31990R1210



Official Journal L 120 , 11/05/1990 P. 0001 - 0006
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0225
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0225


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90

tas-7 ta’ Mejju 1990

dwar l-istabbiliment ta’ l-Aġenzija ta’ l-Ambjent Ewropew u n-network ta’ l-informazzjoni u l-osservazzjoni ta’ l-ambjent Ewropew

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 130s tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi t-Trattat jipprovdi għall-iżvilupp u l-implementazzjoni ta’ politika tal-Komunità dwar l-ambjent, u jistabbilixxi l-għanijiet u l-prinċipji li għandhom jirregolaw din il-politika;

Billi l-ħtiġiet ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom ikunu komponent tal-politika l-oħra tal-Komunità;

Billi, skond l-Artikolu 130r tat-Trattat, fit-tħejjija ta’ l-azzjoni tagħha li ghandha x’taqsam ma’ l-ambjent, il-Komunità għandha tagħti kas, inter alia, ta’ l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli;

Billi, bi qbil mad-Deċiżjoni 85/338/KEE [4], il-Kummissjoni bdiet programm ta’ ħidma dwar proġett sperimentali għall-ġbir, kordinament u l-iżgurar tal-konsistenza fl-informazzjoni dwar l-istat ta’ l-ambjent u tar-riżorsi naturali fil-Komunità; billi issa huwa xieraq li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fir-rigward ta’ informazzjoni ambjentali permanenti u sistema ta’ osservazzjoni;

Billi l-ġbir, l-ipproċessar u l-analiżi tad-data ambjentali fil-livell Ewropew huma meħtieġa sabiex tigi pprovduta, informazzjoni oggettiva, ta’ min joqgħod fuqha u kumparabbli li tgħin lill-Komunità u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu l-ambjent, biex jiġu stmati r-riżultati ta’ dawk il-miżuri u biex jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat tajjeb dwar l-istat ta’ l-ambjent;

Billi fil-Komunità u fl-Istati Membri diġà jeżistu faċilitajiet li jipprovdu informazzjoni u servizzi bħal dawn;

Billi dawn għandhom jagħmlu parti mill-bażi għall-istabbiliment ta’ network Ewropew ta’ informazzjoni u osservazzjoni ta’ l-ambjent li jkun ikkoordinat fil-livell tal-Komunità minn Aġenzija ta’ l-Ambjent Ewropew;

Bili l-Aġenzija għandha tikkopera ma’ l-istrutturi eżistenti fil-livell tal-Komunità biex tgħin lill-Kummissjoni ħalli tiżgura l-applikazzjoni bis-sħiħ tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar l-ambjent;

Billi l-istatus u l-istruttura ta’ Aġenzija bħal din għandhom jikkorrespondu mal-karattru oġġettiv tar-riżultati li hija mahsuba li tipproduċi u għandhom jippermettula li twettaq il-funzjonijiet tagħha b’koperazzjoni mill-qrib mal-faċilitajiet nazzjonali u internazzjonali eżistenti;

Billi l-Aġenzija għandha tingħata awtonomija legali waqt li żżomm rabta mill-qrib ma’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri;

Billi huwa mixtieq li jkun hemm disposizzjoni għall-Aġenzija sabiex din tkun miftuħa għal pajjiżi oħra li jaqsmu l-istess interessi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ l-Aġenzija taht il-ftehim li għandu jigi konkluż bejniethom u l-Komunità;

Billi dan ir-Regolament għandu jigi rivedut wara sentejn, bil-għan li jittieħdu deċiżjonijiet dwar aktar ħidmiet ta’ l-Aġenzija,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Aġenzija ta’ l-Ambjent Ewropew u għandu l-għan li jistabbilixxi network ta’ informazzjoni u osservazzjoni ta’ l-ambjent Ewropew.

2. Biex jintaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni u t-titjib ambjentali stabbiliti permezz tat-Trattat u bi programmi ta’ azzjoni suċċessivi tal-Komunità dwar l-ambjent, l-għan għandu jkun li jipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri bi:

- informazzjoni oġġettiva, ta’ min joqgħod fuqha u kumparabbli f’livell Ewropew li tippermetti li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-ambjent, biex jiġu stmati r-riżultati ta’ dawk il-miżuri u biex jiżguraw li l-pubbliku jkun infurmat tajjeb bl-istat ta’ l-ambjent,

- għal dak il-għan, l-appoġġ tekniku u xjentifiku meħtieġ.

