31990R1907



Official Journal L 173 , 06/07/1990 P. 0005 - 0011
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0042
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 33 P. 0042


Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 1907/90

tas-26 ta’ Ġunju 1990

dwar ċerti standards fit-tqegħid fis-suq tal-bajd

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2771/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1235/89 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2771/75 jipprovdi sabiex jiġu stabbiliti l-istandards fit-tqegħid fis-suq li jista’ jkollhom x’jaqsmu b’mod partikoli mal-kwalità u l-użin, l-ipimballaġġ, il-magazzinaġġ, it-trasport, il-preżentazzjoni u l-marki tal-bajd;

Billi dawn l-istandards jistgħu jikkontribwixxu għat-titijib tal-kwalità tal-bajd u, bħala konsegwenza, jiffaċilitaw il-bejgħ tiegħu: billi huwa għalhekk fl-interess tal-produtturi, tan-negozjanti u tal-konsumaturi li għandhom jiġu applikati standards tat-tqegħid fis-suq rigward il-bajd tat-tiġieġ tajjeb għall-konsum mill-bniedem;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2772/75 [3] stabbilixxa ċerti standards għat-tqegħid fis-suq tal-bajd; billi dawn l-istandards jeħtieġu li jiġu riveduti regolarment bl-iskop li jipprovdu garanziji aħjar u tagħrif iktar eżatt għall-konsumatur aħħari tal-bajd, b’mod partikolari fid-dawl tal-prattiċi dejjem jevolvu tal-kummerċ;

Billi l-esperjenza fl-istandards eżistenti u l-konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet kemm tal-kummerċ u kemm tar-rappreżentanti tal-konsumaturi wrew fid-dieher il-ħtieġa ta’ aktar emendi u li jiġu addottati ċerti regoli ddettaljati skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2771/75 bil-għan li jiġu ffaċilitati l-emendi tal-futur;

Billi bl-iskop li jiġu ffissati dawn l-istandards trid titfassal distinzjoni ċara bejn il-bajd tajjeb għal konsum mill-bniedem u l-bajd, b’mod partikolari miksur jew il-bajd inkubat, li mhumiex sabiex jintużaw f’industriji oħra għajr fl-industrija ta’ l-ikel u li fil-prinċipju huma hekk; billi dawn ir-regoli jeħtieġu wkoll illi bajd ta’ tipi l-oħra m’għandux jiġi mħallat mal-bajd tat-tiġieġ;

Billi l-istandards iridu japplikaw għall-bajd kollu tat-tiġieġ imqiegħed fis-suq fit-territorju tal-Komunità; billi madankollu jidher tal-parir illi fejn ikunu involuti kwantitajiet żgħar jiġu esklużi mill-għan ta’ l-applikazzjoni tagħhom ċerti għamliet ta’ bejgħ mill-produttur lill-konsumaturi; billi, barra minn hekk, il-bajd ikkunsinjat mill-post tal-produzzjoni għal ċentru ta’ l-imballaġġ jew għal ċerti swieq tal-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bajd maħsub għall-użu fl-industrija ta’ l-ikel għandhom ikunu eżentati mill-grad u mill-marka;

Billi, għalhekk, għandha titfassal lista tal-fornituri lill-impriżi intitolati li jiggradaw il-bajd skond il-kwalità u l-użin;

Billi l-grad tal-bajd għandu jkun limitat biss għall-impriżi li huma mgħammra tajjeb għal dan l-iskop;

Billi il-ħtiġiet tal-kwalità għall-bajd iridu jkunu ħfief sabiex jifhmuhom il-konsumaturi u jridu jżommu ma’ l-isforz għar-razzjonalizzazzjoni magħmul fl-istadji kollha tad-distribuzzjoni; billi, għalhekk, għandu jiġi stabilit numru limitat imma adegwat ta’ kwalità u ta’ gradi ta’ l-użin;

Billi l-konsumatur irid ikun kapaċi jagħżel bejn il-bajd ta’ kwalitajiet differenti u l-gradi ta’ l-użin; billi din il-ħtieġa tista’ tintlaħaq bil-marki fuq il-bajd u fuq il-pakketti;

Billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-indikazzjonijiet li jistgħu jew iridu jintużaw fuq il-pakketti; billi l-użu ta’ċerti indikazzjonijiet bl-għażla għandhom ikunu bla ħsara għar-regoli ddettaljati li jridu jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2771/75;

Billi l-marka ta’ "bajd frisk" tista’ tkunu bil-għażla, ġaladarba l-marka obbligatorja ta’ bajd ieħor tippermettihom li jintgħarfu faċilment;

Billi kull minn ikun iqiegħed fis-suq’ il-bajd frisk għandu jkun permess li jittimbra dan il-bajd b’partikolaritajiet oħra li jservu għall-iskopijiet tar-riklamar;

Billi kull marka oħra tista’ taffettwa l-kondizzjonijiet tal-kummerċ fil-Komunità;

Billi d-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti Komunitarji ta’qabel li għandhom x’jaqsmu ma’ l-imballaġġ u l-manjiera tal-preżentazzjoni għall-bejgħ tal-bajd jeħtieġu illi jiġu abbozzati aktar strettament; billi sar essenzjali li jiġu pprovduti s-salvagwardji meħtieġa għal bejgħ bl-imnut tal-bajd mingħajr pakkettjar speċjali;

Billi l-esperjenza wriet illi d-dispożizzjonijiet preżenti li jippermettu biss l-użu tad-data rrakkomandata tal-bejgħ b’żieda mad-data obbligatorja tal-imballaġġ fuq il-bajd jew fuq il-pakketti tagħhom huma flessibli ħafna; billi għalhekk għandha tkun meħtieġa dispożizzjoni sabiex ikun possibbli l-użu ta’ ċerti dati fuq kondizzjonijiet xierqa; billi l-prattika preżenti turi illi tista’ titħalla ba’rra l-indikazzjoni tal-perjodu taż-żmien ta’ l-imballaġġ;

Billi dawn id-dispożizzjonijiet komuni għandhom ikunu addottati għall-imballaġġ kif ukoll sabiex jiżguraw illi tinżamm il-kwalità tal-bajd u jridu jiffaċilitaw il-kummerċ u s-sorveljanza tal-konformità ma’ l-istandards;

Billi bil-għan li titħalla għażla miftuħa lill-konsumatur u sabiex jiġi żgurat illi l-konsumatur ikun offrut oġġetti li jħarsu l-kwalità u l-istandards ta’ l-użin, il-bejjiegħa bl-imnut għandhom juru t-tagħrif xieraq jew fuq l-oġġetti offruti jew maġenbhom;

Billi huwa essenzjali, fl-interess kemm tal-produttur u kemm tal-konsumatur, illi l-bajd impurtat minn pajjiżi terzi għandu jikkonforma ma’ l-istandards Komunitarji;

Billi d-dispożizzjonijiet speċjali fis-seħħ f’ċerti pajjiżi terzi jistgħu jiġġustifikaw derogi li f’dawn il-każijiet jippermettu l-esportazzjoni’ l barra mill-Komunità; billi jidher xieraq illi jiġi eskluż mill-iskop ta’ l-istandards Komunitarji l-bajd importat minn pajjiżi terzi jew esportati lejn pajjiżi terzi fi kwantitajiet żgħar, mill-konsumatur għall-użu personali tiegħu;

Billi huwa għal kull Stat Membru li jinnomina l-aġenzija jew l-agenziji responsabbli mis-sorveljanza; billi l-proċedura għal din is-sorveljanza għandha tkun uniformi;

Billi huwa wkoll għal kull Stat Membru li jistabbilixxi l-penali għall-kontravenzjonijiet;

Billi d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni Komunitarja li tista’ tiġi addottata sabiex tarmonizza d-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni veterinarja u dawk dwar l-oġġetti ta’ l-ikel immirati lejn il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u ta’ l-annimali u li jipprevienu l-falsifikazzjoni u l-frodi;

Billi, mogħtija l-emendi sostantivi u l-ħtieġa ta’ numru ta’ emendi oħra purament testwali għar-Regolament (KEE) Nru 2772/75, l-aħjar li għal skopijiet ta’ ċarezza tiġi abbozzata mill-ġdid il-leġislazzjoni li tapplika f’dan il-qasam;

