31991L0439



Official Journal L 237 , 24/08/1991 P. 0001 - 0024
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0022
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0022


Id-Direttiva tal-Kunsill

tad-29 ta' Lulju 1991

dwar il-liċenzji tas-sewqan

(91/439/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

Billi, għall-għan tal-politika komuni tat-trasport, u bħala kontribuzzjoni sabiex titjieb is-sigurtà tat-traffiku fit-toroq, kif ukoll sabiex jeħfief il-moviment tan-nies li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih ikunu għaddew minn test tas-sewqan, jixraq illi għandu jkun hemm mudell Komunitarju tal-liċenzja tas-sewqan nazzjonali li tkun rikonoxxuta reċiprokament mill-Istati Membri mingħajr l-ebda obbligu li jiġu mibdula l-liċenzji;

Billi l-ewwel pass f'din id-direzzjoni ttieħed bl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 80/1263/KEE, ta' l-4 ta' Diċembru 1980 dwar id-dħul ta' liċenzja tas-sewqan Komunitarja [4], li stabbilixxiet liċenzja nazzjonali tas-sewqan fuq mudell Komunitarju u l-għarfien reċiproku mill-Istati Membri tal-liċenzji nazzjonali kif ukoll il-bdil tal-liċenzji minn possessuri li jittrasferixxu l-post tar-residenza jew il-post tax-xogħol normali tagħhom minn Stat Membru għall-ieħor; billi l-progress li sar irid jissokta;

Billi l-liċenzja nazzjonali fuq mudell Komunitarju stabbilita bid-Direttiva 80/1263/KEE trid tkun addattata sabiex tqis, inter alia, l-armonizzazzjoni tal-kategoriji u tas-subkategoriji tal-vetturi u sabiex il-liċenzji jsiru aktar mifhuma fil-pront kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra minnha;

Billi, għar-raġunijiet tas-sigurtà fuq it-triq, għandhom jiġu stabbiliti l-ħtiġiet minimi għall-ħruġ ta' liċenzja tas-sewqan;

Billi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/1263/KEE jistabbilixxi illi d-dispożizzjonijiet finali li jiġġeneralizzaw fil-Komunità l-kategoriji tal-vetturi msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati mingħajr il-possibbiltà ta' deroga, kif għandhom ikunu l-kondizzjonijiet tal-validità tal-liċenzji tas-sewqan;

Billi għandha ssir dispożizzjoni għall-possibbiltà li jiġu suddiviżi l-kategoriji tal-vetturi msemmija sabiex tippromwovi, b'mod partikolari, l-aċċess fi stadji gradwali għas-sewqan ta' dawn il-vetturi fl-interess tas-sigurtà fuq it-triq u sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet nazzjonali eżistenti;

Billi għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jagħmluha iktar faċli għal persuni b'diżabbiltà fiżika li jsuqu l-vetturi;

Billi l-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/1263/KEE jipprovdi għal armonizzazzjoni aktar iddettaljata ta' l-istandards tat-testijiet tas-sewqan u tal-liċenzji; billi għal dan il-għan, l-għerf, il-ħiliet u l-imġieba konnessi mas-sewqan tal-vetturi għandhom jiġu definiti u t-test tas-sewqan għandu jkun imsejjes fuq dawn il-kunċetti; billi għandhom jiġu definiti mill-ġdid l-istandards minimi tal-qawwa mentali u fiżika sabiex jinsaqu dawn il-vetturi;

Billi d-dispożizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1263/KEE, u b'mod partikolari l-obbligu li jiġu mibdula l-liċenzji tas-sewqan f'perjodu taż-żmien ta' sena mill-bidla tar-residenza normali, joħolqu ostaklu għall-moviment ħieles tal-persuni; billi dan mhux aċċettat fid-dawl tal-progress magħmul lejn l-integrazzjoni Ewropea;

Billi, b'żieda ma' dan, għar-raġunijiet konnessi mas-sigurtà fuq it-triq u mat-traffiku, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom meta jirtiraw, jissospendu u jikkanċellaw il-liċenzji tas-sewqan lill-possessuri kollha ta' liċenzja tas-sewqan wara li jkun kisbu r-residenza normali fit-territorju tagħhom;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu liċenzja nazzjonali tas-sewqan imsejsa fuq il-mudell Komunitarju deskritt fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2. Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament.

3. Meta l-possessur ta' liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan imur joqgħod normalment fi Stat Membru ieħor għajr dak li jkun ħariġlu l-liċenzja, l-Istat Membru ospitanti jista' japplika fuq il-possessur tal-liċenzji r-regoli nazzjonali tiegħu fil-perjodu taż-żmien tal-validità tal-liċenzji, il-kontrolli mediċi u l-arranġamenti dwar it-taxxi u jista' jdaħħal fil-liċenzja kull tagħrif indispensabbli għall-amministrazzjoni.

L-Artikolu 2

1. L-emblema fuq il-paġna 1 tal-mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jkun fiha s-simbolu li jiddistingwi l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jevitaw kull riskju ta' falsifikazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan.

3. Bil-qbil tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu lill-mudell mogħti fl-Anness I, dawk l-aġġustamenti li jkunu meħtieġa għall-ipproċessar bil-kompjuter tal-liċenzji tas-sewqan.

L-Artikolu 3

1. Il-liċenzja tas-sewqan ipprovduta fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s-sewqan tal-vetturi fil-kategoriji li ġejjin:

Il-Kategorija A

- il-muturi (motorcycles) bil-karozzella tal-ġenb jew mingħajrha;

Il-Kategorija B

- il-vetturi tal-mutur b'massa massima awtorizzata li ma taqbiżx it-3500 kilogramma u li ma jkollhomx iktar minn tmien postijiet bil-qiegħda b'żieda mal-post tas-sewwieq; il-vetturi bil-mutur f'din il-kategorija jistgħu jingħaqdu ma' trailer li jkollu massa massima awtorizzata li ma taqbiżx is-750 kilogramma;

- it-tagħqid ta' tractor fil-kategorija B ma' trailer, fejn il-massa massima awtorizzata ta' l-għaqda ma taqbiżx it-3500 kilogramma u l-massa massima awtorizzata tat-trailer ma taqbiżx il-massa mhux imgħobbija tat-tractor;

Il-Kategorija B+E

- it-tagħqid ta' vetturi li jikkonsistu minn tractor fil-kategorija B u trailer, fejn l-għaqda ma tidħolx fil-kategorija B;

Il-Kategorija C

- vetturi oħra tal-mutur għajr dawk fil-kategorija D u dawk li l-massa massima awtorizzata tagħhom hija iktar minn 3500 kilogramma; il-vetturi tal-mutur f'din il-kategorija jistgħu jingħaqdu ma' trailer li jkollu massa massima awtorizzata li ma taqbiżx is-750 kilogramma;

Il-Kategorija C+E

- it-tagħqid ta' vetturi bit-mutur fejn it-tractor tkun fil-kategorija C u t-trailer tagħha għandu massa massima awtorizzata ta' iktar minn 750 kilogramma;

Il-Kategorija D

- il-vetturi bil-mutur għall-ġarr tal-persuni u li jkollhom aktar minn tmien postijiet bil-qiegħda b'żieda mal-post tas-sewwieq; il-vetturi tal-mutur f'din il-kategorija jistgħu jingħaqdu ma' trailer li jkollu massa massima awtorizzata li ma taqbiżx is-750 kilogramma;

Il-Kategorija D+E

- it-tagħqid ta' vetturi fejn it-tractor tkun fil-kategorija D u t-trailer tagħha għandu massa massima awtorizzata ta' iktar minn 750 kilogramma.

2. Fil-kategoriji A, B, B+E, C, C+E, D and D+E, tista' tinħareġ liċenzja speċifika tas-sewqan għas-sewqan tal-vetturi fis-subkategoriji li ġejjin:

Is-Subkategorija A1

- il-muturi ħfief li jkollhom kapaċità kubika ta' mhux aktar minn 125 ċm3 u qawwa ta' mhux aktar minn 11 kW;

Is-Subkategorija B1

- it-triċikli u l-kwadriċikli li jaħdmu bil-mutur;

Is-Subkategorija C1

- il-vetturi tal-mutur għajr dawk fil-kategorija D u li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it-3500 kilogramma iżda mhux is-7500 kilogramma; il-vetturi tal-mutur f'din is-subkategorija jistgħu jingħaqdu ma' trailer li jkollu massa massima awtorizzata li ma taqbiżx is-750 kilogramma;

Is-Subkategorija C1 +E

- it-tagħqid tal-vetturi fejn it-tractor tkun fis-subkategorija C1 u t-trailer tagħha għandu massa massima awtorizzata ta' aktar minn 750 kilogramma, sakemm din il-massa massima awtorizzata ta' l-għaqda hekk iffurmata ma taqbiżx it-12000 kilogramma, u li l-massa massima awtorizzata tat-trailer ma tkunx aktar mill-massa mingħajr tagħbija tat-tractor;

Is-Subkategorija D1

- il-vetturi tal-mutur użati għall-ġarr tal-persuni u li jkollhom aktar minn tmien postijiet bil-qiegħda b'żieda mal-post tas-sewwieq iżda mhux aktar minn 16-il post bil-qiegħda b'żieda mal-post tas-sewwieq; il-vetturi bil-mutur f'din is-subkategorija jistgħu jingħaqdu ma' trailer li jkollu massa massima awtorizzata li ma taqbiżx is-750 kilogramma;

Is-Subkategorija D1 +E

- it-tagħqid ta' vetturi fejn it-tractor ikun fis-subkategorija D1 u t-trailer tagħha jkollu massa massima awtorizzata ta' iktar minn 750 kilogramma, sakemm:

- l-ewwel nett, il-massa massima awtorizzata tat-tagħqid hekk iffurmata ma taqbiżx it-12000 kilogramma u l-massa massima awtorizzata tat-trailer ma taqbiżx il-massa mhux imgħobbija tat-tractor;

- it-tieni nett, it-trailer ma jintużax għat-trasport tal-persuni.

3. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu:

- "Vettura mmexxija bil-għajnuna ta' magna" tfisser kull vettura li timxi fit-triq bil-qawwa tagħha stess, għajr vettura li timxi fuq il-binarji;

- "Triċiklu" u "Kwadriċiklu" ifissru rispettivament kull vettura fil-kategorija B li jkollha tliet jew erba' roti b'veloċità massima ddisinjata għal iktar minn 50 km/s jew li jaħdmu permezz ta' magna tal-kombustjoni interna li taqbad bl-ispark b'kapaċità kubika ta' aktar minn 50 ċm3 jew kull magna oħra ta' qawwa ekwivalenti. Il-massa mhux imgħobbija ma għandhiex tkun aktar minn 550 kilogramma. Il-massa mhux imgħobbija tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku ma għandhiex tqis il-massa tal-batterija.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu standards iktar baxxi rigward il-massa mhux imgħobbija u jżidu oħrajn, bħalma huma l-kategorija jew il-qawwa kubiċi massimi;

- "Mutur" (motor cycle) ifisser kull vettura b'żewġ roti b'veloċità massima ddisinjata għal aktar minn 50 km/s jew, jekk titħaddem permezz ta' magna tal-kombustjoni interna, b'kapaċità kubika ta' aktar minn 50 ċm3; it-tagħqida ta' mutur ma' karozzella tal-ġenb għandha tiġi ttrattata bl-istess mod ta' vettura minn din;

- "Vettura tal-mutur" tfisser kull vettura li timxi bil-qawwa, għajr mutur (motor-cycle), li normalment tintuża' sabiex iġġorr il-persuni jew il-merkanzija bit-triq jew sabiex tiġbed, bit-triq, il-vetturi użati għall-ġarr tal-persuni jew merkanzija. Din l-espressjoni tinkludi t-trolleybuses, jiġifieri l-vetturi li huma mqabbda ma' konduttur elettriku u ma jimxux fuq binarji. Din ma għandhiex tinkludi t-tractors agrikoli jew tal-forestrija;

- "Tractor agrikolu jew tal-forestrija" tfisser kull vettura bil-magna li timxi fuq ir-roti jew biċ-ċintorini, li jkollha mill-inqas żewġ fusien, li l-funzjoni prinċipali tagħha tinsab fil-qawwa tal-ġibda, li hija ddisinjata speċifikament sabiex tiġbed, timbotta, iġġorr jew tħaddem ċerti għodod, magni jew trailers użati f'konnessjoni ma' ħidmiet agrikoli jew tal-forestrija, u li l-użu tagħhom għall-ġarr tal-persuni jew merkanzija bit-triq jew il-ġbid, fit-triq, ta' vetturi użati għall-ġarr tal-persuni jew merkanzija huwa biss funzjoni sekondarja.

4. L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, jidderogaw, sakemm dan ikun imsemmi fil-liċenzja tas-sewqan, mill-veloċitajiet indikati fit-tieni u t-tielet inċiż tal-paragrafu 3, sakemm jistabbilixxu veloċitajiet iktar baxxi.

5. Għas-subkategorija A1, l-Istati Membri jistgħu jimponu regoli restrittivi addizzjonali.

6. Bil-kunsens tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu ċerti tipi speċifiċi ta' vetturi li jaħdmu bil-magna bħall-vetturi speċjali għan-nies b'diżabbiltà.

L-Artikolu 4

1. Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jiddikjaraw il-kondizzjonijiet li fuqhom is-sewwieq huwa awtorizzat li jsuq.

2. Jekk, minħabba diżabbiltà fiżika, is-sewqan huwa awtorizzat biss għal ċerti tipi ta' vetturi jew ta' vetturi addattati, it-test tal-ħiliet u l-imġiba msemmija fl-Artikolu 7 għandu jittieħed f'din il-vettura.

L-Artikolu 5

1. Il-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan għandu jkun bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-liċenzji għall-kategoriji C u D għandhom jinħarġu biss lis-sewwieqa li diġà huma intitolati li jsuqu vetturi fil-kategorija B;

(b) il-liċenzji għall-kategoriji B+E, C+E, D+E għandhom jinħarġu biss lis-sewwieqa li diġà huma intitolati li jsuqu vetturi fil-kategoriji B, C u D rispettivament;

2. Il-validità tal-liċenzji tas-sewqan għandha tiġi stabbilita kif ġej:

(a) il-liċenzji mogħtija għall-kategorija C+E jew D+E għandhom ikunu validi għat-tagħqid ta' vetturi fil-kategorija B+E;

(b) il-liċenzji mogħtija għall-kategorija C+E għandhom ikunu validi għall-kategorija D+E sakemm il-possessuri tagħhom ikunu intitolati li jsuqu l-vetturi tal-kategorija D.

3. Għas-sewqan fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-ekwivalenzi li ġejjin

(a) it-triċikli u l-kwadriċikli li jaħdmu bil-għajnuna ta' magna bil-liċenzja għall-kategorija A jew A1;

(b) għall-muturi ħfief bil-liċenzja għall-kategorija B.

4. L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, jawtorizzaw is-sewqan fit-territorju tagħhom ta'

(a) vetturi tal-kategorija D1 (massimu ta' 16-il post bil-qiegħda b'żieda ta' dak tas-sewwieq u piż massimu awtorizzat ta' 3500 kilogramma, li jeskludi kull tagħmir speċjalizzat maħsub għall-ġarr tal-passiġġieri b'diżabbiltà) minn possessuri ta' aktar minn minn 21 sena ta' liċenzja tas-sewqan għall-kategorija B li jkunu ġabuha ta' l-inqas snin qabel, sakemm il-vetturi jintużaw minn korpi mhux kummerċjali għal skopijiet soċjali u li s-sewwieq joffri s-servizzi tiegħu fuq bażi volontarju;

(b) il-vetturi ta' piż massimu awtorizzat ta' aktar minn 3500 kilogramma minn possessuri ta' aktar minn 21 sena b'liċenzja tas-sewqan għall-kategorija B miġjuba ta' l-inqas sentejn qabel, sakemm l-iskop ewlieni tal-vetturi huwa li jintużaw biss meta wieqfa u bħala żona tat-tagħlim jew ta' rikreazzjoni, u li jintużaw minn korpi mhux kummerċjali għal skopijiet soċjali u li l-vetturi jkunu ġew immodifikati sabiex ma jkunux jistgħu jintużaw jew għall-ġarr ta' aktar minn disa' persuni jew għall-ġarr ta' merkanzija għajr dik li tkun strettament meħtieġa għall-għanijiet tagħhom.

L-Artikolu 6

1. Il-kondizzjonijiet ta' l-età minima għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan għandhom ikunu kif ġej:

(a) ta' 16-il sena:

- għas-subkategorija A1;

- għas-subkategorija B1;

(b) ta' 18-il sena:

- għall-kategorija A; madankollu, l-aċċess għas-sewqan tal-muturi b'qawwa ta' aktar minn 25 kW jew bil-proporzjon ta' qawwa/piż ta' aktar minn 0,16 kW/kg (jew muturi bil-karozzella tal-ġenb fil-proporzjon ta' qawwa/piż ta' aktar minn 0,16 kW/kg) għandhom ikunu bla ħsara għal minimu ta' sentejn esperjenza fuq il-mutur bi speċifikazzjonijiet iktar baxxi skond il-liċenzja A; din il-ħtieġa rigward l-esperjenza ta' qabel tista' titwarrab jekk il-kandidat ikollu mill-inqas 21 sena, bla ħsara li l-kandidat jgħaddi minn test speċjali ta' l-abbiltajiet u l-imġieba;

- għall-kategoriji B, B+E;

- għall-kategoriji C, C+E u s-subkategoriji C1, C1 +E, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-sewqan ta' dawn il-vetturi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq [5];

(ċ) ta' 21 sena:

- għall-kategoriji D u D+E u s-subkategoriji D1, D1 +E, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-sewqan ta' dawn il-vetturi fir-Regolament (KEE) Nru 3820/85.

2. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-ħtiġiet minimi ta' l-età stabiliti għall-kategoriji A, B u B+E u joħorġu dawn il-liċenzji tas-sewqan mill-età ta' 17-il sena, għajr fil-każ tal-dispożizzjonijiet għall-kategorija A stabbiliti fl-aħħar sentenza ta' l-ewwel inċiż tal-paragrafu 1(b).

3. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-validità fit-territorju tagħhom tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa lis-sewwieqa taħt it-18-il sena.

L-Artikolu 7

1. Il-liċenzji tas-sewqan għandhom, barra minn hekk, jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

(a) li jkunu għaddew mit-test tal-ħiliet u l-imġiba u test tat-teorija u li jilħqu l-istandards mediċi, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Annessi II u III;

(b) li għandhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew jistgħu jipproduċu xhieda illi kienu ilhom jistudjaw fih għal mill-inqas sitt xhur.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu addottati mill-Kunsill f'dan ir-rigward, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżomm id-dritt li jistabbilixxi, fuq il-bażi tal-kriterji nazzjonali, il-perjodu taż-żmien tal-validità tal-liċenzji tas-sewqan li joħroġ.

3. L-Istati Membri jistgħu, bil-qbil tal-Kummissjoni, jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness III meta dawn id-derogi jkunu kompatibbli ma' l-iżvilupp tax-xjenza medika u mal-prinċipji stabbiliti f'dan l-Anness.

4. Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri, jistgħu wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, japplikaw għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan id-dispożizzjonijiet tar-regoli nazzjonali tagħhom li jkollhom x'jaqsmu ma' kondizzjonijiet oħra minbarra dawk imsemmija f'din id-Direttiva.