Artikolu 2

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, il-ħidmiet ta’ l-Aġenzija għandhom ikunu:

(i) li tistabbilixxi, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, u tikkoordina in-network li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-ġbir, ipproċessar u analiżi ta’ l-informazzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3. Għandha tkun responsabbli wkoll għal kontinwazzjoni tax-xogħol mibdi permezz tad-Direttiva 85/338/KEE;

(ii) tipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri b’informazzjoni oġġettiva meħtieġa għat-tħejjija u l-implementazzjoni soda u effettiva tal-politika ambjentali; għal dak il-għan, b’mod partikolari biex tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni li tkun teħtieġ biex twettaq b’suċċess id-doveri tagħha biex tidentifika, tħejji u tevalwa miżuri u leġislazzjoni fil-qasam ta’ l-ambjent;

(iii) tirreġistra, tiġbor u tistma l-informazzjoni dwar il-qagħda ta’ l-ambjent, tħejji rapporti minn esperti dwar il-kwalità, is-sensittività u l-pressjonijiet fuq l-ambjent fi ħdan it-territorju tal-Komunità, biex tipprovdi kriterji ta’ stima uniformi għad-data ambjentali li għandha tiġi applikata fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni għandha tuża din l-informazzjoni fil-ħidma tagħha li tiżgura l-implementazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar l-ambjent;

(iv) tgħin biex tiżgura li d-data dwar l-ambjent fil-livell Ewropew tkun kumparabbli u, jekk meħtieġ, biex tinkorraġixxi b’mezzi xierqa, armonizzazzjoni mtejjba ta’ metodi ta’ kejl;

(v) tippromwovi l-inkorporazzjoni ta’ l-informazzjoni Ewropea ambjentali fil-programmi internazzjonali ta’ sorveljar ambjentali bħal dawk stabbiliti mill-Ġnus Magħquda u l-aġenziji speċjalizzati tagħha;

(vi) li tiżgura disseminazzjoni wiesgħa ta’ informazzjoni ambjentali li tkun ta’ min joqgħod fuqha. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha tippubblika rapport dwar l-istat ta’ l-ambjent kull tlett snin;

(vii) li tistimula l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ tbassir ambjentali sabiex jkunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni adekwati fil-waqt it-tajjeb;

(viii) li tistimula l-iżvilupp tal-metodi ta’ stima ta’ l-ispejjeż tal-ħsara għall-ambjent u l-ispejjeż tal-politika għall-prevenzjoni, protezzjoni u restawr ambjentali;

(ix) li tistimula l-iskambju ta’ nformazzjoni dwar l-aħjar teknoloġiji disponibbli għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-ħsara għall-ambjent;

(x) li tikkopera mal-korpi u l-programmi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 15.

Artikolu 3

1. L-oqsma prinċipali ta’ l-attività tal-Aġenzija għandhom, sakemm ikun possibbli, jinkludu l-elementi kollha li jippermettulha li tiġbor l-informazzjoni biex tagħmilha possibbli li tiddeskrivi l-istat preżenti u dak imbassar ta’ l-ambjent mill-opinjonijiet li ġejjin:

(i) il-kwalità ta’ l-ambjent;

(ii) il-pressjonijiet fuq l-ambjent;

(iii) is-sensittività fuq l-ambjent.

2. L-Aġenzija għandha tforni informazzjoni li tista’ tintuża direttament fl-implementazzjoni tal-politika ambjentali tal-Komunità.

Għandha tingħata prijorità għall-oqsma ta’ xogħol li ġejjin:

- il-kwalità ta’ l-arja u l-emmissjonijiet atmosferiċi,

- il-kwalità ta’ l-ilma, affarijiet li jniġġsu u riżorsi ta’ l-ilma,

- l-istat tal-ħamrija, tal-fawna u tal-flora, u tal-bijotipi,

- l-użu ta’ l-art u tar-riżorsi naturali,

- ġestjoni ta’ l-iskart,

- emmissjonijiet tal-ħsejjes,

- sostanzi kimiċi li huma ta’ ħsara għall-ambjent,

- ħarsien tal-kosta.

B’mod partikolari, fenomini li jaffettwaw aktar minn pajjiż wieħed, fenomeni plurinazzjonali u fenomeni globali għandhom ikunu koperti wkoll.

Id-dimensjoni soċjo-ekonomika għandha titqies ukoll.