Billi, għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 2772/75 jista’ jiġi mħassar,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

1. "bajd" ifisser bajd tat-tiġieġ fil-qoxra, xieraq għall-konsum dirett mill-bniedem jew għall-użu fl-industriji ta’ l-ikel, għajr għall-bajd miksur, bajd inkubat u bajd imsajjar;

2. "bajd industrijali" jfisser bajd tat-tiġieġ fil-qoxra għajr dak riferit fil-paragrafu 1, inkluż bajd miksur u bajd inkubat imma eskluż bajd imsajjar;

3. "bajd għat-tfaqqis" ifisser bajd maħsub għall-produzzjoni tal-flieles kif speċifikat fir-regoli li jirrigwardaw il-bajd għat-tfaqqis;

4. "bajd miksur" ifisser bajd li juri qsim kemm fil-qoxra u kemm fil-membrana, li jirriżulta fil-kxif tal-kontenut tagħhom;

5. "bajd imxaqqaq" ifisser bajd bil-qoxra bil-ħsara, mhux miksura, imma bil-membrana intatta;

6. "bajd inkubat" ifisser il-bajd mill-ħin li jiddaħħal fl-inkubatur;

7. "tqegħid fis-suq" ifisser iż-żamma jew il-wiri għal bejgħ, l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ, il-kunsinja u kull għamla oħra tal-tqegħid fis-suq;

8. "kollettur" ifisser kull persuna awtoriżżata mill-awtorità kompetenti li tiġbor il-bajd minn għand il-produttur għall-kunsinja:

(a) lil ċentru ta’ l-imballaġġ;

(b) lil suq li jbigħ esklussivament lill-bejjiegħa bl-ingrossa li l-impriżi tagħhom huma approvati bħala ċentri ta’ l-imballaġġ; jew

(ċ) lill-industrija;

9. "ċentru ta’ l-imballaġġ" iffisser impriża awtoriżżata mill-awtorità kompetenti sabiex tiggrada l-bajd skond il-kwalità u l-użin;

10. "lott" ifisser il-bajd mill-istess ċentru ta’ l-imballaġġ, lokat f’post wieħed, f’pakketti jew bil-waħda, bl-istess data ta’ l-imballaġġ jew tal-grad kif ukoll ta’ l-istess kwalità u grad ta’ użin;

11. "pakketti kbar" ifissru pakketti, kaxxi miftuħa jew kontenituri, li jkunu fihom aktar minn 36 bajda;

12. "pakketti żgħar" ifissru pakketti jew tgeżwir, imma mhux gabarrejiet mhux imgeżwra, li jkun fihom 36 bajda jew inqas;

13. "bejgħ bil-waħda" ifisser l-offerta għal bejgħ tal-bajd bl-imnut, għajr f’pakketti żgħar jew kbar.

L-Artikolu 2

1. Il-bajd m’għandux jiġi mqiegħed fis-suq mal-Komunità bħala mod tan-negozju jew tal-kummerċ għajr jekk jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-grad u l-marka m’għandhomx japplikaw għall-bajd:

(a) ittrasportat direttament mill-post tal-produzzjoni għal ċentru ta’ l-imballaġġ jew għal suq li jbigħ esklussivament jew lill-bejjiegħa bl-ingrossa li l-impriżi tagħhom huma approvati bħala ċentri ta’ l-imballaġġ skond l-Artikolu 5, jew, għall-ipproċessar, għall-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-ikel approvati skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/437/KEE ta’ l-20 ta’ Ġunju 1989 dwar il-problemi ta’ l-iġjene u s-saħħa li jaffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-bajd [4];

(b) prodotti fil-Komunità u kkunsinjati għall-ipproċessar lill-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-ikel approvati skond id-Direttiva 89/437/KEE.

3. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-bajd mibjugħ direttament lill-konsumatur għall-użu tiegħu mill-produttur fuq ir-razzett tiegħu stess, f’suq lokali pubbliku bl-eċċezjoni tas-swieq ta’ l-irkant, jew bil-bejgħ bieb-bieb, sakemm il-bajd jiġi mill-produzzjoni tal-produttur stess u ma jkunx ippakettjat skond l-Artikoli 10, 11 u 12 u li ma jsir użu minn ebda grad tal-kwalità jew ta’ l-użin stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4. Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa l-ebda dispożizzjoni li tirrigwarda l-fatturi veterinarji u tas-saħħa stabbiliti sabiex jiżguraw il-konformità ma’ l-istandards ta’ l-iġjene u tas-saħħa li japplikaw għall-prodotti jew sabiex jipproteġu s-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku.

L-Artikolu 3

Il-bajd kif definit fl-Artikolu 1(1) ma jistgħux jiġu mħallta mal-bajd ta’ tipi oħra.

L-Artikolu 4

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, il-produtturi ma jistgħux jikkunsinjaw:

(a) il-bajd lil xi ħadd ieħor għajr lill-kolletturi, liċ-ċentri tal-imballaġġ, lis-swieq fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(2)(a) jew lill-industrija;

(b) il-bajd industrijali, għajr il-bajd inkubat, lil xi ħadd għajr liċ-ċentri ta’ l-imballaġġ jew lill-industrija, bl-eċċezzjoni ta’ l-industrija ta’ l-ikel;

(ċ) il-bajd inkubat lil xi ħadd għajr lill-impjanti tar-rendiment jew lill-industrija, bl-eċċezzjoni ta’ l-industrija ta’ l-ikel.

2. Il-bajd miksur aċċidentalment fiċ-ċentri ta’ l-imballaġġ jista’ jiġi kkunsinjat biss lill-industrija ta’ l-ipproċessar, bl-eċċezzjoni ta’ l-industrija ta’ l-ikel.

L-Artikolu 5

1. Minbarra l-każijiet ipprovduti fl-Artikolu 8, iċ-ċentri ta’ l-imballaġġ biss jistgħu jiggradaw il-bajd skond il-kwalità u l-użin.

2. Iċ-ċentri ta’ l-imballaġġ għandhom iżommu reġistru aġġornat tal-fornituri tagħhom.

3. Fuq il-bażi tal-kriterji li jridu jiġu stabbiliti skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 20, l-awtorità kompetenti għandha tiggarantixxi l-awtorizzazzjonijiet għall-grad tal-bajd u għandha tassenja numru ta’ l-għarfien lil kull impriża jew produttur li l-fond u t-tagħmir tekniku tagħhom ikunu xierqa għall-grad tal-bajd skond il-kwalità u l-użin, fuq it-talba tagħhom. Din l-awtoriżazzjoni tista’ tiġi rtirata kull meta l-kondizzjonijet meħtieġa ma jibqgħux imħarsa.

L-Artikolu 6

1. Il-bajd għandu jkun ggradat skond il-kwalità kif ġej:

- tal-klassi A jew "bajd frisk".

- tal-klassi B jew "bajd tat-tieni kwalità jew ippreservat".

- tal-klassi Ċ jew "bajd taħt il-grad maħsub għall-industrija ta’ l-ikel".

2. Il-bajd tal-klassi A għandu jkun iggradat skond l-użin.

3. Il-grad fil-klassijiet A u B għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu b’mod partikolari l-kriterja stabbiliti fl-Artikolu 20(2).

L-Artikolu 7

Waħda jew iżjed mill-marki ta’ l-għarfien li ġejjin jistgħu jiġu ttimbrati fuq il-bajd tal-grad A:

(a) id-data ta’ l-imballaġġ jew, fil-każ tal-bejgħ bil-waħda, id-data tal-grad;

(b) data waħda jew iżjed immirati għalbiex jipprovdu lill-konsumatur b’iktar tagħrif;

(ċ) il-grad tal-kwalità;

(d) il-grad ta’ l-użin;

(e) in-numru taċ-ċentru ta’ l-imballaġġ;

(f) l-isem jew isem tan-negozju taċ-ċentru ta’ l-imballaġġ;

(g) l-isem tan-negozju u l-marka tal-fabbrika;

(h) referenza għat-tip ta’ biedja;

(i) indikazzjoni dwar l-oriġini tal-bajd;

(j) kodiċi li jidentifika l-istabbiliment tal-produttur.

