31990L0618



Official Journal L 330 , 29/11/1990 P. 0044 - 0049
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0062
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0062


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-8 ta' Novembru 1990

li temenda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ vetturi bil-mutur, id-Direttiva 73/239/KEE u d-Direttiva 88/357/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja

(90/618/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

F'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi sabiex jiġi żviluppat is-suq intern ta’ l-assigurazzjoni, il-Kunsill adotta fl-24 ta’ Lulju 1973 id-Direttiva 73/239/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirelataw għall-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta barra assigurazzjoni tal-ħajja [4] (wkoll magħrufa bħala l-"Ewwel Direttiva") u fit-22 ta’ Ġunju 1988 id-Direttiva 88/357/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u tistabbilixxi dispożizzjonijiet biex jiġi ffaċiltat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu provduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE [5] (ukoll magħrufa bħala it-"Tieni Direttiva");

Billi d-Direttiva 88/357/KEE għamlitha aktar faċli għal intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni li jkollhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fil-Komunità li jipprovdu servizzi fl-Istati Membri, u b’hekk ikun possibbli għal titolari tal-poloz li jkollhom rikors mhux biss għal assiguraturi stabbiliti fil-pajjiż proprju tagħhom, imma wkoll għal assiguraturi li jkollhom l-uffiċċju ewlieni fil-Komunità u li huma stabbiliti fi Stati Membri oħrajn;

Billi l-iskop tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 88/357/KEE li speċifikament jikkonċernaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi eskluda ċerti riskji, li l-applikazzjoni lilhom tad-dispożizzjonijiet imsemmija saret inapproprjata f’dak l-istadju bir-regoli speċifiċi adottati mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, minħabba n-natura u l-implikazzjonijiet soċjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; billi, dawk l-esklużjonijiet kellhom jiġu rieżaminati wara li dik id-Direttiva kienet ġiet implimentata għal ċertu perjodu;

Billi waħda mill-esklużjonijiet ikkonċernat l-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ vetturi bil-mutur, ta’ xort’ oħra mir-responsabbiltà ta’ min iġorr;

Billi, madanakollu, meta d-Direttiva msemmija hawn fuq kienet adottata, il-Kummissjoni tat impenn biex jiġi ppreżentat lill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun, proposta li tikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam ta’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ta’ xort oħra mir-responsabbiltà tat-trasportatur);

Billi, soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija li tikkonċerna assigurazzjoni obbligatorja, huwa approprjat li jiġi pprovdut għall-possibbiltà ta’ trattament ta’ riskju kbir, fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva msemmija, għall-imsemmija klassi ta’ responsabbiltà ta’ vettura bil-mutur;

Billi trattament ta’ riskju kbir għandu wkoll ikun maħsub għal assigurazzjoni li tkopri ħsara jew telf ta’ vetturi ta’ l-art bil-mutur u vetturi ta’ l-art ta' xort’ oħra minn vetturi bil-mutur;

Billi d-Direttiva 88/357/KEE stabbiliet li r-riskji li jistgħu ikunu koperti permezz ta’ ko-assigurazzjoni Komunitarja fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE tat-30 ta’ Mejju 1978 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal ko-assigurazzjoni Komunitarja [6] kellhom ikunu riskji kbar kif definiti fid-Direttiva 88/357/KEE; billi l-inklużjoni mid-Direttiva preżenti tal-klassijiet ta’ assigurazzjoni ta’ karrozzi fid-definizzjoni ta’ riskji kbar tad-Direttiva 88/357/KEE ikollha l-effett li tinkludi dawk il-klassijiet fil-lista ta’ klassijiet li jistgħu jkunu koperti permezz ta’ ko-assigurazzjoni Komunitarja;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE ta’ l-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw għal assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, u għall-applikazzjoni ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/232/KEE [8], mibnija fuq is-sistema ta’ kartolina ħadra u tal-ftehim bejn il-bureaux nazzjonali ta’ assiguraturi ta’ karozzi sabiex kontrolli fuq il-karta l-ħadra jkunu jistgħu jiġu aboliti;