5. L-ebda persuna ma jista' jkollha liċenzja tas-sewqan minn iktar minn Stat Membru wieħed.

L-Artikolu 8

1. Meta l-possessur ta' liċenzja valida tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru jkollu r-residenza normali fi Stat Membru ieħor, jista' jitlob illi l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tiġi mibdula ma' liċenzja ekwivalenti; għandu jiddependi mill-Istat Membru li jeffettwa dan il-bdil sabiex jikkontrolla, jekk meħtieġ, jekk il-liċenzja mogħtija tkunx fil-fatt għadha valida.

2. Bla ħsara għat-tħaris tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-possessur ta' liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jibdlu l-liċenzja b'dan il-għan.

3. L-Istat Membru li jeffettwa l-bdil għandu jagħti lura l-liċenzja l-qadima lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li jkun ħariġha u jagħti r-raġunijiet tiegħu għaliex għamel dan.

4. Stat Membru jista' jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta' kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta' l-Istat ta' qabel, bla ħsara għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.

Stat Membru jista' l-istess jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkun bla ħsara għal din il-miżura fi Stat Membru ieħor.

5. Is-sostituzzjoni ta' liċenzja tas-sewqan li, per eżempju, tkun intilfet jew insterqet, tista' tinkiseb mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li fih il-possessur tal-liċenzja għandu r-residenza normali tiegħu; dawn l-awtoritajiet għandhom jipprovdu s-sostituzzjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-pussess tagħhom jew, fejn xieraq, fuq il-provi mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li kienu ħarġu l-liċenzja oriġinali.

6. Meta Stat Membru jiskambja liċenzja tas-sewqan maħruġa minn pajjiż terz ma' liċenzja tas-sewqan tal-mudell Komunitarju, dan il-bdil għandu jiġi rreġistrat fuq ta' l-aħħar kif ukoll għandu jsir għal kull tiġdid jew sostituzzjoni sussegwenti.

Dan il-bdil jista' jiġri biss jekk il-liċenzja maħruġa mill-pajjiż terz tkun ġiet ċeduta lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jagħmel il-bdil. Jekk il-possessur ta' din il-liċenzja jittrasferixxi r-residenza normali tiegħu għal Stat Membru ieħor, dan ta' l-aħħar ma għandux għalfejn japplika l-Artikolu 1(2).

L-Artikolu 9

Għall-għan ta' din id-Direttiva, residenza "normali" tfisser il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f'kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta' persuna li ma jkollhiex irbit ta' xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn din il-persuna u l-post fejn tgħix.

Madankollu, ir-residenza normali ta' persuna li r-rabtiet tax-xogħol tagħha jkunu f'post differenti mir-rabtiet personali tagħha u li minħabba dan tgħix f'postijiet differenti daqqa f'wieħed u daqqa fl-ieħor li jinsabu f'żewġ Stati Membri jew aktar għandu jitqies il-post tar-rabtiet personali tagħha, sakemm din il-persuna terġa' lura lejh regolarment. Din il-kondizzjoni ta' l-aħħar ma għandhiex għalfejn tintlaħaq meta l-persuna tkun tgħix fi Stat Membru sabiex twettaq xogħol ta' tul definit. L-attendenza f'università jew fi skola ma għandhiex timplika t-trasferiment tar-residenza normali.

L-Artikolu 10

Bil-qbil tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenzi bejn il-kategoriji tal-liċenzji maħruġa qabel l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u ta' dawk definiti fl-Artikolu 3.

Bil-qbil tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kull aġġustament fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom illi huma meħtieġa bil-għan li jimplimetaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(4), (5) u (6).

L-Artikolu 11

Ħames snin wara li din id-Direttiva tkun daħlet fis-seħħ, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jirrevedi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw kull subkategorija mhux obbligatorja li setgħet ġiet stabbilita skond l-Artikolu 3, bil-ħsieb ta' l-armonizzazzjoni jew l-eliminazzjoni possibbli tagħhom.

L-Artikolu 12

1. Wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta' Lulju 1994, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mill-1 ta' Lulju 1996.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn irid ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għandhom, jekk ikun hemm il-ħtieġa, jibdlu bejn xulxin it-tagħrif dwar il-liċenzji li jkunu rreġistraw.

L-Artikolu 13

Id-Direttiva 80/1263/KEE hija hawnhekk imħassra mill-1 ta' Lulju 1996:

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Lulju 1991,

Għall-Kunsill

Il-President

H. van den Broek

[1] ĠU C 48, tas-27.2.89, p. 1.

[2] ĠU C 175, tas-16.7.90, p. 40.

[3] ĠU C 159, tas-26.6.89, p. 21.

[4] ĠU L 375, tal-31.12.1980, p. 1.

[5] ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW IL-MUDELL KOMUNITARJU TAL-LIĊENZJA TAS-SEWQAN

1. Il-kulur tal-mudell Komunitarju tal-liċenzja tas-sewqan għandu jkun roża u l-qisien globali tiegħu għandhom ikunu:

l-għoli : 106 mm;

il-wisa' : 222 mm.

2. Il-liċenzja għandu jkun fiha sitt paġni:

il-paġna 1 għandu jkun fiha:

- is-sinjal li jiddistingwi lill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja;

- is-semmija ta' l-isem ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja (mhux obbligatorju);

- is-sinjal li jiddistingwi lill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, dawn is-sinjali għandhom ikunu kif ġej:

B : il-Belġju

DK : id-Danimarka

D : il-Ġermanja

GR : il-Greċja

E : Spanja

F : Franza

IRL : l-Irlanda

I : l-Italja

L : il-Lussemburgu

NL : l-Olanda

P : il-Portugall

UK : ir-Renju Unit

;

- il-kliem "Liċenzja tas-sewqan", stampati b'tipa kbira bl-ilsien jew l-ilsna ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja; dawn għandhom jidhru, wara spazju xieraq, b'tipa żgħira bl-ilsna l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej;

- il-kliem "mudell tal-Komunitajiet Ewropej" stampat fl-ilsien jew l-ilsna ta' l-Istati Membri li joħorġu l-liċenzja;

il-paġna 2 għandu jkun fiha:

1. il-kunjom tal-possessur tal-liċenzja;

2. l-ismijiet l-oħra tal-possessur tal-liċenzja;

3. id-data u l-post tat-twelid tal-possessur tal-liċenzja;

4. l-isem ta' l-awtorità kompetenti li toħroġ il-liċenzja (inklużi l-post u d-data tal-ħruġ u t-timbru ta' l-awtorità);

5. in-numru tal-liċenzja;

6. ir-ritratt tal-possessur tal-liċenzja;

7. il-firma tal-possessur tal-liċenzja;

8. il-post tar-residenza permanenti, jew l-indirizz postali (mhux obbligatorji);

il-paġni 3 u 4 għandu jkun fihom:

is-(sub)kategoriji tal-vettura, id-data tal-ħruġ tal-liċenzja għas-(sub)kategorija, il-perjodu taż-żmien tal-validità tagħha, it-timbru ta' l-awtorità, kull tagħrif addizzjonali jew ir-restrizzjonijiet fil-għamla ta' kodiċi għal kull (sub)kategorija interessata.

Is-subkategoriji mhux ipprovvduti fil-leġislazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru jistgħu jitħallew barra mil-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn dan l-Istat Membru.

Il-kodiċijiet użati fil-paġna 4 għandhom ikunu kif ġej:

il-kodiċijiet mill-1 sad-99 : il-kodiċijiet armonizzati tal-Komunità,

il-kodiċijiet minn 100 'l fuq : il-kodiċijiet nazzjonali biss għas-sewqan fit-territorju ta' l-Istat li jkun ħareġ il-liċenzja.

Id-data ta' l-ewwel ħruġ tal-liċenzja għal kull kategorija trid tiġi trasferita għall-paġna 3 fil-każ tal-bdil jew skambju sussegwenti;

il-paġna 5 jista' jkun fiha tagħrif bħal:

- kull perjodu ta' żmien li matulu l-liċenzja tas-sewqan kienet sospiża,

- l-offiżi serji kommessi fit-territorju ta' l-Istat tar-residenza normali u li jqisu l-proċedura li tgħodd f'dan l-Istat sabiex jiġu mmonitorjati s-sewwieqa;

il-paġna 6 għandu jkun fiha:

- il-validazzjonijiet ristretti għat-territorju ta' l-Istat li jkun ħariġhom għar-raġunijiet ta' l-ekwivalenzi jew tal-kategoriji tal-vetturi mhux koperti b'din id-Direttiva (inklużi d-dati tal-ħruġ u l-perjodi taż-żmien tal-validità),

- l-ispazji riservati għad-dħul (mhux obbligatorju) tal-bidliet fir-residenza normali tal-possessur.

3. Id-dħul fil-paġni l-oħra għajr l-ewwel paġna għandu jkun fl-ilsien/ilsna ta' l-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja.

Jekk Stat Membru jixtieq jagħmel dan id-dħul fi Isien nazzjonali ieħor għajr f'wieħed mill-ilsna li ġejjin: id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Portugiż, l-Ispanjol, irid ifassal verżjoni bilingwa tal-liċenzja billi juża waħda mill-ilsna msemmija hawn fuq, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Anness.

4. Fejn il-possessur ta' liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ikun mar jirresjedi normalment fi Stat Membru ieħor, dan ta' l-aħħar jista' jindika:

- il-bidla/bidliet tar-residenza fil-paġna 6,

- it-tagħrif meħtieġ għal skopijiet amministrattivi bħalma huma r-reati serji kommessi fit-territorju tiegħu, fil-paġna 5,

sakemm jiddaħħal ukoll dan it-tip ta' tagħrif fil-liċenzji li (l-Istat) joħroġ u li jkun hemm spazju disponibbli għal dan il-għan.