L-indikazzjonijiet ipprovvduti fl-(f) u l-(g) għandhom jiġu użati biss skond il-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 10(1)(a).

L-indikazzjonijiet ipprovvduti fil-(b), l-(h) u l-(i) għandhom jiġu użati biss skond il-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 10(3).

L-Artikolu 8

1. Il-bajd tal-klassi B u Ċ, minbarra l-bajd imxaqqaq, għandu jkollhom fuqhom marka ta’ l-għarfien li turi l-grad tal-kwalità. Dawn jistgħu iġibu wkoll indikazzjoni jew aktar minn dawk elenkati fl-Artikolu 7.

2. Il-bajd tal-klassi A jew B li ma jibqgħalhomx il-karatteristiċi ffissati għal dawn il-gradi għandhom jiġu rtirati mill-klassi tagħhom u jistgħu jkunu kkunsidrati fil-B jew Ċ skond il-karatteristiċi tagħhom.

F’dan il-każ, dawn għandhom iġibu l-marka ta’ l-għarfien skond il-paragrafu 1. Tista tinżamm kull marka li tkun setgħet ġiet użata skond jew l-Artikolu 7 jew il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għajr dawk li jirrigwardaw il-grad ta’ l-użin, li għandhom jiġu mibdula jekk ikun xieraq.

3. Madankollu, b’deroga mill-paragrafu 2, il-bajd tal-klassi A u B li ma jibqgħalux il-karatteristiċi ffissati għal dawn il-gradi jista’ jiġi kkunsinjat direttament lill-industrija ta’ l-ikel, mingħajr il-marki riferiti fil-paragrafu 2, sakemm il-pakketti tagħhom jiġu mmarkati biċ-ċar biex juru din id-destinazzjoni.

L-Artikolu 9

Il-bajd m’għandu jġorr fuqu l-ebda marka għajr dawk ipprovduti f’dan ir-Regolament.

L-Artikolu 10

1. Il-pakketti l-kbar, u l-pakketti ż-żgħar saħansitra meta jkunu jinsabu f’pakketti kbar, għandu jkollhom fuq il-wiċċ ta’ barra f’tip viżibilment ċar u li jinqara:

(a) l-isem jew l-isem tan-negozju, u l-indirizz ta’ l-imprża li tkun ippakkjat il-bajd jew li kien ippakkjat għaliha; l-isem, l-isem tan-negozju u l-marka tal-fabbrika użati minn din l-impriża, li tista’ tkun il-marka tal-fabbrika użata kollettivament min-numru ta’ impriżi, jistgħu jiġu murija jekk ma jkunx fihom kliem inkompatibbli ma dan ir-Regolament li għandu x’jaqsam mal-kwalità u l-freskezza tal-bajd, għat-tip tal-biedja użata għall-produzzjoni jew l-oriġini tal-bajd;

(b) in-numru ta’ l-għarfien taċ-ċentru ta’ l-imballaġġ;

(ċ) il-grad skond il-kwalità u l-użin. Il-bajd tal-klassi A jista’ jiġi identifikat jew bil-kliem klassi A jew b’l-ittra A jew waħedha jew f’għaqda mal-kelma "frisk";

(d) in-numru tal-bajd ippakkjat;

(e) id-data ta’ l-imballaġġ;

(f) il-partikolaritajiet dwar ir-refriġerazzjoni jew dwar il-metodu tal-preservazzjoni, f’għamla mingħajr kodiċi, rigward il-bajd imkessaħ jew ippreservat.

2. Kemm il-pakketti l-kbar u kemm il-pakketti ż-żgħar jistgħu, madankollu, iġorru t-tagħrif addizzjonali li ġej, jew fuq il-wiċċ ta’ ġewwa jew fuq il-wiċċ ta’ barra:

(a) il-prezz tal-bejgħ;

(b) il-maniġġjar tal-bejgħ bl-imnut u/jew il-kodiċijiet tal-kontroll tal-ħażniet;

(ċ) id-data jew iktar dati li jipprovdu lill-konsumatur bit-tagħrif addizzjonali;

(d) il-partikolaritajiet dwar kondizzjonijiet speċjali tal-magazzinaġġ;

(e) id-dikjarazzjonijiet imfassla sabiex jippromwovu l-bejgħ, sakemm dawn id-dikjarazzjonijiet u l-manjiera li fihom jiġu magħmula ma jkunux possibbli li jfixklu lix-xerrej.

