31990L0365



Official Journal L 180 , 13/07/1990 P. 0028 - 0029
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0060
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0060


Id-Direttiva tal-kunsill

tat-28 ta' Ġunju 1990

dwar id-dritt ta' residenza għall-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tax-xogħol tagħhom

(90/365/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1];

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat jipprovdi li l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif provdut fit-Trattat, it-tneħħija ta' ostakoli, bejn l-Istati Membri, għall-moviment liberu ta' persuni;

Billi l-Artikolu 8a tat-Trattat jipprovdi li s-suq intern għandu jkun stabbilit sal-31 ta' Diċembru 1992; billi s-suq intern jikkonsisti f'żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital huwa assikurat, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

Billi l-Artikoli 48 u 52 tat-Trattat jipprovdu għall-moviment liberu ta' persuni mpjegati u persuni li jaħdmu għal rashom, li jikkonsisti wkoll fid-dritt ta' residenza fl-Istat Membru li fih huma jwettqu l-attività tax-xogħol tagħhom; billi huwa mixtieq li dan id-dritt ta' residenza jingħata wkoll lill-persuni li spiċċaw mill-attività tax-xogħol tagħhom anke jekk dawn ma eżerċitawx id-dritt tagħhom tal-moviment ħieles matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

Billi l-benefiċjarji tad-dritt ta' residenza ma jistgħux isiru piż mhux raġjonevoli fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru li jkunu qegħdin fih;

Billi taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [4], kif emendat mir-Regolament (KEE) Nru 1390/81 [5], dawk li jirċievu benefiċċji fi flus kontanti għall-invalidità jew anzjanità jew pensjonijiet għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew mard tax-xogħol huma ntitolati li jibqgħu jirċievu dawn il-benefiċċji u l-pensjonijiet anke jekk dawn joqogħdu fit-territorju ta' Stat Membru li mhux dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-pagament;

Billi dan id-dritt jista' jkun eżerċitat ġenwinament biss jekk dan jingħata wkoll lill-membri tal-familja;

Billi l-benefiċjarji ta' din id-Direttiva għandhom ikunu koperti minn arranġamenti amministrattivi simili ta' dawk imniżżla partikolarment mid-Direttiva 68/360/KEE [6] u d-Direttiva 64/221/KEE [7];

Billi t-Trattat ma jipprovdix, għall-azzjoni kkonċernata, setgħat barra dawk ta' l-Artikolu 235,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza lil ċittadini ta' Stati Membri li wettqu attività bħala persuni mpjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom u lill-membri tal-familji tagħhom kif definiti fil-paragrafu 2, sakemm dawn ikunu jirċievu pensjoni ta' l-invalidità jew anzjanità, jew benefiċċji tal-anzjanità, jew pensjoni fir-rigward ta' inċident jew marda industrijali ta' ammont biżżejjed sabiex ikun evitat li dawn isiru piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tar-residenza tagħhom u sakemm dawn ikunu koperti minn assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru li jkunu fih.

Ir-riżorsi ta' l-applikant għandhom jitqiesu biżżejjed fejn dawn ikunu ogħla mil-livell ta' riżorsi li taħtu l-Istat Membru ospitanti jista' jagħti assistenza soċjali liċ-ċittadini tiegħu, b'konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi personali tal-persuni mdaħħla skond il-paragrafu 2.

Fejn it-tieni sottoparagrafu ma jkunx jista' jiġi applikat fi Stat Membru, ir-riżorsi ta' l-applikant għandhom jitqiesu biżżejjed jekk dawn ikunu ogħla mil-livell tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali minima mħallsa mill-Istat Membru li jkun fih.

2. Is-segwenti għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor mad-detentur tad-dritt ta' residenza:

(a) il-mara jew ir-ragel tiegħu/tagħha u d-dixxendenti tagħhom li huma dipendenti;

(b) qraba dipendenti fil-linja ta' l-axxendenti tad-detentur tad-dritt ta' residenza u l-mara jew ir-raġel.

Artikolu 2

1. L-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza għandu jkun ippruvat permess tal-ħruġ ta' dokument magħruf bħala "Permess ta' residenza għal ċittadin ta' Stat Membru tal-KEE", li l-validità tiegħu tista' tkun limitata għal ħames snin fuq bażi rinovabbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, meta huma jqisu li dan huwa meħtieġ, jitolbu t-tiġdid tal-validità tal-permess fit-tmiem ta' l-ewwel sentejn ta' residenza. Meta membru tal-familja ma jkollux iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru, dan għandu jinħariġlu dokument ta' residenza ta' l-istess validità bħal dak maħruġ liċ-ċittadin li fuqha huwa jiddependi.

Għall-għanijiet tal-ħruġ tal-permess jew dokument ta' residenza, l-Istat Membru jista' jitlob biss li l-applikant jippreżenta karta ta' l-identità valida jew passaport validu u jipprovdi prova li huwa jew hija t/jissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 1.

2. L-Artikoli 2, 3, 6 (1) (a) u (2) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 68/360/KEE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-benefiċjarji ta' din id-Direttiva.

Il-mara jew ir-raġel u t-tfal dipendenti ta' ċittadin ta' Stat Membru li huwa ntitolat għad-dritt ta' residenza fit-territorju ta' Stat Membru għandhom ikunu ntitolati li jaqbdu kull attività ta' mpjieg jew li jaħdmu għal rashom kull fejn ikun fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, anke jekk huma mhumiex ċittadini ta' Stat Membru.

L-Istati Membri m' għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ħlief dwar raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. F'dak il-każ, id-Direttiva 64/221/KEE għandha tapplika.

3. Din id-Direttiva m'għandhiex taffetwa l-liġi eżistenti dwar l-akkwist tat-tieni dar.

Artikolu 3

Id-dritt ta' residenza għandu jibqa' sakemm il-benefiċjarji ta' dak id-dritt jissodisfaw il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn tliet snin mid-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u f'intervalli ta' tliet snin minn dik id-data, tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1992. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni immedjatament b'dan.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula l-Lussemburgu, fit-28 ta' Ġunju 1990.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Geoghegan-quinn

[1] ĠU C 191, tat-28.7.1989, p. 5 u ĠU C 26, tat-3.2.1990, p. 22.

[2] L-opinjoni mogħtija fit-13 ta' Ġunju 1990 (għadha m'hix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 191, tat-30.12.1989, p. 25.

[4] ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2.

[5] ĠU L 143, tad-29.5.1981, p. 1.

[6] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 13.

[7] ĠU C 56, ta' l-4.4.1964, p. 850/64.

--------------------------------------------------