Fl-attivitajiet tagħha l-Aġenzija għandha tevita li tidduplika l-attivitajiet eżistenti ta’ istituzjonijiet u korpi oħra.

Artikolu 4

1. In-network għandu jinkludi:

- l-elementi prinċipali komponenti tan-networks ta’ informazzjoni nazzjonali,

- il-punti fokali nazzjonali,

- iċ-ċentri topiċi.

2. Sabiex in-network ikun jista’ jiġi stabbilit kemm jista’ jkun malajr u b’effiċjenza, l-Istati Membri għandhom, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jinfurmaw lill-Aġenzija bl-elementi komponenti prinċipali tan-networks nazzjonali ta’ l-informazzjoni ambjentali, b’mod speċjali fiż-żoni ta’ prijorità li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3(2), inklużi kwalunkwe istituzzjonijiet li fil-ġudizzju tagħhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għax-xogħol ta’ l-Aġenzija, waqt li titqies il-ħtieġa li tkun żgurata kemm jista’ jkun il-kopertura ġejografika tat-territorju tagħhom.

3. L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jaħtru minn fost l-istituzzjonijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 jew minn fost organizzazzjonijiet oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom bħala "punt fokali nazzjonali" għall-kordinament u/jew it-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni li għandha tkun fornuta f’livell nazzjonali lill-Aġenzija u lill-istituzzjonijiet jew korpi li jiffurmaw parti min-network, inklużi ċentri topiċi li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 4.

4. L-Istati Membri jistgħu wkoll, matul il-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2, jidentifikaw l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet l-oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom li jistgħu speċifikament jiġu fdati bil-biċċa xogħol li jikkooperaw ma’ l-Aġenzija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti suġġetti ta’ interess partikolari. Istituzzjoni b’hekk identifikata għandha tkun f’qagħda li tikkonkludi ftehim ma’ l-Aġenzija sabiex taġixxi bħala ċentru topiku tan-network għal ħidmiet speċifiċi f’żona ġejografika preċiża. Dawn iċ-ċentri għandhom jikkoperaw ma’ istituzzjonijiet oħra li jifformaw parti min-network.

5. Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2, l-Aġenzija għandha tikkonferma l-elementi prinċipali tan-network fuq il-bażi ta’ deċiżjoni mill-bord ta’ tmexxija u l-arranġamenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5.

Iċ-ċentri topiċi għandhom jiġu maħtura b’deċiżjoni unanima tal-membri tal-bord ta’ tmexxija kif definit f’ l-Artikolu 8(1), għal perjodu ta’ mhux aktar mit-tul ta’ kull programm ta’ xogħol multi-annwali kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 8(4). Kull ħatra tista’, madankollu, tiġi mġedda.

6. L-allokazzjoni ta’ ħidmiet speċifiċi għaċ-ċentri topiċi għandha tidher fil-programm tax-xogħol multi-annwali ta’ l-Aġenzija msemmi f’ l-Artikolu 8(4).

7. Fid-dawl b’mod partikolari tal-programm tax-xogħol multianwali, l-Aġenzija għandha b’mod perjodiku teżamina mill-ġdid l-elementi komponenti tan-network kif hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u għandha tagħmel tibdil bħal dan kif jista’ jiġi deċiż mill-bord ta’ tmexxija, billi jingħata kas ta’ ħatriet ġodda magħmula mill-Istati Membri.

Artikolu 5

L-Aġenzija tista’ taqbel ma’ l-istituzzjonijiet jew korpi li jiffurmaw parti minn network, kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4, ma’ l-arranġamenti meħtieġa, b’mod partikolari kuntratti, għat-twettieq b’suċċess tal-ħidmiet li hija tista’ tafda lilhom. Stat Membru jista’ jipprovdi, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali fit-territorju tiegħu, li arranġamenti bħal dawn ma’ l-Aġenzija għandhom isiru li qbil mal-punt fokali nazzjonali.

Artikolu 6

Data ambjentali fornuta jew li toriġina mill-Aġenzija tista’ tiġi ppubblikata u għandha tkun aċċessibli għall-pubbliku, soġġetta għall-konformità mar-regoli tal-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar id-disseminazzjoni ta’ informazzjoni, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kunfidenzjalità.

Artikolu 7

L-Aġenzija għandu jkollha personalità legali. Għandha tgawdi fl-Istati Membri kollha l-kapaċità legali l-aktar estensiva mogħtija lill-persuni legali skond il-liġijiet tagħhom.