3. Iktar dati u indikazzjonijiet li jirrigwardaw it-tip tal-biedja u l-oriġini tal-bajd jistgħu jintużaw biss skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2771/75. Dawn ir-regoli għandhom ikopru b’mod partikolari t-termini użati fl-indikazzjonijiet dwar it-tip tal-biedja u l-kriterji li jirrigwardaw l-oriġini tal-bajd.

Madankollu, jekk l-użu ta’ l-indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip tal-biedja jew l-oriġini tal-bajd iwasslu biex jippruvaw illi huma ta’ perikolu għall-mixi ħieles tas-suq Komunitarju, jew jekk jinħolqu diffikultajiet serji rigward il-kontroll ta’ l-użu ta’ l-indikazzjonijiet u l-effettività tagħhom, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond l-istess proċedura, tista’ tissospendi l-użu ta’ l-indikazzjonijiet imsemmija.

Minkejja kif miġjub hawn fuq, fejn il-pakketti l-kbar ikun fihom pakketti żgħar jew bajd immarkat b’referenza għat-tip tal-biedja jew ta’ l-oriġini tal-bajd, dawn il-partikolaritajiet għandhom jiġu murija wkoll fuq il-pakketti l-kbar.

L-Artikolu 11

1. Il-pakketti l-kbar għandhom ikunu pprovduti b’faxxa jew b’tikketta, li juru l-partikolaritajiet riferiti fl-Artikolu 10, li m’għandhomx jerġgħu jintużaw ġaladarba l-pakkett ikun ġie miftuħ u li għandu jinħareġ jew taħt is-sorveljanza ta’ l-aġenziji uffiċjali riferiti fl-Artikolu 18 jew minnhom. Madankollu, din il-faxxa jew tikketta m’għandhomx ikunu meħtieġa fil-każ tal-pakketti kbar li jieħdu l-għamla ta’ kaxxi miftuħa jew ta’ kontenituri miftuħa, bil-kondizzjoni li dawn ta’ l-aħħar ikunu tat-tip li ma jimpedux l-identifikazzjoni tal-partikolaritajiet riferiti fl-Artikolu 10 murija fuq il-pakketti ż-żgħar li jkunu fihom.

2. Permezz ta’ deroga, fil-każ tal-kunsinja diretta mill-ippakkjatur għall-bejgħ bl-imnut tal-bajd maħsub għall-bejgħ bil-waħda fi kwantitajiet żgħar li għandhom jiġu ddefiniti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament KEE) Nru 2771/75, dan il-bajd għandu jkollu l-permess li ma jiġix ippakkettjat f’pakketti kbar.

L-Artikolu 12

Il-kelma "extra" tista tiġi użata fuq pakketti żgħar li jkun fihom bajd tal-klassi A sakemm ikunu pprovduti b’faxxa jew b’tikketta. Din għandha tkun ittimbrata fuq il-faxxa jew it-tikketta, li għandha titneħħa jew tinqered mhux aktar tard minn sebat ijiem wara l-imballaġġ.

L-Artikolu 13

1. Il-bajd ippreżentat għall-bejgħ jew offrut għall-bejgħ fil-kummerċ bl-imnut għandu jiġi ppreżentat b’mod separat skond il-grad tal-kwalità u l-użin u, fejn japplika, skond jekk kienux applikati jew it-tkessiħ jew kull metodu ieħor ta’ preservazzjoni. Il-grad skond il-kwalità u l-użin u l-fatt illi l-bajd ikun ġie mkessaħ jew ippriservat, jekk dan ikun il-każ, għandhom jiġu indikata f’manjiera hekk li jkunu jidhru ċari u mingħajr ekwivoki mill-konsumatur.

