalifiki oħrajn

L-Artikolu 8

Meta, fl-Istat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata huwa suġġett għall-pussess ta' ċertifikat ta' kompetenza, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta, fuq bażi ta' kwalifiki inadegwati, li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru li jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini proprji tiegħu:

(a) jekk it-titolari jkollu ċ-ċertifikat ta' kompetenza meħtieġ fi Stat Membru ieħor għall-bidu u t-twettiq ta' l-istess professjoni fit-territorju tiegħu, u dan iċ-ċertifikat ikun ingħata fi Stat Membru; jew

(b) jekk l-applikant jipprovdi prova tal-kwalifiki meħuda fi Stati Membri oħrajn,

u jagħti garanziji, b'mod partikolari fil-materja tas-saħħa, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur, ekwivalenti għal dawk meħtieġa bil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istat Membru ospitanti.

Jekk l-applikant ma jipprovdix prova ta' dan iċ-ċertifikat jew ta' dawn il-kwalifiki għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istat Membru ospitanti.

L-Artikolu 9

Meta, fl-Istat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta' professjoni regolata huwa suġġett biss għall-pussess ta' prova ta' edukazzjoni li tiċċertifika edukazzjoni ġenerali f'livell ta' skola primarja jew sekondarja, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta, fuq il-bażi ta' kwalifiki inadegwati, li tawtorizza ċittadin ta' Stat Membru li jibda jew iwettaq dik il-professjoni taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini proprji tiegħu jekk l-applikant ikun fil-pussess ta' kwalifiki formali tal-livell korrispondenti, mogħtija fi Stat Membru ieħor.

Din il-prova ta' kwalifiki formali għandha tkun ingħatat minn awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru, nominata skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi.

IL-KAPITOLU VII

Miżuri oħrajn sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta' stabbiliment, il-libertà li jiġu provduti servizzi u l-libertà ta' moviment ta' persuni impjegati

L-Artikolu 10

1. Meta l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti teħtieġ minn persuni li jixtiequ jibdew professjoni regolata prova illi jkunu ta' karattru jew reputazzjoni tajba jew li ma ġewx iddikjarati falluti, jew tissospendi jew tipprojbixxi t-twettiq ta' dik il-professjoni fil-każ ta' miskondotta professjonali serja jew offiża kriminali, dak l-Istat għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati Membri, li jixtiequ li jwettqu dik il-professjoni fit-territorju tiegħu, il-produzzjoni ta' dokumenti maħruġa minn awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta' l-oriġini jew fl-Istat Membru li jiġi minnu ċ-ċittadin barrani li juru illi dawk il-ħtiġiet huma sodisfatti.

Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-orġini jew ta' l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani ma joħorġux id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn id-dokumenti għandhom jiġu ssostitwiti b'dikjarazzjoni taħt ġurament — jew, fl-Istati Membri meta ma teżisti ebda dispożizzjoni għal dikjarazzjoni taħt ġurament, b'dikjarazzjoni solenni — magħmula mill-persuna kkonċernata quddiem awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva jew, meta approprjat, quddiem nutar jew korp professjonali kkwalifikat ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jew ta' l-Istat Membru minn fejn tkun ġejja l-persuna; din l-awtorità jew dan in-nutar għandhom joħorġu konferma bil-miktub li tiċċertifika l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni taħt ġurament jew tad-dikjarazzjoni solenni.

2. Meta l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti teħtieġ minn ċittadini ta' dak l-Istat Membru li jixtiequ jibdew jew iwettqu professjoni regolata dikjarazzjoni tas-saħħa fiżika jew mentali, dik l-awtorità għandha taċċetta bħala prova suffiċjenti f'dan ir-rigward il-produzzjoni tad-dokument meħtieġ fl-Istat Membru ta' l-oriġini jew fl-Istat Membru li jiġi minnu ċ-ċittadin barrani.

Meta l-Istat Membru ta' l-oriġini jew l-Istat Membru li jiġi minnu ċ-ċittadin barrani ma jimponu l-ebda ħtiġiet ta' din in-natura fuq dawk li jixtiequ jibdew jew iwettqu l-professjoni inkwistjoni, l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta minn dawn iċ-ċittadini dikjarazzjoni maħruġa minn awtorità kompetenti f'dak l-Istat li tikkorrispondi għad-dikjarazzjoni maħruġa fl-Istat Membru ospitanti.

3. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti tista' teħtieġ illi d-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu ppreżentati mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ.

4. Meta l-awtortità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti teħtieġ illi ċittadini ta' dak l-Istat Membru li jixtiequ jibdew jew iwettqu professjoni regolata jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni u meta l-forma ta' dan il-ġurament jew dikjarazzjoni ma jistgħux jintużaw minn ċittadini ta' Stati Membri oħrajn, dik l-awtorità għandha tassigura illi forma approprjata u ekwivalenti ta' ġurament jew dikjarazzjoni hi offruta lill-persuna kkonċernata.