Bħala deroga mill-punt 2 ta' l-Anness, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mir-Renju Unit ma għandhomx jinħtieġu ritratt tal-possessur għal perjodu massimu ta' żmien ta' għaxar snin wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

I. L-GĦARFIEN, IL-ĦILA U L-IMĠIBA SABIEX TINSAQ VETTURA LI TAĦDEM BL-GĦAJNUNA TA' MAGNA

Għall-għanijiet sabiex jiġi applikat dan l-Anness, id-dispożizzjonijiet li ġejjin ikopru kemm il-kategoriji kif ukoll is-subkategoriji, għajr jekk issir referenza espliċita għal dawn ta' l-aħħar.

1. Preambolu

Sabiex isuqu b'sigurtà, is-sewwieqa tal-vetturi kollha li jaħdmu bil-għajnuna ta' magna jrid ikollhom l-għarfien, il-ħila u l-imġiba sabiex:

- jagħrfu l-perikli tat-traffiku u jevalwaw il-gravità tagħhom,

- ikollhom kmand suffiċjenti tal-vettura tagħhom sabiex ma joħolqux sitwazzjonijiet perikolużi u sabiex jirreaġixxu kif xieraq jekk jiġru dawn is-sitwazzjonijiet,

- iħarsu r-regolamenti tat-traffiku fit-toroq, u b'mod partikolari dawk maħsuba sabiex jipprevienu l-inċidenti tat-traffiku u biex iżommu ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku għaddejja,

- jindunaw b'kull ħsara teknika fil-vetturi tagħhom, b'mod partikolari dawk li joħolqu perikolu għas-sigurtà, u jirrimedjawhom b'mod xieraq,

- iqisu l-fatturi kollha li jaffettwaw l-imġieba fis-sewqan (eż. l-alkoħol, l-għeja, vista batuta, eċċ.) sabiex iżommu l-użu sħiħ tal-fakultajiet meħtieġa sabiex isuqu fis-sigurtà,

- jgħinu jiżguraw is-sigurtà ta' l-utenti kollha tat-toroq, u b'mod partikolari l-iktar batuti u l-iktar esposti billi juru rispett xieraq lejn l-oħrajn.

2. It-Tagħrif

Is-sewwieqa jridu jkunu kapaċi juru għarfien u jifhmu sewwa l-oqsma li ġejjin:

2.1. l-importanza li jkunu allerti u ta' l-attitudnijiet lejn l-utenti dawk l-oħra tat-triq;

2.2. l-aspetti mekkaniċi li jkollhom effett fuq is-sigurtà fuq it-triq; iridu jkunu kapaċi jagħrfu wkoll l-iktar ħsarat komuni, b'mod partikolari fit-tmun, fis-sospensjoni u fis-sistemi tal-brejkijiet, fit-tyres, fid-dwal u fid-direzzjoni ta' l-indikaturi, tar-refletturi, tal-mirja li jagħtu lura, tal-windscreen u l-wipers, tas-sistema ta' l-emissjoni tad-duħħan u taċ-ċintorini tas-sigurtà;

2.3. l-iktar prinċipji importanti li jirrigwardaw l-osservanza tad-distanza tas-sigurtà bejn il-vetturi, id-distanza biex jibbrejkjaw u li ma jiskiddjawx f'kondizzjonijiet varji tat-temp u tat-triq;

2.4. il-perċezzjoni, il-ġudizzju u t-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment waqt il-ħin tar-reazzjoni, kif ukoll il-bidliet fl-imġiba tas-sewqan minħabba l-influwenza ta' l-alkoħol, tad-drogi u ta' prodotti mediċinali, ta' l-istat tal-moħħ u ta' l-għeja;

2.5. il-fatturi speċifiċi tar-riskji li għandhom x'jaqsmu man-nuqqas ta' l-esperjenza ta' nies oħra li jużaw it-triq u ta' l-aktar kategoriji vulnerabbli ta' l-utenti tat-triq bħalma huma t-tfal, nies mexjin fit-toroq, ċiklisti u n-nies li l-mobbilità tagħhom tkun imnaqqsa;

2.6. ir-riskji involuti fil-moviment u s-sewqan ta' tipi varji ta' vetturi u tal-firxiet differenti ta' kemm jaraw is-sewwieqa tagħhom;

2.7. il-fatturi tar-riskju fis-sewqan li għandhom x'jaqsmu mal-kondizzjonijiet varji fuq it-triq, speċjalment meta jinbidlu minħabba t-temp u l-ħin tal-ġurnata jew tal-lejl;

2.8. il-karatteristiċi ta' tipi varji ta' toroq u tal-ħtiġiet statutorji li għandhom x'jaqsmu magħhom;

2.9. it-tagħmir tas-sigurtà tal-vetturi u, b'mod partikolari, l-użu taċ-ċintorini tas-sigurtà u t-tagħmir tas-sigurtà għat-tfal;

2.10. ir-regoli li jirrigwardaw l-użu tal-vettura f'relazzjoni ma' l-ambjent (l-użu xieraq tal-mezzi tat-twissija bis-smigħ, il-konsum moderat tal-karburant, il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' tniġġiż, eċċ.);

2.11. ir-regolamenti tat-traffiku fuq it-triq, b'mod partikolari rigward is-sinjali tat-toroq, inklużi l-marki, il-ħsejjes, id-dritta u l-limiti tal-veloċità;

2.12. ir-regoli li jirrigwardaw id-dokumenti amministrattivi meħtieġa għall-użu tal-vetturi;

2.13. ir-regoli ġenerali li jispeċifikaw kif is-sewwieq irid iġib ruħu fil-każ ta' inċident (billi jixgħel it-tagħmir tat-twissija u jsejjaħ għall-għajjut) u l-miżuri li jista' jieħu sabiex jgħin lill-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fejn jinħtieġ;

2.14. il-fatturi tas-sigurtà li għandhom x'jaqsmu mal-vettura u n-nies ta' ġo fiha.

3. Il-Ħiliet

Ir-regoli ddikjarati hawn taħt japplikaw biss sakemm ikunu kompatibbli mal-karatteristiċi tal-vettura.

3.1 Is-sewwieqa jridu jkunu kapaċi li jħejju għal sewqan fis-sigurtà billi:

3.1.1. jiċċekjaw il-kondizzjoni tat-tyres, tad-dwal, tar-rifletturi, tat-tmun, tal-brejkijiet, tad-direzzjoni ta' l-indikaturi u tal-mezzi tat-twissija bis-smigħ;

3.1.2. jaġġustaw is-seat kif meħtieġ biex isibu l-pożizzjoni komda;

3.1.3. jaġġustaw il-mirja li jagħtu għal wara u ċ-ċintorini tas-sigurtà;

3.1.4. jiċċekkjaw li l-bibien huma magħluqa.

3.2. Is-sewwieqa jridu jkunu kapaċi jużaw il-kontrolli tal-vettura, jiġifieri:

- it-tmun,

- l-aċċelleratur,

- il-clutch,

- il-gerijiet,

- il-brejk ta' l-id u l-brejk tas-sieq, skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

3.2.1. iqabbdu l-magna u jitilqu bil-ħlewwa (għat-telgħa u għan-niżla kif ukoll għall-wita);

3.2.2. jaċċelleraw għal veloċità xierqa filwaqt li jżommu rotta dritta, inkluż waqt il-bdil tal-gerijiet;

3.2.3. jaġġustaw il-veloċità sabiex iduru fuq ix-xellug jew fuq il-lemin f'toroq li jingħaqdu ma' toroq oħra, possibilment fi spazji ristretti, filwaqt li jżommu l-kontroll tal-vettura;

3.2.4. jirriversjaw f'linja dritta u jirriversjaw fuq il-lemin jew fuq ix-xellug f'kantuniera filwaqt li jżommu fil-linja korretta tat-traffiku;

3.2.5. idawru l-vettura hekk li tiġi tħares fid-direzzjoni opposta, billi jużaw il-gerijiet 'il quddiem u bir-rivers;

3.2.6. jibbrejkjaw bl-eżatt fil-waqfien, jekk ikun hemm il-ħtieġa billi jagħmlu waqfa ta' l-emerġenza;

3.2.7. jipparkjaw il-vettura u jħallu spazju għall-parkeġġ (parallel, oblikwu jew kartabun) kemm 'il quddiem kif ukoll bir-rivers, fil-wita, għat-telgħa u għan-niżla.

3.3. Skond il-kondizzjonijiet iddikjarati fit-3.2 is-sewwieqa jridu jkunu kapaċi jużaw il-kontrolli sekondarji tal-vettura: il-windscreen wipers, il-windscreen washers, id-demister u l-kondizzjonament ta' l-arja, id-dwal, eċċ.

4. L-Imġiba

4.1. Is-sewwieqa jridu jkunu kapaċi jagħmlu l-manuvri kollha tas-soltu b'sigurtà sħiħa f'sitwazzjonijiet normali tat-traffiku, billi jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa:

4.1.1. josservaw (inkluż l-użu tal mirja li jagħtu għal wara) l-allinjament tat-triq, il-marki, is-sinjali u r-riskji potenzjali u attwali;

4.1.2. jikkomunikaw ma' utenti oħra fuq it-triq bil-mezzi awtorizzati;

4.1.3. jirreaġixxu kif jixraq f'sitwazzjonijiet ta' riskji attwali;

4.1.4. iħarsu r-regolamenti tat-traffiku tat-triq u l-ordnijiet tal-pulizija, tal-gwardjani tat-traffiku, eċċ.;

4.1.5. juru rispett lejn utenti oħra tat-triq.