Billi huwa mixtieq, madanakollu, li Stati Membri jingħataw arranġamenti transitorji għall-applikazzjoni gradwali tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva li jirrelataw għal trattament ta’ riskju kbir għall-imsemmija klassijiet ta’ assigurazzjoni, inklużi meta r-riskji huma koperti minn ko-assigurazzjoni;

Billi sabiex ikun assigurat il-funzjonament kontinwu adattat tas-sistema tal-kartolina ħadra u tal-ftehim bejn bureaux nazzjonali ta’ assiguraturi ta’ karozzi huwa approprjat li jkun meħtieġ li intrapriżi ta' assigurazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni dwar responsabbilità ta' karrozzi fi Stat Membru permezz ta' provvista ta' servizzi jingħaqdu u jipparteċipaw fl-iffinanzjar tal-bureau ta’ dak l-Istat Membru;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw għal assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' l-użu ta’ vetturi bil-mutur [9], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/232/KEE, kienet teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu jew jawtorizzaw korp (il-fond ta' garanzija) bix-xogħol li jipprovdu kumpens lill-vittmi ta’ inċidenti ikkawżati minn vetturi mhux assigurati jew mhux identifikati;

Billi huwa wkoll approprjat li jkun meħtieġ li intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni li jipprovdu assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta' karozzi fi Stat Membru permezz tal-provvista ta' servizzi jingħaqdu u jipparteċipaw fl-iffinanzjar tal-fond ta’ garanzija stabbilit f'dak l-Istat Membru;

Billi r-regoli fis-seħħ f'xi Stati Membri li jikkonċernaw il-kopertura ta’ riskji aggravati japplikaw għall-intrapriżi kollha li jkopru riskji permezz ta’ stabbiliment li jkun jinsab hemmhekk; billi l-iskop ta’ dawk ir-regoli huwa li jassigura li n-natura obbligatorja ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ karozzi hija bilanċjata bil-possibbiltà għal sewwieqa li jakkwistaw din l-assigurazzjoni; billi Stati Membri għandu jkollhom il-permess li japplikaw dawk ir-regoli lil intrapriżi li jipprovdu s-servizzi fit-territorji tagħhom sal-limiti li r-regoli jkunu ġġustifikati fl-interess pubbliku u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-iskop imsemmi hawn fuq;

Billi fil-qasam ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ karozzi il-protezzjoni ta’ l-interessi tal-persuni li jsofru ħsara li jistgħu jsegwu pretensjonijiet fil-fatt tikkonċerna lil kulħadd u hu għalhekk rakkomandabbli li jiġi assigurat li dawn il-persuni ma jkunux preġudikati jew jiltaqgħu ma’ inkonvenzjenza akbar meta l-assiguratur ta’ responsabbiltà ta’ karozzi jkun jopera permezz ta’ provvista ta’ servizzi aktar milli permezz ta’ stabbiliment; billi għal dan l-iskop, u sakemm l-interessi ta’ dawn il-persuni ma jkunux suffiċjentament salvagwardati bir-regoli li japplikaw għal min jipprovdi s-servizzi fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit, għandu jkun provdut li l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jeħtieġ li l-intrapriża taħtar rappreżentant residenti jew stabbilit fit-territorju tagħha biex jiġbor l-informazzjoni neċessarja kollha f'relazzjoni għal pretensjonijiet u għandu jkollu poteri suffiċjenti biex jirrappreżenta l-intrapriża fir-rigward ta’ persuni li jsofru ħsara li jistgħu jagħmlu pretensjonijiet, inkluż il-ħlas ta’ dawk il-pretensjonijiet, u li jirrappreżentawha jew, meta neċessarju, li jkunu rappreżentawha quddiem il-qrati u l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru f'relazzjoni għal dawn il-pretensjonijiet;