L-Artikolu 11

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti għandhom jirrikonoxxu d-dritt ta' ċittadini ta' Stati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata fit-territorju tagħhom li jużaw it-titolu professjonali ta' l-Istat Membru ospitanti li jikkorrispondi għal dik il-professjoni.

2. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti għandha tirrikonoxxi d-dritt ta' ċittadini ta' l-Istati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-bidu u t-twettiq ta' professjoni regolata fit-territorju tagħhom li jużaw it-titolu akkademiku legali tagħhom u, meta approprjat, it-taqsira tiegħu li tiġi mill-Istat Membru tagħhom ta' l-oriġini jew mill-Istat Membru li jiġu minnu, fil-lingwa ta' dak l-Istat. L-Istat Membru ospitanti jista' jeħtieġ li dan it-titolu jġib warajh l-isem u l-post ta' l-istabbiliment jew tal-korp ta' eżaminaturi li tah.

3. Meta professjoni tkun regolata fl-Istat Membru ospitanti minn assoċjazzjoni jew minn organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(f), iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jużaw it-titolu professjonali jew l-ittri ta' deskrizzjoni mogħtija minn dik l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni biss fuq prova ta' sħubija.

Meta l-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjoni jagħmlu s-sħubija soġġetta għal ċerti ħtiġiet ta' kwalifika, tista' tapplika dawn għal ċittadini ta' Stati Membri oħrajn li jkunu fil-pussess ta' diploma fis-sens ta' l-Artikolu 1(a), ċertifikat fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) jew prova ta' edukazzjoni u taħriġ jew kwalifika fis-sens tal-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3, il-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 9 biss skond din id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 3, 4 u 5.

L-Artikolu 12

1. L-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta bħala mezz ta' prova illi l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 9 huma sodisfatti d-dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, li l-persuna kkonċernata għandha tissottometti b'sostenn għall-applikazzjoni tagħha sabiex twettaq il-professjoni kkonċernata.

2. Il-proċedura għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjoni sabiex titwettaq professjoni regolata għandha tiġi kkompletata malajr kemm jista' jkun u r-riżultat għandu jiġi kkomunikat f'deċiżjoni raġunata ta' l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti sa mhux iktar tard minn erba' xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha li jirrelataw għall-persuna kkonċernata. Għandu jkun hemm rimedju disponibbli kontra din id-deċiżjoni jew l-assenza tagħha, quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali.

IL-KAPITOLU VIII

Il-proċedura għall-koordinazzjoni

L-Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw, f'perjodu previst fl-Artikolu 17, l-awtoritajet kompetenti bis-setgħa li jirċievu l-applikazzjonijiet u jieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija f'din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni.

2. Kull Stat Membru għandu jinnomina persuna responsabbli għall-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni għal dak l-iskop. Ir-rwol tal-persuna għandu jkun li titmexxa 'l quddiem l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva għall-professjonijiet kollha kkonċernati. Dan il-koordinatur għandu jkun membru tal-grupp ta' koordinazzjoni stabbilit taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni bl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 89/48/KEE.

Il-grupp ta' koordinazzjoni stabbilit taħt id-dispożizzjoni tad-Direttiva 89/48/KEE msemmija qabel għandu wkoll ikun meħtieġ illi:

- jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva,

- jiġbor it-tagħrif utli kollu għall-applikazzjoni tagħha fl-Istati Membri, partikolarment l-informazzjoni li tirrelata għall-istabbiliment ta' lista indikattiva ta' professjonijiet regolati u għad-disparitajiet bejn il-kwalifiki mogħtija fl-Istati Membri bil-ħsieb li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jiġu assistiti fix-xogħol tagħhom li jistmaw jekk jeżistux differenzi sostanzjali.

Il-grupp jista' jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar kull bidla għas-sistema eżistenti li tista' tiġi kkontemplata.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja dwar ir-rikonoxximent ta' diplomi u ċertifikati u dwar kondizzjonijiet oħrajn li jirregolaw il-bidu tal-professjonijiet regolati fil-qafas ta' din id-Direttiva. Sabiex iwettqu dan ix-xogħol jistgħu jikkonsultaw in-networks eżistenti ta' informazzjoni u, meta approprjat, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet professjonali rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattivi neċessarji sabiex tiżgura l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni neċessarja.

IL-KAPITOLU IX

Il-proċedura għal deroga mid-dritt ta' l-għażla bejn il-perjodu ta' addattament u l-eżami tal-kapaċità

L-Artikolu 14

1. Jekk, skond it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1)(b), it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 5, jew it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(a), Stat Membru jipproponi li ma jagħtix lill-applikanti d-dritt li jagħżlu bejn il-perjodu ta' addattament u test tal-kapaċità, għandu jikkomunika mmedjatament lill-Kummissjoni l-abbozz korrispondenti tad-dispożizzjoni. Għandu fl-istess ħin jinnotifika lill-Kummissjoni r-raġunijiet li jagħmlu r-realizzazzjoni ta' din id-dispożizzjoni neċessarja.

