31992D0354



Official Journal L 192 , 11/07/1992 P. 0066 - 0066
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0261
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0261


Id-Deċiżjoni Tal-Kummissjoni

tal-11 ta’ Ġunju 1992

li tipprovdi ċerti regoli biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba ta’ annimali maskili miżmumin għar-razza ta’ equidae reġistrati

(92/354/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar kundizzjonijiet żootekniċi u ġeografiċi li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fl-equidae [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(e) tagħha,

Billi d-Deċiżjoni Nru 92/353/KEE [2] tistabbilixxi l-kriterji għall-approvazzjoni jew l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba ta’ annimali maskili miżmumin għar-razza ta’ equidae reġistrati; billi dik id-Deċiżjoni tipprovdi li l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat huma responsabbli għall-approvazzjoni jew l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba ta’ annimali maskili miżmumin għar-razza;

Billi, f’dan il-kuntest, għalhekk, regoli għandhom jiġu stipulati biex jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni li jżomm jew tistabbilixxi kotba ta’ annimali maskili miżmumin għar-razza jew sezzjoni ta’ dawk il-kotba għal dik ir-razza;

Billi dispożizzjonijiet għandhom isiru għall-proċedura li tkun tippermetti lill-awtoritajiet konċernati li jiżguraw, f’ċirkostanzi speċjali, koordinazzjoni bejn żewġ organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet; billi huwa wkoll importanti li t-tagħrif kollu meħtieġ għall-adozzjoni tar-regoli speċifiċi ta’ koordinazzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2)(e) tad-Direttiva 90/427/KEE isiru disponibbli għall-Kummissjoni;

Billi l-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar Żootekniċi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

L-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li jżomm kotba ta’ annimali maskili għar-razza ta’ l-oriġini tar-razza għandha tiżgura kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-organizzazzjoni u assoċjazzjonijiet li jżommu kotba ta’ annimal maskili għar-razza jew sezzjonijiet ta’ dawk il-kotba għall-istess razza, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi evitata xi kwistjoni.

L-Artikolu 2

1. Fejn l-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tqies li xi organizzazzjoni jew assoċjazzjoni approvata jew li għandha l-għarfien fi Stat Membru ieħor ma tkunx tikkonforma mar-regoli stipulati fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità, u b’mod partikolari mal-prinċipji stipulati mill-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm il-ktieb ta’ annimali maskili miżmumin għar-razza ta’ l-oriġini tar-razza, għandha tikkuntattja lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor konċernat minnufih.

Dan ta’ l-aħħar għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u javża lill-awtorità kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru bit-tip ta’ verifiki mwettqa, id-deċiżjonijiet meħuda u r-raġunijiet għal dawk id-deċiżjonijiet.

2. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru jqiesu li dawn il-miżuri x’aktarx ma jkunux biżżejjed, għandu jesplora ma’ l-awtorità ta’ l-Istat Membru l-ieħor il-mezzi biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, fejn meħtieġ bi żjara f’dak l-Istat Membru.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bis-soluzzjonijiet deċiżi.

4. Fil-każ li ma tinstab ebda soluzzjoni fi żmien sitt xhur, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri konċernati jew fuq l-inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibgħat team ta’ spezzjoni b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

L-Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta’ Ġunju 1992.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 55.

[2] ĠU L 192, tal-11.7.1992, p. 65.

--------------------------------------------------