Billi dan ir-rappreżentant jista’ wkoll ikun meħtieġ jirrappreżenta l-intrapriża quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward tal-kontroll ta’ l-eżistenza u l-validità ta’ poloz ta’ assigurazzjoni ta' responsabbiltà ta’ vetturi bil-mutur;

Billi għandha ssir dispożizzjoni għal proċedura flessibbli biex ikun possibbli li tkun stmata r-reċiproċità ma’ pajjiżi terzi fuq bażi Komunitarja; billi l-iskop ta’ din il-proċedura hu li ma jkunux magħluqa s-swieq finanzjarji tal-Komunità imma aktar, ladarba l-Komunità għandha l-intenzjoni li żżomm is-swieq finanzjarji tagħha miftuħa għall-bqija tad-dinja, biex tittejjeb il-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji globali f'pajjiżi terzi; billi għal dak l-iskop, din id-Direttiva pprovdiet għal proċeduri għalnegozjati ma pajjiżi terzi u, bħala l-aħħar sforz, għall-possibbiltà li jittieħdu miżuri li jinvolvu s-sospensjoni ta’ applikazzjonijiet ġodda għal awtorizzazzjoni jew għar-restrizzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "vettura" tfisser vettura kif definita fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 72/166/KEE;

(b) "bureau" jfisser bureau nazzjonali ta’ assiguraturi kif definit fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 72/166/KEE;

(ċ) "fond ta’ garanzija" jfisser il-korp imsemmi fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE;

(d) "intrapriża ewlenija" tfisser intrapriża ewlenija kif definita fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE [10];

(e) "sussidjarja" tfisser intrapriża sussidjarja kif definita fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE; kull intrapriża sussidjarja ta’ intrapriża sussidjarja għandha wkoll titqies bħala sussidjarja ta’ l-intrapriża ewlenija li tkun fir-ras ta’ dawk l-intrapriżi.

L-Artikolu 2

"riskji klassifikati taħt il-klassijiet 3, 8, 9, 10, 13 u 16 tal-punt A ta’ l-Anness"

.

L-Artikolu 3

1. "IT-TITOLU III A

Regoli applikabbli għal aġenziji jew fergħat stabbiliti fil-Komunità u li jappartienu għal intrapriżi li l-uffiċċji ewlenin tagħhom ikunu barra l-Komunità"

.

2. "IT-TITOLU III B

Regoli applikabbli għal sussidjarji ta’ intrapriżi ewlenija rregolati bil-liġijiet ta’ pajjiż terz u għall-akkwist ta’ proprjetà minn dawn l-intrapriżi ewlenija"

.

L-Artikolu 4

"L-Artikolu 29a

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni:

(a) b’kull awtorizzazzjoni ta’ sussidjarja diretta jew indiretta, li intrapriżi ewlenija waħda jew iktar tagħhom tkun irregolata bil-liġijiet ta’ pajjiż terz. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat ta’ l-Assigurazzjoni li għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

(b) kull meta intrapriża ewlenija takkwista proprjetà f'intrapriża ta’ assigurazzjoni Komunitarja, li kienet tagħmel lil din ta’ l-aħħar sussidjarja tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat ta’ l-Assigurazzjoni li għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni kif xieraq.

Meta awtorizzazzjoni tingħata lil sussidjarja diretta jew indiretta ta’ intrapriża ewlenija waħda jew iktar irregolata bil-liġi ta’ pajjiżi terzi, l-istruttura tal-grupp għandha tiġi speċifikata fin-notifika li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindirizzaw lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 29b

1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull diffikultà ġenerali li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi ta’ assigurazzjoni meta jistabbilixxu ruħhom jew fl-insegwiment ta’ l-attivitajiet tagħhom f'pajjiż terz.

2. Inizjalment mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u mbagħad perjodikament, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jeżamina t-trattament mogħti lill-intrapriżi Komunitarji ta’ l-assigurazzjoni f’pajjiżi terzi, fit-termini msemmija fil-paragrafi 3 u 4, fir-rigward ta’ l-istabbiliment u l-insegwiment ta’ attivitajiet ta' assigurazzjoni, u l-akkwist ta’ proprjetà f’intrapriżi ta’ assigurazzjoni ta’ pajjiż terz. Il-Kummissjoni għandha tissottometti dawk ir-rapporti lill-Kunsill, flimkien ma kull proposta approprjata.