Il-Kummissjoni għandha immedjatament tinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn b'kull abbozz li tkun irċieviet; tista' wkoll tikkonsulta lill-grupp ta' koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 13(2) dwar l-abbozz.

2. Mingħajr preġudizzju għall-possibbilità li l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn jagħmlu kummenti dwar l-abbozz, l-Istat Membru jista' jadotta d-dispożizzjoni biss jekk il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni għall-kuntrarju fi żmien tliet xhur.

3. Fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lilhom, mingħajr dewmien, it-test definittiv ta' kull dispożizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

IL-KAPITOLU X

Il-proċedura sabiex jiġu emendati l-Annessi Ċ u D

L-Artikolu 15

1. Il-listi tal-korsijiet ta' edukazzjoni u taħriġ stabbiliti fl-Annessi Ċ u D jistgħu jiġu emendati fuq il-bażi ta' talba raġunata minn kull Stat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni. L-informazzjoni kollha approprjata u b'mod partikolari t-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali għandhom jakkumpanjaw it-talba. L-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu wkoll jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-kors ta' edukazzjoni u taħriġ inkwistjoni u dawk meħtieġa fl-Istati Membri l-oħrajn. Għandha tivverifika b'mod partikolari jekk il-kwalifika li tirriżulta mill-kors inkwistjoni tagħtix lit-titolari:

- livell ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ professjonali ta' livell għoli a paragun ma' dak tal-kors post sekondarju msemmi fil-punt (i) tat-tieni inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (a),

- livell simili ta' responabbiltà u attività.

3. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u preseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

4. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

5. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddifferixxi għal perjodu ta' xahrejn l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet.

6. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu preċedenti.

7. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bid-deċiżjoni u għandha, meta approprjat, tippubblika l-lista emendata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

IL-KAPITOLU XI

Dispożizzjonijiet oħrajn

L-Artikolu 16

Wara l-iskadenza tal-perjodu previst fl-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, kull sentejn, rapport dwar l-applikazzjoni tas-sistema introdotta.

Minbarra r-rimarki ġenerali, dan ir-rapport għandu jkollu sommarju statistiku tad-deċiżjonijiet meħuda u deskrizzjoni tal-problemi ewlenija li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex huma jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel it-18 ta' Ġunju 1994. Għandhom mill-ewwel jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn ta' l-aħħar għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 18

Mhux iktar tard minn ħames snin wara d-data speċifikata fl-Artikolu 17, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsil u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-progress ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Wara li tikkonduċi l-konsultazzjonijiet kollha neċessarja, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha dwar kull bidla li teħtieġ issir lil din id-Direttiva. Fl-istess waqt il-Kummissjoni għandha, meta approprjat, tissottometti proposti sabiex jittejbu r-regoli eżistenti fl-interess li jiġu faċilitati l-libertà ta' moviment, id-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

L-Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-18 ta' Ġunju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Vitor Martins

[1] ĠU C 263, tas-16.10.1989, p. 1 u ĠU C 217, ta' l-1.9.1990, p. 4.

[2] ĠU C 149, tat-18.6.1990, p. 149, u ĠU C 150, tal-15.6.1992.

[3] ĠU C 75, tas-26.3.1990, p. 11.

[4] ĠU L 19, ta' l-24.1.1989, p. 16.

[5] ĠU L 199, tal-31.7.1985, p. 56.

--------------------------------------------------

L-ANNESS A

Lista ta' Direttivi msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2

1. 64/429/EWG [1]

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 1964, li tirrigwarda l-kisba tal-libertà ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta' attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom fl-industriji tal-fabbrikazzjoni u ta' l-ipproċessar li jaqgħu taħt il-Gruppi Maġġuri 32-40 ta' l-ISIC (L-industrija u l-industriji ż-żgħar ta' l-artiġjanat)

64/427/KEE [2]

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 1964, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw miżuri transitorji fir-rigward ta' persuni li jaħdmu għal rashom fl-industriji tal-fabbrikazzjoni u ta' l-ipproċessar li jaqgħu taħt il-Gruppi Maġġuri 23-40 ta' l-ISIC (L-industrija u l-industriji ż-żgħar ta' l-artiġjanat)

2. 68/365/KEE [3]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968, li tirrigwarda l-kisba tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu provvduti servizzi fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom fl-industriji tal-fabbrikazzjoni ta' l-ikel u tax-xorb (il-Gruppi Maġġuri 20 u 21 ta' l-ISIC)

