31991L0671



Official Journal L 373 , 31/12/1991 P. 0026 - 0028
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0057
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0057


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-16 ta' Diċembru 1991

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-użu mandatorju taċ-ċintorini tas-sigurtà f'vetturi ta' inqas minn 3,5 tunnellati

(91/671/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-liġijiet nazzjonali dwar l-użu ta' bilfors taċ-ċintorini tas-sigurtà jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor; billi huwa għalhekk meħtieġ illi jiġi armonizzat dan l-użu ta' mandatorju;

Billi l-obbligu li jintużaw iċ-ċintorini tas-sigurtà jrid ikun armonizzat fil-vetturi ta' mhux inqas minn 3,5 tunnellati metriċi sabiex jiggarantixxu lil min ikun fuq it-triq l-akbar ammont ta' sigurtà;

Billi d-Direttivi 76/115/KEE [4] u 77/541/KEE [5] jolqtu l-ħtiġiet tekniċi marbuta maċ-ċintorini tas-sigurtà li magħhom iridu jaqblu l-vetturi bil-mutur, iżda mhux l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà;

Billi fir-riżoluzzjoni tad-19 ta' Diċembru 1984 [6], il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, iddeċidew li jiżguraw l-adozzjoni mgħaġġla tal-miżuri tas-sigurtà fit-toroq, u stiednu lill-Kummissjoni sabiex tissottometti proposti;

Billi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà fuq it-triq [7] irrakkomandaw illi l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà mill-passiġġieri kollha, inklużi t-tfal, fit-toroq kollha u fil-postijiet kollha fil-vetturi tal-passiġġieri (għajr fil-vetturi tas-servizz pubbliku), irid ikun obbligatorju;

Billi trid isir dispożizzjoni għall-użu obbligatorju ta' sistemi li jżommu lit-tfal fil-postijiet bilqiegħda mgħammra b'ċintorini tas-sigurtà;

Billi, sakemm jiddaħħlu l-istandards armonizzati tal-Komunità dwar sistemi ta' restrizzjoni għat-tfal, dawk l-istandards li jaqblu mal-ħtiġiet nazzjonali ta' l-Istati Membri jridu jkunu magħrufa fl-Istati Membri kollha;

Billi l-istudji wrew ukoll illi l-postijiet bilqiegħda fuq wara huma perikolużi kważi daqs dawk ta' quddiem għal dawk il-passiġġieri li ma jintrabtux u li l-passiġġieri fuq wara li ma jkollhomx ċintorin tas-sigurtà jżidu r-riskju ta' korrimenti għall-passiġġieri ta' quddiem; billi jistgħu għalhekk jissoktaw jitnaqqsu l-imwiet u l-korrimenti jekk isir obbligatorju l-ilbies taċ-ċinorin tas-sigurtà mill-passiġġieri fuq wara;

Billi l-iffissar tad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri msemmija f'din id-Direttiva jagħtu żmien sabiex jiġu abbozzati d-dispożizzjonijiet meħtieġa, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri fejn sa issa ma teżisti l-ebda dispożizzjoni dwar din il-materja,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-vetturi kollha bil-mutur fil-kategoriji M1, M2 (għajr għall-postijiet bilqiegħda fuq wara u l-vetturi ta' piż massimu permessibbli li jaqbeż it-3,5 tunnellata metrika u dawk li jinkludu postijiet iddisinjati speċjalment għall-passiġġieri bilwieqfa) u N1 (għajr għall-postijiet bilqiegħda fuq wara), kif iddefiniti fl-Anness I mad-Direttiva 70/156/KEE [8], maħsuba sabiex jintużaw fuq it-triq, li jkollhom mill-inqas erba' roti u veloċità massima fid-disinn li taqbeż il-25 km/h.

2. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1. "ċintorin tas-sigurtà (ċintorin tal-post bilqiegħda, ċintorin)" ifisser għaqda ta' ċineg li jkollhom bokkla li taqfel, mekkaniżmi li jaġġustaw u żidiet li jkunu kapaċi jitwaħħlu fis-sod ġewwa vettura mmexxija minn magna u ddisinjata sabiex inaqqsu l-periklu lil min jilbishom, fil-każ ta' ħabta jew nuqqas tal-veloċità f'daqqa tal-vettura, billi jillimitaw il-mobilità tal-ġisem ta' min jilbishom. Dik il-għaqda hija ġeneralment magħrufa bħala "il-għaqda taċ-ċintorin", frażi li tiġbor fiha kull mekkaniżmu sabiex jassorbu l-enerġija jew għall-ġbid lura taċ-ċintorin;

2. "sistema ta' restrizzjoni" tfisser sistema li tiġbor flimkien il-post ta' bilqiegħda, imwaħħal ma' l-istruttura tal-vettura permezz ta' mezzi approprjati, u ċintorin tas-sigurtà li għall-inqas ikollu post fejn jintrabat ma' l-istruttura tal-post bilqiegħda;

3. "post bilqiegħda" hija struttura li tista' tkun jew ma tkunx parti integrali mill-istruttura tal-vettura flimkien ma' l-armar, maħsuba sabiex fuqu toqgħod persuna adulta. Il-frażi tinkorpora kemm il-post bilqiegħda individwali kif ukoll parti minn post bilqiegħda minn bank maħsub sabiex fuqu toqgħod persuna waħda.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi x-xufier u l-passiġġieri li jokkupaw il-postjiet bilqiegħda tal-vetturi fuq it-triq riferiti fl-Artikolu 1 jilbsu ċ-ċintorini tas-sigurtà jew jinżammu marbuta permezz ta' sistema ta' restrizzjoni sakemm il-postijiet bilqiegħda okkupati jkunu mgħammra b'dan it-tagħmir. Dawk li jkunu bilqiegħda fuq il-postijiet ta' wara jridu jużaw il-postijiet mgħammra bit-tagħmir qabel l-oħrajn.