3. Kull meta jkun jidher għall-Kummissjoni, jew fuq il-bażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 jew fuq il-bażi ta’ informazzjoni oħra, li pajjiż terz ma jagħtix lill-intrapriżi Komunitarji ta’ assigurazzjoni aċċess effettiv għas-suq paragunabbli għal dak mogħti mill-Komunità lil intrapriżi ta’ assigurazzjoni minn dak il-pajjiż terz, il-Kummissjoni tista’ tissottometti proposti lill-Kunsill għall-mandat approprjatgħal negozjati bl-iskop li jiġu akkwistati opportunitajiet kompetittivi paragunabbli għal intrapriżi Komunitarji ta’ assigurazzjoni. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

4. Kull meta jidher lill-Kummissjoni, jew fuq il-bażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 jew fuq il-bażi ta’ informazzjoni oħra, li intrapriżi Komunitarja ta’ assigurazzjoni f’pajjiż terz ma jkunux qed jirċievu trattament nazzjonali li joffri l-istess opportunitajiet kompetittivi bħalma huma disponibbli għal intrapriżi domestiċi ta’ assigurazzjoni u li l-kondizzjonijiet ta’ aċċess effettiv għas-suq ma jkunux qed jiġu sodisfatti, l-Kummissjoni tista tibda negozjati sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

Fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-ewwel subparagrafu, jista’ wkoll jiġi deċiż f'kull waqt, u minbarra l-bidu tan-negozjati, skond il-proċedura stabbilita fl-Att li jistabbilixxi l-Kumitat ta' Assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 29a, li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jillimitaw jew jissospendu d-deċiżjonijiet tagħhom:

- li jirrigwardaw talbiet pendenti fil-mument tad-deċiżjoni jew talbiet fil-ġejjieni għal awtorizzazzjonijiet,

u

- rigward l-akkwist ta’ proprjetajiet minn intrapriżi ewlenija diretti jew indiretti rregolati mill-liġijiet tal-pajjiż terz in kwistjoni.

Id-dewmien tal-miżuri msemmija ma jistax jeċċedi tliet xhur.

Qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu ta’ tliet xhur, u fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati, il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata li l-miżuri għandhom jitkomplew.

Dawn il-limitazzjonijiet jew is-sospensjonijiet ma jistgħux japplikaw għall-istabbiliment ta' sussidjarji minn intrapriżi ta’ assigurazzjoni jew is-sussidjarji tagħhom awtorizzati kif dovut fil-Komunità, jew għall-akkwist ta’ proprjetajiet f'intrapriżi Komunitarji ta’ l-assigurazzjoni minn dawn l-intrapriżi jew sussidjarji.

5. Kull meta jkun jidher għall-Kummissjoni li waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafi 3 u 4 tkun teżisti, l-Istati Membri għandhom jinfurmawha fuq it-talba tagħha:

(a) b’kull talba għall-awtorizzazzjoni ta’ sussidjarja diretta jew indiretta, li intrapriża ewlenija waħda jew aktar tagħha jkunu rregolati bil-liġijiet tal-pajjiż terz inkwistjoni;

(b) b’kull pjan biex din l-intrapriża takkwista proprjetà f'intrapriża Komunitarja ta’ assigurazzjoni hekk li din ta’ l-aħħar issir is-sussidjarja ta’ dik ta’ l-ewwel.

Dan l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni jintemm ladarba jkun konkluż ftehim mal-pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu 3 jew 4 jew meta l-miżuri msemmija fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 4 ma jibqgħux japplikaw.

6. Miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw ma’ l-obbligi Komunitarji taħt kull ftehim internazzjonali, bilaterali jew multi-laterali, li jirregola l-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni."