68/366/KEE [4]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-miżuri transitorji fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom fl-industriji tal-fabbrikazzjoni ta' l-ikel u tax-xorb (Gruppi Maġġuri 20 u 21 ta' l-ISIC)

3. 64/223/KEE [5]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1964 li tirrigwarda l-kisba tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovvduti servizzi fir-rigward ta' attivitajiet fil-kummerċ bl-ingrossa

64/224/KEE [6]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1964 li tikkonċerna l-kisba tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta' attivitajiet ta' intermedjarji fil-kummerċ, fl-industrija u fl-industriji żgħar ta' l-artiġjanat

64/222/KEE [7]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1964 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-miżuri transitorji fir-rigward ta' l-attivitajiet fil-kummerċ bl-ingrossa u l-attivitajiet ta' intermedjarji fil-kummerċ, l-industrija u l-industriji ż-żgħar ta' l-artiġjanat

4. 68/363/KEE [8]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 li tirrigwarda l-kisba tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta' l-attivitajiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kummerċ bl-imnut (ex Grupp 612 ta' l-ISIC)

68/364/KEE [9]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-miżuri transitorji fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom fil-kummerċ bl-imnut (ex Grupp 612 ta' l-ISIC)

5. 70/522/KEE [10]

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda l-kisba tal-libertà li jiġu provvduti servizzi fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom fil-kummerċ bl-ingrossa tal-faħam u l-attivitajiet ta' intermedjarji fil-kummerċ tal-faħam (ex Grupp 6112 ta' l-ISIC)

70/523/KEE [11]

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1970 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet iddettaljati li jikkonċernaw miżuri transitorji fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' intermedjarji fil-kummerċ tal-faħam (ex Grupp 6112 ta' l-ISIC)

6. 74/557/KEE [12]

Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-4 ta' Ġunju 1974 dwar il-kisba tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta' attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom u ta' intermedjarji imdaħħla fil-kummerċ u d-distribuzzjoni ta' prodotti tossiċi

74/556/KEE [13]

Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-4 ta' Ġunju 1974 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati li jirrigwardaw miżuri transitorji li għandhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet, il-kummerċ u d-distribuzzjoni ta' prodotti tossiċi u l-attivitajiet li jinvolvu l-użu professjonali ta' dawn il-prodotti inklużi l-attivitajiet ta' intermedjarji

7. 68/367/KEE [14]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 li tirrigwarda l-kisba tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi fir-rigward ta' attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom fis-settur tas-servizzi personali (ex Grupp Maġġur 85 ta' l-ISIC):

1. ir-ristoranti, il-kafejiet, it-taverni u postijiet oħrajn tax-xorb u ta' l-ikel (Grupp 852 ta' l-ISIC);

2. il-lukandi, id-djar li joffru kmamar, il-kampijiet u postijiet oħra ta' alloġġ (Grupp 853 ta' l-ISIC)

68/368/KEE [15]

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati li jirrigwardaw miżuri transitorji fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom fis-settur tas-servizzi postali (ex Grupp Maġġur 85 ta' l-ISIC):

1. ir-ristoranti, il-kafejiet, it-taverni u postijiet oħrajn tax-xorb u ta' l-ikel (Grupp 852 ta' l-ISIC);

2. il-lukandi, id-djar li joffru kmamar, il-kampjiet u postijiet oħra ta' alloġġ (Grupp 853 ta' l-ISIC)

8. 77/92/KEE [16]

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-aġenti ta' l-assigurazzjoni u s-sensara (ex Grupp 630 ta' l-ISIC) u, b'mod partikolari, miżuri transitorji fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet

9. 82/470/KEE [17]

Id-Direttiva tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 1968 dwar miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta' attivitajiet ta' persuni li jaħdmu għal rashom f'ċerti servizzi inċidentali għat-trasport u għall-aġenziji ta' l-ivvjaġġar (il-Grupp 720 ta' l-ISIC)

10. 82/489/KEE [18]

Id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 1982 li tistabbilixxi miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qtugħ/kura tax-xagħar

11. 75/368/KEE [19]

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 1975 dwar miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta' varji attivitajiet (ex it-Taqsima 01 sa 85 ta' l-ISIC) u, b'mod partikolari, miżuri transitorji fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet

12. 75/369/KEE [20]

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 1975 dwar miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi fir-rigward ta' attivitajiet itineranti u, b'mod partikolari, miżuri transitorji fir-rigward ta' dawk l-attivitajiet

Nota

Xi wħud mid-Direttivi elenkati hawn fuq ġew issupplimentati bl-Atti ta' l-Adeżjoni tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit (ĠU L 73, tas-27.3.1972), tal-Greċja (ĠU L 291, tad-19.11.1979) u ta' Spanja u tal-Portugall (ĠU L 302, tal-15.11.1985).

[1] ĠU 117, tat- 23.7.1964, p. 1880/64.