4.2. Is-sewwieqa jrid ikollhom ukoll il-ħiliet meħtieġa, f'sitwazzjonijiet tat-traffiku, sabiex b'sigurtà:

4.2.1. jiċċaqalqu minn mal-bankina u/jew minn post tal-parkeġġ;

4.2.2. isuqu bil-vettura fil-pożizzjoni korretta fit-triq, billi jaġġustaw il-veloċità skond il-kondizzjonijiet tat-traffiku u l-linja tat-triq;

4.2.3. iżommu d-distanza korretta bejn il-vetturi;

4.2.4. jibdlu l-kuriduri tat-triq;

4.2.5. jgħaddu vetturi pparkjati jew wieqfa u l-ostakli;

4.2.6. jgħaddu l-vetturi ġejjin mill-faċċata, inkluż fi spazji dojoq;

4.2.7. jaqilgħu u jaqbżu f'sitwazzjonijiet varji;

4.2.8. joqorbu lejn u jaqsmu l-linji tal-ferrovija li jaqsmu t-triq;

4.2.9. joqorbu lejn u jaqsmu t-toroq li jagħtu għal toroq oħra;

4.2.10. iduru fuq il-lemin u fuq ix-xellug f'toroq li jagħtu għal toroq oħra jew iħallu l-kareġġjata;

4.2.11. jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa fl-inżul mill-vettura.

5. Il-Ħtiġiet speċifiċi għall-Kategoriji tas-sewqan A, B, C, D, B + E, C+ E u D + E

5.1. Il-Kategorija A:

Is-sewwieqa tal-kategorija A jridu jkunu jafu kif:

5.1.1. jaġġustaw l-elmu tal-protezzjoni u jiċċekkjaw il-mezzi l-oħra tas-sigurtà fuq il-vettura;

5.1.2. iniżżlu l-mutur minn fuq il-waqqafa tiegħu u jċaqalquh, mingħajr l-għajnuna ta' magna, billi jimxu mal-vettura;

5.1.3. jipparkjaw il-mutur fuq il-waqqafa tiegħu;

5.1.4. jagħmlu dawra U;

5.1.5. iżommu l-vettura bbilanċjata b'veloċitajiet differenti, inklużi veloċitajiet baxxi, u f'sitwazzjonijiet differenti tas-sewqan, ukoll filwaqt li jġorru passiġġier;

5.1.6. imilu fuq il-ġenb sabiex iduru.

5.2. Il-Kategoriji C, D, C+ E u D + E:

Is-sewwieqa tal-vetturi f'dawn il-kategoriji jridu wkoll juru għerf u għarfien sod ta' l-oqsma ddikjarati hawn taħt:

5.2.1. it-tfixkil fil-firxa tal-vista tas-sewwieq u ta' utenti oħra kkawżati mill-karatteristiċi tal-vetturi tagħhom;

5.2.2. l-effett tar-riħ fuq ir-rotta tal-vettura;

5.2.3. ir-regoli dwar il-piż u l-qisien tal-vetturi;

5.2.4. ir-regoli dwar is-sigħat tas-sewqan, il-perjodi taż-żmien tal-mistrieħ u l-użu tat-takografu;

5.2.5. l-elementi tas-sistemi tal-brejkijiet u tar-regolaturi tal-veloċità;

5.2.6. il-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu meta jaqilgħu/jaqbżu vetturi oħra minħabba l-perikolu tar-raxx jew tat-tajn;

5.2.7. jaqraw mappa tat-triq.

Iridu jkunu wkoll kapaċi li:

5.2.8. jiċċekkjaw is-sistemi tal-brejkijiet u tat-tmun li jaħdmu bil-għajnuna ta' magna;

5.2.9. jużaw sistemi varji ta' brejkijiet;

5.2.10. jużaw sistemi ta' tnaqqis ieħor tal-veloċità għajr il-brejkijiet;

5.2.11. jaġġustaw ir-rotta meta jduru sabiex iħallu spazju għat-tul tal-vettura u dak li jisporġi minnha.

5.3. Il-Kategoriji B, B + E, C, C+ E, D + E:

Is-sewwieqa tal-vetturi f'dawn il-Kategoriji jridu:

5.3.1. ikunu jafu l-fatturi tas-sigurtà li għandhom x'jaqsmu mat-tagħbija tal-vettura.

5.4. Il-Kategoriji B + E, C+ E, D + E:

Is-sewwieqa tal-vetturi f'dawn il-Kategoriji jridu jkunu kapaċi li:

5.4.1. jgħaqqdu u jħollu t-trailer jew is-semi-trailer mat-tractor jew minnha.

5.5. Il-Kategorija D:

Is-sewwieqa tal-vetturi f'din il-Kategoriji jridu juru għarfien dwar:

5.5.1. ir-regoli li jirrigwrdaw il-persuni li jġorru;

5.5.2. kif għandhom iġibu ruħhom fil-każ ta' inċident;

5.5.3. iridu wkoll ikunu kapaċi jieħdu miżuri speċjali tas-sigurtà għall-vettura.

6. L-Użu tal-vettura

Is-sewwieqa jridu jkunu kapaċi jsuqu l-vetturi tagħhom fuq tipi varji ta' toroq, kemm f'żoni urbani kif ukoll fit-toroq għall-beraħ, f'kondizzjonijiet varji (tat-temp, tad-dawl, ta' densità tat-traffiku, eċċ.).

II. IL-ĦTIĠIET MINIMI GĦAT-TESTIJIET TAS-SEWQAN

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-applikanti għal-liċenzji tas-sewqan jippossjedu l-għerf u l-ħiliet u juru l-imġiba meħtieġa sabiex isuqu vettura. It-test imdaħħal għal dan l-effett irid ikun magħmul minn:

- test tat-teorija,

- test tal-ħiliet u l-imġiba.

Il-kondizzjonijiet li fihom għandu jiġi kondott it-test huma ddikjarati hawn taħt.

7. It-Test tat-teorija

7.1. L-għamla

L-għamla magħżula għandha tkun hekk illi tiżgura illi l-applikant għandu l-għarfien meħtieġ tas-suġġetti mniżżla fil-lista fil-paragrafi 2 u 5 ta' dan l-Anness.

Kull aplikant għal liċenzja f'kategorija u li diġà għandu l-liċenzja f'kategorija differenti jista' jiġi eżentat mid-dispożizzjonijiet komuni tal-punt 7 ta' dan l-Anness.

7.2. Il-kontenut tat-test li jirrigwarda l-kategoriji kollha tal-vetturi

Il-punti mniżżla fil-lista ta' hawn taħt jirreferu għall-paragrafu 2 ta' dan l-Anness.

7.2.1. Il-mistoqsijiet iridu jiġu mistoqsija fuq kull wieħed mill-punti mniżżla fil-lista ta' hawn taħt, bil-kontenut tal-mistoqsijiet jiġi mħolli fid-diskrezzjoni ta' kull Stat Membru.

7.2.1.1. Ir-regolazzjoni tat-traffiku fuq it-Triq

il-punt 2.11.

7.2.1.2. Is-sewwieq

il-punti 2.1 u 2.4.

7.2.1.3. It-triq

il-punti 2.3, 2.7 u 2.8.

7.2.1.4. L-utenti l-oħra tat-triq

il-punti 2.5 u 2.6.

7.2.1.5. Ir-regoli u r-regolazzjonijiet ġenerali u r-regolamenti u materji oħra

il-punti 2.12, 2.13 u 2.14.

7.2.2. It-test ipprovdut fil-paragrafu 7.2.1 għandu jiġi ssupplimentat bi spezzjon mingħajr għażla minn qabel fuq wieħeħd mill-punti li ġejjin: 2.2, 2.9 u 2.10. jikkonċernaw il-vettura.

7.3. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-Kategoriji C, D, C+ E u D + E:

It-test ipprovdut fil-paragrafu 7.2 għandu jiġi ssupplimentat fil-każ ta' l-applikanti għal-liċenzji fil-Kategoriji C, D, C + E u D + E:

7.3.1. bi spezzjoni obbligatorja dwar il-punti li ġejjin skond il-paragrafu 5 ta' dan l-Anness.

7.3.1.1. Il-kategoriji C, D, C + E u D + E

Il-punti 5.2.3. (għajr għas-C1, is-C1 +E, id-D1 u d-D1 +E), 5.2.4 (għajr għall-użu tat-takografu, li hu ttrattat fil-punt 9.3.1) and 5.2.5 (għajr għas-C1, is-C1 +E, id-D1 u d-D1 +E),

7.3.1.2. Il-kategorija D

Il-punti 5.5.1 u 5.5.2,

7.3.2. permezz ta' spezzjoni mingħajr għażla minn qabel fuq wieħed mill-punti li ġejjin: 5.2.1, 5.2.2 u 5.2.6.

8. It-Testijiet tal-ħiliet u l-imġiba

8.1. Il-vettura u t-tagħmir tagħha

8.1.1. Is-sewqan ta' vettura bit-trasmissjoni manwali għandha tkun bla ħsara li tgħaddi minn test tal-ħiliet u l-imġiba meħud fuq vettura bit-trasmissjoni manwali.

Jekk applikant joqgħod għat-test tal-ħiliet u l-imġiba fuq vettura bit-trasmissjoni awtomatika dan għandu jiġi rreġistrat fuq il-liċenzja maħruġa fuq il-bażi ta' dan it-test. Il-liċenzji b'din l-indikazzjoni għandhom jintużaw biss għas-sewqan tal-vetturi li jkollhom trasmissjoni awtomatika.

"Vettura bi trasmissjoni awtomatika" tfisser vettura li fiha l-proporzjon tal-gear bejn il-magna u r-roti jista' jinbidel biss permezz ta' l-aċċelleratur jew il-brejkijiet.

8.1.2. Il-vetturi użati fit-testijiet tal-ħila u l-imġiba għandhom jikkonformaw mal-kriterji minimi mogħtija hawn taħt. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għal kriterji iktar strinġenti jew iżidu oħrajn.