L-Artikolu 5

It-tieni u t-tielet inċiż fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 88/357/KEE huma hawnhekk imħassra.

L-Artikolu 6

"L-Artikolu 12a

1. Dan l-Artikolu għandu japplika meta intrapriża, permezz ta’ stabbiliment li jkun jinsab fi Stat Membru, tkopri riskju, barra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, ikklassifikat taħt il-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness għad-Direttiva 73/239/KEE li jinsab fi Stat Membru ieħor.

2. L-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jeħtieġ li l-intrapriża ssir membru u tipparteċipa fl-iffinanzjar tal-bureau nazzjonali tiegħu u tal-fond nazzjonali ta’ garanzija tiegħu.

L-intrapriża m’għandhiex, madanakollu, tkun meħtieġa tagħmel xi pagament jew kontribuzzjoni lill-bureau u lill-fond ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward ta’ riskji koperti permezz ta’ provvista ta’ servizzi barra minn wieħed ikkalkolat fuq l-istess bażi bħal għal intrapriżi li jkopru riskji, barra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, fil-klassi 10 permezz ta’ stabbiliment li jinsab f’dak l-Istat Membru, b’referenza għad-dħul premium tiegħu minn dik il-klassi f’dak l-Istat Membru jew għan-numru ta’ riskji f’dik il-klassi koperti hemmhekk.

3. Din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm intrapriża ta’ assigurazzjoni li tipprovdi servizzi milli tkun meħtieġa tikkonforma mar-regoli fl-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi li jikkonċernaw il-kopertura ta’ riskji aggravati, sakemm dawn japplikaw għal intrapriżi stabbiliti.

4. L-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jeħtieġ lill-intrapriża li tassigura li l-persuni li għandhom pretensjonijiet li joriġinaw minn avvenimenti li jseħħu fit-territorju tiegħu ma jitqiegħdux f'sitwazzjoni anqas favorevoli bħala riżultat tal-fatt li l-intrapriża tkun qiegħda tkopri riskju, ta’ xort’ oħra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, fil-klassi 10 permezz ta’ provvista ta’ servizzi iktar milli permezz ta’ intrapriża li tkun tinstab f'dak l-Istat.

Għal dan l-iskop, l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jeħtieġ lill-intrapriża li taħtar rappreżentant residenti jew stabbilit fit-territorju tiegħu li għandu jiġborl-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward ta’ pretensjonijiet, u għandu jkollu poteri suffiċjenti biex jirrappreżenta lill-intrapriża fir-rigward ta’ persuni li jsofru ħsara jew li jistgħu isegwu pretensjonijiet, inkluż il-pagament ta’ dawn il-pretensjonijiet, u li jirrappreżentaha jew, meta neċessarju, li jara li tkun rappreżentata quddiem il-qrati u l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru f'relazzjoni għal dawn il-pretensjonijiet.

Ir-rappreżentant jista’ wkoll ikun meħtieġ li jirrappreżenta l-intrapriża quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward tal-kontroll ta’ l-eżistenza u l-validità ta’ poloz ta' assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ vetturi bil-mutur.

L-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi ma jistax jeħtieġ li dak il-maħtur jidħol għal attivitajiet għan-nom ta’ l-intrapriża li tkun ħatritu barra minn dawk stabbiliti fit-tieni u t-tielet subparagrafi. Il-maħtur m’għandux jibda negozju ta’ assigurazzjoni diretta għan-nom ta’ l-intrapriża msemmija.

Il-ħatra tar-rappreżentant m’għandhiex minnha nnifisha tfisser il-ftuħ ta’ fergħa jew aġenzija għall-iskop ta’ l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 73/239/KEE u r-rappreżentant m’għandux ikun stabbiliment fis-sens ta’ l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-Direttiva."