2. Fil-każ tal-bejgħ tal-bajd bil-waħda, għandu jiġi indikat ukoll in-numru ta’ l-identifikazzjoni taċ-ċentru ta’ l-imballaġġ li jkun iggrada l-bajd, filwaqt li fil-każ tal-bajd impurtat, għandhom jiġu indikati wkoll il-pajjiżi terzi ta’ l-oriġini u d-data tal-grad.

3. Madankollu, il-bajd ta’ l-istess grad ta’ kwalità, minbarra l-bajd tal-klassi A mmarkat "extra" skond l-Artikolu 12, jista’ jiġi ppreżentat għall-bejgħ jew offrut għall-bejgħ f’pakketti żgħar li jistgħu jkunu ta’ grad differenti fl-użin sakemm jiġu murija t-total nett ta’ l-użin u l-kliem bajd ta’ daqsijiet differenti’ jew il-gradi differenti ta’ l-użin.

L-Artikolu 14

Il-pakketti jistgħu ma jġorrux identifikazzjonijiet oħra għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

L-Artikolu 15

Il-bajd minn pajjiżi terzi ma jistgħux jiġu importati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità għajr jekk:

(a) jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3, 6 sa 9, 12, 13(2) u 14;

(b) jitqiegħed f’pakketti, inklużi pakketti żgħar li jkunu jinsabu f’pakketti kbar, u li jġorru t-tagħrif li ġej b’mod ċar u li jinqara:

(aa) il-pajjiż ta’ l-oriġini;

(bb) l-isem ta’ l-impriża ta’ l-imballaġġ fil-pajjiżi terzi;

(ċċ) il-grad dwar il-kwalità u l-użin;

(dd) għall-pakketti l-kbar, l-użin f’kilogrammi tal-bajd ippakkjat u n-numru tiegħu, u, għall-pakketti ż-żgħar, in-numru tiegħu;

(ee) id-data ta’ l-imballaġġ;

(ff) l-isem tal-kunsinnatarju u l-indirizz fil-każ tal-pakketti l-kbar.

L-Artikolu 16

1. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-bajd ippakkjat u maħsub għall-esportazzjoni barra mill-Komunità. Il-bajd ippakkjat u maħsub għall-esportazzjoni li jkun ġie mgħaddas f’likwidu m’għandux, madankollu, jitqies li kien ġie ttrattat għall-preservazzjoni.

2. B’ deroga mill-paragrafu 1 u sabiex jikkonforma mar-regoli ta’ ċerti pajjiżi importaturi, il-bajd ippakkjat u maħsub għall-esportazzjoni jista:

(a) jintagħmel sabiex iħares ħtiġiet li jaqbżu lil dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament rigward il-kwalità, il-marka u t-tikkettjar, jew ħtiġiet addizzjonali;

(b) iġorr fuq il-pakkett marki jew partikolaritajiet ta’ natura differenti, sakemm dawn il-marki u partikolaritajiet ma jkunux jistgħu jiġu mibdula bi żball faċilment ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3. Il-bajd ippakkjat u maħsub għall-esportazzjoni jista’ jiġi ggradat fi gradi oħra ta’ l-użin minn dawk addottati skond l-Artikolu 20. F’dan il-każ il-grad ta’ l-użin għandu jiġi muri mingħajr kodiċi fuq il-pakketti.

L-Artikolu 17

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-bajd importat minn pajjiżi terzi jew esportat barra mill-Komunità fi kwantitajiet żgħar li ma jaqbżux is-60 bajda mill-konsumatur għall-użu tiegħu stess.

L-Artikolu 18

1. Il-konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tiġi ssorveljata mill-aġenziji maħtura għal dan il-għan f’kull Stat Membru. Għandha tintbagħat lista ta’ l-aġenziji lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn xahar wara dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull emenda għal din il-lista għandha tiġi kkommunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2. Il-prodotti koperti b’dan ir-Regolament għandhom jiġu ċċekkjati bil-meżżi tat-teħid tal-kampjuni mingħajr għażla minn qabel matul l-istadji kollha kif ukoll waqt il-ġarr. Għall-bajd importat minn pajjiżi terzi, il-kontroll ta’dan it-teħid tal-kampjuni mingħajr għażla minn qabel għandu jsir ukoll waqt l-ispezzjon għall-ħruġ mid-dwana.