[2] ĠU 117, tat- 23.7.1964, p. 1863/64. Emendata bid-Direttiva 69/77/KEE (ĠU L 59, ta' l-10.3.1969, p. 8).

[3] ĠU L 260, tat-22.10.1968, p. 9.

[4] ĠU L 260, tat-22.10.1968, p. 12.

[5] ĠU L 56, ta' l- 4.4.1964, p. 863/64.

[6] ĠU 56, ta' l- 4.4.1964, p. 869/64.

[7] ĠU 56, ta' l-4.4.1964, p. 857/64.

[8] ĠU L 260, tat-22.10.1968, p. 1.

[9] ĠU L 260, tat-22.10.1968, p. 6.

[10] ĠU L 267, ta' l-10.12.1970, p. 14.

[11] ĠU L 267, ta' l-10.12.1970, p. 18.

[12] ĠU L 307, tat-18.11.1974, p. 5.

[13] ĠU L 307, tat-18.11.1974, p. 1.

[14] ĠU L 260, tat-22.10.1968, p. 16.

[15] ĠU L 260, tat-22.10.1968, p. 19.

[16] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 14.

[17] ĠU L 213, tal-21.7.1982, p. 1.

[18] ĠU L 218, tas-27.7.1982, p. 24.

[19] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 22.

[20] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 29.

--------------------------------------------------

L-ANNESS B

Lista tad-Direttivi msemmija fl-Artikolu 2, it-tielet subparagrafu

Dawn huma d-Direttivi elenkati taħt l-intestaturi 1 sa 7 ta' l-Anness A, bl-eċċezzjoni tad-Direttiva 74/556/KEE elenkata taħt l-intestatura 6.

--------------------------------------------------

L-ANNESS Ċ

LISTA TA' KORSIJIET LI GĦANDHOM STRUTTURA SPEĊJALI KIF IMSEMMI FIL-PUNT (ii) TAT-TIENI INĊIŻ TA' L-EWWEL SUBPARAGRAFU TA' L-ARTIKOLU 1(a)

1. Korsijiet ta' taħriġ paramediku u ta' kura tat-tfal

Fil-Ġermanja

taħriġ għal:

- infirmiera pedjatrika ("Kinderkrankenschwester/Kinderkrankenpfleger"),

- fiżjoterapista ("Krankengymnast(in)"),

- terapista fil-kura tax-xogħol ("Beschaeftigungs-und Arbeitstherapeut(in)"),

- terapista tat-tlissin tal-kelma ("Logopaede/Logopaedin"),

- ortoptista ("Orthoptist(in)"),

- ħaddiem/a rikonoxxuta mill-Istat fil-kura tat-tfal ("Staatlich anerkannte(r) Erzieher(in)"),

- għalliem/a rimedjali rikonoxxut/a mill-Istat ("Staatlich anerkannte(r) Heilpaedagoge(-in)").

Fl-Italja

taħriġ għal:

- tekniku tad-dentistrija ("odontecnico"'),

- tabib tal-vista ("ottico"),

- kiropodista ("podologo").

Fil-Lussemburgu

taħriġ għal:

- tekniku mediku tar-raġġi X (assistant(e) technique médical(e) en radiologie),

- tekniku mediku tal-laboratorju (assistant(e) technique médical(e) de laboratoire).

- infirmier/a psikjatrika (infirmier/ière psychiatrique),

- tekniku mediku — kirurġija (assistant(e) technique médical(e) en chirurgie),

- infirmier/a pedjatrika (infirmier/ière puériculteur/trice),

- infirmier/a — anestetika (infirmier/ière anesthésiste),

- massaġġatur/triċi kkwalifikat/a (masseur/euse diplômé(e)),

- ħaddiem/a fil-kura tat-tfal (éducateur/trice),

li jirrappreżentaw korsijiet ta' edukazzjoni u taħriġ ta' tul totali ta' mill-inqas tlettax-il sena, li jinkludu:

- mill-inqas tliet snin ta' taħriġ professjonali fi skola speċjalizzata li jwasslu għal eżami, f'xi każijiet issupplimentat b'kors ta' speċjalizzazzjoni ta' sena jew sentejn li jwassal għal eżami

- jew mill-inqas sentejn u nofs fi skola speċjalizzata li jwasslu għal eżami u supplimentati b'esperjenza tax-xogħol ta' mill-inqas sitt xhur jew b'apprendistat ta' mill-inqas sitt xhur fi stabbiliment approvat

- jew mill-inqas sentejn fi skola speċjalizzata li jwasslu għal eżami u ssupplimentati b'xogħol ta' esperjenza ta' mill-inqas sena jew b'apprendistat ta' mill-inqas sena fi stabbiliment approvat.