L-Artikolu 7

1. "Kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu intrapriża jkollha l-intenzjoni li tipprovdi servizzi li jkopru riskji fil-klassi 10, barra minn responsabbiltajiet tat-trasportatur, jista jeħtieġ li l-intrapriża:

- tinnotifika l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-pretensjonijiet imsemmi fl-Artikolu 12a(4);

- tipproduċi dikjarazzjoni li l-intrapriża tkun saret membru tal-bureau nazzjonali u tal-fond nazzjonali ta’ garanzija ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi.,,"

L-Artikolu 8

"Kull Stat Membru jista’ jeħtieġ li l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant ta' l-intrapriża ta' assigurazzjoni jidher ukoll fid-dokumenti msemmija hawn fuq."

L-Artikolu 9

"1. Kull stabbiliment għandu jinforma lill-awtorità tiegħu ta’ sorveljanza fir-rigward ta' operazzjonijiet effettwati permezz ta’ provvista ta’ servizzi bl-ammont ta’ premiums, mingħajr tnaqqis ta’ riassigurazzjoni, li jkunu ġew riċevuti minn Stat Membru u minn grupp ta’ klassijiet. Il-gruppi ta’ klassijiet għandhom jiġu definiti kif ġej:

- inċident u mard (1 u 2),

- assigurazzjoni ta’ karozzi (3, 7 u 10, il-figuri li jirrelataw għall-klassi 10, eskluża r-responsabbiltà tat-trasportatur, ikunu speċifikati),

- nar u ħsarat oħra lill-proprjetà (8 u 9),

- avjazzjoni, marittima u trasport (4, 5, 6, 7, 11 u 12),

- responsabbiltà ġenerali (13),

- kreditu u titoli (14 u 15),

- klassijiet oħrajn (16, 17 u 18).

L-awtorità ta’ sorveljanza ta’ kull Stat Membru għandha tgħaddi din l-informazjoni lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza ta’ kull Stat Membru tal-provvista ta’ servizzi."

L-Artikolu 10

"Id-derogi permessi mill-1 ta’ Jannar 1995 għandhom japplikaw biss għal kuntratti li jkopru r-riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 3, 8, 9, 10, 13 u 16 li jinsabu esklussivament f’wieħed mill-erba' Stati Membri li jibbenefikaw mill-arranġamenti transitorji."

L-Artikolu 11

Minkejja l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 88/357/KEE, fil-każ ta’ riskju kbir fis-sens ta’ l-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 72/239/KEE, ikklassifikat taħt il-klassi 10, barra mir-responsabbiltà tat-trasportatur, l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi jista’ jipprovdi li:

- l-ammont ta’ riservi tekniċi li jirrelataw għall-kuntratt ikkonċernat għandu jiġi determinat, taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru, skond ir-regoli tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dawn ir-regoli, skond il-prattika stabbilità f'dak l-Istat Membru, sad-data li fiha l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ Direttiva li tikkoordina il-kontijiet annwali ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni,

- il-kopertura ta’ dawn ir-riservi b’assi ekwivalenti u paragunabbli għandha tkun taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru skond ir-regoli jew il-prattika tiegħu, san-notifika tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja,

- il-lokalizzazzjoni ta’ l-assi msemmija fit-tieni inċiż għandha tkun taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru skond ir-regoli jew il-prattika tiegħu sad-data li fiha l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja.

L-Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha [11] u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Id-dispożizzjonijiet emendati skond l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu applikati fi żmien 24 xahar mid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta’ Novembru 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Romita

[1] ĠU C 65, tal-15.3.1989, p. 6, uĠU C 180, ta’ l-20.7.1990, p. 6.

[2] ĠU C 68, tad-19.3.1990, p 85, u Id-Deċiżjoni ta' l-10 ta’ Ottubru 1990 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 194, tal-31.7.1989, p. 3.

[4] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3.

[5] ĠU L 172, ta' l-4.7.1988, p. 1.

[6] ĠU L 151, tas-7.6.1978, p. 25.

[7] ĠU L 103, tat-2.5.1972, p. 1.

[8] ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33.

[9] ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17.

[10] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p.1.

[11] Din id-Direttiva kienet notifikata lill-Istati Membri fl-20 ta' Novembru 1990.

--------------------------------------------------