Il-Kategorija A:

- l-aċċess progressiv (l-ewwel klawsola ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6 (1)(b): muturi li ma jkollhomx karozzella tal-ġenb b'kapaċità kubika ta' aktar minn 120 ċm3, kapaċi għal veloċità ta' mill-inqas 100 km/h;

- l-aċċess dirett (it-tieni klawsola ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 6 (1)(b); muturi li ma jkollhomx karozzella tal-ġeb b'magna li jkollha qawwa ta' mill-inqas 35 kW;

Il-Kategorija B:

vetturi b'erba' roti tal-Kategorija B li kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 100 km/h;

Il-Kategorija B+E:

it-tagħqid, magħmul minn vettura tat-test tal-Kategorija B ma' trailer b'piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 1000 kilogramma, li kapaċi jilħqu veloċità ta' 100 km/h, li ma jidħlux fil-Kategorija B;

Il-Kategorija C:

vetturi tal-Kategorija C li jkollhom piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 10000 kilogramma u tul ta' mill-inqas 7 metri, kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h;

Il-Kategorija C+E

jew vetturi artikolati b'piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 18000 kg u tul ta' mill-inqas 12-il metru, kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h; jew it-tagħqid, magħmul minn-vettura tat-test tal-Kategorija C ma' trailer ta' mill-inqas 4 metri għoli, b'piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 18000 kilogramma u tul ta' mill-inqas 12-il metru, kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h;

Il-Kategorija D:

vetturi tal-kategorija D ta'mhux inqas minn 9 metri tul u kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h;

Il-Kategorija D+E:

it-tagħqid magħmul minn vettura tat-test tal-Kategorija D ma' trailer b'piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 1250 kilogramma u kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h.

Is-Subkategoriji mhux obbligatorji

Is-Subkategorija A1:

mutur mingħajr karozella tal-ġenb b'kapaċità kubika ta' mill-inqas 75 ċm3;

Is-Subkategorija B1:

triċikli jew kwadriċikli li jaħdmu bil-għajnuna ta' mutur li kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 60 km/s;

Is-Subkategorija C1:

vetturi tas-subkategorija C li jkollhom piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 4000 kilogramma u kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h;

Is-Subkategorija C1 + E:

it-tagħqid magħmul minn vettura tat-test tal-kategorija C1 ma' trailer b'piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 2000 kilogramma, tul ta' mill-inqas 8 metri u kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h;

Is-Subkategorija D1:

vetturi tas-subkategorija D1 li kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h;

Is-subkategorija D1 +E:

it-tagħqid magħmul minn vettura tat-test tal-kategorija D1 ma' trailer b'piż massimu awtorizzat ta' mill-inqas 1250 kilogramma u kapaċi jilħqu veloċità ta' mill-inqas 80 km/h.

8.2. Il-Ħiliet u l-imġiba li jridu jiġu ttestjati

Ir-regoli ddikjarati hawn taħt japplikaw biss fejn huma kompatibbli mal-karatteristiċi tal-vettura.

8.2.1. It-Tħejjija tal-vettura

L-applikanti jridu juru illi huma kapaċi jħejju sabiex isuqu fis-sigurtà billi jissodisfaw il-ħtiġiet li ġejjin (ir-referenzi huma għall-paragrafu 3.1 ta' dan l-Anness). il-punti 3.1.2, 3.1.3 (il-punt dwar iċ-ċintorini tas-sigurtà japplika biss jekk il-liġi teħtieġ li jintlibsu) u 3.1.4.

8.2.2. Il-Kontroll tekniku tal-vettura

L-applikanti jridu juru illi huma kapaċi jużaw il-kontrolli tal-vettura billi jwettqu b'mod sodisfaċenti l-manuvri li ġejjin (ir-referenzi huma għall-paragrafu 3.2 ta' dan l-Anness):

Il-punti 3.2.1 (iqabbdu l-magna fil-wita u, fejn jista' jkun, għat-telgħa), 3.2.2, 3.2.3 u 3.2.6 (għajr għall-waqfien ta' emerġenza, li hu trattat fil-punt 10.1.1).

Għandha tiġi ttestajata għażla tal-manuvri riferiti fil-puntiA 3.2.4, 3.2.5 u 3.2.7 (mill-inqas żewġ manuvri għat-tliet punti, inkluż waħda bil-gear fir-rivers). Il-manuvri speċifikati fil-punt 3.2.5 jeħtieġu jiġu ttestjati għall-kategoriji tal-vetturi C, D, B+E, C+E u D+E. L-applikanti għal liċenzja f'dawn il-kategoriji jrid jirriversja ma' dawra, li l-linja tagħha għandha titħalla fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri.

8.2.3. L-Imġiba fit-traffiku

L-applikanti jridu jwettqu l-manuvri kollha li ġejjin riferiti fil-paragrafu 4 ta' dan l-Anness f'sitwazzjonijiet normali tat-traffiku, b'sigurtà sħiħa u billi jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa: il-punti 4.1.1, 4.1.2, 4.1.3, 4.1.4, 4.1.5, 4.2.1, 4.2.2, 4.2.3, 4.2.4, 4.2.5, 4.2.9 u 4.2.10 flimkien mal-manuvri msemmija fil-punti 4.2.6, 4.2.7 u 4.2.8 jekk tingħata l-opportunità.

8.3. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-Kategoriji A, C, D, C + E u D + E

B'żieda mal-manuvri msemmija hawn fuq, l-applikanti għal-liċenzji tal-Kategorija A, D, C+E u D+E jridu jwettqu l-manuvri li ġejjin (ir-referenzi huma għall-paragrafu 5 ta' dan l-Anness):

8.3.1. Il-Kategorija A:

Il-punti 5.1.2 (it-tneħħija tal-mutur minn fuq il-waqqafa u possibilment iċ-ċaqliq tiegħu, mingħajr il-għajnuna ta' magna, bil-mixi miegħu), 5.1.3 u 5.1.6. Jekk il-liġi tirrikjedi li jintlibes elmu tal-protezzjoni, l-aġġustament ta' l-elmu għandu jiġi ċċekkjat. Għandha tiġi ttestajata għażla tal-kontrolli mniżżla fil-lista msemmija fil-punt 5.1.1. L-abbiltà li jinżamm il-bilanċ (il-punt 5.1.5) trid tiġi ttestjat b'veloċitajiet differenti, inklużi veloċitajiet baxxi, u f'sitwazzjonijiet tas-sewqan differenti, għajr il-ġarr ta' passiġġieri, li hu ttrattat fil-punt 9.1.2.1.

8.3.2. Il-Kategoriji C, D, C + E u D + E:

Il-punti 5.2.8, 5.2.9 (għajr għas-C1 u d-D1), 5.2.10 (għajr għas-C1 u d-D1) u 5.2.11 (għajr għas-C1 u d-D1).

8.3.3. Il-Kategorija D:

Il-punt 5.5.3.

9. It-Test tat-teorija jew it-test tal-ħiliet u l-imġiba

9.1. Il-ħiliet u l-imġiba ta' l-applikant fl-oqsma mniżżla fil-lista hawn taħt iridu jiġu ttestjati jew fit-test tat-teorija jew fit-test tal-ħiliet u l-imġiba, fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri.

9.1.1. Il-Kategoriji kollha

9.1.1.1. L-ispezzjonijiet mingħajr ħażla minn qabel dwar il-kondizzjoni tat-tyres, tad-dwal, tar-rifletturi, tat-tmun, tal-brejkijiet, tad-direzzjoni ta' l-indikaturi u tal-mezz tat-twissija bis-smigħ.

9.1.1.2. Il-prekawzjonijiet meħtieġa fl-inżul mill-vettura;

9.1.2. Il-Kategorija A

9.1.2.1 Iż-żamma tal-bilanċ waqt il-ġarr ta' passiġġier;

9.1.3. Il-Kategoriji C, D, C + E u D + E:

9.1.3.1. L-użu tat-takografu;

9.1.4. Il-Kategorija C + E:

9.1.4.1. It-tagħqid u l-ħall ta' trailer jew semi-trailer mat-tractor jew minn magħha;

9.1.4.2. Il-fatturi tas-sigurtà li għandhom x'jaqsmu mat-tagħbija tal-vettura.

10. It-Test mhux obbligatorju tal-ħiliet u l-imġiba

L-aspetti tal-ħiliet u ta' l-imġiba ta' l-applikant imniżżla fil-lista ta' hawn taħt tista' wkoll tiġi ttestjat waqt it-test tal-ħiliet u l-imġiba.

10.1. Il-Kategoriji kollha:

10.1.1. Il-waqfa ta' l-emerġenza.

10.2. Il-Kategorija A:

10.2.1. Id-dawra U.

10.3. Il-qari tal-mappa tat-toroq tista' tiġi ttestjata jew fit-test tat-teorija jew fit-test tal-ħiliet u ta' l-imġiba (għajr fil-każ tas-C1, is-C1 + E, id-D1 u d-D1 + E).

11. Il-Għoti tal-marki għat-test tal-ħiliet u l-imġiba

Għal kull waħda mis-sitwazzjonijiet tas-sewqan imsemmija hawn fuq, l-evalwazzjoni trid tirrifletti l-grad tal-faċilità li biha l-applikant jimmanuvra l-vettura u l-kontrolli tagħha u l-kapaċità tiegħu li jsuq fit-traffiku b'sigurtà sħiħa. L-eżaminatur irid iħossu fis-sigurtà matul it-test kollu. L-iżbalji fis-sewqan jew kondotta perikoluża li minnufih jipperikolaw is-sigurtà tal-vettura tat-test, il-passiġġieri tagħha jew utenti oħra tat-triq għandhom jiġu ppenalizzati bin-nuqqas ta' suċċess mit-test, sewwa jekk l-eżaminatur jew il-persuna li tkun takkumpanjaha jkollhom jintervjieni u sewwa jekk le. Madankollu, l-eżaminatur għandu jkun liberu li jiddeċiedi jekk it-test tal-ħiliet u l-imġieba għandux ikun jiġi għat-tmiem tiegħu.