Artikolu 8

1. L-Aġenzija għandu jkollha bord ta’ tmexxija li jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru u minn żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jista’ jaħtar, bħala membri fil-bord ta’ tmexxija, żewġ personalitajiet xjentifiċi b’mod partikolari kkwalifikati fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent, li għandhom jiġu magħżula fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni personali li huma aktarx li jagħtu lix-xogħol ta’ l-Aġenzija.

Kull membru tal-bord ta’ tmexxija jista’ jkun irrapreżentat minn membru alternattiv.

2. Il-bord ta’ tmexxija għandu jeleġġi il-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta’ tlett snin u għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Kull membru tal-bord ta’ tmexxija għandu jkollu vot.

3. Deċiżjonijiet tal-bord ta’ tmexxija għandhom jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-bord għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ li hemm referenza għalih fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5).

4. Il-bord ta’ tmexxija għandu jadotta programm ta’ xogħol multiannwali bbażat fuq iż-żoni ta’ prijorità li hemm referenza għalihom f’ l-Artikolu 3(2), juża bħala l-bażi l-abbozz sottomess mid-Direttur Eżekuttiv, li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9, wara li jikkonsulta lill-kumitat xjentifiku, li hemm referenza għalih fl-Artikolu 10, u jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni. L-ewwel programm ta’ xogħol multi-annwali għandu jiġi adottat fi żmien disa’ xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

5. Taħt il-programm multi-annwali, il-bord ta’ tmexxija għandu kull sena jadotta il-programm ta’ xogħol ta’ l-Aġenzija fuq il-bażi ta’ abbozz sottomess mid-Direttur Eżekuttiv wara li jikkonsulta lill-kumitat xjentifiku u wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-programm jista’ jiġi aġġustat matul is-sena permezz ta’ l-istess proċedura.

6. Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena l-aktar tard, il-bord ta’ tmexxija għandu jadotta rapport ġenerali annwali dwar l-attivitajiet ta’ l-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwassal ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu 9

1. L-Aġenzija għandha tkun immexxija minn Direttur Eżekuttiv maħtur mill-bord ta’ tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin, u jista’ jerġa’ jiġi maħtur mill-ġdid. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentat legali ta’ l-Aġenzija. Għandu jkun responsabbli:

- għat-tħejjija xierqa u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-programmi adottati mill-bord ta’ tmexxija,

- għat-tmexxija ta’ kuljum ta’ l-Aġenzija,

- għat-twettieq tal-ħidmiet definiti fl-Artikoli 12 u 13,

- għat-tħejjija u l-pubblikazzjoni tar-rapporti speċifikati fl-Artikolu 2 (vi),

- għall-materji kollha tal-persunal,

- għat-twettieq tal-ħidmiet li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 8(4) u 5,

Għandu jikseb l-opinjoni tal-kumitat xjentifiku, li hemm referenza għalih fl-Artikolu 10, għall-għanijiet ta’ l-impjegar tal-persunal xjentifiku ta’ l-Aġenzija.

2. Id-Direttur Eżekuttiv għandhu jagħti rendikont ta’ l-attivitajiet tiegħu lill-bord ta’ tmexxija.

Artikolu 10

1. Il-bord ta’ tmexxija u d-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu megħjuna minn kumitat xjentifiku li għandu jagħti opinjoni meta hemm provdut għaliha f’dan ir-Regolament u dwar kull materja xjentifika li jkollha x’taqsam ma’ l-attività ta’ l-Aġenzija li l-bord ta’ tmexxija jew id-Direttur Eżekuttiv jista’ jissottomettilu.

L-opinjonijiet tal-kumitat xjentifiku għandhom jiġu ppubblikati.

2. Il-kumitat xjentifiku għandu jkun magħmul minn disa’ membri b’mod partikolari kkwalifikati fil-qasam ta’ l-ambjent, maħtura mill-bord ta’ tmexxija għal perjodu ta’ erba’ snin li jista’ jiġi mġedded darba biss. Għandu jaħdem skond kif stabbilit mir-regoli tal-proċedura li hemm provdut għalihom fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 11

1. Għandhom jiġu mħejjija stimi dwar id-dħul u l-infiq ta’ l-Aġenzija għal kull sena finanzjarja, li għandha tikkorrespondi għas-sena kalendarja,u għandhom jiġu nklużi fl-estimi ta’ l-Aġenzija.