2. Is-settur ta' l-artiġjanat prinċipali ("Mester/Meister/Maître") li jirrappreżenta korsijiet ta' edukazzjoni u taħriġ li jikkonċernaw kapaċitajiet mhux koperti bid-Direttivi elenkati fl-Anness A

Fid-Danimarka

taħriġ għal:

- ("optometrist") tabib tal-vista,

dan il-kors huwa ta' tul totali ta' 14-il sena, li jinkludi ħames snin ta' taħriġ professjonali maqsuma f'sentejn u nofs ta' taħriġ teoretiku pprovdut mill-istabbiliment ta' taħriġ professjonali u sentejn u nofs ta' taħriġ prattiku riċevuti fil-post tax-xogħol, u li jwasslu għal eżami rikonoxxut li għandu x'jaqsam ma' l-artiġjanat u li jikkonferixxi l-użu tat-titolu ta' "Mester";

- tekniku ortopediku ("Ortopaedimekaniker")

dan il-kors huwa ta' tul totali ta' 12-il sena u nofs, inklużi tliet snin u nofs ta' taħriġ professjonali maqsuma f'sitt xhur ta' taħriġ teoretiku pprovduti mill-istabbiliment ta' taħriġ professjonali u tliet snin ta' taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol li jwasslu għal eżami rikonoxxut li għandu x'jaqsam mas-sengħa u li jikkonferixxi l-użu tat-titolu ta' "Mester";

- skarpan ortopedista ("ortopaediskomager"),

dan il-kors huwa ta' tul totali ta' 13-il sena u nofs, inklużi erba' snin u nofs ta' taħriġ professjonali maqsuma f'sentejn ta' taħriġ teoretiku pprovdut mill-istabbiliment tat-taħriġ professjonali u sentejn u nofs ta' taħriġ prattiku riċevuti fil-post tax-xogħol, u li jwassal għal eżami rikonoxxut li għandu x'jaqsam ma' l-artiġjanat u jagħti d-dritt li jintuża t-titolu ta' "Mester".

Fil-Ġermanja

taħriġ għal:

- tabib tal-vista ("Augenoptiker"),

- tekniku tad-dentistrija ("Zahntechniker"),

- kirurgu li jagħmel iċ-ċintorini ta' l-ernja ("Bandagist"),

- dak li jagħmel l-apparat għall-għajnuna tas-smigħ ("Hoergeraete-Akustiker"),

- tekniku ortopediku ("Orthopaediemechaniker"),

- skarpan ta' stivaletti ortopediċi ("Orthopaedieschuhmacher").

Fil-Lussemburgu

taħriġ għal:

- tekniku tal-lentijiet tal-vista f'infirmerija/spiżerija ("opticien"),

- tekniku fid-dentistrija ("mécaniciendentaire"),

- dak li jagħmel l-apparat għall-għajnuna fis-smigħ ("audioprothésiste"),

- ekniku ortopediku/kirurgu jagħmel iċ-ċinturini ta' l-ernja ("mécanicienorthopédiste/bandagiste"),

- skarpan ta' l-istivaletti ortopediċi ("orthopédiste-cordonnier"),

Dawn il-korsijiet huma ta' tul totali ta' 14-il sena, li jinkludu mill-inqas ħames snin taħriġ segwit f'qafas ta' taħriġ strutturat, parzjalment riċevut fuq il-post tax-xogħol u parzjalment ipprovdut mill-istabbilement tat-taħriġ professjonali, u li jwassal għal eżami li wieħed għandu jgħaddi minnu sabiex il-persuna tkun tista' tipprattika kull attività kkunsidrata bħala ta' kapaċità, jew indipendentement jew bħala impjegata b'livell paragunabbli ta' responsabbiltà.

3. Is-settur tat-tbaħħir

a) It-trasport bil-baħar

Fid-Danimarka

taħriġ għal:

- kaptan ta' bastiment ("skibsfoerer"),

- fizzjal ewlieni ("overstyrmand"),

- fizzjal inkarigat mill-proviżjon, fizzjal ta' fuq il-gverta ("enestyrmand, vagthavendestyrmand"),

- fizzjal ta' fuq il-gverta ("vagthavendestyrmand"),

- inġinier ("maskinchef"),

- inġinier kap ("1. maskinmester"),

- l-ewwel inġinier/inġinier ta' l-għassa ("1. maskinmester/vagthavendemaskinmester").

Fil-Ġermanja

Taħriġ għal:

- kaptan, bastiment kostali kbir ("Kapitaen AM"),

- kaptan, bastiment kostali kbir ("Kapitaen AK"),

- fizzjal tal-gverta, bastiment kostali kbir ("NautischerSchiffsoffizier AMW"),

- fizzjal tal-gverta, bastiment kostali ("NautischerSchiffsoffizier AKW"'),

- kap inġinier, grad Ċ ("Schiffsbetriebstechniker CT — Leitervon Maschinenanlagen"),

- mekkanik tal-bastiment, grad Ċ ("Schiffsmaschinist CMa — Leitervon Maschinenanlagen"),

- inġinier tal-bastiment, grad Ċ ("Schiffsbetriebstechniker CTW"),

- mekkanik tal-bastimenti, grad Ċ — fizzjal waħdieni inġinier ("Schiffsmaschinist CMaW — Technischer Alleinoffizier").