L-eżaminaturi tas-sewqan iridu jiġu mħarrġa sabiex jevalwaw korrettement l-abbiltà tal-kandidati li jsuqu b'sigurtà. Ix-xogħol ta' l-eżaminaturi tas-sewqan irid ikun immonitorjat u ssorveljat, minn korp awtorizzat mill-Istat Membru, sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta' l-istima ta' l-iżbalji skond l-istandards stabiliti f'dan l-Anness.

12. It-Tul taż-żmien tat-test

It-tul tat-test u d-distanza vvjaġġata jridu jkunu biżżejjed sabiex jiġu evalwati l-ħiliet u l-imġiba stabbiliti fil-paragrafi 8 u 9. Fl-ebda ċirkustanzi ma għandu l-ħin allokat għas-sewqan fuq it-triq ikun ta' inqas minn 25 minuta għall-Kategoriji A, B u B+E u ta' 45 minuta għall-Kategoriji l-oħra.

13. Il-Post tat-test

Il-parti tat-test li tevalwa l-kontroll tekniku ta' l-applikant fuq il-vettura tista' ssir f'post speċjali tat-testijiet. Kull fejn ikun possibbli, il-parti tat-test li tevalwa l-imġiba fit-traffiku għandha issir f'toroq 'il barra miż-żoni mibnija, mill-expressways u mill-motorways, kif ukoll f'toroq urbani li jridu jirrappreżentaw it-tipi varji tad-diffikultajiet li x'aktarx jiltaqgħu magħhom is-sewwieqa. Huwa mixtieq ukoll illi t-test isir f'kondizzjonijiet varji ta' densità tat-traffiku.

14. Il-vetturi użati għat-test tal-ħiliet u l-imġiba li jkunu daħlu fis-servizz qabel il-31 ta' Lulju 1991 jistgħu jintużaw wara din id-data biss għall-perjodu taż-żmien li ma jaqbiżx it-tliet snin jekk ma jilħqux il-kriterji stabiliti għal dawn il-vetturi fil-punt 8.1.2 ta' dan l-Anness.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

L-ISTANDARDS MINIMI TAS-SAĦĦA MENTALI U FIŻIKA SABIEX TINSAQ VETTURA LI TAĦDEM BIL-GĦAJNUNA TA' MAGNA

DEFINIZZJONIJIET

1. Għall-iskop ta' dan l-Anness, is-sewwieqa huma kklassifikati f'żewġ gruppi:

1.1. Il-Grupp 1:

is-sewwieqa tal-vetturi tal-kategoriji A, B u B+E u tas-subkategoriji A1 u B1;

1.2. Il-Grupp 2:

is-sewwieqa tal-vetturi tal-kategoriji C, C+E, D, D+E u tas-subkategoriji C1, C1 +E, D1 u D1 +E.

1.3. Il-leġislazzjoni nazzjonali tista' tipprovdi d-dispożizzjonijiet iddikjarati f'dan l-Anness għas-sewwieqa tal-Grupp 2 li japplikaw għas-sewwieqa tal-vetturi tal-kategorija B li jużaw il-liċenzja tas-sewqan tagħhom għal skopijiet professjonali (it-taxis, l-ambulanzi, eċċ.).

2. Bl-istess mod, l-applikanti għall-ewwel liċenzja tas-sewqan jew għat-tiġdid ta' l-liċenzja tas-sewqan huma kklassifikati fil-grupp li għalih jappartienu ġaladarba tkun inħarġet jew iġġeddet il-liċenzja.

L-EŻAMIJIET MEDIĊI

3. Il-Grupp 1:

l-applikanti għandhom ikunu meħtieġa li joqogħdu għal eżami mediku jekk jidher, meta jkunu qegħdin jintemmu l-formalitajiet meħtieġa jew waqt it-testijiet li jkollhom joqogħdu għalihom qabel ma jiksbu l-liċenzja tas-sewqan, illi għandhom waħda jew aktar mid-diżabbiltajiet mediċi msemmija f'dan l-Anness.

4. Il-Grupp 2:

l-applikanti għandhom joqogħdu għal eżami mediku qabel ma tinħarġilhom għall-ewwel darba l-liċenzja tas-sewqan u wara dan is-sewwieqa jridu joqogħdu għal eżamijiet perjodiċi kif jistgħu jiġu preskritti fil-leġislazzjoni nazzjonali.

5. L-istandards stabbliti mill-Istati Membri għall-ħruġ u sussegwentement it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan jistgħu jkunu iktar stretti minn dawk stabbiliti f'dan l-Anness.

IL-VISTA

6. L-applikanti kollha għal liċenzja tas-sewqan għandhom jgħaddu minn investigazzjoni xierqa biex jiġi żgurat illi għandhom vista ċara biżżejjed sabiex isuqu l-vetturi. Fejn ikun hemm raġuni ta' dubju jekk il-vista ta' l-applikant hix adegwata, dan għandu jiġi eżaminat mill-awtorità medika kompetenti. F'dan l-eżami għandha tingħata attenzjoni b'mod partikolari għal dan li ġej: l-akutezza tal-vista, il-firxa tal-vista, il-vista fiż-żerniq u fl-għabex u l-mard progressiv ta' l-għajnejn.

Għall-għan ta' dan l-Anness, il-lentijiet intra-okulari ma għandhomx jitqiesu bħala lentijiet korrettivi.

Il-Grupp 1:

6.1. L-applikanti għal liċenzja tas-sewqan jew għat-tiġdid ta' din il-liċenzja għandu jkollhom akutezza fil-vista binokulari, bil-lentijiet korrettivi jekk meħtieġa, ta' mill-inqas 0,5 meta jintużaw iż-żewġ għajnejn flimkien. Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan jekk, waqt l-eżami mediku, jidher li l-vista orizzontali hija ta' inqas minn 120°, għajr fil-każijiet eċċezzjonali ġġustifikati kif xieraq mill-opinjoni medika favorevoli u test prattiku pożittiv, jew li l-persuna interessata ssofri minn kull kondizzjoni oħra ta' l-għajnejn li tikkomprometti s-sewqan fis-sigurtà. Meta tinstab jew tiġi ddikjarata marda progressiva ta' l-għajnejn, jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu l-liċenzji tas-sewqan lill-applikant bla ħsara li joqgħod għal eżamijiet regolari mill-awtorità medika kompetenti.

6.2. L-applikanti għal liċenzja tas-sewqan, jew sabiex iġeddu din il-liċenzja, li jkollhom telf funzjonali totali tal-vista f'għajn waħda jew li jużaw għajn waħda biss (eż. fil-każ tad-diplopja) irid ikollhom akutezza tal-vista ta' mill-inqas 0,6, bil-lentijiet korrettivi jekk meħtieġa. L-awtorità medika kompetenti trid tiċċertifika illi din il-kondizzjoni fil-vista monokulari kienet ilha teżisti biżżejjed hekk li tippermetti l-addattament u li l-firxa tal-vista f'din l-għajn hija normali.

Il-Grupp 2:

6.3. L-applikanti għal liċenzja tas-sewqan jew sabiex iġeddu din il-liċenzja jrid ikollhom akutezza tal-vista, bil-lentijiet korrettivi jekk meħtieġa, ta' mill-inqas 0,8 fl-aħjar għajn u ta' l-inqas 0,5 fl-agħar għajn. Jekk jintużaw il-lentijiet korrettivi sabiex tinkiseb il-vista b'valuri ta' 0,8 u 0,5, l-akutezza mhux korretta f'kull għajn trid tilħaq iż-0,05, jew inkella l-akutezza minima (taż-0,8 u taż-0,5) trid tinkiseb jew bil-korrezzjoni permezz ta' nuċċali b'qawwa ta' mhux aktar minn +/- erba' dijopteri jew bil-għajnuna tal-lentijiet tal-kuntatt (bil-vista mhux korretta = 0,05). Il-korrezzjoni trid tkun ittollerata sewwa. Ma għandhomx jinħarġu liċenzji tas-sewqan jew jiġġeddu għall-applikazzjonijiet jew lis-sewwieqa mingħajr firxa normali tal-vista binokulari jew li jbatu mid-diplopja.

IS-SMIGĦ

7. Il-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu lill-applikanti jew lis-sewwieqa fil-Grupp 2 skond l-opinjoni ta' l-awtoritajiet mediċi kompetenti; fl-eżamijiet mediċi jrid jitqies b'mod partikolari il-għan għall-kumpens.

IN-NIES B'DIŻABBILTÀ LOKOMOTRIKA

8. Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jsofru minn ilmenti jew anormalitajiet tas-sistemi lokomotriċi li jagħmluha perikoluża għalihom li jsuqu vettura.

Il-Grupp 1:

8.1. Il-liċenzji tas-sewqan bla ħsara għal ċerti restrizzjonijiet, jekk ikun hemm il-ħtieġa, jistgħu jinħarġu lill-applikanti jew lis-sewwieqa b'diżabbiltà fiżika wara l-għoti ta' opinjoni mill-awtorità medika kompetenti. Din l-opinjoni trid tkun imsejsa fuq evalwazzjoni medika ta' l-ilment jew l-anormalità fil-kwistjoni u, fejn ikun hemm il-ħtieġa, b'test prattiku. Trid tiġi indikata wkoll liema tip ta' modifika hi meħtieġa għall-vettura u jekk is-sewwieq għandux bżonn ikollu mezz ortopediku, safejn u sakemm it-test tal-ħiliet u l-imġiba juri illi dan il-mezz tas-sewqan ma jkunx perikoluż.