L-Istati Membri jridu jiżguraw illi t-tfal taħt it-12-il sena u dawk li huma inqas minn 150 ċm twal, li jkunu jivvjaġġaw f'dawn il-vetturi u li jokkupaw postijiet bilqiegħda biċ-ċintorini, ikunu liebsa sistema approvata ta' restrizzjoni approprjata għat-tul u l-piż tat-tfal. Dawn il-postijiet bilqiegħda iridu jiġu okkupati qabel l-oħrajn.

L-użu ta' sistema ta' restrizzjoni approvata mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha tkun permessa mill-Istati Membri l-oħra.

L-Artikolu 3

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għax-xufiera u l-passiġġieri ta' vetturi li jkunu qegħdin jintużaw fuq it-toroq fil-Komunità li jkunu rreġistrati f'pajjiż ieħor.

L-Artikolu 4

1. Bħala deroga mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2, l-Istati Membri jistgħu, fit-territorju nazzjonali tagħhom, iħallu lit-tfal ta' tliet snin u fuqhom li jokkupaw post bilqiegħda kif riferit fl-Artikolu 1 li jkunu marbuta b'ċintorin tas-sigurtà jew b'sistema oħra ta' restrizzjoni approvata għall-użu ta' l-adulti.

2. L-Istati Membri għandhom ukoll, fuq it-territorju tagħhom u skond il-kondizzjonijiet speċifikati fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, jippermettu illi t-tfal ta' taħt it-tliet snin li jokkupaw postijiet bilqiegħda fuq wara ma jkunux meħtieġa li jintrabtu b'sistema ta' restrizzjoni approprjata għat-tul u l-piż tagħhom jekk dawn it-tfal jinġarru f'vettura fejn din is-sistema mhix disponibbli.

L-Artikolu 5

Il-persuni pprovvduti mill-awtoritajiet kompetenti b'ċertifikat ta' eżenzjoni minħabba raġunijiet mediċi serji għandhom jiġu eżentati mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2. Kull ċertifikat mediku maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti f'wieħed mill-Istati Membri għandu jkun validu wkoll f'kull Stat Membru ieħor; iċ-ċertifikat mediku jrid jindika l-perjodu taż-żmien tal-validità tiegħu u jintwera lill-persuni kollha awtorizzati fuq talba skond id-dispożizzjonijiet rilevanti li jkunu fis-seħħ f'kull Stat Membru. Irid ikun fih fuqu s-simbolu li ġej:

+++++ TIFF +++++

L-Artikolu 6

L-Istati Membri jistgħu, bil-qbil tal-Kummissjoni, jagħtu eżenzjonijiet oħra għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 5, sabiex:

- iqisu l-kondizzjonijiet fiżiċi speċifiċi, jew iċ-ċirkostanzi partikolari ta' tul limitat taż-żmien,

- jippermettu ċerti tipi ta' xogħolijiet li jitwettqu b'mod effettiv,

- jiżguraw illi l-pulizija, is-servizzi tas-sigurtà jew is-servizzi ta' l-emerġenza jwettqu dmirijiethom sew.

L-Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha, sa l-1 ta' Awissu 1994, tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva bl-iskop partikolari li jiġi stabbilit jekk humiex meħtieġa miżuri iktar stretti ta' sigurtà u l-armonizzazzjoni iktar mill-qrib. Jekk approprjat, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti, li fuqhom il-Kunsill irid jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata ma' l-ewwel opportunità.

L-Artikolu 8

1. Wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonjiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 1993. Huma jridu jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn irid ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewliena fil-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1991.

Għall-Kunsill

Il-President.

H. Maij-Weggen

[1] ĠU C 298, tat-23.11.1988, p. 8; u ĠU C 308, tat-8.12.1990, p. 11.

[2] ĠU C 96, tas-17.4.1989, p. 220; u ĠU C 240, tas-16.9.1991, p. 74.

[3] ĠU C 159, tas-26.6.1989, p. 52; u ĠU C 159, tas-17.6.1991, p. 56.

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 76/115/KEE tat-18 ta' Diċembru 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-irbit taċ-ċintorini tas-sigurtà fuq il-vetturi bil-mutur (ĠU L 24, tat-30.1.1976, p. 6), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/629/KEE (ĠU L 341, tas-6.12.1990, p. 14).

[5] Id-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE tat-28 ta' Ġunju 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu maċ-ċintorini tas-sigurtà u s-sistemi ta' restrizzjoni fuq il-vetturi bil-mutur (ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/628/KEE (ĠU L 341, tas-6.12.1990, p. 1).

[6] ĠU C 341, tal-21.12.1984, p. 1.

[7] ĠU C 104, tas-16.4.1984, p. 38; u ĠU C 68, ta' l-24.3.1986, p. 35.

[8] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni skond it-tip tal-vetturi bil-mutur u t-trailers tagħhom (ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 87/403/KEE (ĠU L 220, tat-8.8.1987, p. 44).

--------------------------------------------------