Fl-Italja

taħriġ għal:

- fizzjal tal-gverta ("ufficialedicoperta"),

- fizzjal inġinier ("ufficialedimacchina").

Fl-Olanda

taħriġ għal:

- l-ewwel fizzjal (bastiment kostali) (b'taħriġ supplimentari) ("stuurmankleine handelsvaart (met aanvulling)"),

- inġinier fuq bastiment kostali (bid-diploma) ("diplomamotordrijver"),

li jirrappreżenta t-taħriġ:

- fid-Danimarka, ta' disa' snin skola primarja segwiti b'kors ta' taħriġ bażiku u/jew serizz fuq il-baħar ta' bejn 17 u 36 xahar, issupplimentat b':

- għal fizzjal tal-gverta, sena taħriġ professjonali speċjalizzat,

- għall-oħrajn, tliet snin ta' taħriġ professjonali speċjalizzat,

- fil-Ġermanja, ta' tul totali ta' bejn 14 u 18-il sena, inkluż kors ta' tliet snin ta' taħriġ bażiku professjonali u sena servizz fuq il-baħar, b'wara sena jew sentejn taħriġ professjonali speċializzat, issupplimentat, meta approprjat, b'sentejn esperjenza ta' xogħol fin-navigazzjoni,

- fl-Italja, ta' tul totali ta' 13-il sena, li minnhom mill-inqas ħames snin jikkonsistu f'taħriġ professjonali li jwassal għal eżami, u huma supplimentati, meta approprjat, b'apprendistat,

- fl-Olanda, jinvolvi kors ta' 14-il sena, li mill-inqas sentejn minnhom iseħħu fi stabbiliment ta' taħriġ professjonali speċjalizzat, issupplimentati b'apprendittat ta' tnax-il xahar,

li huma rikonoxxuti taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali STCW (Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, 1978).

b) Is-Sajd fuq il-baħar

Fil-Ġermanja

taħriġ għal:

- kaptan sajd f'baħar miftuħ ("Kapitaen BG/Fischerei"),

- kaptan, sajd kostali ("Kapitaen BK/Fischerei"),

- fizzjal tal-gverta, bastiment tal-baħar miftuħ ("Nautischer Schiffsoffizier BGW/Fischerei"'),

- fizzjal tal-gverta, bastiment kostali ("Nautischer Schiffsoffizier BKW/Fischerei"').

Fl-Olanda

taħriġ għal:

- l-ewwel fizzjal/inġinier V ("stuurmanwerktuigkundige V"),

- inġinier IV (bastiment tas-sajd) ("werktuigkundige IV visvaart"),

- l-ewwel fizzjal IV (bastiment tas-sajd) ("stuurman IV visvaart"),

- l-ewwel fizzjal/inġinier VI ("stuurmanwerktuigkundige VI"),

li jirrappreżenta taħriġ:

- fil-Ġermanja, ta' tul totali ta' bejn 14 u 18-il sena, inklużdi kors ta' tliet snin ta' taħriġ bażiku professjonali u sena servizz fuq il-baħar, segwit b'sena jew sentejn ta' taħriġ professjonali speċjalizzat issupplimentati, meta approprjat, b'sentejn esperjenza fix-xogħol tan-navigazzjoni,

- fl-Olanda, li jinvolvi kors li jvarja fit-tul bejn tlettax u ħmistax-il sena, li mill-inqas sentejn minnhom huma pprovduti fi skola professjonali speċjalizzata, supplimentati b'perjodu ta' 12-il xahar ta' esperjenzata' xogħol,

u li huwa rikonoxxut skond il-Konvenzjoni ta' Torremolinos (Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1977 dwar is-Sigurtà tal-Bastimenti tas-Sajd).

4. Is-settur tekniku

Fl-Italja

taħriġ għal:

- surveyor tal-bini ("geometra"),

- surveyor ta' l-artijiet ("peritoagrario"),

- kontabili ("ragioniero"), u espert fil-kontabilità ("peritocommerciale"),

- konsulenti tax-xogħlijiet ("consulentedellavoro"),

li jirrappreżentaw korsijiet tekniċi sekondarji ta' tul totali ta' mill-inqas 13-il sena, inklużi tmien snin skola obbligatorja segwiti b'ħames snin ta' studju sekondarju, inklużi tliet snin ta' studju professjonali, li jwasslu għall-eżami tal-Baċellaerat Tekniku, u ssupplimentati,

- għal surveyors tal-bini:

jew b'apprendistat għal mill-inqas sentejn f'uffiċċju professjonali

jew ħames snin esperjenza fix-xogħol, u

- għal surveyors ta' l-artijiet, kontabili, esperti tal-kontabbilità u konsulenti tax-xogħlijiet bil-kompletazzjoni ta' apprendistat prattiku ta' mill-inqas sentejn,

u warajhom l-Eżami ta' l-Istat.