8.2. Il-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu lil kull applikant li jsofri minn ilment progressiv bil-kondizzjoni illi l-persuna b'diżabbiltà tiġi eżaminata b'mod regolari sabiex jiġi ċċekkjat li għadha kapaċi ssuq f'sigurtà sħiħa.

Meta d-diżabbiltà tkun statika, il-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu mingħajr ma l-applikant jiġi ssoġġettat għal eżami mediku regolari.

Il-Grupp 2:

8.3. L-awtorità medika kompetenti għandha tqis kif jixraq ir-riskji u l-perikoli addizzjonali involuti fis-sewqan tal-vetturi koperti bid-definizzjoni għal dan il-grupp.

IL-MARD KARDJOVASKOLARI

9. Kull marda li kapaċi tesponi lil applikant għall-ewwel liċenzja tas-sewqan jew lil sewwieq li japplika għal tiġdid għal attakk għall-għarrieda fis-sistema kardjovaskolari hekk illi jkun hemm indeboliment fil-funzjonijiet tal-moħħ tikkostitwixxi periklu għas-sigurtà fuq it-triq.

Il-Grupp 1:

9.1. Ma jistgħux jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li għandhom arritmija serja.

9.2. Jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li għandhom pacemaker bla ħsara għall-opinjoni medika awtorizzata u spezzjonijiet mediċi regolari.

9.3. Il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tinħareġ jew tiġġedded il-liċenzja lill-applikanti jew lill-persuni li jsofru minn pressjoni mhux normali tad-demm fl-arterji għandha tiġi stmata b'referenza għar-riżultati l-oħra ta' l-eżami, il-komplikazzjonijiet assoċjati u l-perikolu li jistgħu jikkostititwixxu għas-sigurtà fuq it-triq.

9.4. Ġeneralment, ma għandhiex tinħareġ jew tiġġedded liċenzja tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jsofru minn anġina waqt li jkunu jistrieħu jew emozzjonati. Il-ħruġ jew it-tiġdid ta' l-liċenzja tas-sewqan lil kull applikant jew sewwieq li jkun għadda minn infart mijokardjali għandha tkun bla ħsara għal opinjoni medika awtorizzata u, jekk meħtieġ, spezzjonijiet mediċi regolari.

Il-Grupp 2:

9.5. L-awtorità medika kompetenti għandha tqis kif jixraq ir-riskji u l-perikoli addizzjonali involuti fis-sewqan tal-vetturi koperti bid-definizzjoni għal dan il-grupp.

ID-DIJABETE MELLITUS

10. Jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lil applikanti jew sewwieqa li jbatu mid-dijabete mellitus, bla ħsara għall-opinjoni medika awtorizzata u spezzjonijiet mediċi regolari addattati għal kull każ.

Il-Grupp 2:

10.1. F'każijiet eċċezzjonali ħafna biss jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lil applikanti jew sewwieqa f'dan il-grupp li jbatu mid-dijabete (diabetes mellitus) u li jeħtieġu l-kura ta' l-insulina, u mbagħad huwa f'dan il-każ fejn ikun iġġustifikat skond l-opinjoni medika awtorizzata u bi spezzjonijiet mediċi regolari biss.

IL-MARD NEVROLOĠIKU

11. Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jbatu minn mard serju nevroloġiku, għajr jekk l-applikazzjoni tkun appoġġjata mill-opinjoni medika awtorizzata.

Id-disturbi nevroloġiċi assoċjati ma' mard jew interventi kirurġiċi li jaffettwaw is-sistema nervuża ċentrali jew periferali, li jwasslu għal defiċjenzi sensorji jew motorili u li jaffettwaw il-bilanċ u l-koordinazzjoni, iridu jitqiesu kif jixraq fejn ikollhom x'jaqsmu ma' l-effetti funzjonali tagħhom u r-riskji tal-progressjoni. F'dawn il-każijiet, il-ħruġ jew it-tiġdid tal-liċenzja jistgħu jkunu bla ħsara għal evalwazzjoni perjodika fil-każ tar-riskju ta' deterjorazzjoni.

12. L-attakki epilettiċi jew disturbi għall-għarrieda fl-istat tal-konoxxenza jikkostitwixxu perikolu għas-sigurtà fuq it-triq jekk jiġru meta persuna tkun qiegħda ssuq vettura li taħdem bil-għajnuna ta' magna.

Il-Grupp 1:

12.1. Tista' tinħareġ jew tiġġedded liċenzja tas-sewqan bla ħsara għal eżami mediku mill-awtorità medika kompetenti u għal spezzjonijiet mediċi regolari. L-awtorità għandha tiddeċiedi dwar l-istat ta' l-epilessija jew tad-disturbi oħra tal-konoxxenza, il-għamla klinika tagħhom u l-progress (per eżempju, l-ebda attakki fl-aħħar sentejn), il-kura rċevuta u r-riżultati tagħha.

Il-Grupp 2:

12.2. Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jbatu jew jistgħu jbatu minn attakki epilettiċi u disturbi oħra għall-għarrieda fl-istat tal-konoxxenza.

ID-DIŻORDNIJIET MENTALI

Il-Grupp 1:

13.1. Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jsofru minn:

- disturbi mentali serji, sewwa jekk konġenitali, minħabba mard, trawma jew operazzjonijiet nevrokirurġiċi, u sewwa jekk le.

- ritardazzjoni mentali severa,

- problemi serji ta' l-imġieba minħabba x-xjuħija; jew difetti fil-personalità li jwasslu għal indeboliment serju fil-ġudizzju, fl-imġieba jew fl-addattabilità,

għajr jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun appoġġjata mill-opinjoni medika awtorizzata u, fejn meħtieġ, minn spezzjonijiet mediċi regolari.

Il-Grupp 2:

13.2. L-awtorità medika kompetenti għandha tqis kif jixraq ir-riskji u l-perikoli addizzjonali involuti fis-sewqan tal-vetturi koperti bid-definizzjoni għal dan il-grupp.

L-ALKOĦOL

14. Il-konsum ta' l-alkoħol jikkostitwixxi perikolu maġġuri għas-sigurtà fuq it-triq. Minħabba d-daqs tal-problema, il-professjoni medika trid tkun viġilanti ħafna.

Il-Grupp 1:

14.1. Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lil applikanti jew sewwieqa li huma dipendenti fuq l-alkoħol jew li mhux kapaċi jieqfu mix-xorb u jsuqu.

Wara perjodu vverifikat taż-żmien ta' astinenza u bla ħsara għall-opinjoni medika awtorizzata u spezzjonijiet mediċi regolari, il-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu lill-applikanti jew lis-sewwieqa li fl-imgħoddi kienu dipendenti fuq l-alkoħol.

Il-Grupp 2:

14.2. L-awtorità medika kompetenti għandha tqis kif jixraq ir-riskji u l-perikoli addizzjonali involuti fis-sewqan tal-vetturi koperti bid-definizzjoni għal dan il-grupp.

ID-DROGI U L-PRODOTTI MEDIĊINALI

15. L-Abbuż:

Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li huma dipendenti fuq sustanzi psikotropiċi jew li mhumiex dipendenti fuq dawn is-sustanzi iżda jabbużaw minnhom regolarment, tkun xi tkun il-kategorija tal-liċenzja mitluba.

L-użu regolari:

Il-Grupp 1:

15.1. Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jużaw regolarment sustanzi psikotropċi, tkun xi tkun il-għamla tagħhom, li jistgħu jfixklu l-abbiltà tas-sewqan fis-sigurtà meta l-kwantitajiet assorbiti huma hekk illi jkollhom effett avvers fuq is-sewqan. Dan għandu japplika għall-prodotti mediċinali l-oħra kollha jew għal-taħlit tal-prodotti mediċinali li jaffettwaw l-abbiltà tas-sewqan.

Il-Grupp 2:

15.2. L-awtorità medika kompetenti għandha tqis kif jixraq ir-riskji u l-perikoli addizzjonali involuti fis-sewqan tal-vetturi koperti bid-definizzjonijiet għal dan il-grupp.

ID-DIŻORDNIJIET FIL-KLIEWI

Il-Grupp 1:

16.1. Jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu l-liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jsofru minn nuqqas ta' funzjoni fil-kliewi bla ħsara għall-opinjoni medika awtorizzata u spezzjonijiet mediċi regolari.

Il-Grupp 2:

16.2. Għajr f'każijiet eċċezzjonali ġġustifikati kif jixraq bl-opinjoni medika awtorizzata, u bla ħsara għal spezzjonijiet mediċi regolari, ma jistgħux jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jbatu minn defiċjenza renali serja u minn defiċjenza renali irriversibbli.

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

Il-Grupp 1:

17.1. Bla ħsara għall-opinjoni medika awtorizzata u, jekk meħieġa, spezzjonijiet mediċi regolari, jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu l-liċenzji tas-sewqan lill-applkanti jew lis-sewwieqa li għandhom trapjant ta' organu jew trapjant artifiċjali li jaffettwa l-abbiltà fis-sewqan.

Il-Grupp 2:

17.2. L-awtorità medika kompetenti għandha tqis kif jixraq ir-riskji u l-perikoli addizzjonali involuti fis-sewqan tal-vetturi koperti bid-definizzjoni għal dan il-grupp.

18. Bħala regola ġenerali, meta l-applikanti jew is-sewwieqa li jsofru minn kull diżordni li mhix imsemmija fil-paragrafu ta' qabel iżda tkun lijabbli għal, jew tirriżulta fi, inkapaċità funzjonali li taffettwa s-sigurtà fis-sewqan, il-liċenzji tas-sewqan ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu għajr jekk l-applikazzjoni tkun appoġġjata mill-opinjoni medika awtorizzata u, jekk hemm bżonn, spezzjonijiet mediċi regolari.

--------------------------------------------------