L-Artikolu 19

1. Id-deċiżjonijet li jitqajmu min-nuqqas tat-tħaris ta’ dan ir-Regolament jistgħu jittieħdu biss għal-lott kollu li jkun ġie kkontrollat.

2. Fejn il-grupp ikkontrollat ma jkunx meqjus illi jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, l-aġenzija tas-sorveljanza għandha tipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq, jew l-importazzjoni tiegħu jekk il-lott ikun ġej minn pajjiż terz, għajr jekk u sakemm tingħata prova illi kienet magħmula sabiex tħares dan ir-Regolament.

3. L-aġenzija li tkun għamlet il-kontroll għandha tivverifika jekk il-lott mhux aċċettat kienx magħmul jew kienx qiegħed jintagħmel sabiex jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 20

1. Għandhom jiġu adottat regoli ddettaljati sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2771/75, partikolarment rigward:

- il-frekwenza tal-ġbir, il-kunsenja u l-maniġġjar tal-bajd,

- il-kriterja tal-kwalità u l-grad ta’ l-użin,

- il-partikularitajiet ta’ l-indikazzjonijiet fuq il-bajd u fuq il-pakketti tagħhom.

2. Bl-iskop li jiġu addottati skond il-proċedura riferita fil-paragrafu 1 dwar il-parametri li japplikaw għal kull klassi ta’ kwalità, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kriterji li ġejjien:

- id-dehra tal-qoxra,

- il-konsistenza ta’ l-abjad,

- il-għoli ta’ l-ispazju ta’ l-arja,

- id-daqs u l-ebusija ta’ l-isfar,

- il-ħelsien minn tikek u/jew korpi barranin,

- l-iżvilupp taċ-ċellola tar-raħs.

3. Fejn meħtieġ, skond il-proċedura riferita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu addottati regoli li jinvolvu l-limiti u/jew il-kostrizzjonijiet obbligatorji għaż-żamma tal-kwalità tal-bajd filwaqt li jitiqesu l-kondizzjonijiet differenti tal-klima fir-reġjuni varji tal-Komunità.

L-Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jippenalizzaw il-ksur ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 22

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw lil xulxin it-tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-miżuri mmirati sabiex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2771/75.

L-Artikolu 23

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 2772/75 huwa hawnhekk imħassar.

2. Fl-istrumenti kollha Komunitarji li fihom issir referenza għall-Artikoli tar-Regolament (KEE) Nru 2772/75, dawn ir-referenzi għandhom jinqraw skond it-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.

3. L-Istati Membri jistgħu jissoktaw japplikaw l-istandards tat-tqegħid fis-suq tal-bajd stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2772/75 minflok dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament sa l-1 ta’ Lulju 1991.

L-Artikolu 24

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1990, għajr għall-Artikolu 4(2), li għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 1992.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

M. O'Kennedy

[1] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 49.

[2] ĠU L 128, tal-11.5.1989, p. 29.

[3] ĠU L 282, ta’ l-1.11.1975, p. 56

[4] ĠU L 212, tat-22.7.1989, p. 87.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

It-Tabella tal-Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 2772/75 | Dan ir-Regolament |

L-Artikoli 7 sa 10 | imħassar |

L-Artikolu 11 | L-Artikolu 7 |

L-Artikoli 12 u 13 | L-Artikolu 8 |

L-Artikolu 14 | imħassar |

L-Artikolu 15 | L-Artikolu 9 |

L-Artikolu 16 | imħassar |

L-Artikoli 17 u 18 | L-Artikoli 10 |

(L-Artikolu 17(1), l-ewwel subparagrafu | L-Artikolu 11) |

L-Artikolu 19 | L-Artikolu 12 |

L-Artikolu 20 | L-Artikolu 13 |

L-Artikolu 21 | L-Artikoli 14 u 10(2) u (3) |

L-Artikolu 22 | imħassar |

L-Artikoli 24 sa 32 | L-Artikoli 16 sa 24 |

--------------------------------------------------