Fl-Olanda

taħriġ għal:

- bailiff ("gerechtsdeurwaarder"),

li jirrappreżenta kors ta' studju u taħriġ professjonali li jlaħħaq dsatax-il sena, li jinkludu tmien snin skola obbligatorja segwiti bi tmien snin edukazzjoni sekondarja li jinkludu erba' snin edukazzjoni teknika li jwasslu għal eżami ta' l-Istat u supplimentati bi tliet snin ta' taħriġ professjonali teoretiku u prattiku.

5. Il-korsijiet fir-Renju Unit akkreditati bħala Kwalifiki Professjonali Nazzjonali jew il-Kwalifiki Professjonali Skoċċiżi.

Taħriġ għal:

- uffiċjal xjentifiku tal-laboratorju mediku,

- inġinier elettriku tal-minjieri,

- inġinier mekkaniku tal-minjieri,

- ħaddiem soċjali approvat — saħħa mentali,

- uffiċjal tal-probazzjoni ("probation officer";),

- terapista tad-dentistrija,

- iġenista fid-dentistrija,

- dak li jaħdem il-lentijiet tal-vista fi spiżerija,

- deputat tal-minjieri,

- prattikant fil-fallimenti,

- nutar bil-liċenzja li jipprepara d-dokumenti għat-trasferiment tal-proprjetà,

- prostetista,

- l-ewwel fizzjal — bastimenti tat-tagħbija/passiġġieri — mingħajr restrizzjoni,

- it-tieni fizzjal — bastimenti tat-tagħbija/passiġġieri — mingħajr restrizzjoni,

- it-tielet fizzjal — basimenti tat-tagħbija/passiġġieri — mingħajr restrizzjoni

- fizzjal tal-gverta — bastimenti tat-tagħbija/passiġġieri — mingħajr restrizzjoni,

- fizzjal inġinier — bastimenti tat-tagħbija/passiġġieri firxa ta' kummerċ mingħajr limiti,

- aġent tat-trade marks,

li jwasslu għal kwalifiki akkreditati bħala Kwalifiki Professjonali Nazzjonali (KNP) jew approvati jew rikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-Kunsill Nazzjonali għal Kwalifiki Professjonali, jew fl-Iskozja akkreditati bħala Kwalifiki Professjonali Skoċċiżi, fil-livelli 3 u 4 tal-Qafas Nazzjonali tar-Renju Unit ta' Kwalifiki Professjonali.

Dawn il-livelli huma definiti kif ġej:

il-livell 3 : kompetenza f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' xogħol varjati mwettqa f'varjetà wiesgħa ta' kuntesti u li l-biċċa l-kbira minnhom huma kumplessi u mhux ta' rutina. Teżisti responsabbilità konsiderevoli u awtonomija u kontroll jew gwida ta' oħrajn huma ħafna drabi meħtieġa,

il-Livell 4 : kompetenza f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' xogħol komplessi, tekniċi jew professjonali mwettqa f'varjetà wiesgħa ta' kuntesti u bi grad sostanzjali ta' responsabilità u awtonomija personali. Spiss ikunu preżenti r-responsabilità għax-xogħol ta' persuni oħrajn u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

--------------------------------------------------

L-ANNESS D

Il-lista tal-korsijiet li għandhom struttura speċjali kif imsemmi fit-tielet inċiż tal-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3

Fir-Renju Unit

Korsijiet regolati li jwasslu għal kwalifiki akkreditati bħala Kwalifiki Nazzjonali Professjonali (KNP) mill-Kunsill Nazzjonali għal-Kwalifiki Professjonali jew fl-Iskozja akkreditati bħala Kwalifiċi Professjonali Skoċċiżi, fil-livelli 3 u 4 tal-Qafas Nazzjonali tar-Renju Unit tal-Kwalifiki Professjonali.

Dawn il-livelli huma definiti kif ġej:

Il-Livell 3 : kompetenza f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' xogħol varjat imwettqa f'varjetà wiesgħa ta' kuntesti u li l-biċċa l-kbira minnhom huma kumplessi u mhux ta' rutina. Teżisti responsabbilità konsiderevoli u awtonomija u kontroll jew gwida ta' l-oħrajn huma ħafna drabi meħtieġa.

Il-Livell 4 : kompetenza f'firxa wiegħa ta' attivitajiet kumplessi, tekniċi jew professjonali mwettqa f'varjetà wiesgħa ta' kuntesti u bi grad sostanzjali ta' responsabbiltà u awtonomija personali. Spiss ikunu preżenti r-responsabbilità għax-xogħol ta' oħrajn u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

--------------------------------------------------