2. Id-dħul u l-infiq murija fl-estimi għandhom jibbilanċjaw.

3. Id-dħul ta’ l-Aġenzija għandu, mingħajr preġudizju għal riżorsi oħra, jkun magħmul minn sussidju mill-Komunità mdaħħal fl-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u l-pagamenti għas-servizzi mwettqa.

4. L-infiq ta’ l-Aġenzija għandu jinkludi, inter alia, ir-rimunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u infrastrutturali, l-ispejjeż tat-tħaddim u l-ispiża marbuta ma’ kuntratti konklużi ma’ istituzzjonijiet jew korpi li jifformaw parti min-network u ma’ partijiet terzi.

Artikolu 12

1. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji abbozz ta’ l-estimi tad-dħul u l-ħruġ ta’ l-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara u għandu jgħaddih lill-bord ta’ tmexxija flimkien ma’ pjan ta’ stabbiliment.

2. Il-bord ta’ tmexxija għandu jħejji l-estimi akkumpanjat bil-pjan ta’ stabbiliment u għandu jgħaddih immedjatament lill-Kummissjoni, li fuq dik il-bażi għandha tistabbilixxi l-estimi relevanti fl-abbozz preliminari ta’ l-estimi li hija tqiegħed quddiem il-Kunsill bi qbil ma’ l-Artikolu 203 tat-Trattat.

3. Il-bord ta’ tmexxija għandu jadotta l-estimi ta’ l-Aġenzija qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, jaġġustah fejn meħtieġ skond is-sussisidju tal-Komunità u r-riżorsi l-oħra tal-Aġenzija.

Artikolu 13

1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplementa l-estimi ta’ l-Aġenzija.

2. Sorveljar ta’ l-impenni u l-ħlas ta’ l-infiq kollu ta’ l-Aġenzija u ta’ l-istabbiliment u l-irkupru tad-dħul kollu ta’ l-Aġenzija għandu jitwettaq mill-kontrollur finanzjarju maħtur mill-bord ta’ tmexxija.

3. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Kummissjoni, lill-bord ta’ tmexxija u lill-Qorti ta’ l-Awdituri l-kontijiet kollha tad-dħul u l-ħruġ ta’ l-Aġenzija f’dak li għandu x’jaqsam mas-sena finanzjarja preċedenti. Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha teżaminahom bi qbil ma’ l-Artikolu 206a tat-Trattat.

4. Il-bord ta’ tmexxija għandu jagħti r-rilaxx lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward ta’ l-implementazzjoni ta’ l-estimi.

Artikolu 14

Wara li l-Qorti ta’ l-Awdituri tkun tat l-opinjoni tagħha, il-bord ta’ tmexxija għandu jadotta d-disposizzjonijiet finanzjarji nterni li jispeċifikaw b’mod partikolari, il-proċedura għat-twettieq u l-implimentazzjoni ta’ l-estimi ta’ l-Aġenzija.

Artikolu 15

1. L-Aġenzija għandha tfittex b’mod attiv il-koperazzjoni ta’ korpi u programmi oħra tal-Komunità, u l-aktar taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka, l-Uffiċċju ta’ l-Istatistika u l-programmi tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp ambjentali tal-Komunità. B’mod partikolari:

- koperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandha tinkludi l-ħidmiet stabbiliti f-Anness taħt A,

- il-kordinament ma’ l-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) u l-programm statistikali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom isegwu l-linji ta’ gwida stabbiliti fl-Anness taħt B.

2. L-Aġenzija għandha tikkopera wkoll b’mod attiv ma’ korpi oħra bħalma huma l-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ispazju, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku, il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija kif ukoll il-Ġnus Magħquda u l-aġenziji speċjalizzati tagħhom, b’mod partikolari il-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (UNEP), l-Organizzazzjoni Metereoloġika Dinjija u l-Awtorità Internazzjonali ta’ l-Enerġija Atomika.

3. Il-koperazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafi 1 u 2 għandha b’mod partikolari tagħti kas tal-ħtieġa li tiġi evitata kull dupplikazzjoni tal-ħidmiet.

Artikolu 16

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 17

Il-persunal ta’ l-Aġenzija għandu jkun suġġett għar-Regolamenti u għar-Regoli applikabbli għall-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Aġenzija għandha teżerċita f’dak li għandu x’jaqsam mal-persunal tagħha, il-poteri devoluti mill-Awtorità ta’ Ħatra.

Il-bord ta’ tmexxija għandu, bi qbil mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli implimentattivi x-xierqa.

Artikolu 18

1. L-impenni kuntrattwali ta’ l-Aġenzija għandhom jiġu rregolati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt imsemmi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti verdett bis-saħħa ta’ klawsola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

2. Fil-każ ta’ impenn mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, bi qbil mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal xi danni mwettqa mill-Aġenzija jew mill-impjegati tagħha fit-twettieq tal-ħidmiet tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ kumpens għal danni bħal dawn.

3. Ir-responsabilità personali ta’ l-impjegati lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata bid-disposizzjonijiet li japplikaw għall-persunal ta’ l-Aġenzija.

Artikolu 19

L-Aġenzija hija miftuħa għal pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunitajiet Ewropej iżda li jaqsmu t-tħassib tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ l-Aġenzija taħt il-ftehim konkluż bejniethom u l-Komunità bis-saħħa tal-proċedura fl-Artikolu 228 tat-Trattat.

Artikolu 20

Mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill għandu, fuq l-istess bażi ta’ dan ir-Regolament u fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni bi proposti xierqa, jiddeċiedi dwar aktar ħidmiet għall-Aġenzija b’mod partikolari fiż-żoni li ġejjin:

- l-assoċjazzjoni fis-sorveljar ta’ l-implementazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Komunità, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni u ma’ korpi kompetenti eżistenti fl-Istati Membri,

- tħejji tikketti u kriterji ambjentali għall-għoti ta’ tikketti bħal dawn lill-prodotti li jibżgħu għall-ambjent, teknoloġiji, oġġetti, servizzi u programmi li ma jaħlux riżorsi naturali,

- li tippromwovi teknoloġiji u proċessi li jibżgħu għall-ambjent u l-użu u t-trasferiment tagħhom fi ħdan il-Komunità u f’pajjiżi terzi,

- tistabbilixxi kriterji għal stima ta’ l-impatt fuq l-ambjent bil-għan ta’ l-applikazzjoni u l-possibilita ta’ reviżjoni tad-Direttiva 85/337/KEE [5] kif hemm provdut fl-Artikolu 11 tagħha.

Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak li fih, l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeċidew dwar is-sede ta’ l-Aġenzija [6].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Mejju 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Collins

[1] ĠU C 217, tat-23.8.1989, p. 7.

[2] ĠU C 96, tas-17.4.1990.

[3] ĠU C 56, tas-7.3.1990, p. 20.

[4] ĠU L 176, tas-6.7.1985, p. 14.

[5] ĠU L 175, tal-5.7.1985, p. 40.

[6] Id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament għandha tiġi ppubblikata fil-Gurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS

A. Koperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

- Armonizzazzjoni tal-metodi ta’ kejl ambjentali [1].

- Interkalibrar ta’ l-istrumenti [2].

- L-istandardizzazzjoni tal-format tad-data.

- L-iżvilupp ta’ metodi ġodda ta’ kejl u ta’ strumenti ambjentali.

- Ħidmiet oħra kif mifthiema bejn id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija u d-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

B. Koperazzjoni ma’ l-Eurostat

1. Is-sistema għandha kemm jista’ jkun possibbli tagħmel użu minn sistema ta’ informazzjoni statistikali stabbilita mill-Eurostat u mis-servizzi statistikali nazzjonali fl-Istati Membri.

2. Il-programm statistikali fil-qasam ta’ l-ambjent għandu jsir qbil fuqu bejn id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Aġenzija u d-Direttur Ġenerali tal-Eurostat u għandu jiġi sottomess għall-approvazzjoni tal-bord ta’ tmexxija ta’ l-Aġenzija u l-Kumitat tal-Programm Statistikali.

3. Il-programm statistikali għandu jinftiehem u jiġi implimentat fi ħdan il-qafas stabbilit mill-korpi statistikali internazzjonali, bħall-Kummissjoni Statistikali tal-UN, il-Konferenza ta’ l-Istatistiki Ewropej u l-OECD.

[1] Koperazzjoni f’dawn l-oqsma għandha tagħti kas ukoll tax-xogħol imwettaq mill-Bureau ta’ Referenza tal-Komunità.

[2] Koperazzjoni f’dawn l-oqsma għandha tagħti kas ukoll tax-xogħol imwettaq mill-Bureau ta’ Referenza tal-Komunità.

--------------------------------------------------